Harriet Beecher Stowe
(1811–1896)
Sors: wikipedia.org/GIMP
Il-familja ta’ Harriet kienet waħda ta’ skola. Missierha, Lyman Beecher, kien il-ministru (speċi ta’ kappillan) tal-kongregazzjoni ta’ Litchfield, fl-istat tal-Connecticut, fejn twieldet fl-1811, waqt li oħtha Catherine kienet għalliema. Il-komunità fejn trabbiet kienet meqjusa bħala waħda mill-aktar mgħallmin fi New England. Għaldaqstant ma kenitx sorpriża li f’dan l-ambjent it-talent li kellha għall-kitba nibet kmieni, u bdiet toħroġ stejjer qosra fil-gazzetti tal-iskola fejn kienet titgħallem.
Imma kien meta kellha 22 sena li bdiet tinteressa ruħha fil-kwistjoni li kienet qed taħkem ix-xena politika tal-Istati Uniti f'dawk iż-żminijiet; dik tal-iskjavitù. Missierha nħatar president ta’ seminarju f’Cincinnati, fl-istat tal-Ohio, u l-familja kollha marret tgħix hemm. Ix-xmara Ohio kienet fruntiera naturali bejn l-istat tal-Ohio u l-istat tal-Kentucky, fin-Nofsinhar. Għalkemm l-iskjavitù ma kenitx legali fl-Ohio, fil-Kentucky kienet, u Harriet kellha l-opportunità tkun xhud ta’ episodji koroh li kienu jgħaddu minnhom l-ilsiera Afro-Amerikani li kienu jippruvaw jaħarbu mill-Kentucky.
It-tagħrif li ġabret u l-fatti li rat b’għajnejha nebbħuha biex tikteb l-aktar rumanz ta’ suċċess tagħha, Il-Gabbana taz-Ziju Tom, li mal-pubblikazzjoni tiegħu fl-1852 qajjem furur kbir u qanqal kuxjenza feroċi kontra l-iskjavitù. Ir-rumanz malajr infirex madwar id-dinja u nqaleb għal 23 lingwa, u ħafna kritiċi jaħsbu li kien wieħed mir-raġunijiet ewlenin li wasslu għall-Gwerra Ċivili Amerikana.
Permezz tar-rumanz tagħha Harriet saret sinjura ħafna, imma dejjem baqgħet umli fl-imġiba tagħha. Kompliet tikteb artikli u stejjer oħra, speċjalment għal ħafna rivisti li kienu favur l-abolizzjoniżmu (it-tneħħija totali tal-iskjavitù), bħall-Atlantic Monthly, l-Independent ta’ New York u r-rivisti tal-Christian Union. Kitbet ukoll ktieb ieħor fejn uriet kemm kienet dgħajfa soċjetà li kienet tiddependi fuq l-iskjavitù.
Meta faqqgħet il-Gwerra Ċivili, binha Frederick daħal suldat fl-armata tal-Unjoni (tal-Istati tat-Tramuntana), u sakemm spiċċat il-gwerra kien laħaq kaptan. Madankollu l-gwerra kienet għamlet tagħha fuqu, u minn dak iż-żmien saħħtu baqgħet ħażina. Biex forsi t-temp jgħinu jirkupra, il-familja kollha marru jgħixu fl-istat ta’ Florida minħabba l-klima sħuna t'hemm, u qattgħu ħafna snin hemmhekk.
Harriet Beecher Stowe mietet nhar l-ewwel ta’ Lulju fl-1896. Ħalliet warajha rumanz li huwa wieħed mill-aktar simboli qawwija kontra l-iskjavitù.
Qari tal-provi: Therese Vella
© Norman C. Borg