Johanna Spyri
(1827 – 1901)
Madwar 5,400 kelma
Ġeneri
Letteratura għat-tfal
Kapitli
1: Dar ġdida għal Heidi
2: Peter
3: L-Ewwel jum man-nannu
4: Il-Mogħoż tan-nannu
5: Fuq il-muntanja
6: Fid-dar ta’ Peter
7: Terġa’ tiġi z-Zija Detie
8: Il-Ħajja fil-belt
9: Il-Kappell tat-tiben
10: Nostalġija tad-dar
11: Lura qalb il-muntanji
12: Is-Siġġu tar-roti
13: Ċelebrazzjoni
Adattament: Norman C. Borg
© Norman C. Borg
F’ġurnata xemxija f’Ġunju, mara żagħżugħa jisimha Detie kienet miexja tul it‑trejqa li kienet isserrep qalb il‑muntanji, ’il barra mil‑belt ċkejkna ta’ Mayenfield. It‑trejqa kienet wieqfa u raffa, imma l‑arja kienet friska bil‑fwieħa tal‑fjuri selvaġġi li kienu jiksu l‑uċuħ tal‑muntanja.
F’id waħda kellha ftit ħwejjeġ, waqt li bl‑id l‑oħra kienet qed iżżomm id tifla ċkejkna li bilkemm kellha ħames snin. It‑tifla kienet ħamra nar bis‑sħana. Kellha wisq ilbiesi fuqha għall‑klima ta’ dik il‑ġurnata – żewġ libsiet, kalzetti tas‑suf, par żarbun oħxon u xalpa ħamra tas‑suf madwar għonqha.
Baqgħu mixjin sakemm f’nofs it‑telgħa waslu fir‑raħal żgħir ta’ Dorfli. Il‑mara żagħżugħa waqfet, u t‑tifla fil‑pront telqitilha idha u ntefgħet bilqiegħda mal‑art.
“Għajjejt, Heidi?” staqsiet Detie.
“Le, imma hija sħana wisq.”
“M’aħniex bogħod ħafna mid‑dar taz‑Ziju Alp, issa. Jekk timxi b’passi twal għandna naslu aktar malajr.”
F’dak il‑waqt Barbie, mara żagħżugħa gustuża, ħarġet tiġri minn darha. “Detie!” għajtet. “X’qed tagħmel hawn, u fejn se tieħu lil dik it‑tifla? E, dik in‑neputija li bdejt tieħu ħsieb wara li mietet ommha?”
“Iva, u se noħodha għand iz‑Ziju Alp biex tibda tgħix miegħu. Issa sibt xogħol fil‑belt u ma nistax nieħu ħsiebha l‑ħin kollu.”
“Kif, se tħalliha ma’ dak? Mela qed tiġġennen? Kif tista’ tagħmel ħaġa bħal dik? Daqskemm hu salvaġġ. Dak fejn jaf kif jieħu ħsieb tifla ċkejkna? Jgħix waħdu qalb il‑muntanji biż‑żewġ mogħżiet tiegħu, u bilkemm jara u jkellem lil ħadd. Id‑darba fil li jiġi r‑raħal iġib bastun miegħu biex igerrex lin‑nies. Taf li lanqas il‑knisja m’għadu jmur?”
“Iva, imma x’nista’ nagħmel? Hu nannuha, wara kollox. Issa jkollu jieħu ħsiebha hu. Jien doveri għamiltu.”
Waqt li ż‑żewġ nisa komplew telgħin it‑trejqa jpaċpċu, Heidi tbiegħdet mill‑passaġġ u bdiet timraħ f’għalqa kollha ħaxix u fjuri. Qatt ma kienet ħassitha daqshekk kuntenta. Fil‑belt fejn kienet toqgħod ma’ zijietha, qatt ma kienu ħallewha toħroġ tilgħab barra. Issa bdiet tiġri u taqbeż qalb il‑fjuri taħt ix‑xemx.
Iżda hekk kif ħasbet biex tmur lura maġenb zijietha, lemħet tifel b’qalziet wiesa’ u ħafi jmexxi merħla mogħoż. B’nifisha maqtugħ minħabba l‑ħwejjeġ ħoxnin li kienet liebsa, Heidi ġriet lejh.
It‑tifel waqaf għal mument sakemm il‑mogħoż bdew jieklu l‑ħaxix. Heidi laħqithom, u poġġiet bilqiegħda, tisma’ l‑ġlieġel tagħhom idoqqu f’dik iż‑żiffa ħelwa. Minnufih bdiet tinża’ l‑buz, ix‑xalpa, il‑kalzetti u ħwejjiġha.
“Kemm għandek mogħoż x’tieħu ħsieb?” staqsiet lit‑tifel. “X’jisimhom? Fejn se toħodhom? Ta’ min huma?”
It‑tifel tbissem. Heidi tant kienet qed issaqsi mistoqsijiet li bilkemm kellu ċans iweġibha. Imbagħad semgħet liz‑Zija Detie tgħajjat. “Heidi! X’qed tagħmel? Fejn huma ħwejġek?”
“Hemm isfel,” wieġbet Heidi hekk kif ippuntat lejn il‑ħwejjeġ li kienu mitwijin puliti fuq il‑ħaxix. “Inżajthom għax is‑sħana. Hekk jew hekk il‑mogħoż ma jilbsux ħwejjeġ!”
“Ejja ’l hawn, ja tifla belha,” kompliet Detie hekk kif ħatfitha minn idha. “U inti, Peter, mur ġib dawk il‑ħwejjeġ! Tista’ toħodhom għand iz‑Ziju Alp la sejjer ’l hemmhekk.”
Damu telgħin il‑muntanja qatigħ qabel ma setgħu jaraw ir‑razzett taz‑Ziju Alp. Ix‑xwejjaħ kien qiegħed ipejjep il‑pipa bilqiegħda quddiem il‑bieb.
Heidi kienet l‑ewwel li laħqitu hekk kif ġriet quddiem l‑oħrajn. “Merħba, Nannu,” għajtet b’idejha miftuħin.
“U x’għandna, hawn?” staqsa r‑raġel. Ħataf lil Heidi minn idha u ħares lejha b’par għajnejn taħt ħuġbejn folti. Heidi, li qatt ma kienet rat raġel bħaz‑Ziju Alp qabel, baqgħet tħares ċassa lejn wiċċ imkemmex taħt ħafna xagħar griż u mqanfed.
“Kif inti, zi?” staqsiet Detie. “Ġibt liċ‑ċkejkna Heidi biex tibda tgħix miegħek. Ma nistax nibqa’ nieħu ħsiebha jien. Issa jmissek int.”
Iz‑Ziju Alp berraq għajnejh. “Imissni jien? Imissni jien? U jien x’naf dwar tfal żgħar? U inti, Peter, x’qed tħares? Warrab minn hawn, u mur ħu ħsieb il‑mogħoż tiegħi wkoll!”
Detie kienet tibża’ ftit minn zijuha, iżda kienet ukoll determinata li tħalli lil Heidi miegħu. “Nittama li tieħu ħsiebha sew,” qaltlu. “U jekk ma tafx kif, ikollok issib lil xi ħadd ieħor.”
