Henry Rider Haggard
(Ingliż, 1856-1925)
Madwar 8,500 kelma

Ġeneri
Avventura

Attivitajiet dwar dan il-ktieb

 

Adattament għall-Malti:
Norman C. Borg
© Norman C. Borg

1: Il‑Muntanji ta’ Suliman

Ilu xi tmintax‑il xahar minn mindu ltqajt għall‑ewwel darba ma’ Sir Henry Curtis u l‑Kaptan Good. Kont qiegħed nikkaċċja l‑iljunfanti lil hinn minn Bamangwato, imma kollox kien qed imur żmerċ. Ma rnexxieli naqbad xejn, u biex tagħqad, spiċċajt b’deni ta’ żiemel.

Malli kont aħjar mort sa Diamond Fields, begħt l‑avorju li kont ġbart, flimkien mal‑barrin u l‑karru li kelli, ħallast lill‑kaċċaturi li kienu ħadmu miegħi, u ħadt il‑vagun tal‑posta f’Cape Town. Wara li qattajt ġimgħa hemmhekk, iddeċidejt li mmur lura Natal abbord id‑Dunkeld, li dak il‑ħin kien fil‑baċir jistenna lill‑Edinburgh Castle, li kellu jasal mill‑Ingilterra. Ibbukkjajt posti u tlajt abbord.

Telgħu wkoll il‑passiġġieri mill‑Edinburgh Castle, u fosthom kien hemm tnejn li ġibduli l‑attenzjoni. Wieħed kien raġel ta’ xi tletin sena, bl‑ikbar sider u l‑itwal driegħ li qatt rajt. Aktar tard sirt naf li dan il‑ġgant ta’ xagħar dehbieni kien Sir Henry Curtis. L‑ieħor kien eks uffiċjal tal‑flotta navali, il‑Kaptan John Good.

Inzertajt sibt ruħi fuq l‑istess mejda magħhom waqt l‑ikel. Dlonk jien u l‑Kaptan bdejna nitkellmu dwar il‑kaċċa, u f’qasir żmien il‑Kaptan semma l‑iljunfanti.

“Ah, Sinjur,” qabeż xi ħadd li kien bilqiegħda ħdejja, “ma stajtx issib persuna aktar midħla ta’ dak is‑suġġett: Ħadd ma’ jista’ jitkellem dwar l‑iljunfanti aħjar mill‑Kaċċatur Quatermain.”

Sir Henry, li s’issa kien qiegħed kwiet jisma’ t‑taħdita, ħares lejja b’ċerti interess. “Skużani, sinjur. Inti jismek Allan Quatermain?”

Jien għedtlu iva. Wara l‑ikel, Sir Henry stedinni mmur fil‑kabina tiegħu. Hemm, flimkien mal‑Kaptan Good, poġġejna u qabbadna l‑pipi tagħna.

“Sur Quatermain,” beda Sir Henry, “jekk m’iniex sejjer żball sentejn ilu kont f’post jismu Bamangwato, fit‑Tramuntana tat‑Transvaal.”

“Hekk hu,” weġibt jien. Kont ftit sorpriż li dan ir‑raġel kien jaf fejn kont mort sentejn qabel.

“Sakemm kont hemm iltqajt ma’ ċertu Neville?”

“Iva. Iltqajt miegħu qabel ma dħalna fl‑intern tal‑pajjiż. Xi ftit xhur qabel kont irċevejt ittra mingħand avukat fejn saqsieni x’kien sar minnu, u jiena weġibtu kif stajt.”

“Iva,” kompla Sir Henry. “L‑ittra tiegħek għaddewha lili. Fiha kont ktibt li Neville kien biħsiebu jimxi sal‑parti l‑aktar imbiegħeda ta’ Matabele. Għedt ukoll li xi sitt xhur wara rajt il‑vagun tiegħu għand merkant Portugiż, li qallek li kien xtrah mingħand raġel abjad li kien telaq lejn l‑intern.

“Hekk hu.”

“Sur Quatermain,” lissen Sir Henry. “Neville kien ħija. Ismu proprja huwa George. Tlewwimna bl‑ikrah u ma kontx ġust miegħu. Ħa l‑isem ta’ Neville u rħielha lejn l‑Afrika t’Isfel bil‑ħolma li xi darba jsir sinjurun. Għaddew xi tliet snin u bqajt ma smajtx b’aħbaru, għalkemm ktibtlu ħafna drabi. Bgħatt lil min ifittxu, sabu l‑ittra u għaddewhieli. Insomma, biex naqta’ fil‑qasir, qtajtha li niġi nfittxu, u l‑Kaptan Good, hawn, offra li jiġi miegħi.”

Kien hemm pawsa qasira wara li Sir Henry spiċċa l‑istorja tiegħu. Ftit wara kompla, “Inti xi smajt dwar il‑vjaġġ tiegħu?”

