Kitba ta’ Ivan Buġeja
Madwar 1,700 kelma
L-ewwel premju fil‑Konkors Letterarju għal Rumanzi għaż‑żgħażagħ 2011
Merlin Publishers (2012)

X'nagħmel biex naqra
l-istorja sħiħa?

Din hija silta qasira mill-ktieb Ġimgħa, Sibt u Ħadd miktub minn Ivan Bugeja u ppubblikat minn


Biex tispiċċa l‑istorja, sib il‑ktieb fil‑librerija tal‑iskola jew dik pubblika. Jekk trid, tista’ ssib aktar tagħrif dwar il‑ktieb jew tixtrih onlajn mingħand Merlin Publishers.

===== 09:00 =====

Kif waslet il‑Belt, Ruth niżlet mill‑karozza tal‑linja. Kienet miftiehma ma’ Isabelle ħdejn il‑kiosk tal‑imqaret. Imxiet ftit passi u semgħet xufier tal‑linja jpespsilha. “Aw Madame. X’inti dritta!” Sammar ħarstu lejn id‑dublett qasir u mexxa għajnejh ma’ saqajha.

Kompliet miexja bla ma tagħti wisq każ. Imma resqet ’il bogħod mill‑karozzi tal‑linja u mxiet lejn il‑gabbani. Quddiemha kien hemm serbut turisti għaddejjin b’ħalqhom mgħaddas fil ‑boroż tal‑pastizzi. U l‑ħamiem miexi warajhom jiekol il‑frak li jwaqqgħu. Għaddiet maġenb ħwienet ħdejn xulxin, min bil‑ħelu u r‑ruġġjata, min bl‑imqaret jinqlew fiż‑żejt. Għaddiet soru. Għadda xiħ u bastun quddiemu, iżommu lil xulxin.

Kienet sa taħbat f’xi tużżana turisti jikkjuwjaw quddiem il‑gabbana biex iduqu ġelat Malti. Tal‑ħanut jispjegalhom “Yes. Home‑made. Made in Malta.” Ma jafx humiex Ċiniżi jew Ġappuniżi

– għalih it‑tnejn xorta bħallikieku kienu żewġ razez nies joqogħdu f’raħal żgħir wara l ‑muntanji. It‑turisti joħorġu l‑flus, in‑nisa fosthom ma jinkwetawx. Għax dal‑ġelat mhux sa jħaxxinhom. Bilkemm igħoddu t‑tliet mitt kilo bejniethom.

Waqfet ħdejn tal‑imqaret u bdiet tistenna. Taxi pparkjata fin‑nofs. “Taxi?” Ma qaltlu xejn. Mill‑bogħod rat lil Isabelle ġejja, wiċċha jħares lemin u xellug, tosserva kollox u miexja ’l quddiem. Illum ftit tard. Ftit ħafna. Ratha riesqa, l‑ewwel għaddiet minn ħdejn erba’ rġiel imdawrin ma’ mejda jixorbu l‑kafè. Imbagħad minn ħdejn omm u t‑tifla tagħha, waħda ġġebbed naħa, l‑oħra n‑naħa l‑oħra. Imbagħad ħdejn karozzin wieqaf, biż‑żiemel nervuż jagħti b’rasu, u r‑roti tal‑karettun iżaqżqu . Isabelle rat lil Ruth u ħaffet biex tkellimha.

Imma kif kienet se tiftaħ ħalqha, għadda raġel bil‑qmis nofsha miftuħa, b’ras ta’ serp ħierġa minn bejn il‑buttuni, u b’għanqud deheb imdendel m’għonqu. Rema s‑sigarett minn ħalqu u laqat lil Isabelle f’idha. Baqa’ sejjer. Ma ndunax. Isabelle kellha dillierju fuqha.

“Ruth, Ruth, naħseb għandi ċans, ta.”

Ruth baqgħet bla espressjoni. “Iva, iva, Jurgen ilbieraħ tani n‑numru tal‑mobile.”

