
Aladdin u l-lampa msaħħra
Ħrafa mil-Lvant Nofsani
Antoine Galland
(Franċiż, 1646-1715)
Madwar 2,400 kelma
Ġeneri
Ħrejjef
1: Għanjuna mingħand sinjur
2: Mixja lejn l‑imkien
3: Iċ‑ċurkett u l‑lampa
4: L‑imħabba ta’ Aladdin
5: Lampa Ġdida minflok il‑Qadima
6: S’hemmhekk u lura
Noti
Adattament ta’ Norman C. Borg
©Norman C. Borg
Ħafna snin ilu, f’belt fl‑Arabja, kien jgħix tifel bl‑isem ta’ Aladdin. Kien jgħix ma’ ommu f’dar ċkejkna maġenb suq, u kienu foqra ħafna. Omm Aladdin kienet tqatta’ l‑jum kollu taħdem—u xi drabi anki l‑lejl—biex jaqilgħu x’jieklu, imma Aladdin qatt ma kien jgħinha.
Kien tifel għażżien u xogħol kien jiskartah. Kien moħħu biss fil‑logħob. Kuljum kont issibu jiġġerra fit‑toroq qrib is‑suq, jilgħab ma’ ħbiebu. Id‑dar kien jidħol filgħaxija biss għall‑ikel.
U kull għaxija ommu kienet tgħidlu, “Aladdin! Aladdin! Kemm inti għażżien. Meta se trabbi l‑għaqal u tagħmel xi xogħol, ibni?”
Iżda Aladdin qatt ma kien jagħti widen lil ommu.
Darba, fis‑suq, kien hemm xwejjaħ liebes kowt iswed. Mingħajr ma kien jaf Aladdin, xwejjaħ kien qed josserva lit‑tifel jilgħab ma’ sħabu. Wara ftit minuti, ix‑xwejjaħ resaq lejn bejjiegħ tal‑larinġ.
“Dak it‑tifel bil‑ġakketta l‑ħadra,” staqsieh, “x’jismu?”
“Aladdin, bin Mustafa,” wieġbu l‑bejjiegħ.
Ix‑xwejjaħ baqa’ jħares lejn it‑tifel. “Iva, dak hu,” qal bejnu u bejn ruħu. Sejjaħ lit‑tifel. “Tifel! Ejja minuta. Inti jismek Aladdin? U missierek il‑ħajjat Mustafa?”
Aladdin telaq lil sħabu u resaq lejn ix‑xwejjaħ. “Iva,” wieġeb, “jien Aladdin u missieri jismu Mustafa. Imma missieri miet ħames snin ilu.”
“Miet?” tenna x‑xwejjaħ mistagħġeb. “X’waħda din!” Għatta wiċċu b’idejh u beda jibki.
“Għalfejn qed tibki? Kont tafu lil missieri?” staqsa Aladdin.
Ix‑xwejjaħ ħares lejn it‑tifel. “Mustafa kien ħija,” wieġbu. “Kont ili ma narah u ġejt inżuru. U issa qed tgħidli li huwa mejjet? Dan huwa jum ikrah għalija!” F’daqqa waħda ħataf id Aladdin. “Imma inti ibnu. Tassew, għandek għajnejn missierek, ġuvnott. Aladdin, jien zijuk Abanazar.”
“Zijuwi?” tenna Aladdin, mistagħġeb. “Ma kontx naf li missieri kellu ħuh.”
“Ili msiefer minn qabel ma twelidt inti,” kompla x‑xwejjaħ. “Ara.” B’dan il‑kliem ħareġ għaxar muniti tad‑deheb u poġġiehom f’idejn Aladdin. “Mur id‑dar u agħti dan il‑flus lil ommok. Semmini, u għidilha hekk: ‘Ħu żewġek jixtieq jarak u se jiġi jżurek għada.’”
Għaxar muniti tad‑deheb kien ħafna flus, u Aladdin kien ferħan se jtir. Minnufih ġera lura d‑dar u ta l‑flus lil ommu. Għall‑bidu, ommu m’afdatx lil binha.
“Aladdin, minn fejn ġibt dan il‑flus kollu? Sibtu xi mkien. Dan mhux flusna. Hemm bżonn troddu lura.”
“Dan huwa flusna tassew, Ma. Tahuli zijuwi, ħu missieri. Iz‑Ziju Abanazar se jiġi jarana għada.”
“Min? Int m’għandek l‑ebda Ziju Abanazar.”
“Imma jaf ismi u jaf isem missieri,” kompla Aladdin. “U tani dan il‑flus. Jidher qalbu tajba. Hemm bżonn tlestilu pranzu tajjeb, għada.”
L‑għada, Abanazar mar jara lil Aladdin u lil ommu.
“Oħt tar‑rispett!” sejħilha bi tbissima. “Mart ħija! Kemm jien kuntent li fl‑aħħar sibtkom!”
“Merħba bik, Abanazar. Qed nieħdu pjaċir nilqgħuk fid‑dar sempliċi tagħna.” Poġġiet fuq il‑mejda ftit laħam, ftit ross u xi frott. “Iżda qed niskanta kif żewġi qatt ma kellimni dwarek.”
“Jiddispjaċini, oħt,” wieġeb ix‑xwejjaħ. “Meta konna iżgħar, jien u ħija ma konniex naqblu ħafna bejnietna. U mbagħad jien sifirt f’artijiet imbegħda. Imma issa li xjaħt u xtaqt nerġa’ nara lil ħija. Jiddispjaċini li ma nistax insellimlu għall‑aħħar darba.”
Abanazar kellu d‑dmugħ f’għajnejh, u omm Aladdin bdiet tolfoq ukoll.
“Imm’issa wiegħed hawn,” kompla x‑xwejjaħ, “u nista’ ngħin lil mart ħija u lil ibnu. Għaliex jiena sinjur, u mhux se nħallikom f’dan il‑faqar.” Abanazar dar lejn Aladdin. “Għidli, ġuvnott, inti x’xogħol tagħmel?”