“Dan huwa li smajt jien,” weġibt, “u dan li se ngħidilkom m’għedtu lil ħadd qabel illum. Smajt li mar ifittex il‑Minjieri ta’ Salamun.”

“Il‑Minjieri ta’ Salamun!” tennew it‑tnejn f’daqqa. “Fejn qegħdin?”

“Ma nafx,” weġibt jien; “Naf fejn jgħidu li jinsabu. Darba lmaħt il‑qċaċet tal‑muntanji ta’ quddiemhom, imma kien hemm mija u tletin mil ta’ deżert bejni u bejnhom, u sa fejn naf jien l‑ebda bniedem abjad ma qatt qasmu.

“Madankollu naħseb li l‑aħjar ħaġa li nista’ nagħmel hi li nirrakkuntalkom il‑leġġenda tal‑Minjieri ta’ Salamun, għall‑inqas kif nafha jien, bil‑patt li ma tgħidu lil ħadd dan li se ngħidilkom. Taqblu ma’ dan? Qed insaqsikom għax għandi r‑raġunijiet tiegħi.”

***** ***** ***** ***** *****

“Mela,” bdejt nirrakkonta, “smajt bil‑leġġenda l‑ewwel darba kważi tletin sena ilu, mingħand kaċċatur tal‑iljunfanti li kien jismu Evans. Is‑sena ta’ wara qatlu buflu ferut, u issa huwa midfun viċin il‑Kaskati ta’ Zambezi.

“Lejl minnhom konna qegħdin niċċaċċraw u qalli kif fl‑intern kien sab il‑fdalijiet ta’ belt antika, li ħaseb li kienet il‑belt ta’ Ofir imsemmija fil‑Bibbja. Niftakar sew li qgħadt nisma’ mbellah dwar din iċ‑ċiviltà qadima minn fejn dawk il‑Lhud l‑antiki jew avventuriera Feniċi kienu jsibu teżori ta’ pajjiż li kien ilu s‑sekli li waqa’ fil‑barbariżmu.

“U f’daqqa waħda saqsieni: ‘Ġuvnott, qatt smajt bil‑Muntanji ta’ Suliman, fil‑Majjistral ta’ Mashukulumbwe?’

“Jien għedtlu li qatt ma kont smajt bihom.

“ ‘Mela ħa ngħidlek,’ qalli, ‘dak huwa l‑post fejn Salamun tassew kellu l‑minjieri tiegħu, il‑minjieri tad‑djamanti.’

“ ‘U kif tafu, dan?’ staqsejtu.

“ ‘Kif naf! Ħeqq Suliman mhix il‑forma Għarbija ta’ Salamun? Barra minn hekk tabiba saħħara mill‑inħawi ta’ Manica qaltli kollox dwarhom. Qaltli li l‑poplu li kien jgħix hemm jagħmel parti mit‑tribù taż‑Żulu, li kienu jitkellmu djalett taż‑Żulu, imma li kienu ħafna iktar raffinati; li fosthom kienu jgħixu ħafna sħaħar li kienu tgħallmu s‑sengħa tagħhom minn nies bojod, u li kienu jħaddnu s‑sigriet ta’ fejn kienet tinsab il‑minjiera taċ‑“ċagħaq li jiddi”.’

“Meta smajt l‑istorja l‑ewwel darba bdejt nidħaq. Madankollu, xi għoxrin sena wara – u dak żmien tassew twil, sinjuri; kaċċatur tal‑iljunfanti ma jdumx daqshekk ħaj f’dan it‑tip ta’ xogħol – smajt xi ħaġa iktar preċiża dwar il‑Muntanji ta’ Suliman u l‑pajjiż ta’ madwarhom.

“Kont lil hinn mill‑pajjiż ta’ Manica, u kelli deni qawwi, meta wasal hemm Portugiż flimkien ma’ sieħbu, li kien ta’ nofs razza.

“Bdejna nitkellmu xi ftit, għaliex hu kien jitkellem Ingliż imkisser u jien kont naf xi ftit Portugiż. Qalli li kien jismu José Silvestre u li kellu post ħdejn il‑Bajja ta’ Delagoa.

“Meta kellu jitlaq l‑għada ma’ sieħbu, neħħa l‑kappell b’tislima a la antika. ‘Saħħa, señor,’ qalli. ‘Jekk qatt nerġgħu niltaqgħu, jien inkun l‑iktar raġel sinjur fid‑dinja, u m’iniex se ninsiek.’

“Dħaqt daħqa dgħajfa – ma kontx b’sikkti biżżejjed biex nidħaq bil‑qawwi – u ħarist lejh hekk kif irħielha lejn id‑deżert tal‑Punent. Bdejt naħseb kienx tassew miġnun, u x’kien qed jaħseb li se jsib hemmhekk.