===== 09:15 =====

Oliver kien qiegħed hike fil‑Buskett. Sħabu kienu mxew ’il quddiem. Hu baqa’ lura, bil‑mobile f’idu, jipprova jieħu ritratt ta’ kamaleonte aħmar fuq warda ħamra. Qagħad josserva u jammira s‑sbuħija ta’ dan l‑annimal, il‑ġilda mkemmxa tiegħu, il‑qagħda statika, imma l‑iktar li ġibditu kienet il‑ħarsa fissa tal‑għajnejn. Ġibed ir‑ritratt mill‑mobile. Tgħid ġieh sew? Le! Fir‑ritratt ġie kamaleonte aħdar fuq ħurrieq aħdar. X’seta’ ġara? Ikollu jieħu ritratt ieħor. Imma..... f’daqqa waħda, induna li fil‑verità, ma kienx hemm ward imma ħurrieq. Ħares fiss lejn il‑kamaleonte... li sar aħdar li..... f’inqas minn sekonda ħareġ ilsienu ’l barra u dawru ma’ żaqq Oliver.... Oliver inbaram f’ilsienu u l‑kamaleonte belgħu u .......... u ........ Oliver qam.

Ittewweb u tmattar. Qam mis‑sodda, mar ħdejn it‑tieqa u x‑xemx għamietu b’dawl qawwi. Moħħu ħsieb wieħed biss: Ruth.

Tilifha.

Tilifha minn ħalqu.

Jew hi ressqitu lejh, imbagħad irmietu.

Belgħetu biex hu ma jibqax jeżisti.

Mar fil‑kċina. Ħa tazza tè b’erbgħa w nofs zokkor għall‑ħlewwa. Imbagħad bagħat messaġġ lil Mark. Jiskuża ruħu li telaq bla kliem u bla sliem il‑jum ta’ qabel. Sakemm xorob it‑tè, Mark kien għadu ma bagħatx. Patta para patta. Wieħed b’wieħed.

Daħal fil‑kamra tal‑banju. Ħasel snienu. Inħasel. Ħares fil‑mera. Seħet il‑ponot f’wiċċu. Libes. Reġa’ bdielu. Neża’ l‑flokk. Libes, minflok, flokk ieħor.

Mark għadu ma bagħatlux.

Daħal fil‑kamra ta’ ħuh u jsibu jistudja. “Sejjer sal‑Belt, Conrad. Trid tiġi?” “Aħjar le. Għax inħarbatha ġurnata.” “Inti taf. Trid xi ħaġa mill‑Belt?”

Ħuh ma kellmux. Reġa’ daħal fil‑kċina.

“Ma, sejjer il‑Belt.” “Trid ikel?”

“X’hemm?”

“Għadni ħa nagħmlu. Għaġin.” “Ovvja li rrid.”

U mbagħad ommu sserjat u qaltlu “Kellmu ftit lill‑bużnannu Ġenju!” Oliver ma qal xejn.

“Imqar għidlu biċċa kelma. Jieħu gost.”

Oliver baqa’ ħiereġ. Kif kien ħiereġ, jisma’ xi ħadd igħajjatlu bil‑kantaliena “Ooooooool!” “Haw’.”

Ma sema’ xejn iktar. Min kien forsi reġa’ bdielu.

“Ċaw.”

Oliver ħareġ.

U meta Caroline marret quddiem in‑nannu tagħha Ġenju biex titolbu skuża minħabba li binha Oliver ma ġiex ikellmu, Ġenju – sa jagħlaq il‑mija – baqa’ kalm daqs ħassa u qalilha, “Mhux tfal huma!”

Għax għalih, kull min għandu inqas minn ħamsin sena, għadu tfal.

===== 12.00 =====

Meta Oliver ġie lura mill‑Belt, isib tilqgħu fid‑dar riħa ta’ zalza. Stenna lil ommu toħroġ mill‑kamra u għolla l‑għatu tat‑taġen. Iz‑zalza kienet tfuħ wisq imma taħraq. Qabad kuċċarina u beda jduq iz‑zalza. Tassew tajba. U kompla jieħu, kull darba jaħraq ftit iktar ilsienu. U meta lsienu nħaraq biżżejjed, kellu jieqaf.