“Issaqsih xejn dwar xogħol, lil Aladdin,” wieġbet ommu. “Dak qatt ma jagħmel xejn! Jiġġerra fit‑toroq jilgħab ma’ sħabu u jidħol biss biex jiekol u jorqod!”
“Mela ħalli ngħidlek, ġuvnott,” kompla Abanazar. “Għada mmorru s‑suq u nixtrilek xi ħwejjeġ ġodda u nibdew naħsbu dwar xogħlok. Xi tgħid jekk ikollok ħanut fis‑suq?”
Lil Aladdin għoġbitu l‑idea. “Ħanut! U jien negozjant sinjur! Għaliex le?”
L‑għada filgħodu kmieni, Abanazar reġa’ mar f’dar Aladdin, u flimkien irħewlha lejn is‑suq.
“L‑ewwel nett, ħalli nfittxu xi ħwejjeġ għalik,” qal Abanazar.
U f’qasir żmien, Aladdin kellu ħwejjeġ ġodda, fosthom kowt li kien jiswa kemxa flus. Aladdin kien tassew kuntent bih.
Wara dan, bdew iduru madwar is‑suq u josservaw il‑ħwienet. Xorbu belgħa kafè, tkellmu ma’ xi nies u ħadu l‑kolazzjon. Għal Aladdin, kien tassew jum sabiħ.
Nhar ta’ Ġimgħa, meta s‑suq kien magħluq, Abanazar ħa lil Aladdin fil‑ġonna pubbliċi tal‑belt. Bdew jippassiġġaw qalb is‑siġar sakemm qagħdu jiddiskutu x’tip ta’ ħanut seta’ jkollu Aladdin.
“Inti qalbek tajba wisq miegħi, Zi,” qal Aladdin.
“Hekk jonqos!” wieġeb Abanazar. “Inti mhux bin ħija? Issa, ħalli nkomplu mixjin barra mill‑belt u lejn l‑għoljiet fil‑qrib. Hemm ħaġa sabiħa li nixtieqek tara.”
Ħarġu mill‑ġonna pubbliċi, għaddew minn quddiem il‑palazz tas‑Sultan u komplew mixjin lejn l‑għoljiet fil‑qrib. Damu jimxi qatigħ, u Aladdin beda jgħeja.
“Mhux se ndumu ħafna iktar,” qallu Abanazar. “Se nieħdok tara ġnien tassew sabiħ, isbaħ mill‑ġnien fil‑palazz tas‑Sultan.”
Fl‑aħħar waslu. “Hawn aħna,” qal Abanazar.
Aladdin ħares madwaru, imma ma ra l‑ebda ġnien. Kien hemm biss għoljiet madwarhom.
“Fejn hu l‑ġnien, Zi?” staqsa Aladdin.
“L‑ewwel hemm bżonn inqabbdu ħuġġieġa,” wieġeb ix‑xwejjaħ.
Għalkemm Aladdin ma setax jifhem il‑għala, qabbad ħuġġieġa kif talbu zijuh. Wara dan, Abanazar ħareġ kaxxa żgħira minn butu, ħareġ ftit trab minnha, u raxxu fuq in‑nar. Għalaq għajnejh, u għajjat, “Abrakadabra!”
Minnufih waqgħet dalma fis‑smewwiet. Duħħan iswed beda joħroġ min‑nar, u l‑art taħtu bdiet tinfetaħ.
Malli nfirex id‑duħħan, Aladdin seta’ jara blata kbira, ċatta, mal‑art. Kellha ħolqa mdaqqsa tal‑ħadid.
Dan kollu ħasad lil Aladdin u beda jibża. Kien qabad se jibda jaħrab minn hemm, iżda Abanazar ħatfu minn driegħu u fajjarlu daqqa fuq rasu.
Għal ftit mumenti, Aladdin baqa’ mbellah u ma tniffisx. “Dak għalfejn, Zi?”
“Hemm bżonn tkun raġel, issa, mhux tifel,” wieġeb Abanazar. “Jien zijuk, u trid tobdini. La tibżax. F’qasir żmien se tkun raġel sinjur ħafna. Issa, isma’ sewwa x’se ngħidlek.” Baqa’ jżomm lil Aladdin minn idu. “Inti biss tista’ ċċaqlaq din il‑ġebla. Żomm il‑ħolqa sew, u għid ismek u isem missierek.”
Għalkemm kien għadu mwerwer, Aladdin għamel kif qallu zijuh. Qabad il‑ħolqa b’idejh it‑tnejn. Ma kinitx sħuna; anzi, kiesħa ħafna. “Jiena Aladdin, iben Mustafa,” lissen. Il‑blata ċċaqalqet mill‑ewwel, u issa Aladdin seta’ jiftaħha faċilment. Ra taraġ niżlin ’l isfel fid‑dlam.
“Inżel dawk it‑taraġ,” qallu Abanazar, “u għaddi minn erbat ikmamar kbar. Fl‑aħħar kamra għandek issib bieb li jagħti għal ġnien, u taħt waħda mis‑siġar għandek tara lampa. Jekk trid tista’ tieħu xi frott mis‑siġar, imma l‑ewwel sib il‑lampa u ġibhieli.”
“Ejja miegħi, Zi!” qal Aladdin.
“Le, ibni. Inti biss tista’ tinżel.” Abanazar qala’ ċurkett minn subgħu u tah lil Aladdin. “Daċ‑ċurkett imsaħħar, u jista’ jipproteġik,” qallu. “Oqgħod attent, u ġib il‑lampa minnufih!”
Aladdin libes iċ‑ċurkett f’subgħu iż‑żgħir t’idu x‑xellugija, u beda nieżel it‑taraġ. Kien hemm dlam ċappa, u t‑tifel kien imwerwer. Imma kien qed jibża’ minn zijuh aktar.