Iz‑Ziju Alp kien tassew irrabjat. “Itlaq! Warrab minn hawn. M’għandix ħin x’naħli ma’ nies bħalek. U tħallinix nara wiċċek aktar.”
Detie ma qagħdetx taħsibha darbtejn. Sellmet lil Heidi bil‑ġirja, u minnufih bdiet nieżla l‑muntanja.
Malli Detie ma dehretx aktar, iz‑Ziju Alp reġa’ qagħad bilqiegħda u kompla jpejjep il‑pipa.
“Allura,” lissen, “xi trid?”
“Nixtieq nara ġewwa r‑razzett, jekk jogħġbok, nann.”
“Ejja. U ġib ħwejġek miegħek.”
“Imm’issa mhux se jkolli bżonnhom aktar. Il‑mogħoż jiġġerrew mal‑muntanja l‑ħin kollu, u huma m’għandhomx ħwejjeġ.”
“M’hemmx għalfejn tilbishom la ma tridx, mela. Imma ġibhom xorta waħda u npoġġuhom ġol‑gwardarobba.”
Heidi għamlet kif qalilha u daħlet fir‑razzett wara x‑xwejjaħ. Kienet sempliċement kamra waħda kbira, bi ftit li xejn għamara, siġġu wieħed, mejda, fuklar u gwardarobba kbira.
“Fejn se norqod, nann?”
“Fejn trid. Ma jimpurtanix.”
Heidi kienet kuntenta hekk, u bdiet iddur tara fejn kien l‑aħjar post biex torqod. F’rokna minnhom kien hemm sellum wieqaf mal‑ħajt. Telgħet miegħu, u sabet raff miksi b’tiben frisk. Fil‑ħajt faċċata kien hemm toqba tonda kbira, u minn hemmhekk setgħet tara l‑wied kollu taħtha. Setgħet tara x‑xmara, is‑siġar, u meta ħarset ’il fuq setgħet tara wkoll il‑qċaċet tal‑muntanji jilħqu mas‑sema, miksijin bis‑silġ.
“Kemm hu sabiħ hawn!” għajtet lil nannuha. “Nixtieq norqod hawn.”
“Kollox sew. Imma se jkollok bżonn liżar. Ħalli nara nsiblekx wieħed.”
Sakemm iz‑Ziju Alp tela’ ħdejha, Heidi kienet leħqet irranġat ftit mit‑tiben forma ta’ sodda żgħira.
“Tajjeb hekk,” qal malli ra s‑sodda. “Imma naħseb għandek bżonn tpoġġi ftit aktar tiben ħalli l‑art taħtek ma tħosshiex iebsa ħafna.” Ix‑xwejjaħ irranġa s‑sodda ftit aktar.
“Imma naħseb li nsejt xi ħaġa,” qaltlu malli kien lest.
“Taħseb? Mela xi nsejt?”
“Ħeqq, għandi bżonn kutra, għax meta norqod ikolli bżonn nitgħatta, hux?”
“Tassew, hux?” wieġeb ix‑xwejjaħ bil‑ħlewwa. “Ara din hux tajba.” U firex kutra ħoxna fuq is‑sodda.
“Iva, sabiħa, nann. Nixtieq kien billejl ħalli nfittex norqod fis‑sodda.”
“Iva, imma l‑ewwel naħseb li hemm bżonn tiekol xi ħaġa. Qed nimmaġina li għandek il‑ġuħ.”
Heidi u z‑Ziju Alp niżlu s‑sellum. Waqt li hu beda jipprepara l‑ikel, Heidi poġġiet żewġ platti u żewġ skutelli fuq il‑mejda.
“Qed nieħu pjaċir narak tmidd idejk,” lissen nannuha. “Imma ma nafx fejn tista’ toqgħod bilqiegħda. Dik il‑banketta żgħira wisq biex tkun tista’ tlaħħaq ma’ wiċċ il‑mejda.”
Malli qal dan ix‑xwejjaħ ressaq is‑siġġu tiegħu biex Heidi tkun tista’ tużah bħala mejda. Wara dan ferrgħalha ftit ħalib fl‑iskutella u taha biċċa ħobż u ftit ġobon mixwi.
Wara l‑ikel, iz‑Ziju Alp għamlilha siġġu għaliha. Malli beda jidlam u r‑riħ beda jvenven aktar qalb is‑siġar, Heidi semgħet twerżiqa rqiqa u l‑ħoss ta’ qniepen. Kien Peter, li kien ġej lura minn fuq il‑muntanja bil‑mogħoż taz‑Ziju Alp.
“Dawk iż‑żewġ mogħżiet tagħna, nann? Tassew huma tagħna? X’jisimhom? Se jibqgħu jgħixu magħna?”
“Mhux f’salt, Heidi, bil‑mod,” wieġeb ix‑xwejjaħ. “Il‑bajda jisimha Ċinju Ċkejken, u l‑kannella Ors Ċkejken. Issa mur ġib l‑iskutella sakemm Peter iħalleb ’il‑mogħża.”
Ma’ nżul ix‑xemx, hekk kif ir‑riħ beda jitqawwa, Heidi qagħdet fuq il‑bank quddiem ir‑razzett u bdiet tixrob il‑ħalib.
“Il‑lejl it‑tajjeb, Ċinju Ċkejken. Il‑lejl it‑tajjeb, Ors Ċkejken,” għajtet hekk kif daħlet lura fir‑razzett. “Il‑lejl it‑tajjeb, nann. Il‑lejl it‑tajjeb, Peter.”
Matul il‑lejl, ir‑riħ tqawwa u beda jvenven tant li t‑travi u l‑injam tar‑razzett bdew iżaqżqu. Fil‑kabina ż‑żgħira tagħhom iż‑żewġ mogħżiet tgeddsu ma’ xulxin u bdew jingħu. Żewġ friegħi kbar inqatgħu minn mas‑siġar u waqgħu b’sabta kbira fuq il‑kabina.
Iz‑Ziju Alp qam mis‑sodda għax ħaseb li t‑temp kien qed iwerwer lit‑tifla, imma malli tela’ fuq ir‑raff, sab lit‑tifla rieqda fil‑fond, bi tbissima f’wiċċha u rasha mserrħa fuq idejha. Baqa’ hemm iħares lejha fid‑dawl tal‑qamar sakemm sħaba dallmet il‑kamra.
“Il‑lejl it‑tajjeb, ċkejkna Heidi,” lissen baxx baxx, hekk kif biesha fuq ġbinha. “Il‑lejl it‑tajjeb.”
Meta qamet l‑għada filgħodu, Heidi ħassitha kuntenta ħafna. Wara ftit semgħet tisfira minn barra. Kien Peter ir‑ragħaj tal‑mogħoż, li kien ġie biex jiġbor lil Ċinju Ċkejken u lil Ors Ċkejken biex itellagħhom fil‑mergħat fuq il‑muntanja.
Heidi fil‑pront libset u ħarġet barra.
“Trid tmur fuq il‑muntanja ma’ Peter u l‑mogħoż?” staqsa z‑Ziju Alp.