“Għaddiet ġimgħa, u darba filgħaxija kont bilqiegħda barra t‑tinda tiegħi. F’daqqa waħda lmaħt raġel, li milli jidher kien Ewropew mill‑kowt li kien liebes, fuq il‑quċċata tal‑għolja quddiemi. Ir‑raġel kien qed jitkaxkar fuq idejh u saqajh, meta għal ftit ħin qam bilwieqfa, mexa żewġ passi, u reġa’ waqa’ mal‑art.

“Bgħatt lil wieħed mill‑impjegati tiegħi biex jgħinu. Meta wasslu ħdejja, rajt li kien José Silvestre – jew għall‑inqas l‑iskeletru tiegħu bi ftit ġilda fuqu.”

***** ***** stat_3 ***** *****

2: Preparazzjoni għall‑vjaġġ

“Għamilt dak kollu li stajt għalih, imma kienet ovvja li kien qed imut. L‑għada ma’ sbieħ il‑jum qam iħares lejn il‑muntanji mitt mil ’il bogħod. ‘Hemm hi,’ qalli hekk kif ipponta lejhom, ‘imma qatt ma jien se nilħaqha. Ħadd qatt ma jista’ jasal hemm.’

“ ‘Ismagħni, jien se mmut. Kont qalbek tajba miegħi. Ħalli nagħtik id‑dokument. Forsi int jirnexxilek taqsam id‑deżert li qatel lili u lill‑povru qaddej tiegħi.’

“Deffes idu fil‑qmis u ħareġ biċċa drapp. Imgeżwra ġo fiha kien hemm karta b’xi kitba fuqha u mappa. Kompla b’vuċi dgħajfa, ‘Antenat tiegħi kiteb dan waqt li kien qed imut fuq dawk il‑muntanji tliet mitt sena ilu. Jien ħlejt ħajti fuqha; forsi xi ħadd ieħor jirnexxilu jsir l‑iktar bniedem sinjur fid‑dinja. Ħudha. Din tiegħek, issa.’

“Siegħa wara kien mejjet, u dfintu fuq il‑post.”

“U d‑dokument?” staqsieni Sir Henry. “X’kien hemm miktub?”

“Id‑drapp oriġinali jinsab f’dari, f’Durban, imma għandi traduzzjoni tagħha. Ħadd ma raha barra mit‑traduttur xwejjaħ li qaleb il‑kitba. Il‑parti ewlenija taqra hekk:

‘B’għajnejja stess rajt in‑numru bla qies ta’ djamanti maħżunin fis‑sala tat‑teżor ta’ Salamun, hemm wara l‑Mewta l‑Bajda; iżda minħabba l‑qerq ta’ Gagool, it‑tabiba saħħara, ma stajt inġib xejn minnhom, u bilkemm salvajt jien. Ħalli ’l min jiġi jsegwi l‑mappa jitla’ s‑silġ fuq il‑quċċata tas‑sider xellugi ta’ Saba. Fit‑Tramuntana jsib it‑triq li kien witta Salamun u fi żmien tlitt ijiem jasal fil‑Palazz tar‑Re. Ħallih joqtol lil Gagool. Itolbu għal ruħi. Sliem. Jose da Silvestra.’

Kulħadd baqa’ sieket, mibluh. Ftit wara, komplejt ir‑rakkont.

“Sir Henry, l‑aħħar darba li rajt lil ħuk, irħielha lejn il‑Muntanji ta’ Suliman. Lill‑qaddej tiegħi tajtu nota biex jgħaddihielu, fejn spjegajtlu kif għandu jitla’ sal‑quċċata ta’ s‑sider xellugi ta’ Saba, idur lejn it‑Tramuntana u jaqbad it‑triq il‑kbira ta’ Salamun. Dak kollu li naf.”

Dan kien biżżejjed għal Sir Henry. “Sur Quatermain,” qalli, “biħsiebni mmur infittex lil ħija. Se mmur warajh sal‑Muntanji ta’ Suliman u anki lil hinn jekk ikun hemm bżonn, sakemm insibu. Trid tiġi miegħi?”

Issa jien ma kontx xi sinjur ħafna, u kelli t‑tifel li kont qed inħallaslu għall‑kors tal‑mediċina fl‑università, l‑Ingilterra, u ma stajtx nazzarda nirriskja ħajti għal kapriċċ. Madankollu l‑kundizzjonijiet li offrieli Sir Henry kienu tajbin; sa anki aċċertani li jħallas għall‑edukazzjoni ta’ ibni, u kont imħajjar. Għedtlu li sakemm inlestu l‑vjaġġ inkun ħadt deċiżjoni.

Għarrafthom bid‑deċiżjoni tiegħi lejlet il‑wasla tagħna f’Durban. “Sinjuri, qtajtha li niġi magħkom. Madankollu nħoss li għandi ngħidilkom ċar u tond li ftit li xejn hemm ċans li nibqgħu ħajjin fl‑aħħar. Inħoss li dak li ġara lil Jose da Silvestre, lid‑dixxendenti tiegħu għoxrin sena ilu u lil ħuk, se jiġri lilna wkoll.”