U kellu raġun jibża’ minnu! Għaliex Abanazar ma kienx tassew zijuh. Kien saħħar mill‑Marokk li ried il‑lampa għalih. Kienet lampa msaħħra, u l‑unika persuna li setgħet iġġibhielu kien tifel żgħir mill‑belt jismu Aladdin.
Aladdin niżel mitt tarġa qabel ma laħaq l‑ewwel kamra. Rabba ftit kuraġġ għaliex hawn isfel ma kienx dlam ċappa, u seta’ jgħaddi minn kamra għal oħra f’qasir żmien, sakemm wasal quddiem il‑bieb li kien jagħti għall‑ġnien.
Malli daħal fil‑ġnien, seta’ jara s‑siġar li Abanazar qallu bihom. Kollha kellhom frott kbir, sabiħ u ta’ ħafna lwien; abjad, aħmar, aħdar u isfar.
U ma damx ma sab il‑lampa taħt waħda mis‑siġar. Kienet tidher lampa antika, bil‑wiċċ tagħha imtappan. “Il‑għala jrid din il‑lampa maħmuġa, iz‑Ziju?” ħaseb Aladdin. Daħħalha f’wieħed mill‑bwiet tal‑kowt il‑ġdid tiegħu, u mbagħad beda jaqta’ ftit frott u jpoġġih fil‑bwiet ukoll. Malli kellu l‑bwiet mimlija, mar lura minn ġol‑kmamar u tela’ t‑taraġ. Ħa r‑ruħ meta wasal fuq fid‑dawl tax‑xemx. Abanazar kien wieqaf hemm, jistennieh.
“Agħtini l‑lampa,” qallu zijuh, hekk kif ħareġ idu biex Aladdin jgħaddihielu. “Għaġġel, titnikkirx!”
Aladdin ma setax jaqla’ l‑lampa minn ġol‑qiegħ tal‑but għax kellu l‑frott ukoll. Ħares lejn wiċċ Abanazar u reġa’ beda jibża’.
“Għini noħroġ, l‑ewwel,” qallu, “u wara tista’ tieħu l‑lampa. Jekk jogħġbok, Zi.”
“L‑ewwel il‑lampa,” għajjat Abanazar. “Tihieli!”
“Le!” wieġeb Aladdin.
“M’inti tajjeb għal xejn! Biċċa ta’ kelb! Mela ibqa’ hemm isfel bil‑lampa tiegħek!” Bir‑rabja, Abanazar reġa’ mar fejn il‑ħuġġieġa nar, u raxxax ftit aktar trab. “Abrakadabra!” għajjat.
Minnufih, il‑blata l‑bajda bdiet miexja, u f’qasir żmien għalqet id‑daħla għalkollox. Aladdin inbela’ minn dlam ċappa. Issa kien waħda, taħt l‑art, u ma setax joħroġ minn hemm.
Aladdin beda jħabbat mal‑ġebla. “Ziju Abanazar! Zi! Tħallinix hawn, nitolbok!”
Poġġa widintu mal‑ġebla, imma ma seta’ jisma’ xejn. “Jiena Aladdin, bin Mustafa,” għajjat. Reġa’ jipprova jisma’. Iżda kien għalxejn. Il‑ġebla ma ċċaqalqitx.
Issa Aladdin iddispra, u beda jibki. “X’se nagħmel?” beda jaħseb, hekk kif poġġa jdejh ma’ wiċċu.
Wara ftit, beda jħoss il‑ġuħ, u ħareġ xi frott minn butu. Malli poġġa xi ftit minnhom f’ħalqu, beżaqhom jiġri ’l barra. Kienu ċagħaq, mhux frott! “Issa lanqas għandi x’niekol! Jien se mmut hawn ġew!” beda jaħseb.
Aladdin baqa’ jistenna hemm, fuq it‑taraġ, għal tlitt ijiem u tlitt iljieli, iżda ma ġiet l‑ebda għajnuna. Fit‑tielet jum, Aladdin ftakar fiċ‑ċurkett li kien tah Abanazar—iċ‑ċurkett li kellu jipproteġih. Għalkemm ma setax jarah fid‑dlam, poġġa idu l‑leminija fuqu.
WUXXX!
Ħoss qawwi dewa ma’ kullimkien, u ħarġet daħna kaħlanija miċ‑ċurkett. Qalb id‑duħħan tfaċċa djinn ċkejken.
“Hawn jien, Sidi! Hawn jien!” beda jgħajjat il‑djinn. “Jiena l‑ilsir taċ‑ċurkett. X’nista’ nagħmel għalik?”
Aladdin baqa’ mbellah u fl‑istess ħin imwerwer, u għal ftit sekondi baqa’ sieket. F’daqqa waħda għajjat, “Oħroġni minn hawn!”
“Hekk qed titlobni, u hekk se nagħmel,” lissen il‑djinn, u sekonda wara, Aladdin sab ruħu barra, qalb l‑għelieqi u taħt is‑sema.
Ħares madwaru u ntebaħ li kien waħdu. Il‑ħuġġieġa kienet intfiet u ma kien baqa’ xejn minnha ħlief irmied biered. Ma damx ħafna jaħsibha. Beda miexi lura lejn daru.
Meta wasal id‑dar, ommu telgħet is‑seba’ sema. “O, Aladdin!” bdiet tgħajjat. “Fejn kont dan iż‑żmien kollu? Fejn hu zijuk?”
“Abanazar mhux tassew zijuwi, Ma,” weġibha. “Dak huwa saħħar ħażin u qarrieqi. Kważi qatilni!” U kompla jirrakkuntalha dwar il‑ħuġġieġa nar, il‑ġebla u l‑ġnien taħt l‑art. “Issa għajjien mejjet. Nixtieq immur norqod.”
Aladdin għalaq għajnejh u raqad raqda twila. L‑għada filgħodu qam bil‑ġuħ.