Heidi mill‑ewwel bdiet taqbeż u ċċapċap. “Iva, jekk jogħġbok, nann!”
Ix‑xwejjaħ dar lejn Peter. “Ħu ħsiebha sew,” qallu, hekk kif tah xkora tal‑għażel bil‑kolazzjon tat‑tifla. “U ara li ma taqax jew tkorri b’xi mod ieħor!”
Kienet għodwa sabiħa. Ix‑xemx kienet qed tiddi fuq il‑ġnub ħodor tal‑muntanja, u tleqq fuq il‑quċċata miksija silġ. Heidi bdiet tiġġerra kullimkien, taqbeż, tkanta u tiġbor il‑fjuri. Bdiet tiġbor kull għamla ta’ fjuri, ġenzjan ikħal, primula ħamra u ward roża, u bdiet tpoġġihom fil‑fardal tal‑libsa. Riedet toħodhom id‑dar biex iżżejjen is‑sodda tat‑tiben ħalli tiġi tidher bħall‑mergħat tal‑muntanja.
Peter ħa pjaċir bit‑tifla l‑ħin kollu tpaċpaċ, fejn is‑soltu kien ikun waħdu hemm fuq. Ħa pjaċir juriha dak kollu li kien jaf. Ħadha tara ħofra żgħira fejn fjuri ta’ lewn differenti kienu jdawru rashom lejn ix‑xemx, tkun fejn tkun. Ħadha tara fejn kienu jikbru l‑ħwawar bi fwejjaħ differenti. Għallimha l‑ismijiet tal‑mogħoż u kif issaffar biex issejħilhom. Heidi bdiet tiġġerra qalb l‑annimali, tieqaf u tkellimhom waħda waħda. Imbagħad, Borra Ċkejkna, l‑iżgħar waħda fil‑merħla, qabdet tingħi.
“Għalfejn qed tnewwaħ?” staqsiet lil Peter.
“Lil ommha bigħuha fil‑belt il‑ġimgħa l‑oħra. Naħseb qed tħoss in‑nuqqas tagħha.”
“Miskina Borra Ċkejkna,” qalet Heidi hekk kif ħaddnitha magħha minn għonqha. “Mela issa nibda niġi narak u nkellmek kuljum, ħalli ma tibqax tħossok waħdek.”
Meta waslu fuq il‑mergħat tal‑muntanja, Peter sabilhom post għall‑kenn fejn setgħu jieklu l‑kolazzjon. Kielu l‑ħobż u l‑ġobon u xorbu ħalib tal‑mogħoż, u mbagħad għajnhom marret bihom f’dik is‑sħana tax‑xemx tisreġ.
Heidi stenbħet bil‑ħsejjes ta’ ġwienaħ kbar ma’ widnejha. “Peter! Peter! Qum, isa!” għajtet. Ajkla kbira, bi ġwienaħ wesgħin miftuħin, kienet qed ittir fuq rashom. Ftit wara telgħet ’il fuq u aktar ’il fuq, sakemm għebet fil‑quċċata tal‑muntanja fejn lanqas ix‑xemx tas‑sajf ma setgħet tħoll is‑silġ li kien jiksiha. Hekk kif għadda waranofsinhar u beda jbexbex, il‑muntanji madwarhom bdew jiddu bi ħmura qawwija.
“Dawk qed jaqbdu bin‑nar?” staqsiet Heidi minn taħt l‑ilsien.
“Le, dawk dejjem jidhru hekk filgħaxija,” wieġeb Peter. “Dik ix‑xemx qed tgħidilhom il‑lejl it‑tajjeb.”
Heidi u Peter żammew id f’id hekk kif bdew niżlin il‑muntanja lura lejn ir‑razzett taz‑Ziju Alp.
Fl‑aħħar lemħuh, bilqiegħda taħt is‑siġra jdaħħan dik il‑pipa l‑kbira li kellu. Heidi ġriet lejh, b’Ċinju Ċkejken u Ors Ċkejken ma’ saqajha.”
“Il‑lejl it‑tajjeb, Heidi,” għajjat Peter.
“Il‑lejl it‑tajjeb, Peter. Il‑lejl it‑tajjeb, Borra Ċkejkna.”
Heidi bdiet tmur kuljum fuq il‑muntanji ma’ Peter u l‑mogħoż. Iżda malli qorbot il‑ħarifa r‑riħ beda jżid fil‑qawwa tiegħu, u z‑Ziju Alp osserva s‑siġar madwar ir‑razzett jitgħawġu u jagħmlu ħafna ħsejjes.
“Issa r‑riħ huwa qawwi wisq biex tibda titla’ fil‑muntanja, Heidi,” qalilha jum minnhom.
Għalhekk dak iż‑żmien Heidi baqgħet fir‑razzett, tgħin lil nannuha jagħmlu l‑butir, il‑jogurt u l‑ġobon mill‑ħalib tal‑mogħoż. Madankollu xorta kien qed jiddispjaċiha tara lil Peter u l‑mogħoż jitilgħu fuq il‑muntanja kuljum. U Peter ukoll kien qed jimmissjaha. Il‑mogħoż kienu jidhru aktar kuntenti meta Heidi kienet tkun magħhom, biex tilgħab magħhom u żżiegħel bihom.
Imbagħad, darba minnhom, Peter ma ġiex għal Ċinju Ċkejken u Ors Ċkejken. L‑Iskola f’Dorfli kienet reġgħet fetħet, u Peter kellu jmur kuljum għal‑lezzjonijiet. Il‑ħarifa malajr qalbet għax‑xitwa, u Heidi kellha tibqa’ ġewwa hekk kif is‑silġ madwar ir‑razzett żdied u kien sar aktar fond.
“Nista’ mmur inżur lil Peter u n‑nanna tiegħu?” staqsiet Heidi ġurnata waħda.
“It‑triq magħluqa minħabba s‑silġ,” lissen nannuha hekk kif ittanta jaqtgħalha qalbha.
“Imma tassew irrid immur.”
“Iva, imma m’iniex se nieħdok. In‑nies f’Dorfli ma nogħġobhomx ħafna. U jien m’għandix aptit niltaqa’ ma’ nies.”
Imma lil Heidi ma setax isikkitha malajr. Għalhekk, bejn tgergira u oħra, iz‑Ziju Alp ħareġ is‑slitta u kutra ħoxna. Geżwer lil Heidi biha, qagħad bilqiegħda fuq is‑slitta, poġġa lil Heidi quddiemu u żammha sod.
Is‑slitta fis bdiet tiżloq fuq is‑silġ b’ħeffa kbira, u Heidi bdiet twerżaq u tidħaq bil‑ferħ. “Iii, nannu! Qisna qed intiru!”
Hekk kif waslu quddiem id‑dar ta’ Peter, poġġiha bilqiegħda quddiem il‑bieb. “Issa nerġa’ niġi għalik fil‑ħamsa, Heidi. Iltaqa’ miegħi f’tarf it‑triq.”
B’dan il‑kliem dar, u beda tiela’ l‑muntanja, jiġbed is‑slitta warajh.