“Grazzi,” wieġeb Sir Henry, “imma għandekx raġun jew le, se ngħidilkom minn issa li biħsiebni nibqa’ sejjer sal‑aħħar, bis‑sewwa jew bid‑dnewwa.”

***** ***** ***** ***** *****

Qattajna l‑ftit jiem ta’ wara nippreparaw kollox. Biex imexxu l‑vagun u l‑għoxrin barri qabbadt lil żewġ Żulu, Goza u Tom. Wara dan sibt żewġ qaddejja, wieħed mit‑tribù tal‑Ħottentot jismu Ventvogel u Żulu ieħor żagħżugħ bl‑isem ta’ Khiva, li kien jaf l‑Ingliż tajjeb ħafna.

Ma stajtx insib il‑ħames persuna li kellna bżonn, u ttamajt li fi treqitna nkun nista’ nsib lil xi ħadd adattat. Madankollu, lejlet il‑bidu tal‑vjaġġ tagħna, Żulu żagħżugħ ieħor ġie jarani.

“Jismek?” staqsejtu.

“Umbopa,” qalli b’vuċi kalma u baxxa. “Smajt li se tmorru vjaġġ ’il bogħod lejn it‑Tramuntana. Nixtieq niġi magħkom.”

“Għidilna xi ħaġa dwarek,” għedtlu.

“Jien ġej mill‑poplu taż‑Żulu, imma m’iniex wieħed minnhom. Id‑dar tat‑tribù tiegħi hija fit‑Tramuntana ’l bogħod minn hawn. Dort għal ħafna snin mingħajr kraal fejn noqgħod, għax dejjem xtaqt nara kif jgħix il‑poplu abjad. Issa għejejt u rrid immur it‑Tramuntana. Ma rridx paga, imma jiena raġel qalbieni u jiena ċert li nkun ta’ għajnuna kbira.”

Ma niżlitlix xi ried jiġi magħna mingħajr ħlas ta’ xejn, u interpretajt kliemu lil Sir Henry u lil Good, u tlabthom l‑opinjoni tagħhom.

Sir Henry mar quddiemu u ħares dritt f’għajnejh.

“X’par huma, e?” qal Good hu u jħares lejhom. “It‑tnejn twal u mibnijin l‑istess.”

“Id‑dehra tiegħek togħġobni, Sur Umbopa. Nieħdok bħala l‑qaddej tiegħi,” lissen Sir Henry bl‑Ingliż.

Umbopa deher li fehmu xorta waħda. “Huwa sewwa,” qal, waqt li baqa’ jħares lejn l‑istatura ta’ Sir Henry, u kompla, “Aħna rġiel, int u jien.”

***** ***** ***** ***** *****

M’iniex biħsiebni noqgħod nirrakkonta d‑dettalji kollha tal‑vjaġġ tagħna ta’ elf mil lejn il‑Kraal ta’ Sitanda, ħlief għal eċċezzjoni waħda.

Minħabba d‑dubbien terribbli tsetse, kellna nagħmlu l‑aħħar tliet mitt mil bil‑mixi. Il‑gidma ta’ dawk id‑dubbien kienet toqtol lill‑annimali kollha minbarra l‑ħmir u l‑bnedmin. Ħallejna warajna lil Goza u lil Tom biex jieħdu ħsieb il‑vagun u l‑barrin, u krejna sitt irġiel biex iġorrulna l‑affarijiet.

Darba filgħaxija, wara mixja twila, ilmaħna t‑traċċi tal‑iljunfanti. Wara li Ventvogel eżaminahom sew, seta’ jobsor li kienu ta’ madwar għoxrin u tletin iljunfant. L‑għada lmaħna l‑merħla kollha, u kienu spettaklu liema bħalu.

Jien, Sir Henry u Good sibna pożizzjoni fejn ir‑riħ ma setax itajjar ir‑riħa tagħna lejhom u jgerrixhom, u mmirajna l‑ixkubetti tagħna. Tnejn minnhom waqgħu mejtin mill‑ewwel, imma lit‑tielet ferejnieh biss, u lebbet jiġri qalb is‑siġar baxx.

Good ġera warajh, u f’daqqa waħda smajna żarżira qawwija u lmaħna d‑dell enormi tiegħu quddiem ix‑xemx. Mument wara rajna lil Good u lil Khiva jiġru lejna saqajhom ma’ daharhom, bl‑iljunfant il‑ferut jiċċarġja warajhom.

Għall‑ewwel ftit bżajna nisparaw biex ma nolqtux lil sħabna. U f’daqqa waħda ġrat xi ħaġa terribbli.

Bil‑fixla, Good żelaq u nstabat mal‑art, wiċċu ’l isfel fil‑ħaxix, eżatt quddiem l‑iljunfant. Ħsibna li ma kellu l‑ebda ċans jeħlisha.

