Johanna Spyri
(1827–1901)


Sors: wikipedia.org/GIMP

Kotba fil-Librerija
Heidi 
 

Johanna Spyri, kittieba magħrufa ħafna għal-letteratura tat-tfal, twieldet fit-12 ta’ Jannar, 1827, f’Hirzel, l-Isvizzera. Fi tfulitha kellha rabta kbira mal-ħajja fil-kampanja u kienet tħobb ukoll tisma’ l-istejjer. Iżżewġet lil Dr. Bernhard Spyri u marret toqgħod Zurich. Hemmhekk bdiet il-karriera tagħha ta’ kittieba.

Għall-bidu bdiet tikteb poeżiji u stejjer qosra, madankollu kisbet popolarità internazzjonali bir-rumanz tagħha Heidi (1880). L-istorja ħelwa ta’ tifla żgħira li marret tgħix ma’ nannuha qalb il-muntanji tal-Isvizzera ħakmet il-qalb ta’ bosta qarrejja madwar id-dinja, għaliex it-temi tal-istorja – it-tfulija, in-natura u l-importanza tal-familja – kienu jolqtu lil nies ta’ kull età. Ir-rumanz jiddeskrivi b’mod qawwi l-kampanja Svizzera, ir-reżiljenza u l-fejqan fin-natura.

Fl-1881 ħareġ ir-rumanz Il-Vjaġġ ta’ Heidi, li kompla jirrakkonta l-istorja tal-karattru popolari. Spyri kitbet rumanzi oħra għat-tfal, fosthom Il-Pupa Moni (1869) u Ix-Xwejjaħ iż-żgħir fil-foresta (1891).

L-istil letterarju ta’ Spyri huwa sempliċi u dirett, għaldaqstant huwa ħafif biżżejjed biex jinqara minn tfal żgħar. Spyri ħadet l-ispirazzjoni għall-kitba tagħha mill-esperjenzi personali u minn dak li kienet tosserva qalb l-għelieqi tal-Isvizzera. Ix-xogħlijiet tagħha nqalbu f’ħafna lingwi u films u sensiliet għat-televiżjoni kif ukoll għall-palk.

L-1884 kienet sena traġika għal Spyri, għaliex mietu kemm żewġha kif ukoll l-uniku tifel tagħha, Bernhard. Minkejja n-niket tagħha baqgħet tikteb xorta waħda, u tul ħajjitha kitbet ’il fuq minn ħamsin storja. Ħafna minn dawn ix-xogħlijiet, bħal Heidi, huma bbażati fuq it-tfulija u s-sbuħija tal-kampanja tal-Isvizzera.

Xogħol Spyri ma kienx jinvolvi biss il-kitba ta’ stejjer. Kienet tagħmel ukoll xogħol ta’ karità, u kienet attiva f’ħafna kawżi soċjali.

Minkejja s-suċċess li gawdiet f’ħajjitha, Spyri dejjem baqgħet persuna umli. Spyri mietet nhar is-7 ta’ Lulju, 1901.

© Norman C. Borg