“Kemm smajna fuqek Heidi!” qaltilha omm Peter hekk kif daħħlitha ġewwa. Imbagħad daret lejn xwejħa li kienet bilqiegħda fuq siġġu tal‑injam. Ix‑xwejħa ħarġet idejha lejn Heidi. “Għidli kif tidher, Ursula.”
“Għandha xagħar iswed innukklat, u l‑ħarsa ta’ tifla mqarba,” wieġbet omm Peter.
“Jekk inressaq il‑lampa aktar viċin,” lissnet Heidi, “tkun tista’ tarani b’għajnejk.”
In‑nanna xejret rasha bil‑mod. “Għajnejja ilhom is‑snin ma jaraw xi ħaġa, ħanini,” qalet.
“Kif?” qalet Heidi mistagħġba. “Lanqas is‑silġ, u l‑muntanji ħomor fix‑xemx ta’ filgħaxija?”
“Le, qalbi. Issa jien dejjem fid‑dlam. Imma mhix ħaġa daqshekk kerha, ta. Mank jaħasra Peter jitgħallem jaqra. Inkun nixtiequ jaqrali mill‑kotba tiegħi.”
Heidi ma setgħetx tiflaħ għal dan. Serrħet rasha fuq ħoġor in‑nanna u bdiet tolfoq.
Barra, ir‑riħ beda jvenven u jonfoħ bil‑qawwi, tant li sabbat u kisser xi persjani. Malli beda jidlam Peter ġie lura mill‑iskola, u kien sar il‑ħin għal Heidi li titlaq.
“Iddumx ma terġa’ tiġi,” qaltilha n‑nanna, hekk kif Heidi ħarġet u mxiet lejn in‑nannu, li kien wieqaf jistennieha f’tarf it‑triq.
Malli Heidi qaltlu kemm Peter u l‑familja kienu foqra, in‑nannu ma tniffissx. Madankollu, meta reġgħu żaruhom, ħa miegħu xi għodda, u midd idejh isewwi l‑persjani mkissrin. F’qasir żmien Dorfli kollha saret taf bl‑azzjoni tajba taz‑Ziju Alp, u kulħadd stagħġeb bil‑bidla fil‑karattru tiegħu.
Heidi baqgħet tgħix kuntenta ma’ nannuha, u f’dik l‑arja friska u pura tal‑muntanji kibret b’saħħitha. Imma ġurnata waħda, meta kellha seba’ snin, reġgħet tfaċċat iz‑Zija Detie. Kellha fuq rasha kappell daqsiex b’rix abjad.
“Ġejt biex nieħu lil Heidi,” qalet hekk kif daħlet fir‑razzett. Iz‑Ziju Alp baqa’ jħares ċass lejha mbellah.
“Ma ridtx iżżommha meta ġibtha l‑ewwel darba, u issa trid teħodha!”
Heidi ħatfet id in‑nannu. Ma riditx tmur lura l‑belt maz‑Zija Detie. “Smajt li m’intix qed tibgħatha l‑iskola,” qalet. “Ma tafx li huwa illegali u tista’ tispiċċa l‑ħabs!”
Detie ħatfet l‑id l‑oħra ta’ Heidi. “Sibt familja sinjura fi Frankfurt li jixtiquk tmur tgħix magħhom u ma’ binthom invalida. Hekk ma tkunx aktar waħedha. U b’dan il‑mod tkun tista’ tikber bħala tfajla edukata wkoll.”
“Toħodnix minn hawn, zi! Nitolbok toħodnix minn hawn!”
Iz‑Ziju Alp beda jippassiġġa madwar il‑kamra, jgħajjat u jirrabja. Iżda Detie ma kinitx se ċċedi. Baqgħu jargumentaw u jgħajtu qatigħ sakemm fl‑aħħar iz‑Ziju Alp għajjat, “Mela itlaq minn hawn u tħallinix narak iżjed b’dak il‑kappell u r‑rix ridikoli!” B’dan il‑kliem, ħareġ ’il barra mir‑razzett.
Detie marret fejn il‑gwardarobba, ħarġet il‑ħwejjeġ ta’ Hiedi u bdiet titwihom. Reġgħet ħatfet lit‑tifla minn idha, imbuttatha mill‑bieb ’il barra u niżżlitha l‑muntanja sal‑istazzjon tal‑ferrovija ta’ Dorfli. Hekk kif it‑tren deher riesaq mill‑bogħod, Heidi bdiet tibki u tolfoq. Ma riditx titlaq lil ħbiebha fuq il‑muntanja biex terġa’ tmur fil‑belt kollha dwejjaq.
Dlonk it‑tren telaq l‑istazzjon, u Heidi qalet addio lill‑muntanji.
“Nerġa’ niġi,” qalet minn taħt l‑ilsien. “Hux se nerġa’ niġi, Zija Detie, hux?”
Heidi u z‑Zija Detie waslu Frankfurt tard filgħaxija. Imxew tul ħafna toroq dojoq u mudlama, sakemm waslu quddiem dar kbira li nibtet f’Heidi sens ta’ dwejjaq. Detie ċemplet il‑qanpiena tal‑bieb.
Seftur dlonk fetaħ il‑bieb. “Ġibt lil Heidi biex tagħmel kumpanija lil Clara,” qaltlu Detie. Is‑seftur daħħalhom fl‑istudju, fejn Clara kienet qed tistenniehom flimkien mas‑Sinjura Rottenmeier, il‑governanti tad‑dar. Clara kienet bilqiegħda fuq siġġu tar‑roti. Kienet irqiqa ħafna u l‑ġilda tagħha kienet bajda karti. Madankollu dehret kuntenta bil‑miġja ta’ Heidi.
“X’jismek?” staqsiet is‑Sinjura Rottenmeier.
“Jisimni Heidi. U inti x’jismek?”
“Tkunx maledukata! U Heidi mhuwiex isem proprja. Nibdew insejħulek Adelheid.”
“Imma jien Heidi jisimni. U taf li s‑seftur tiegħek jixbah ħafna lil Peter ir‑ragħaj tal‑mogħoż?”
Clara għattiet ħalqha hekk kif bdiet tidħaq, imma s‑Sinjura Rottenmeier baqgħet serja. “X’tgħallimt sakemm kont qiegħda tgħix ma’ nannuk?”
Heidi waqfet taħseb ftit. “Tgħallimt li l‑fjuri jmutu jekk tiġborhom mill‑ħamrija, u li l‑lewn aħmar nar li jaqa’ fuq il‑muntanji huwa l‑mod kif ix‑xemx ittihom il‑lejl it‑tajjeb. Tgħallimt ukoll kif naħleb mogħża u kif nagħmel il‑ġobon, u kif ...”
“Biżżejjed! Ridt ngħidlek x’kotba studjajt?”
“Kotba?” tenniet Heidi. “Ma studjajtx kotba. Jien ma nafx naqra.”
“Ma tafx taqra!” lissnet is‑Sinjura Rottenmeier mistagħġba. Imma Clara kompliet tidħaq u ċċapċap.
“Naħseb li jien u int se nieħdu gost flimkien, Heidi,” qaltilha malli s‑Sinjura Rottenmeier ħarġet mill‑kamra.