***** ***** stat_3 ***** *****

3: Id‑Deżert u l‑muntanja

Ġrejna lejh malajr kemm stajna, imma kollox spiċċa f’temp ta’ tliet sekondi – għalkemm mhux kif bsarna aħna. Malli Khiva, iż‑żagħżugħ Żulu, ra lil sidu jaqa’, dar mill‑ewwel u xeħet l‑assegai tiegħu dritt lejn wiċċ l‑iljunfant.

Hekk kif beda jgħajjat bl‑uġigħ, l‑iljunfant ħataf lill‑imsejken tifel bit‑tromba tiegħu, għollieh ’il fuq, u sabbtu bil‑qawwa mal‑art. B’sieq minnhom sammru ’l isfel, dawwar l‑boxxla ma qaddtu, u bi skoss wieħed qasmu min‑nofs.

Bil‑ġenn u r‑rabja li ħakmuna, bdejna nisparaw lill‑bhima bla waqfien, tir wara l‑ieħor, sakemm fl‑aħħar l‑iljunfant waqa’ fl‑art u ma ċċaqlaqx. Umbopa, ħosbien, baqa’ jħares lejn l‑iġsma tal‑iljunfant u taż‑żagħżugħ.

“Huwa sewwa,” lissen fl‑aħħar. “Huwa mejjet, imma miet mewta ta’ raġel qalbieni.”

Għall‑inqas il‑mewt ta’ Khiva ma kinitx għalxejn. Sakemm l‑iljunfant intefa’ fuqu, Good kellu ċ‑ċans jiżgiċċa minn taħtu.

***** ***** ***** ***** *****

Dfinna lill‑imsejken Khiva u komplejna triqitna lejn il‑Kraal ta’ Sitanda, minn fejn kellna nibdew il‑vjaġġ proprja. Minn hawn kien il‑bidu tad‑deżert, u qtajnieha li nivvjaġġaw billejl biex niskartaw il‑qilla kiefra tax‑xemx. Lil hinn mid‑deżert stajt nara l‑linja tal‑Muntanji ta’ Suliman. Ftit wara ż‑żerniq sibna borġ ġebel li kienu ta’ kenn ideali mis‑sħana qawwija, u rqadna taħthom sa xi t‑tlieta ta’ wara nofsinhar. L‑irġiel li kienu qablu li jġorrulna l‑affarijiet għall‑ewwel għoxrin mil issa bdew jaħsbu bieb imorru lura; għalxejn ippruvajna nikkonvinċuhom jibqgħu ftit aktar magħna. Għalhekk ħadna xarba twila, imlejna l‑fliexken tal‑ilma mill‑kontenituri tagħhom, u rajniehom jitilqu.

Dlonk komplejna l‑mixja tagħna billejl sa tlugħ ix‑xemx. Xrobna ftit ieħor, intlaqna tulna fl‑art u għajnna marret bina.

Din id‑darba ma konniex daqshekk ixxurtjati, u ma kellniex blat fejn stajna nistkennu, tant li malli stenbaħna fis‑sebgħa stħajjilna li konna qisna biċċa laħam fuq il‑grilja ta’ barbikju.

“Ma nistgħux nibqgħu sejrin hekk,” qal Sir Henry.

“Naf x’nagħmlu,” qabeż Good. “Inħaffru ħofra fonda, nidħlu fiha u nitgħattew bil‑friegħi tal‑karoo.”

Fi żmien siegħa ħaffirna ħofra madwar għaxar piedi bi tnax, u żewġ piedi fonda. Qattajna ħafna friegħi mis‑siġar, inżilna fil‑ħofra u poġġejna l‑friegħi fuqna. Tassew tawna ftit kenn mill‑qilla tax‑xemx, imma xorta waħda ma nafx kif irnexxielna ngħaddu l‑kumplament tal‑ġurnata hekk.

Bqajna hemm kollha bla nifs. Xi kultant bdejna nxarrbu xofftejna bl‑ilma biex ma jinqasmux. B’xi mod jew ieħor l‑għodwa għaddiet, imma lejn xi t‑tlieta ta’ wara nofsinhar qtajnieha li ma stajniex nissaportu iktar. Kien aħjar li mmutu fil‑mixi milli midfunin hemm isfel.

S’issa konna koprejna madwar ħamsin mil, u skont il‑mappa ta’ da Silvestra, konna madwar tnax‑il mil ’il bogħod mill‑għadira tal‑ilma. Tkaxkarna bil‑lajma tul wara nofsinhar bi tbatija kbira; bilkemm imxejna mil u nofs kull siegħa. Ma’ nżul ix‑xemx, waqafna nistrieħu.

Xrobna l‑aħħar qatriet ta’ ilma li kien baqa’, u hekk kif bdejt nongħos, smajt lil Umbopa jgħid, “Jekk ma nsibux l‑ilma, se nkunu mejtin qabel ma jitla’ l‑qamar għada.”