Imbagħad ħares fil‑borma. Kien hemm għaġin f’forma ta’ bebbux mimli bl‑irkotta. Qabad bebbuxu bil‑kuċċarina imma żelaqlu u waqa’ fl‑ilma tal‑borma. Il‑bebbuxu tfarrak. Tellgħu biċċa biċċa mill‑borma u tefgħu fuq plattina, jistennieh jibred qabel jibilgħu.

Daħal Conrad fil‑kċina. Qabdu.

“Hekk sew! Jien ngħin lill‑mummy ssajjar u inti tiekol.” “U iva! Xi stajt għamilt inti?” inkieh Oliver.

“Qgħadt nimla l‑bebbux bl‑irkotta waqt li inti kont qed tixxala l‑Belt.”

“Jien għedtlek tiġi. Int ma ridtx. Kulma għamilt, xtrajt DVD tal‑vampiri. Trid narawh?” “Il‑vampiri dalgħodu, jew? Dawk bil‑lejl joħorġu.”

Oliver ħa għalih u telaq jara d‑DVD waħdu u jgedwed li ħuh bla demm, ma jafx jieħu naqra pjaċir. Conrad stenna lil ħuh joħroġ mill‑kċina, imbagħad ħataf il‑bebbuxu mfarrak minn fuq il‑plattina u ħasilha malajr. Biex ommu ma tindunax u jkollu jeħel Oliver bħas‑soltu.

Ommu daħlet fil‑kċina. “Ara, l‑ikel lest. Ejja ħa nieklu. Oliver fejn hu?”

“Mar jara DVD” wieġeb Conrad.

Ommu sejħet lil Oliver. “Oliver. Oliverrrrr! OLIVER!!!!!” qisu l‑appartament tagħhom kien xi villa kbira u kellha tgħajjat biex hu jismagħha min‑naħa l‑oħra. Oliver kien għadu lanqas ra żewġ minuti mid‑DVD u kellu jieqaf. Ommu qalbet l‑ikel. Oliver bela’ l‑platt avolja ħalqu kien għadu jaħarqu ftit, u seta’ jħoss il‑ħruq fuq żaqqu waqt li jiekol, qisu l‑istonku kien triq għan‑niżla li qed taqbad biċċa biċċa. Imbagħad ġera lejn kamartu ħalli jkompli jara l ‑vampiri. Conrad qagħad jieklu bil‑mod, biex il‑pjaċir tal‑platt ma jispiċċax malajr, ilaqqat il‑platt sal‑aħħar għaġina.

===== 13:05 =====

Forsi għax il‑vampiri jgħixu bil‑lejl... L‑istonku ta’ Oliver kien għadu qed iħaddem l‑ikel waqt li għajnejh jaraw dad‑DVD, li wara ftit beda jdejqu. Ħareġ fil‑gallarija u laqgħuh is‑sħana u d‑dubbiena ddur trid tidħol ġewwa. Ma ndunax .... minn bejn saqajh daħlitlu wiżgħa nkiss nkiss u staħbietlu taħt is‑sodda. Daħal hu wkoll. Ma jafx x’sa jaqbad jagħmel.

Xegħel it‑television. Serbut nies, qishom wirdien, telgħin wara xulxin fuq l‑ikbar muntanja tad‑dinja. L‑Everest. Mexjin bil‑mod, iqisu kull pass. Ftit sekondi wara, il‑filmat iġibhom ħdejn il‑quċċata tal‑muntanja. Fil‑għoli tad‑dinja. Imma xorta joqogħdu ħelu ħelu fl‑iscreen tat‑television. Ma kienx filmat ċar – forsi xi ħadd li kien tiela’ ġibdu għal sħabu. L‑istampa kienet qed tiċċaqlaq.

Wara ftit Oliver tefa t‑television. Iddejjaq. Mar fil‑kamra ta’ ħuh jittantah u jinkih.

“Għadek qed taqra l‑gazzetti? Taf li sa taħli sajf?”

