Storja qasira ġentilment offruta lill-proġett
Kotba fil-But mill-awtur,
Saviour Camilleri
Madwar 680 kelma

Qari tal-provi:
Maria Saliba

Mertu Akbar lill‑Batut

Salvu Borg kien qagħad għall‑eżamijiet tal‑Matrikola u minn disa’ suġġetti kien għadda biss minn tnejn. Iddispjaċieh bi sħiħ, meta ftakar kemm snin kien għamel l‑iskola, u kemm ommu ħallsitlu privatijiet u skola. Iżda ma ħarisx lura, u xahrejn wara li għamel l‑eżamijiet, daħal fil‑Korp tal‑Pijunieri jaħdem bħala skrivan. Kuntent kif kien bl‑impieg il‑ġdid, ħassu motivat biex jerġa’ jaqbad jistudja u jġib dawk is‑suġġetti li ma rnexxilux iġib qabel. Kull nitfa żmien kien jaħtafha. Imqar ftit ħin liberu waqt il‑ħin tax‑xogħol; kien jutilizzah. Għamel żmien jistudja u jagħti dawk l‑eżamijiet li ma għaddiex minnhom. L‑aħħar mis‑sensiela li ġab, kienet diploma mill‑Università ta’ Malta. Wara, qatagħha li jidħol l‑Università jistudja għal għalliem. Irnexxielu jiggradwa ħames snin wara.

Daħal jgħallem f’Settembru ta’ wara u bagħtuh fi skola l‑Kottonera. L‑istudenti li kellu kienu tant batuti li ma kinux jafu x’laqathom, b’ħajra ta’ xejn; uħud minnhom ġejjin minn familji mkissrin. Għalkemm għall‑ewwel sabha ftit iebsa biex ikampa ma’ dawn it‑tip ta’ studenti, ftit xhur wara dara u beda jmur tajjeb. Bena rapport tajjeb magħhom, u flimkien imxew ’il quddiem. Saħansitra, bdew jgħaddu mill‑eżamijiet fejn qabel kienu jeħlu.

Kulma jmur, beda jħalli isem, u sar magħruf bħala għalliem abbli. Għal din ir‑raġuni, laħaq assistent kap ta’ skola u fi ftit snin għadda bħala kap ta’ skola. Meta laħaq kap, ried ibiddel il‑mentalità ta’ xi wħud mill‑ideat predominanti ta’ dak iż‑żmien, fosthom il‑premjazzjoni tal‑istudenti.

Issa s‑Sur Salvu Borg kien wasal fil‑quċċata tal‑karriera tiegħu. Is‑sellum għoli kien telgħu mill‑qiegħ nett b’ħafna taħbit u stinkar, flimkien mat‑tbatija li għalih kienet tfisser sforz doppju biex ilaħħaq mal‑bravi. Għax hu kien ġej mill‑klassi tal‑ħaddiema u trabba f’xaqliba sgarfata tal‑Kottonera.

Kien għalhekk li ħamest ijiem wara li ħadha ta’ surmast, għamel diskors imqanqal quddiem l‑għalliema, il‑ġenituri u l‑istudenti, u f’parti mid‑diskors tiegħu qal hekk: “Kollegi u ħbieb, laqqajtkom biex inħabbrilkom bit‑tibdil li beħsiebni nwettaq, fosthom, il‑premjazzjoni. Dan għandu jwassal għall‑bidla fil‑mentalità. Bħalma tafu, sal‑lum, dejjem il‑bravu kien jiġi ppremjat. Imma din mhux se tibqa’ l‑loġika u lanqas il‑preferenza. Is‑Soċjoloġija tistqarr – li hi ħaġa minn ewl id‑dinja ‑ li aħna prodott ta’ qabilna u nirtu kemm it‑tajjeb kif ukoll il‑ħażin, u l‑ambjent li nitrabbew fih ukoll jilgħab parti minn ħajjitna...” u hekk issokta l‑argument tiegħu.

Mela, il‑bravu ġeneralment jitwieled bravu... imur l‑iskola għal qalbu u ma jfallix, joqgħod fuq quddiem u attent; moħħu bħal xuga, jixrob kulma jingħad fil‑klassi. Jirrispondi tajjeb il‑mistoqsijiet li jsirulu. Jispiċċa jibbrilla fost sħabu. L‑istess bravu la jkollu bżonn imur privatijiet u lanqas li jistudja. Madanakollu dejjem jiġi fuq quddiem fl‑eżamijiet u allura dejjem bil‑premjijiet.

Instab ukoll li ta’ spiss il‑bravu jkollu l‑ġenituri kapaċi u mlaħħqin u jkunu finanzjarjament tajjeb. Saħansitra, l‑ambjent ta’ madwaru wkoll kien se jgħinu, fis‑sens li jkollu l‑kamra tiegħu fejn jistudja u l‑faċilitajiet kollha meħtieġa u aktar. Il‑mezzi jagħmlu tajjeb għalihom il‑familja tiegħu. Ladarba nqisu l‑klassi soċjali ta’ din il‑kwalità ta’ familja, insibuha li din tkun tinsab ‘il fuq fl‑iskala soċjali.

Filwaqt li l‑batut jitwieled bi żvantaġġ għax l‑I.Q. tiegħu ma tgħinux. L‑iskola ma togħġbux, ifalli u jintefa’ lura fil‑klassi, donnu jrid jinħeba mit‑teacher biex ma ssaqsihx. Fil‑klassi, ikun distratt u jħossu frustrat. Moħħu bħal ħġieġa, ma jżomm xejn u jinsa kollox. Ġieli, f’xi studenti, anke sens komun ikun nieqes. Biex ipatti, ikollu jmur il‑privat u jdum jistudja sigħat sħaħ sakemm jgħejja. Barra minn dan, irid jikkompeti mal‑bravi. Għalhekk irid jagħmel sforz kbir u minfuq iġorr it‑tikketta ta’ traskurat; imma traskurat mhux b’kapriċċ. Fil‑fatt, mill‑istudji fil‑psikoloġija nafu li jeżistu fatturi oħra marbuta mal‑hekk imsejjaħ ‘traskurat’.

Jekk tfittex il‑familja tiegħu, aktar iva milli le, ma ssibhomx mgħallmin u anqas ikunu ta’ pożizzjoni fis‑soċjetà. Għaldaqstant familji bħal dawn issibhom ferm ’l isfel fl‑iskala tal‑klassi soċjali. L‑ambjent ukoll ma jgħinux... ma jkollux kamra tiegħu, jistudja fil‑kċina qalb il‑ħsejjes ta’ xi radju jew televixin waqt li ommu tkun qed issajjar u tipprepara l‑ikel fuq l‑istess mejda li hu jkun qed jagħmel il‑homework.

Għalhekk, is‑surmast qatagħha li l‑premjazzjoni mhux se tibqa’ iżjed għall‑bravu, imma għall‑batut li jkun ġab riżultati tajbin, frott ta’ sforzi ibsin u taqtigħ il‑qalb li jkun ġarrab. Malli semgħu dan, il‑ġenituri ta’ studenti batuti nfexxew iċapċpu f’delirju ta’ ferħ għall‑aħbar mhux mistennija, filwaqt li l‑oħrajn dendlu geddumhom.

***** ***** TMIEM ***** *****

***** ***** stat_3 ***** *****