***** ***** ***** ***** *****

L‑għada filgħodu bdejna niddiskutu l‑qagħda tagħna. F’ħin minnhom osservajt lil Ventvogel, il‑Ħottentot, iħares lejn l‑art bir‑reqqa.

“Xiex?” staqsa Good.

Ventvogel ipponta lejn l‑art.

“Sinjali tal‑passi ta’ springbok,” komplejt jien. “B’daqshekk?”

“L‑ispringbok qatt ma jimirħu ’l bogħod mill‑ilma,” wieġeb il‑Ħottentot. Għolla mnieħru fl‑arja. “Qed inxomm l‑ilma,” lissen. “Qed inxommu, Sinjur.”

“Iva,” għedt jien. “Dażgur li hemm l‑ilma fis‑sħab, u xi xahrejn oħra jinżel xita u jaħsel l‑għadam tagħna.”

Imma kellu raġun hu. Tlajna sal‑quċċata ta’ għolja mhux bogħod wisq minn fejn konna, u hemm kienet – l‑għadira ilma! L‑ilma kien iswed u ma deherx sabiħ ħafna, madankollu xorta waħda ġrejna lejh u f’sekonda mlejna l‑istonku b’dak l‑ilma maħmuġ daqslikieku kien għasel mibgħut mill‑allat.

Dak il‑jum bqajna nistrieħu madwar l‑għadira, u filgħaxija mlejna l‑fliexken tagħna u komplejna l‑mixja. Dak il‑lejl imxejna kważi ħamsa u għoxrin mil. Straħna għal ġurnata oħra u mxejna għal lejl ieħor, u fl‑aħħar wasalna f’qiegħ il‑muntanja li kienu jsejħulha Sider Saba.

Issa konna rġajna bil‑għatx, iżda wara li straħna għal xi sagħtejn, bdejna nixxabbtu mal‑muntanja, għaliex konna ċerti li ma konniex se nsibu ilma qabel ma naslu fil‑quċċata kollha miksija silġ.

It‑tixbit kien tal‑biża’. Rajna li l‑ġnub kienu kollha miksijin bil‑lava li kienet ħarġet minn xi bokka ta’ vulkan mijiet ta’ snin qabel. Madankollu sibna ftit bettieħ li għallinqas taffielna l‑għatx. Barra minn hekk irnexxieli nolqot tajra kemxejn kbira, u biha kellna ikla tajba.

Ftit li xejn għamilna progress wara dan; madwar mil kull siegħa. Bqajna sejrin hekk għal tlitt ijiem sħaħ, u issa bdejna ninkwetaw minħabba n‑nuqqas ta’ ikel u l‑kesħa li kienet qed tiżdied aktar ma nitilgħu ’il fuq. Biex tagħqad, Ventvogel, li ma kienx jiflaħ il‑kesħa, beda jimrad.

Irnexxielu jibqa’ magħna, u għal dak il‑jum bqajna nissaraw ’il fuq, issa bis‑silġ taħt saqajna. Meta konna kważi wasalna sal‑quċċata, fejn it‑temperatura kienet erbatax‑il grad taħt iż‑żero, Umbopa ħatafni minn dirgħajja u pponta.

“Ara,” qalli. “Dak għar!”

Kien x’aktarx l‑għar li l‑esploratur Portugiż kien iddeskriva tliet mitt sena qabel. Tgezzizna fih kif stajna, u rnexxielna norqdu xi ftit minuti, imma l‑kesħa malajr reġgħet qajmitna.

Ftit qabel tlugħ ix‑xemx smajna lil Ventvogel jieħu nifs twil. Wara, snienu ma baqgħux itektku bil‑kesħa, u ħsibt li raqad. Imma meta l‑għada filgħodu r‑raġġi tax‑xemx daħlu fil‑għar, sibna li l‑Ħottentot kien miet.

F’daqqa waħda smajt għajta ta’ biża, u dawwart rasi.

Kien hemm forma oħra bilqiegħda ġewwa nett tal‑għar. Ħarist ċass lejha u ntbaħt li kien il‑ġisem ta’ raġel mejjet.

***** ***** stat_3 ***** *****

4: Tul it‑Triq il‑Kbira ta’ Salamun

Ersaqna bil‑mod lejn il‑ġisem. Sir Henry deher li ħa r‑ruħ. “Mhuwiex ħija,” lissen.

“Mela min jista’ jkun?” staqsejt jien.

“Nimmaġina li huwa Jose da Silvestra,” qal Good. “Il‑kesħa hawn fuq ippreservat ġismu għal dawn it‑tliet mitt sena.” Ġabar għadma fil‑qrib, li kellha t‑tarf imnaqqax għal ponta. “Din hija l‑għadma li uża biex impinġi l‑mappa. U hawn,” kompla hekk kif ipponta lejn ferita fuq id‑driegħ xellugi tal‑mejjet, “huwa minn fejn uża demmu bħala linka.”