“Jiddispjaċini, ibni,” qaltlu ommu. “Ma baqgħalna xejn; la ross u lanqas laħam. Se jkolli mmur is‑suq u nbiegħ il‑kowt il‑ġdid tiegħek biex nixtri ftit ross.”
Kien f’dan il‑mument li Aladdin ftakar fil‑lampa li kien ġabar mill‑ġnien u li kienet għadha f‑wieħed mill‑bwiet tal‑kowt. Ma xtaqx li jitlef il‑kowt.
“Mela stenna ftit, Ma.” Mar iġib il‑lampa. “Ħu din miegħek, u biegħ lilha, qabel.”
“Dik il‑lampa l‑qadima? Kemm tista’ tiswa? Għall‑inqas innaddfuha ftit, l‑ewwel.”
Hekk kif qalet hekk, bdiet togħrokha bil‑komma.
WUXXX!
Dewa ħoss qawwi u beda tiela’ ħafna duħħan aħmar minn ġol‑lampa. Fis tfaċċa djinn ieħor. Dan kien ħafna akbar mill‑djinn taċ‑ċurkett.
“Jiena l‑ilsir tal‑lampa,” għajjat il‑djinn. “X’inhi x‑xewqa tiegħek, ja sidti?”
Omm Aladdin baqgħet skantata u ma tniffsitx, iżda Aladdin qabeż minnufih, “Ġibilna ftit ross u laħam għax għandna l‑ġuħ.”
Il‑djinn għeb u reġa’ tfaċċa f’sekonda. Kellu miegħu ross, laħam, ħobż u frott fi tnax‑il platt kbir. Poġġa l‑platti quddiemhom, u reġa’ sparixxa.
Aladdin u ommu kielu fuq li kielu. Wara, Aladdin ħa wieħed mill‑platti s‑suq, u biegħu għal żewġ muniti tad‑deheb.
Minn dakinhar, Aladdin beda jimsaħ il‑lampa kuljum, u kull darba kien jordna lill‑djinn iġibilhom l‑ikel. Wara kull ikla, kien imur ibiegħ il‑platti.
F’kemm ili ngħid, Aladdin u ommu saru sinjuri.
Għaddew ħames snin, u issa Aladdin kellu ħanut fis‑suq u tliet lavranti jaħdmu għalih. Il‑lavranti kienu jħobbu lil Aladdin għaliex kien jirrispettahom. It‑tfal kienu jħobbu lil Aladdin għaliex dejjem kien jagħtihom xi ħaġa kull meta kien jitlaqa’ magħhom fit‑triq. Aladdin kien maħbub minn kulħadd.
Omma ma baqgħetx tgħajru għażżien. Issa kellhom dar sabiħa bil‑ġonna, kollha mgħammrin b’oġġetti sbieħ. Madankollu, is‑sigriet tal‑lampa u l‑djinn żammewhom għalihom.
Darba waħda xi storbju fit‑triq ġibed l‑attenzjoni ta’ Aladdin, u waqaf biex jara x’kien. Kien hemm għagħa kbira hekk kif ħafna nies bdew jitkellmu. “Ġejja bint is‑Sultan! Ġejja l‑Prinċipessa Badr‑al‑Budur!”
Sitt ilsiera kienu qed iġorru lill‑Prinċipessa fuq palankin, u n‑nies waqfet tarahom għaddejjin. Aladdin waqaf iħares ukoll, u malli għaddew minn quddiem, seta’ jara wiċċ il‑Prinċipessa. Kienet tfajla ħelwa b’għajnejn skuri, u għal Aladdin kienet l‑aktar mara sabiħa fl‑Arabja kollha. Hekk kif il‑palankin baqa’ sejjer fi triqtu, Aladdin baqa’ wieqaf iħares warajh għal ftit mumenti. Wara, ġera lura d‑dar.
“Ma! Ma! Rajt lil bint is‑Sultan, il‑Prinċipessa Badr‑al‑Budur, għaddejja fit‑triq,” qal Aladdin lil ommu. “Nixtieqha tkun marti!”
Ommu ttantat tirraġuna miegħu. “Imma Aladdin—”
“M’hemmx imma!” ħatafha Aladdin, “Inħobbha u rrid niżżewwiġha. Mur għand is‑Sultan u itolbu f’ismi.”
“Jien? Immur għand is‑Sultan? Le le le,” wieġbet omm Aladdin. “Ifhem, ibni. It‑tfal tas‑slaten mhux se jaqbdu u jiżżewġu l‑ewwel ġuvni fqir li jiġi.”
“Imm’issa m’għadniex sinjuri, Ma. U nistgħu nagħtu xi rigal lis‑sultan għal bintu. Stenna ftit.”
Aladdin ħareġ mill‑kamra u ftit wara reġa’ ġie, bi ftit mill‑frott li kien ġabar mill‑ġnien taħt l‑art. Naturalment, kien jaf li ma kienx frott tassew, u li fil‑fatt kienu ġawhar bojod, ħomor, ħodor u sofor.
“Ħu dawn, Ma. Ħudhom fuq platt tad‑deheb,” lissen Aladdin, “u agħtihom lis‑Sultan.”
Għalhekk, l‑għada filgħodu omm Aladdin marret il‑palazz tas‑Sultan bil‑ġojjelli fuq platt tad‑deheb. Daħħluha f’sala kbira. Hemm kien hemm is‑Sultan, il‑viżier tiegħu u ħafna lsiera. Malli rat dak il‑kobor kollu u dawk in‑nies kollha, daħlet f’qoxritha, u baqgħet wieqfa hemm mingħajr ma kellmet lil ħadd. Wara, marret lura d‑dar bil‑ġojjelli. Aladdin għadab bil‑kbir.
“Ma, hemm bżonn li tkellem lis‑Sultan għalija. M’għandix missier li jista’ jagħmilli dan. Hemm bżonn tgħini. Irrid niżżewweġ lill‑Prinċipessa. Inħobbha!”
Għalhekk, il‑ġurnata ta’ wara—u għal ħafna jiem oħra wara dik—omm Aladdin marret il‑palazz, imma dejjem beżgħet titniffes.