Conrad ħarislu bl‑ikrah qisu qed jgħidlu “Itlaq ’l hemm qabel ma nixroblok demmek.”

Qagħdu jilletikaw. Wara xebgħa xenati, ftiehmu li jilagħbu logħba football kontra xulxin.

Conrad u Oliver xegħlu l‑kompjuters. Wieħed kull kamra. Fetħu l‑logħba tal‑football. U għażlu t‑timijiet tagħhom. Conrad il‑United. Oliver l‑Inter. Bdiet il‑logħba. Skiet perfett. Ħlief għall‑kummentatur tal‑logħba. Oliver jisma’ leħen il‑kummentatur fil‑kamra tiegħu, u l‑eku mill‑kamra ta’ ħuh. Conrad l‑ewwel jisma’ l‑eku u mbagħad il‑leħen proprja, qisha sitwazzjoni ta’ dejà vu. Wara ħamsin sekonda, Conrad jiskorja. “Gowwllll!” jisma’ Oliver mill‑kamra tiegħu. Conrad jisma’ tazza tinkiser fil‑kamra ta’ Oliver.

“X’qed tagħmlu?” tgħajjat ommhom bl‑ixkupa f’idha.

Oliver qed jaqra l‑messaġġ mingħand Ruth. Ilha ftit li bagħtitlu. “Sa nieqaf nilgħab” qal lil ħuh.
Conrad sploda. “Ma tistax, ma tistax! Dan għax qed titlef miegħi. Mela qed tibża’?” “Ħa ddumu tiġġieldu?” għajtet ommhom.

Oliver tefa l‑kompjuter. Conrad jgħajru li ma jafx jieħu telfa.

It‑telefon. Joe minn San Ġiljan. Fittex fid‑direttorju tat‑telefon. Ċempel biex jistaqsi għat‑telefon imma qalulu li jekk ma jafx il‑kunjom, ma jistgħux jagħtuh it‑telefon għax hawn ħafna Ġowijiet. Qalilhom li għandu t‑tifel l‑Awstralja u li għex il‑gwerra imma min‑naħa l‑oħra tat‑telefon sema’ bħal daħk bil‑mod. Oliver ħa għalih. Sabbat it‑telefon.

===== 14:45 =====

Ix‑xemx tixwi. Oliver qiegħed fuq tal‑linja għall‑Belt għat‑tieni darba fl‑istess ġurnata. Imma did‑darba, ma daħalx il‑Belt. Qabad oħra lejn San Ġiljan.

Tgħid ikun rieqed? Tgħid ma jiftaħlux? Tgħid ma jagħarfux? Tgħid ikun ħareġ?

Oliver ħass il‑flokk iwaħħal. L‑għaraq nieżel ma’ moħħu. Għal Ruth, kien qed jagħmel dak li qatt ma għamel f’ħajtu: jaqbad żewġ karozzi tal‑linja biex isaqsi lil wieħed xiħ għan‑numru tat‑telefon.

Tgħid Mark għandu n‑numru tiegħu? Kif ma ħsibthiex qabel?

Tard wisq. Oliver kien diġà fit‑triq lejn San Ġiljan. Issa la ħa l‑battikata, mhux sa jaqbad imur lura qisu xejn mhu xejn. Żewġ karozzi tal‑linja fis‑sħana ta’ wara nofsinhar għal biċċa numru. Għal Ruth.

Niżel mill‑karozza tal‑linja u mexa lejn id‑dar tax‑xiħ bl‑għaraq iqattar. Faċċata tad‑dar, l‑istess żewġ barijiet tal‑bieraħ. Il‑bar Skoċċiż fejn ilbieraħ ġraw żewġ traġedji: it‑tradiment ta’ Ruth u l‑waqgħa ta’ Isabelle. U l‑Bar Zacca fejn kellhom jiltaqgħu qabel ma d‑destin fassal mod ieħor.

Il‑bar Skoċċiż kien miftuħ. Tgħid ix‑xiħ ikun hemm? Daħal. Imma l‑bar kien vojt ħlief għal żewġ Ingliżi xjuħ jinnamraw bil‑mappa ta’ Malta miftuħa fuq il‑mejda quddiemhom. Ħareġ.