Fis‑skiet ħriġna mill‑għar fejn laqgħetna x‑xemx sħuna ta’ filgħodu, u komplejna l‑mixja tagħna. F’qasir żmien ilħaqna medda ta’ art ċatta fejn rajna ħafna antilopi. Hawnhekk kellna ikel bla qies.

Qtilna waħda kbira, imma billi ma kellniex biex inqabbdu n‑nar, ħsilna l‑laħam sew fl‑ilma nġazzat ta’ nixxiegħa fil‑qrib, u kilnieh nej. Tassew, qatt ma doqt laħam daqshekk tajjeb daqs dak il‑laħam nej. F’temp ta’ kwarta rġajna ġejna f’tagħna.

Issa konna fuq il‑quċċata tal‑muntanja, u minn hemm fuq, hekk kif in‑nida ta’ filgħodu bdiet tonqos, stajna naraw taħtna t‑triq it‑twila li kienet tidher fuq il‑mappa.

Il‑mixja tagħna f’dik it‑triq kienet ħafna aktar komda. Sir Henry qalilna li x’aktarx it‑triq kienet inbniet mill‑Eġizzjani jew mill‑Feniċi l‑antiki. Sa nofsinhar tant għamilna progress li lħaqna art imsaġġra. Għaldaqstant stajna nqabbdu n‑nar u nieklu ikla sura ta’ nies.

***** ***** ***** ***** *****

Ftit ħin wara, Good kien qiegħed jinħasel f’nixxiegħa fil‑qrib meta f’daqqa waħda lanza għaddiet żbrixx minn ma’ rasu.

Fil‑pront dorna niġru u ħtafna l‑ixkubetti tagħna. Weqfin inqas minn għoxrin pass ’il bogħod minna rajna grupp ta’ rġiel suwed twal.

“Niżżlu l‑ixkubetti,” għedt mill‑ewwel lil sħabi. Ħsibt li l‑uniku mod li kellna biex insalvaw ruħna kien li nagħmlu ħbieb magħhom. Ersaqt ’il quddiem u kellimthom bl‑ilsien Żulu.

“Sliem.”

Skantajt hekk kif rajt li fil‑fatt fehmuni.

“Sliem,” wieġeb il‑kap tagħhom, u kompla. “Minn fejn ġejjin? Minn intom? U għaliex tlieta minnkom għandhom wiċċ abjad, u r‑raba’ wieħed għandu lewn ulied ommna?” Ma’ dan l‑aħħar kliem ipponta lejn Umbopa.

“Aħna vjaġġaturi u dan huwa l‑qaddej tagħna,” weġibt.

“L’ebda vjaġġatur ma jista’ jaqsam il‑muntanji fejn kollox imut. Ikollkom tmutu. Hekk tgħid il‑liġi.”

“Alla magħna,” lissen Good; kif kien il‑vizzju tiegħu meta xi ħaġa kienet tinkwetah, ċaqlaq is‑snien foloz li kellu u bdew jagħmlu l‑ħsejjes.

Dan werwer lill‑indiġeni, li mxew ħafna passi lura b’għajta f’fommhom.

Malli Good ra l‑effett li ħoloq, kompla billi ħareġ snienu minn ġo ħalqu u kixef il‑ħanek. Wara, b’ħeffa liema bħalha, poġġa idu ma’ ħalqu, u malli neħħieha, dehru sett ta’ snien bojod sbieħ.

Wieħed mill‑indiġeni nxteħet tulu fl‑art b’qima, u anki l‑kap tagħhom kellu rkopptejh qed jirtogħdu.

“Qed nara li intom spirti,” lissen bil‑mod. “Nitolbukom taħfrulna.”

F’dan il‑mument sibt ix‑xoqqa f’moxtha. Dort lejn Umbopa. “Tini l‑kanna maġika li titkellem, ja seftur u lsir.”

Umbopa mill‑ewwel fehem il‑logħba tiegħi. “Hawn hi, o Sinjur tas‑Sinjuri,” wieġeb b’leħen oħxon kollu reverenza.

Għaddhieli l‑ixkubetta, u ppuntajtha lejn antilop li kien ftit bogħod.

“Se noqtol lil dak l‑antilop b’ħoss,” għedtilhom, u għafast il‑grillu. “Bumm!” L‑antilop waqa’ mejjet.

L‑indiġeni reġgħu għajtu mwerwrin. “Dawn tassew huma sħaħar,” lissen il‑kap, “Hemm bżonn neħduhom għand ir‑Re.”

***** ***** ***** ***** *****

Bdejna l‑mixja tul dik it‑triq meraviljuża. Sirna nafu li l‑post fejn kien joqgħod ir‑re kien xi tlitt ijiem ’il bogħod, imma kellna naslu fejn kraal qabel l‑għaxija. Sadanittant bagħtu messaġġier quddiem biex iwassal l‑aħbar tal‑miġja tagħna.