Fl‑aħħar, is‑Sultan osservaha, u kellem lill‑viżier. “Min hi dik il‑mara? Ilha ħafna jiem naraha tiġi hawn u ma titkellimx.”
Il‑viżier resaq lejn omm Aladdin. “Trid tkellem lis‑Sultan? Iva? Mela ejja miegħi.”
Il‑viżier ħadha quddiem is‑sultan, u niżżlet rasha mal‑art quddiemu.
“Qum, mara. Għaliex qed tiġi hawn kuljum? Tkellem.”
“Maestà,” wieġbet omm Aladdin. “Għandi ibni jismu Aladdin. Huwa ġuvni tajjeb u bil‑għaqal. Iħobb lil bintek, il‑Prinċipessa Badr‑al‑Budur. Minn mindu raha mhux qed jagħlaq għajn m’għajn u mhux qed jiekol. Jixtieq jiżżewwiġha.”
Is‑sultan qabad jidħaq. “Kif? Ibnek jiżżewweġ lil binti?”
“Maestà, dawn il‑ġojjelli huma għalik.” Omm Aladdin ressqet il‑platt tad‑deheb mimli ħaġar prezzjuż quddiem saqajn is‑sultan.
Kulħadd ħares lejn il‑ġojjelli, u għal ftit sekondi waqa’ skiet perfett fis‑sala kollha. Is‑sultan tkellem.
“Dawn il‑ġawhar huma tassew sbieħ,” lissen. “L‑ebda raġel fl‑Arabja m’għandu ġojjelli daqshekk sbieħ. Jidher li ibnek huwa raġel sinjur—jixraq lil binti bħala żewġha.”
Issa tajjeb li tkun taf li l‑viżier m’għoġbitux din il‑biċċa, għax kien qed jittama li l‑prinċipessa tiżżewweġ lil ibnu. Għaldaqstant resaq lejn is‑sultan, u kellmu f’widintu. “Maestà, ibni sinjur ukoll. Agħtih tliet xhur żmien, u jkun jista’ jsib ġojjelli isbaħ minn dawn.”
“Kollox sew,” wieġbu s‑sultan. Dar fuq omm Aladdin u qalilha, “Għid lil ibnek jistenna tliet xhur, u mbagħad forsi jkun jista’ jiżżewweġ lil binti.”
Omm Aladdin marret lura d‑dar u tatu t‑tweġiba tas‑sultan, waqt li l‑viżier mar ikellem lil ibnu. U kull jum għal xahrejn sħaħ, it‑tifel tal‑viżier beda jġib ġojjelli ta’ kull għamla lis‑sultan, kif ukoll ħafna ħwejjeġ oħra sbieħ.
U għal xahrejn, Aladdin baqa’ jistenna, kollu kuntent. Iżda jum minnhom, ommu ġiet lura mis‑suq.
“O, Aladdin! Aladdin! Il‑prinċipessa se tiżżewweġ lil bin il‑viżier! Smajthom jgħidu fis‑suq. Kulħadd qed jitkellem dwarhom!”
M’għandniex xi ngħidu, dan sewwed qalb Aladdin. “X’nista’ nagħmel?” beda jaħseb. Dam qatigħ itella’ u jniżżel x’jaqbad jagħmel. Lejl minnhom, ħareġ il‑lampa u għorokha...
WUXXX!
“X’nista’ nagħmel għalik, Sinjur?” staqsieh il‑djinn.
“Ġibli lill‑Prinċipessa Badr‑al‑Budur,” wieġeb Aladdin.
“Nisma’ u nobdi.”
F’temp ta’ sekonda, il‑djinn għosfor u reġa’ ġie lura bil‑prinċipessa rieqda f’idejh. Poġġieha bil‑mod fuq sodda. Malli l‑prinċipessa fetħet għajnejha, lemħet lil Aladdin.
“Int min int?” lissnet imbeżża’.
Aladdin ħadilha idha u ħares dritt lejn għajnejha. “Jisimni Aladdin, u jien inħobbok. Ma nistax ngħix mingħajrek. Nixtieq niżżewġek.”
Badr‑al‑Budur rat l‑imħabba sinċiera f’għajnejn Aladdin u tbissmet.
Reġgħet għalqet għajnejha u l‑djinn reġa’ ħadha lura fil‑palazz. L‑għada filgħodu malli stenbħet, ftakret f’għajnejn Aladdin. “Ma tidher l‑ebda mħabba f’għajnejn iben il‑viżier,” bdiet taħseb, “Moħħu biss fid‑deheb u l‑ġojjelli.” Għaldaqstant, il‑prinċipessa marret tara lil missierha.
“Ma rridx niżżewweġ lil bin il‑viżier,” qaltlu. “Irrid niżżewweġ lil Aladdin.”
Is‑sultan stagħġeb b’dan. “X’nista’ nagħmel?” staqsa lill‑viżier. “Binti trid tiżżewweġ lil dal‑ġuvni, Aladdin. Tassew li huwa raġel sinjur, imma min hu?”
Il‑viżier minnufih ġiet idea f’rasu. “Għidlu,” wieġeb lis‑sultan, “biex iġiblek erbgħin platt ieħor tad‑deheb mimlija ġojjelli, u magħhom erbgħin ilsir u erbgħin ilsira. Ħadd ma jista’ jkun daqshekk sinjur.”
“Tajjeb wisq,” qal is‑sultan. Sejjaħ lill‑qaddejja tiegħu. “Ġibu omm Aladdin quddiemi,” ordnalhom.
Meta omm Aladdin waslet, is‑sultan qalilha: “Mela! Ibnek irid jiżżewweġ lil binti. Qabel ikollu jġibli erbgħin platt tad‑deheb mimlija bil‑ġojjelli. U iġib magħhom erbgħin ilsir u erbgħin ilsira. Jekk jagħmel dan binti tista’ tiżżewġu.”