L‑għada filgħodu malli Heidi qamet, qabżet minn fuq is‑sodda u ġriet lejn it‑tieqa l‑kbira li kellha f’kamritha l‑ġdida. Madankollu l‑purtieri kienu ħoxnin u tqal, u malli ressqithom sabet li t‑tieqa kienet magħluqa sew. Bħal għasfur magħluq f’gaġġa, bdiet iddur minn tieqa għal oħra biex tiftaħhom ħalli ddaħħal ftit mill‑arja friska ta’ filgħodu.
Wara l‑kolazzjon kien hemm il‑lezzjonijiet fl‑istudju. Għal Heidi kien diffiċli wisq li tibqa’ bilqiegħda tikkonċentra mingħajr ma tiċċaqlaq xejn. Għalhekk kull meta s‑Sinjura Rottenmeier ma kinitx qed tħares kienet iddur fuq Clara u tibda tiċċaċċra dwar iz‑Ziju Alp u l‑mogħoż u n‑Nanna u l‑ġiri fuq is‑silġ bis‑slitta.
Povra Heidi. Kull filgħodu kien l‑istess. Kienet tqum f’dik il‑kamra mudlama tagħha u tmur għal‑lezzjonijiet tedjanti. U għalkemm saret tħobb lil Clara, lil nannuha baqgħet timmissjah ħafna. Kull waranofsinhar, meta ħadd ma kien jaraha, kienet tittawwal ’il barra mit‑tieqa l‑kbira magħluqa u tistħajjel li kienet għadha fuq il‑muntanji ma’ Peter u l‑mogħoż tiegħu.
Gerbu l‑ġimgħat, u Heidi ma setgħetx tiflaħ aktar. Għodwa waħda, minflok libset waħda mill‑ilbiesi li Clara kienet tatha, qabdet il‑kowt l‑antik tal‑qoton li kellha u l‑kappell tat‑tiben u ħarġet minn kamritha bil‑għan li taħrab minn hemm. Imma hekk kif kienet se tibda nieżla t‑taraġ, is‑Sinjura Rottenmeier tfaċċat fuq l‑indana. “Adelheid! Fejn qed taħseb li sejra? Għidtlek diġà li qatt ma tista’ toħroġ waħdek!”
“Imma m’iniex sejra barra,” wieġbet Heidi, “Sejra d‑dar. Borra Ċkejkna żgur qed tħossha waħedha, u n‑Nanna se tinkwieta għax m’għadnix immur naraha, u n‑Nannu għandu bżonni biex ngħinu jagħmel il‑ġobon, u rrid nerġa’ nara x‑xemx tbus il‑muntanji.”
“Kemm inti tifla bla rispett!” bdiet tgħajjat il‑governanti. “Għandek din id‑dar kollha sabiħa, sodda komda fejn torqod, ħwejjeġ ġodda u lil Clara ma’ min titkellem. Xi trid aktar? U x’inhi dik il‑ħaġa ridikola li għandek fuq rasek? Neħħiha minn fuq rasek issa!”
Is‑Sinjura Rottenmeier ma waqfitx hawn. Sejħet lil Sebastian, is‑seftur. “Aħraq dak il‑kappell.”
“Le! Il‑kappell le!” Imma s‑Sinjura Rottenmeier ħatfitu minn fuq ras it‑tifla u tatu lil Sebastian.
Heidi ġriet lura f’kamritha u baqgħet tolfoq sakemm ħasset qalbha se tixpakka. Imma meta filgħaxija, hekk kif bdiet tipprepara biex torqod, sabet il‑kappell tat‑‑tiben moħbi taħt il‑kutri. Sebastian kien warrabulha u ma ħarqux.
Il‑ġimgħat komplew jgħaddu u r‑rebbiegħa bil‑qajla qalbet għas‑sajf, u waqt li Clara bdiet tirpilja, Heidi bdiet tirqaq u ssewwed qalbha aktar. Darba waħda missier Clara wasal lura minn vjaġġ tax‑xogħol li għamel barra mill‑pajjiż. Il‑governanti laqgħetu fuq l‑għatba tal‑bieb ta’ barra.
“Irrid nipprotesta, Sur Sesemann,” qaltlu. “Hemm bżonn isir xi ħaġa!”
“Xi nqala’, Sinjura Rottenmeier? Ġara xi ħaġa lil Clara?”
“Dik it‑tifla Adelheid hemm bżonn li titlaq minn hawn. Qed tkun ta’ influwenza ħażina fuq Clara. Il‑ġimgħa l‑oħra daħħlet xi qtates mit‑triq. U qed timla ras Clara bi ħmerijiet dwar mogħoż u għasafar u ġobon u... għadha ma tafx taqra kelma waħda – lanqas kelma waħda!”
Is‑Sur Sesemann tela’ fil‑kamra ta’ Clara, fejn sabha bilqiegħda ħdejn it‑tieqa. “X’inhi din il‑biċċa b’Heidi, Clara? Qed iddejqek? Is‑Sinjura Rottenmeier qed tgħid li għandna nkeċċuha mid‑dar.”
“Le, pa! Dik hija l‑ħabiba tiegħi. Issa li hawn Heidi fid‑dar dejjem tinqala’ xi ħaġa ġdida. Dejjem inkun kuntenta magħha u m’għadnix inħossni waħdi. Nitolbok tkeċċihiex!”
Għalhekk Heidi baqgħet tgħix fid‑dar fi Frankfurt, għalkemm ħafna drabi kienet tispiċċa tolfoq billejl qabel ma torqod. Kienet għadha qed tistħajjel lin‑Nannu jdaħħalha fis‑sodda fir‑razzett.
Ftit wara waslet l‑aħbar li mistieden ieħor kien se jżur id‑dar. Din kienet in‑nanna ta’ Clara, u malli ġiet, Heidi ħadet grazzja magħha mill‑ewwel. “Nassumi li inti Adelheid,” qalet in‑Nanna bi tbissima.
“Ħeqq, sinjura grazzjuża, jien minn dejjem kont naħseb li jisimni Heidi.”
Ix‑xwejħa nfaqgħet tidħaq. “Sinjura grazzjuża! Hekk tkellimhom lin‑nies fuq il‑muntanja? Sejjaħli Nanna bħalma tagħmel Clara. U jien nibda nsejjaħlek Heidi. Iss’ejja ara r‑rigal li ġibtlek.”
Ir‑rigal tan‑Nanna kien ktieb sabiħ kollu stampi mlewna. Kien hemm stampa ta’ balena, waħda ta’ dgħajsa, oħra ta’ ħmar u waħda ta’ muntanja. Kien hemm ukoll stampa ta’ ragħaj qed jirgħa ’l‑mogħoż. Malli ħarset lejn din tal‑aħħar Heidi nfexxet tibki.
In‑Nanna bdiet tmellsilha xagħarha u qaltilha bil‑mod, “Qed tfakkrek f’xi ħadd jew xi ħaġa, hux veru? Tridni naqralek l‑istorja tal‑istampa?”
“Iva! Iva, jekk jogħġbok!”