Qasam it‑triq u ħabbat il‑bieb tax‑xiħ. Ma ġara xejn. Reġa’ ħabbat, did‑darba iktar bis‑saħħa. Il‑ħabbata kienet ħuta tleqq tal‑fidda u nduna li ħalla l‑marki tas‑swaba’ fuqha. Għat‑tielet darba, reġa’ għolla l‑ħabbata minn postha u niżżilha, bil‑ħoss did‑darba iktar qawwi.

“Min?” għajjat leħen minn ġewwa.

Min jistenna jithenna. Is‑sagrifiċċju ta’ Oliver qed jagħti l‑frott. “Oliver.” “Oliver? Oliver min hu?”

“Jien Oliver, tkellimna lbieraħ fil‑bar ta’ faċċata. Kien hemm Mark miegħi.”

Ix‑xiħ ma qal xejn minn ġewwa. Oliver ħass ix‑xemx tinfidlu qalbu u ġġiblu demmu ilma. Kien sa jaqta’ qalbu. Imma mbagħad sema’ l‑bieb jinfetaħ bil‑mod. “Għaddi.”

Oliver daħal. Imma kif ma ra lil ħadd quddiemu, waqaf fin‑nofs tal‑kuritur. Fejn hu x‑xiħ? Jaqaw dan xi fantażma? Ma setax jifhem. Dawwar wiċċu lura. Jara x‑xiħ qed ixejjer ħadida kbira lejn żaqq Oliver.

===== 15:10 =====

Ruth irċiviet sms. Żgur Oliver. Le. Bagħtitilha ħabibitha Anita. Il‑lejla, hi u ħbiebha ħa jorganizzaw barbikju Golden Bay. Qaltilha tiġi u ġġib l‑ikel u l‑ħbieb magħha.

Ruth ma kellhiex ma’ min toħroġ il‑lejla. Isabelle ħierġa ma’ Jurgen. Lil min sa tistieden ħbieb għall‑barbikju? Tgħid lil Oliver? Iva, hekk tagħmel.

Bagħtet messaġġ lil Oliver.

Imma Oliver ma kellux moħħ il‑messaġġi.

o

L‑istint qallu “Warrab. Aħrab.” Dawwar dahru, lest biex jiġri. Ix‑xiħ bil‑ħadida f’idu qisu samuraj ħa jaqsam min‑nofs lill‑vittma ta’ quddiemu. Imma t‑tmienja w sebgħin sena tax‑xiħ ma setgħux ilaħħqu mal‑ġirja ta’ Oliver. Ix‑xiħ xejjer il‑ħadida u qasam l‑arja u wara waqgħetlu fl‑art. Infaqgħet maduma.

Oliver sparixxa fid‑dar.

“Fejn mort tistaħba, ja ħalliel? Intom iż‑żgħażagħ kollha xorta.” “X’għamiltlek jien?”

“X’ġejt tagħmel ’l hawn bħalek? Biex tisraqni, ja ħalliel?” “Le, le.”

“Miftehmin hux kontu, int u l‑ieħor! Mark.” “Mark ma kellimnix illum.”

“Iva, iva, ma kellmekx? Igdeb, igdeb, giddieb!” “Le, le, mhux qed nigdeb.”

“Itlaqli ’l barra! Iss’issa, isa!”

Oliver ħaseb li aħjar jistaħba. Ġera ’l ġewwa, jaqbeż kaxxi mitfugħin fl‑art bl‑addoċċ. Daħal f’rokna bejn gwardarobba u ħajt u niżel kokka kif seta’. Xagħru bjad bl‑għanqbut.

Ix‑xiħ beda jonfoħ. Kien qisu samuraj li tilef il‑battalja u rassenjat li jmut. Oliver sema’ l‑infiħ imma beża’ joħroġ għax ma kellux aptit daqqtejn ħadid. Wara ftit, jisma’ ħoss qisha xkora patata qed taqa’ fl‑art.

***** ***** stat_3 ***** *****