Omm Aladdin marret lura d‑dar u qaltlu x’ried minnu s‑sultan, u Aladdin tbissem. Għalkemm kienet xi ħaġa impossibbli għal persuna normali, biċċa xogħol bħal dik kellha tkun sempliċi għall‑djinn tal‑lampa. Għalhekk meta Aladdin reħielha lejn il‑palazz l‑għada filgħodu, it‑toroq kienu miżgħudin bin‑nies biex jarawh għaddej bil‑purċissjoni tiegħu.
Fuq quddiem kien hemm erbgħin ilsira, kollha libsin lbies tad‑deheb, u kellhom kienu qed iġorru platt tad‑deheb mimli ġojjelli sbieħ. Warajhom ġew erbgħin ilsir, libsin kowtijiet tad‑deheb. Warajhom ġie Aladdin, riekeb fuq żiemel sabiħ abjad.
Malli ra dan l‑ispettaklu, is‑sultan dar fuq il‑viżier. “X’tista’ tgħid, issa? Aladdin se jkollu bilfors jiżżewweġ lil binti.”
Is‑sultan resaq lejn Aladdin u ħadlu jdejh f’idu. “Ibni,” qallu, “tista’ tiżżewweġ lil binti l‑lejla stess.”
“Għada, Maestà,” wieġeb Aladdin, “għaliex qabel ma tiżżewwiġni, bintek għandu jkollha l‑palazz tagħha—l‑isbaħ palazz fl‑Arabja.”
Għalhekk il‑djinn baqa’ jaħdem il‑lejl kollu, u ma’ sbieħ il‑jum ta’ wara, is‑sultan ittawwal mill‑gallarija tiegħu u ra palazz ġdid fjamant, b’ħafna ġonna bi fjuri ta’ kull lewn u b’siġar ta’ kull tip ta’ frott.
“Tal‑għaġeb!” qal is‑sultan.
“Dan huwa seħer ħażin!” qal il‑viżier.
Dik l‑għaxija, Aladdin iżżewweġ lil Badr‑al‑Budur, u bdew jgħixu ferħanin u kuntenti fil‑palazz il‑ġdid tagħhom.
U sadanittant, Abanazar fejn kien?
Meta ra li ma setax jieħu l‑lampa mingħand Aladdin, mar lura d‑dar fil‑Marokk. Kien irrabjat ħafna b’Aladdin.
“Nerġa’ mmur inġib il‑lampa s‑sena d‑dieħla,” ħaseb. “Sa dak iż‑żmien it‑tifel ikun laħaq miet magħluq taħt l‑art.”
Darba waħda, qabad is‑seba’ ċagħaqiet suwed li kellu. Dawn iċ‑ċagħaqiet kienu msaħħra. Meta kien ipoġġihom fl‑ilma, setgħu juruh ħafna affarijiet. Malajr urewh il‑lampa. Iżda Abanazar intebaħ li ma kinitx ġol‑ġnien taħt l‑art. Kienet f’palazz!
“Dan kif jista’ jkun?” beda jaħseb. “Se jkolli mmur l‑Arabja u nsib dan il‑palazz.”
U fi żmien ftit xhur, sab ruħu lura l‑Arabja, fil‑belt fejn kien sab lil Aladdin. Sab ukoll il‑palazz li kienu wrewh il‑ħaġriet.
Waqqaf lil raġel li kien miexi fit‑triq.
“Min jgħix f’dak il‑palazz?” staqsieh.
“Dak huwa l‑palazz ta’ Aladdin, ir‑raġel tal‑Prinċipessa Badr‑al‑Budur,” kienet it‑tweġiba. “Raġel sinjur u ta’ qalbu tajba.”
“Ja broxk, dak it‑tifel għażżien!” qal Abanazar bejnu u bejn ruħu. “Mela ħa l‑lampa għalih, u issa jaf bil‑djinn. Kif se nagħmel biex niksibha lura?”
Għal ġimgħa sħiħa, Abanazar qagħad josserva l‑palazz ta’ Aladdin bil‑moħbi. Darba rah jitlaq ma’ ħbiebu biex jikkaċċja fil‑foresta.
“Tajjeb wisq,” ħaseb Abanazar. “Mela issa nista’ nieħu l‑lampa.”
Sakemm Aladdin telaq għall‑kaċċa, il‑Prinċipessa Badr‑al‑Budur marret fil‑ġnien biex tieħu ħsieb il‑fjura. Minn hemm semgħet xi ħsejjes ġejjin mit‑triq, u sejħet lill‑qaddejja tagħha.
“Fawzia,” qaltilha, “mur ara x’inhu dak l‑istorbju fit‑triq.”
Fawzia marret tara, u ftit wara ġiet lura bi tbissima fuq wiċċha.
“Sinjura,” qaltilha, “xi tfal qegħdin jidħqu bi xwejjaħ fit‑triq. Qed ibiegħ il‑lampi, imma mhux għall‑flus. Qiegħed ipartathom ma’ lampi qodma. Agħtih lampa qadima, u jagħtik waħda ġdida. Kulħadd qed ibiddel il‑lampi ma’ tiegħu.”
Il‑prinċipessa tbissmet ukoll. “Għandna xi lampa qadima għalih?” F’daqqa waħda ftakret. “Dażgur! Hemm dik il‑lampa mtappna ta’ żewġi! Mur ġibha.”
Il‑prinċipessa ma kienet taf xejn dwar is‑seħer tal‑lampa.
Fawzia marret u ġabitilha l‑lampa. “Hawn hi, sinjura.”
“Mela, mur agħtiha lix‑xwejjaħ,” qalet Badr‑al‑Budur. “Issa Aladdin se jkollu lampa ġdida!”
Fawzia ħarġet fit‑triq bil‑lampa.
“Lampa ġdida minflok il‑qadima!” kien qiegħed jgħajjat ix‑xwejjaħ. It‑tfal li kienu madwaru kienu qed jidħqu u jgħajtu bħalu, “Lampa ġdida minflok il‑qadima!”