Heidi talbitha taqralha l‑istorja iktar minn darba. Ma setgħetx tixba’ tismagħha. “Kemm nixtieq li kont nista’ naqraha waħdi,” qalet, hekk kif serrħet rasha fuq irkopptejn in‑Nanna.
“Għaliex le?” staqsiet in‑Nanna.
“Għax ma nistax naqra. Peter qalli li diffiċli wisq.”
Wara din it‑taħdita qasira, in‑Nanna bdiet tgħaddi siegħa kuljum tgħallem lil Heidi kif taqra. Heidi sabitha aktar faċli biex tifhem dak li għallmitha n‑Nanna milli kif kienet tgħallimha s‑Sinjura Rottenmeier. Bil‑qajla, dawk li kienu jidhru tħarbix fuq il‑paġna bdew jagħmlu sens lil Heidi, u f’qasir żmien, it‑tifla tgħallmet taqra!
Billejl kienet ittella’ l‑ktieb magħha fis‑sodda u tqatta’ żmien twil tiċċassa lejn l‑istampi tar‑ragħaj u l‑mogħoż fl‑għalqa tagħhom fi nżul ix‑xemx. Imma ma qalet lil ħadd kemm kienet qed tħoss in‑nuqqas ta’ dawk il‑muntanji. Clara kienet saret ħabiba kbira, issa, u n‑Nanna tant kienet qalbha tajba, li Heidi ma xtaqitx turihom kemm kellha qalbha sewda.
Imma darba, waqt il‑kolazzjon, meta l‑bniet kellhom il‑lezzjonijiet, in‑Nanna kellmet lis‑Sinjura Sesemann. “Heidi kienet daqshekk irqiqa meta ġiet l‑ewwel darba minn Dorfli?”
“Irqiqa? Kulħadd kien jgħid li tant kienet b’saħħitha u samranija li Clara kienet tidher qisha fantażma ħdejha!”
“U kellha dawk iċ‑ċrieki madwar għajnejha?”
“Xi ċrieki huma? Dejjem tidher ferriħija.”
Ix‑xwejħa bdiet tmejjel rasha. “Insomma, naħseb li għandha qalbha maqsuma minħabba xi ħaġa, u bil‑mod il‑mod qed tmarradha.”
Aktar tard dakinhar, in‑Nanna sejħet lil Heidi u lil Clara f’kamritha. “Clara,” qalet lin‑neputija tagħha, “tieħu pjaċir ikollok lil Heidi miegħek?”
Clara stagħġbet ftit bil‑mistoqsija, u nfaqgħet tidħaq. “Dażgur li nieħu pjaċir! Hija l‑ikbar ħabiba tiegħi fid‑dinja kollha. Lanqas biss ninkedd li ma nistax nimxi ladarba Heidi qiegħda miegħi.”
“Imma kieku Heidi kienet marida? Tant marida li kien ikollna nibagħtuha ’l bogħod għal ftit żmien biex tkun tista’ tfiq?”
“Heidi m’għandha timrad qatt. Imma naturalment ikollna nibagħtuha jekk ikun ta’ ġid għal saħħitha.”
In‑Nanna bieset lil Clara. “Ħsibt li hekk se tgħid. Heidi inti qed tbati bin‑nostalġija ta’ darek – u dik tista’ tkun marda terribbli.”
“Nostalġija ta’ dari?” tenniet Heidi, ftit konfuża. “Imma allura fejn se tibagħtuni?”
In‑Nanna kellha ħarsa serja ħafna. “Hemm kura waħda biss għan‑nostalġija tad‑dar. U post wieħed biss fejn nistgħu nibagħtuk.”
“Fejn? Għidli fejn?” staqsiet Heidi kollha ħerqana.
“Ħeqq, id‑dar, naturalment!” lissnet Clara bi tbissima.
“Iva. Hemm bżonn li tmur lura d‑dar għand iz‑Ziju Alp, u n‑Nanna u Peter u Ursula u l‑ħbieb l‑oħra kollha.”
Heidi ma setgħetx temmen dak li kienet qed tisma’. Imma l‑għada filgħodu, ħarġulha l‑kappell tat‑tiben mill‑gwardarobba, u deffsuh f’bagalja ma’ xi ħwejjeġ ġodda.
Clara bdiet tibki meta wasal il‑mument għal Heidi biex titlaq. Sebastian wassalha sal‑istazzjon tal‑ferrovija, u f’qasir żmien Heidi kienet fuq it‑tren, tara l‑bini u l‑għelieqi ta’ Frankfurt jgħaddu bi żbrixx mit‑tieqa.
Malli waslet Dorfli sabet lit‑taħħan qiegħed jistennieha, u wassalha sad‑dar taz‑Ziju Alp fuq il‑karettun tiegħu. Heidi setgħet terġa’ tara l‑għelieqi ħodor, il‑muntanji miksijin bis‑silġ, u d‑dawl aħmar tax‑xemx fuq il‑blat filgħaxija. U malli waslu nofs triq, setgħet tilmaħ liz‑Ziju Alp bilqiegħda quddiem ir‑razzett tiegħu, iħares lejn l‑għoljiet.
Heidi fis qabżet minn fuq il‑karettun u marret tiġri tgħannaq liz‑Ziju Alp, il‑ħin kollu tgħajjat “Nannu! Nannu!”
Ix‑xwejjaħ ma qal xejn. Imma f’daqqa waħda, għall‑ewwel darba f’ħafna snin, dmugħ beda nieżel ma’ ħaddejh. “Mela erġajt ġejt għand nannuk, hux? Ma temgħukx sew fil‑belt il‑kbira? Qed narak daqshekk irqiqa u bajda karti.”
“Xejn ma kien itiegħem tajjeb daqs il‑ħalib ta’ Ċinju Ċkejken,” lissnet Heidi hekk kif bdiet tidħaq u tbus lix‑xwejjaħ. Bdiet taqbeż warajh hekk kif daħlu fir‑razzett. Kollox deher eżatt kif kienet tiftakru. Poġġiet bilqiegħda fuq il‑banketta tagħha u xorbot skutella ħalib.
Ma’ nżul ix‑xemx waslu Ċinju Ċkejken u Ors Ċkejken, u issa Heidi ħassitha kuntenta għalkollox.
Dak il‑lejl, qalb il‑friex fis‑sodda tagħha fir‑raff, qalet lix‑xwejjaħ minn taħt l‑ilsien, “Kemm jien belha, nann. Meta kont Frankfurt kont qed nimmissja lilek, u issa li qiegħda hawn qed nimmissja lil Clara.”
“Ħeqq, jekk dan jikkuntentak,” wieġeb in‑Nannu, “Clara tista’ tiġi żżurna.” U b’dawn l‑aħħar kelmiet f’widnejha, għajnha marret biha, ferħana li issa kienet lura darha qalb il‑muntanji.
Il‑qniepen kienu qegħdin jidwu fil‑wied qalb l‑għana tal‑għasafar meta Heidi qamet mir‑raqda fir‑razzett taz‑Ziju Alp. Wara l‑kolazzjon marret tiġri biex iżżur lin‑nanna ta’ Peter. Bdiet tgħaġġel aktar ma bdiet nieżla l‑muntanja u malli waslet ħdejn id‑dar ta’ Peter daħlet sparata.