Kif tista’ tobsor, dak ix‑xwejjaħ ma kien ħadd għajr Abanazar, u mill‑ewwel berraq għajnejh malli għaraf il‑lampa f’idejn Fawzia, eżatt l‑istess li kien ra fl‑ilma biċ‑ċagħaqiet. Ħa l‑lampa mingħand Fawzia u taha waħda ġdida. Minnufih lebbet minn hemm. Ħareġ mill‑belt u mar dritt qalb l‑għoljiet fil‑qrib. Hemmhekk qabad il‑lampa u beda jogħrokha...
WUXXX!
Il‑djinn feġġ minnufih. “Hawn jien, ja sidi. X’tixtieq minni?”
“Ħu l‑palazz ta’ Aladdin, il‑prinċipessa u lili l‑Marokk bla telf ta’ żmien!”
“Dak li tgħidli nagħmlu.”
U f’sekonda, il‑palazz, il‑ġonna a’ madwaru, u l‑prinċipessa fih tfaċċaw il‑Marokk, u quddiem il‑palazz tas‑sultan baqgħet biss daħna dgħajfa ħamra.
Filgħaxija Aladdin u ħbiebu ġejjin lura mill‑kaċċa meta wieħed minnhom għajjat lil Aladdin. “Aladdin! Ħares! Is‑suldati tas‑Sultan resqin ’l hawn armati sa snienhom! Tgħid x’iridu?”
“Min jaf?” wieġeb Aladdin imħasseb.
Malli s‑suldati laħquhom, l‑uffiċjal qallu, “Aladdin. Is‑Sultan iridek minnufih. Magħdab mhux bil‑ftit!”
“Għaliex?” staqsa Aladdin, iżda s‑suldati ma qalulu xejn.
Malli waslu, is‑sultan ħa lil Aladdin fil‑gallarija, u pponta ’l barra. “Fejn’ hu l‑palazz tiegħek?” staqsieh b’leħen sod. “U fejn hi binti?”
Aladdin ħares mibluh lejn ix‑xejn. Kien hemm biss art u sema—la palazz, la ġonna, xejn. Għalaq għajnejh u reġa’ fetaħhom, imma għalfejn. U ma kienx jaf x’jaqbad jgħid lis‑sultan.
“Dan hu seħer ħażin, kif ili ngħidlek!” lissen il‑viżier f’widint is‑sultan.
“Maestà.” Aladdin intefa’ għarkopptejh quddiem is‑sultan, rasu mal‑art. “Oqtolni issa. Ma rridx ngħix mingħajr Badr‑al‑Budur,” lissen bid‑dmugħ f’għajnejh.
“Nagħtik erbgħin jum biex issibha—u wara nibagħtek għall‑mewt!” qallu s‑sultan.
“Nagħmel kif qed tgħidli, Maestà,” wieġeb Aladdin.
Imma x’seta’ jagħmel mingħajr il‑lampa? Ħareġ mill‑belt u beda jdur kullimkien, ifittex lil martu u lil daru, iżda kien kollu għalxejn. Għaddew sebgħa u tletin jum, u baqa’ mingħajr ebda ħjiel fejn setgħu kienu martu u l‑palazz. Iddisprat, mar ħdejn ix‑xmara.
“Badr‑al‑Budur, maħbuba tiegħi! Fejn qiegħda? Ma nafx fejn naqbad infittex aktar!” F’dak il‑waqt, niżżel idejh fl‑ilma tax‑xmara, u ra ċ‑ċurkett f’subgħu iż‑żgħir. Iċ‑ċurkett kien nesieh!
Fil‑print beda jogħrku.
WUXXX!
U qalb id‑duħħan kaħlani feġġ il‑djinn taċ‑ċurkett.
“X’inhi x‑xewqa tiegħek, ja sidi?” staqsieh.
“Nitolbok, sib lil marti u ġibha hawn!”
“Dak ma nistax nagħmlu, ja sidi,” wieġbu l‑djinn. “Il‑djinn tal‑lampa ħadha, u hu biss jista’ jġibha lura. Madankollu, nista’ nieħdok fejn qiegħda.”
“Mela ħudni, isa!”
“Dak li tgħidli nagħmlu.”
Hemm ħafna bogħod bejn l‑Arabja u l‑Marokk, imma Aladdin wasal hemm f’ħakka t’għajn. Hemm kien il‑palazz! Daħal fil‑ġonna u ħares mit‑twieqi.
“Badr‑al‑Budur!” beda jgħajjat. “Fejn qiegħda?”
Badr‑al‑Budur semgħetu minn ġol‑palazz. “Dak Aladdin?” staqsiet bejnha u bejn ruħha. “Imma dak qiegħed bogħod minn hawn, fl‑Arabja.”
“Aladdin maħbub tiegħi!” bdiet tgħajjat lura.
Għall‑ewwel darba f’ħafna jiem, tbissima feġġet fuq fomm Aladdin.
“Itla’ hawn, iġri,” kompliet Badr‑al‑Budur, “Is‑saħħar mhux hawn bħalissa.”
Fawzia niżlet tiftaħlu l‑bieb tal‑ġonna. Aladdin tela’ t‑taraġ għall‑kmamar tal‑prinċipessa, u għannqu lil xulxin.
“Maħbub tiegħi,” bdiet tispjega l‑prinċipessa. “Raġel ħażin ġabni hawn, jismu—“
“Jismu Abanazar, nafu! U se noqtlu!” qabeż Aladdin bil‑ħatfa. “Għidli, taf għandux il‑lampa l‑qadima tiegħi?”
“Iva,” wieġbet Badr‑al‑Budur. “Dejjem iġorrha fuqu. Ma jmur imkien mingħajrha. Issa naf bis‑seħer tagħha, għax qalli bih hu. Għaliex tajthielu, jiena l‑ħmara!”
“Ismagħni, ħanini,” qal Aladdin, “Se nagħtik ftit trab li jraqqad. Meta jerġa’ jiġi, ferralu ftit inbid u poġġilu t‑trab. Malli jkun rieqed noqtlu. La tibżax. Dalwaqt nieħdok lura d‑dar. Issa, ħalli nagħmlu ftit seħer tajjeb.”
Beda jogħrok iċ‑ċurkett.
WUXXX!
“X’tixtieqni nagħmel għalik, ja sidi?” staqsa l‑djinn taċ‑ċurkett.
“Ġibli ftit trab tal‑irqad,” qallu Aladdin.
F’qasir żmien il‑djinn tfaċċa bi vjal żgħir kollu mimli trab. Aladdin u Badr‑al‑Budur stennew lil Abanazar jiġi lura.
Filgħaxija, semgħuh tiela’ t‑taraġ.
“La tibżax,” Aladdin tenna lil martu minn taħt l‑ilsien. “Jien se nkun fil‑kamra biswit, u nista’ niġi f’ħakka t’għajn jekk jinqala’ xi nkwiet.” B’dan il‑kliem ġera sal‑kamra l‑oħra u qagħad mistoħbi wara l‑bieb.
Abanazar daħal mill‑bieb l‑ieħor. Tbissem lejn Badr‑al‑Budur. “Kull jum qed narak isbaħ mill‑ġurnata ta’ qabel, Badr‑al‑Budur,” qalilha. “Żewġek, dak l‑għażżien ta’ Aladdin, issa mejjet. Għalhekk tista’ tiżżewwiġni. Nista’ nagħtik deheb, ġojjelli, palazzi u kull ħaġ’oħra li tixtieq qalbek. Imma hemm bżonn tkun merti.”
U l‑prinċipessa tbissmet lil Abanazar għall‑ewwel darba.
“Għaliex le?” lissnet. “Inti raġel sinjur, u jien ninsab kuntenta hawn. Trid niċċelebraw b’tazza nbid?”
Ferrat ftit inbid f’tazza twila, u sakemm sabitu aljenat, xeħtitlu ftit mit‑trab. “Ħalli nixorbu mill‑istess tazza, Abanazar,” qaltlu bi tbissima. “L‑ewwel inti, u wara jien. F’pajjiżi l‑miżżewġin dejjem hekk jagħmlu.”
“Għal Badr‑al‑Budur, l‑isbaħ mara fil‑Marokk,” lissen Abanazar, “u marti.”
Beda jixrob waqt li żamm għajnejh fuq għajnejn Badr‑al‑Budur. Il‑prinċipessa, kemxejn imbeżża’, baqgħet tħares dritt lejh ukoll. Iżda t‑trab kien effettiv ħafna. Bilkemm għaddew ħames sekondi li Abanazar m’għalaqx għajnejh u raqad fuq il‑pultruna.
Il‑prinċipessa marret tiġri lejn il‑bieb tal‑kamra l‑oħra.
“Isa, Aladdin!” għajtet.
Aladdin daħal jiġri bix‑xabla f’idu, u ħares lejn is‑saħħar. “Prosit, ħanini!” qal. “Issa, mur fil‑kamra l‑oħra u tħarisx.”
Badr‑al‑Budur ġriet fil‑kamra l‑oħra u għalqet il‑bieb warajha. Aladdin daħħal idu fil‑but tal‑kowt ta’ Abanazar u ħataf il‑lampa. Bil‑mod, poġġieha fil‑but tiegħu. Għolla x‑xabla u niżżilha darba, u Abanazar ma fetaħx għajnejh aktar.
Il‑prinċipessa reġgħet daħlet fil‑kamra u nxteħtet f’dirgħajn Aladdin.
“Is‑saħħar mejjet,” qalilha. Issa nistgħu mmorru d‑dar.” Għorok il‑lampa.
WUXXX!
Mil‑lampa ħarġu n‑nar u d‑daħna ħamranija. Il‑prinċipessa baqgħet tħares skantata.
“Hawn jien, ja sidi,” qal il‑djinn tal‑lampa. “X’tixtieq minni?”
“Ġorr dan il‑palazz, u lil Badr‑al‑Budur u lili miegħu lura l‑Arabja. Iżda lil dan il‑kelb ta’ Abanazar ħallih hawn.”
“Dak li tixtieq jiena nagħmlu,” lissen il‑djinn.
Is‑sultan kien kuntent meta, mill‑gallarija tiegħu, ra’ lill‑palazz jerġa’ jitfaċċa f’postu, u meta reġa’ għannaq lil bintu kien fis‑seba’ sema.
Minn dakinhar, Aladdin u Badr‑al‑Budur baqgħu jgħixu kuntenti fil‑palazz sabiħ tagħhom. Għexu għal bosta snin u kellhom ħafna tfal, imma Aladdin dejjem baqa’ jżomm il‑lampa f’butu, lejl u nhar.
TMIEM
Djinn (tinħass ġinn): Fil‑mitoloġija Għarbija u Persjana; spirtu li jitfaċċa u jisparixxi bis‑seħer, u jobdi l‑kmand ta’ sidu. [Lura]
Palankin: Siġġu mgħotti, imqiegħed fuq lasti twal, u li jġorruh fuq spallejhom erbgħa jew sitta minn nies. [Lura]
Viżier: Fil‑kultura Għarbija fl‑antik, speċi ta’ prim ministru li kien jieħu ħsieb jamministra s‑saltna. [Lura]
Aladdin u l-lampa msaħħra
© 2025
Norman C. Borg
liċenzjat bħala
CC BY-NC-ND 4.0. Dan ix-xogħol:
CC: Creative Commons
BY: għandu dejjem jinkludi ħajr lill-awtur;
NC: ma jistax isir użu kummerċjali u/jew profitt minnu;
ND: ma jistax jiġi ppubblikat jew riprodott b’mod fotostatiku, elettroniku jew mekkaniku.