“Il‑marelli!” lissnet in‑Nanna malli semgħet il‑bieb jinfetaħ u jingħalaq malajr. “Dak kif is‑soltu tidħol tiġri Heidi!”
“Jien hi, nann! Heidi!” qabżet it‑tifla hekk inxteħtet tgħannaqha. Baqgħet tgħannaq lix‑xwejħa għamja u ksietha bil‑bews.
In‑Nanna ma setgħetx temmen dak li bdiet tisma’ qabel ma messet kull nokkla fuq ras it‑tifla, waqt li Heidi bdiet il‑ħin kollu tirrakkuntalha dwar Frankfurt. “Tista’ timmaġina, lanqas biss kien hemm siġra waħda! U la fjuri, la mogħoż, la muntanji. Kien hemm biss djar kbar tal‑ġebel bi twieqi li ma jinfetħux. Mhux ta’ b’xejn Clara kienet dejjem tħossha mdejqa.”
“U inti lanqas tidher daqshekk b’saħħtek ukoll,” qalet Ursula. “Peter mhux se jagħrfek malli jiġi lura mill‑iskola.”
“U le, jiena tajba. Kelli ftit nostalġija tad‑dar, biss, imm’issa se nkun aħjar man‑Nannu.”
Mingħajr aktar kliem, Heidi niżżlet il‑ktieb tal‑għana minn fuq xkaffa għolja u farfritu mit‑trab.
“Xi tridni naqra, nann?” staqsiet Heidi.
“Li trid, qalbi. Li trid. Imma tista’ taqra, Heidi?”
“Hawn waħda dwar ix‑xemx. Ħalli naqra lilha.
“Tassew, Heidi tista’ taqra!”
Heidi kompliet taqra sakemm instema’ l‑bieb ta’ barra jinfetaħ u jingħalaq. Peter kien wasal.
Heidi tant kienet kuntenta li marret tgħannqu u tbusu. Qaltlu dwar dak kollu li kienet għaddiet minnu mill‑aħħar darba li kienet ratu, dwar kif tgħallmet taqra u kemm ma kien diffiċli xejn li titgħallem.
U malli Peter ammetta li hu kien għadu ma jafx jaqra sew, Heidi qaltlu, “Għada filgħodu mmorru fuq l‑Għolja tas‑Seqer u nagħtik l‑ewwel lezzjoni. Biħsiebni ngħallmek taqra.”
“Tassew taħseb li tista’ tgħallimni?” staqsa Peter.
“Dażgur li nista’, issa tara.”
Tul is‑sajf kollu Heidi u Peter baqgħu jimirħu qalb il‑muntanji flimkien mal‑mogħoż tagħhom. Heidi setgħet terġa’ tara l‑fjuri u l‑għasafar li kienet immissjat tant u xxennqet għalihom waqt li kienet Frankfurt. Ħadd fid‑dinja ma kien kuntent aktar minnha – forsi barra minn Peter. Bil‑għajnuna tagħha beda jitgħallem jaqra jum wara l‑ieħor – fil‑bidu ittri biss, imbagħad kliem sħiħ, u wara sentenzi, sakemm fl‑aħħar seta’ jaqra sew dak kollu li kien hemm fil‑ktieb tal‑għana tan‑Nanna.
Ftit jiem wara, waqt li kienet qed tilgħab quddiem ir‑razzett, Heidi lemħet grupp ta’ nies telgħin mir‑raħal. Għajtet tant bil‑qawwi li n‑Nannu ħareġ mir‑razzett biex jara x’kien qed jiġri.
“Waslu! Waslu fl‑aħħar! Ara, nann! Ara!”
Kienet purċissjoni żgħira li kienet tielgħa l‑muntanja bil‑qajla. Fuq quddiem kien hemm żewġt irġiel iġorru siġġu. Fis‑siġġu kien hemm tifla mgħottija b’xall u xi kutri. Warajhom kien hemm sinjura riekba żiemel abjad. U warajha kien hemm raġel qed jimbotta siġġu tar‑roti vojt u ieħor iġorr ħafna basktijiet u bagalji.
Malli waslu quddiem ir‑razzett Heidi marret tiġri u bieset lit‑tifla fuq is‑siġġu. Kienet Clara, il‑ħabiba tagħha minn Frankfurt. U fuq iż‑żiemel kien hemm nannitha.
“X’razzett ħelu għandek, zi,” qalet ix‑xwejħa hekk kif niżlet minn fuq iż‑żiemel. “Mhux ta’ b’xejn Heidi kellha ġenn biex tiġi lura hawn!”
“Togħġbok, Clara?” staqsietha Heidi kollha eċċitament. Clara ħarset madwarha, imbellha. Qatt ma kienet rat pajsaġġ daqshekk sabiħ. Daret fuq nannitha.
“Nista’ nibqa’ hawn għal dejjem?”
“Ħeqq, ma nafx jekk hux għal dejjem,” wieġbet in‑Nanna, “Imma jekk iz‑Ziju Alp jaqbel, tista’ toqgħod għal ftit.”
Ix‑xwejjaħ tbissem. “Dażgur li tista’, Clara.” Imbagħad, wara li kollha kielu ftit ġobon mixwi, ftiehmu li n‑Nanna setgħet tiġi lura għal Clara wara erba’ ġimgħat.
Dak il‑lejl, ma’ nżul ix‑xemx, in‑Nannu tella’ lil Clara fuq ir‑raff fejn Heidi kienet torqod. “Forsi dan huwa ftit stramb għal tifla bħalek,” qalilha, “imma naħseb li ssib ruħek komda, hawn.”
“Qisni qiegħda f’ħolma,” wieġbet Clara. “Heidi qaltli dwar is‑sodda tat‑tiben tagħha u t‑tieqa tonda maqtugħa fil‑ħajt, imma qatt ma ħlomt li kelli niġi hawn jien stess, qalb din il‑kampanja u dan il‑wied. Eżatt kif irrakkuntajtli int, Heidi – imma naħseb ħafna iktar isbaħ. U għada se niltaqa’ ma’ Peter, in‑nanna tiegħu u l‑mogħoż. Kemm jien kuntenta!”
Imma Peter ma kienx daqshekk kuntent. Beda jħoss li Heidi kienet qed titilqu minħabba Clara. U meta wasal l‑għada, qabel li jgħinhom itellgħu is‑siġġu tar‑roti fuq il‑muntanja, imma għamilha nofs qalb. Beda jħares hekk kif Heidi bdiet turi lil Clara dak kollu li hu kien wera lilha, u ħassu ttradut.
Meta waqfu biex jieklu, l‑għira f’Peter kibret tant li, sakemm il‑bniet kienu aljenati jitkellmu bejniethom, resaq lejn is‑siġġu tar‑roti, neħħa l‑brejkijiet u mbuttah ’l isfel bil‑qawwi. Is‑siġġu baqa’ nieżel ’l isfel u ’l isfel, kull mument iżid fir‑rankatura, sakemm fl‑aħħar tkisser fuq il‑blat u ma baqa’ xejn minnu għajr ħafna biċċiet tal‑injam.
“Is‑siġġu!” għajtet Clara mwerwra. “Issa kif se nagħmel biex nimxi? Kif nista’ ninżel lura r‑razzett?”
“Se jkollna ngħinuk tinżel kif nistgħu,” wieġbet Heidi. “Poġġi id waħda madwar għonqi, u l‑oħra wara dahar Peter. Issa strieħ fuqna kemm tista’ u ngħinuk tinżel bil‑mod.”
Iżda Clara ma kenitx ħafifa, u t‑tfal malajr għejjew iġorruha.
“Poġġi sieq waħda mal‑art u żomm sod,” qaltilha Heidi. Clara ppruvat tpoġġi sieq waħda mal‑art, u mbagħad poġġiet l‑oħra. Wara dan, waqt li Peter u Heidi baqgħu jżommuha, ittantat tagħmel pass ’il quddiem.
“Naħseb li nista’, Heidi.” Bil‑qajla, u anki bi ftit tbatija, Clara għamlet pass ieħor ’il quddiem, u ieħor. “Nista’ nagħmel passi ’l quddiem. Araw, qed nimxi!”
Għalkemm kienet għadha qed iżżomm ma’ Heidi u Peter, Clara sabet li setgħet tagħmel passi ’l quddiem! Kienet tassew qiegħda timxi!
Imxew ftit aktar, u mbagħad waqfu biex jistrieħu. Ix‑xemx kienet qed tisreġ, u kemm minħabba l‑isforzi li għamlu u bil‑fwieħa qawwija tal‑fjuri, għajnhom malajr marret bihom.
U hemm baqgħu il‑waranofsinhar kollu, sakemm in‑Nannu, imħasseb għax kienu għadhom ma ġewx lura r‑razzett, mar ifittixhom, u beda jsejħilhom.
Heidi stenbħet u marret tiġri lejh. “Nannu! Nannu! Clara tista’ timxi!”
“Kif? X’qed tgħid? Kif jista’ jkun?” Imma beda jitbissem hekk kif ra lil Clara wieqfa. Beda jqawwilha qalbha biex tkompli. Bil‑mod u b’attenzjoni kbira, it‑tifla kompliet tagħmel ftit aktar passi hekk kif id‑driegħi b’saħħithom taz‑Ziju Alp żammewha soda.
“Tajjeb ħafna,” qal fl‑aħħar. “Imma issa ma nesaġerawx.” Refagħha f’idu, u wassalha sar‑razzett.
Kmieni l‑għada filgħodu n‑Nannu qalilhom li kien biħsiebu jikteb lin‑nanna ta’ Clara u jistedinha biex tmur għandhom għaliex xtaq juriha xi ħaġa tassew speċjali.
Il‑ġranet ta’ wara kienu x’aktarx l‑isbaħ li qatt kellha. Kull ġurnata Clara kienet tqum taf li kienet se tkun aħjar u aktar b’saħħitha. U kuljum kien jirnexxilha timxi aktar ’il bogħod mill‑jum ta’ qabel.
Għaddew ftit jiem qabel ma rċevew ittra mingħand in‑nanna ta’ Clara, fejn qaltilhom li l‑għada kienu biħsiebhom jiġu flimkien mas‑Sur Sesemann, missier Clara.
L‑għada Heidi u Clara qagħdu bilqiegħda fuq il‑bank quddiem ir‑razzett taz‑Ziju Alp, jistennew lill‑mistednin tagħhom. Fl‑aħħar waslu.
“Hawn x’ġara?” staqsiet in‑nanna ta’ Clara. “Għaliex m’intix fis‑siġġu tar‑roti?”
Ma’ dawn il‑kliem, bil‑għajnuna ta’ Heidi, Clara qamet bilwieqfa u għannqet lil nannitha. Is‑Sur Sesemann baqa’ jħares mibluh lejha, bid‑dmugħ f’għajnejh.
“Mhux qed tagħrafni, papà? Tbiddilt daqshekk?” lissnet Clara bi tbissima.
“Clara!” Bintu kienet tidher xempju tas‑saħħa, b’xagħarha maħruq kemm kemm bix‑xemx – u kienet qed timxi lejh. Ġera ’l quddiem u laqagħha b’idejh miftuħin.
“Tassew int, qalb ta’ qalbi?”
“Iva, papà. Tassew! Is‑siġġu tar‑roti tkisser u Heidi u Peter kellhom iġorruni. Imma mbagħad tant għajjew li bilfors kelli nibda nimxi. Bilfors.”
Heidi, in‑Nannu, in‑Nanna u Peter daru madwarhom. Għalenija, niżlu sa d-dar ta’ Peter biex jiċċelebraw. L‑istorbju li għamlu dewa mal‑wied u mal‑muntanji. Iz‑Ziju Alp, libes l‑aktar libsa pulita li kellu, u daqsxejn mistħi, kanta għanja mill‑ktieb tan‑Nanna.
“Ziju Alp, għandek vuċi sabiħa,” qaltlu n‑Nanna Sesemann. “Għaliex ma tibdiex tkanta mal‑kor tal‑knisja?”
U kulħadd stagħġeb malli z‑Ziju Alp minnufih wieġeb iva. “Naħseb li nista’, jekk il‑parroċċa ta’ Dorfli taċċettani. Hekk jew hekk kont qed naħseb li nibda nniżżel lil Heidi l‑iskola hemmhekk din ix‑xitwa.”
Peter biss ħass li ma setax ikompli mal‑ferħ tagħhom. Kien għadu qed iħossu ħati talli kien tefa’ s‑siġġu ta’ Clara ’l isfel minn fuq il‑muntanja.
“Ejja quddiemi, ġuvnott,” sejħitlu n‑Nanna Sesemann. “Inti għent lil Clara terġa’ timxi, u jistħoqqlok premju wkoll.”
Peter infaqa’ jibki. “Le,” wieġeb. “Bilfors kelli ngħin lil Clara, għax... għax... kont jien li qlibt is‑siġġu għal isfel. Bdejt ngħir għal Clara. Heidi taf b’dan, imma ma tkellmitx għax ħabiba tiegħi. Imm’issa naf li għamilt ħażin u tassew jisgħobbija.” Peter baqa’ jħares ċass lejn in‑Nanna Sesemann, iterter bil‑biża’.
“Iva, veru li kienet xi ħaġa ħażina,” kompliet in‑Nanna Sesemann. “Imma b’dak il‑mod ġegħilt lil Clara timxi, għaldaqstant m’għandekx bżonn tħossok ħati iktar.”
Iż‑żmien tar malajr wisq, u sar il‑ħin biex jinfirdu. Clara, naturalment, kellha tmur lura d‑dar mas‑Sur Sesemann u nannitha. Kien hemm ħafna biki hekk kif kulħadd beda jsellem lil xulxin, iżda n‑Nanna wegħdithom li ladarba jiġi s‑sajf, kienu se jerġgħu jġibu lil Clara toqgħod maz‑Ziju Alp, ma’ Heidi u ma’ Peter qalb dawk il‑muntanji sbieħ.