Tul il‑mixja sirna nafu wkoll li ż‑żagħżugħ li kien waddab il‑lanza lejn Good kien jismu Scragga, bin ir‑re, u li l‑kap tal‑grupp kien Infadoos, zijuh.

Aħna u mexjin l‑art madwarna bdiet tisbieħ, u fl‑aħħar wasalna f’art wiesgħa fejn kien hemm il‑kraal, grupp ta’ għerejjex imdawwar b’ċint baxx magħmul mill‑qasab.

Hekk kif bdejna noqorbu, infetaħ ir‑rixtellu taċ‑ċint u għadd ta’ ġellieda liema bħalhom ħarġu u bdew jiġru lejna. Għall‑ewwel ħsibna li konna se nispiċċaw ħażin, imma fil‑fatt il‑ġellieda nqasmu fi gruppi ta’ tliet mitt raġel kull wieħed, u sellmulna bil‑lanza hekk kif għaddejna minn qalbhom. Ovvjament, l‑aħbar tal‑“maġija” tagħna kienet waslitilhom!

***** ***** ***** ***** *****

Bqajna fil‑kraal għal dak il‑lejl, u wara komplejna l‑mixja tagħna filgħodu. Ħadna jumejn oħra tul it‑Triq il‑Kbira ta’ Salamun qabel ma wasalna fil‑belt ta’ Loo, fejn kien joqgħod ir‑re. Matul din il‑parti tal‑vjaġġ rajna gruppi oħra ta’ ġellieda li kienu qed jiġru quddiemna biex jaslu għall‑festival il‑kbir annwali.

Filgħaxija tat‑tieni jum rajnieha l‑belt quddiemna. Bħala belt indiġena, kienet tassew post enormi, b’dijametru x’aktarx ta’ xi ħames mili. Kien hemm eluf ta’ ħġejjeġ madwar il‑parti ta’ barra, u domna mexjin it‑triq prinċipali għal xi nofs siegħa qabel ma wasalna quddiem għadd ta’ għerejjex li kienu ppreparaw għalina.

L‑għada filgħodu, għednilhom li konna lesti biex naraw lir‑re. Infadoos mexxiena għal xi mitt metru sakemm wassalna f’parti magħluqa ta’ madwar sitta jew sebat itmien] Hawnhekk kien hawn madwar sebgħa jew tmint elef ġellied, kollha weqfin bħal statwi hekk kif imxejna qalbhom.

Waqafna quddiem għarix imdaqqas, u stennejna madwar għaxar minuti fi skiet perfett, b’dawk l‑eluf ta’ għajnejn kollha msammrin fuqna.

Fl‑aħħar, il‑bieb tal‑għarix infetaħ.

***** ***** stat_3 ***** *****

5: Twala, Gagool u Ignosi

L‑ewwel tfaċċat il‑figura xipli ta’ tabiba saħħara. Warajha ħareġ ġgant. Kellu dehra tal‑biża’.

Immaġinajna li dan kien ir‑re Twala. Kellu l‑ikreh wiċċ li qatt rajna. Kellu għajn waħda tajba, imma minflok l‑oħra kien hemm ħofra fonda.

Għolla l‑lanza li kellu f’idu, u minnufih tmint elef lanza oħra għolew b’tislima. Wara dan, waqa’ skiet perfett. Inkiser f’daqqa waħda hekk kif wieħed mill‑ġellieda waqgħetlu t‑tarka mal‑art. Twala dawwar l‑għajn waħda tiegħu lejn il‑ġellied.

“Waqqajtni taċ‑ċajt quddiem il‑barranin,” lissen bil‑korla. Dar lejn ibnu. “Scragga, oqtol lil dan l‑ineffiċjenti!”

Scragga resaq ’il quddiem. Xejjer il‑lanza darba darbtejn quddiem il‑ġellied, u fl‑aħħar nifdu b’ħeffa liema bħalha. Il‑ġellied waqa’ mejjet fl‑art, u tgemgima twila dwiet qalb is‑suldati l‑oħra.

Wara dan, Twala dar lejna. “Poplu abjad, minn fejn ġejtu, u xi tridu minn hawn?”

“Ġejna minn qalb il‑kwiekeb,” weġibt jien. “Qatt rajt nies bħalna qabel? U ma qalulekx kif nistgħu nagħtu l‑mewt mill‑bogħod?”

“Qaluli,” qal Twala. “Imma m’emminthomx. Oqtlu lil xi wieħed mill‑ġellieda tiegħi, u nemmen.”

“Le,” qbiżt jien fil‑pront. “Aħna ma nxerrdux demm mingħajr ġustifikazzjoni. Imma ordna lil wieħed minn niesek jimxi erbgħin pass u jwaqqaf il‑lanza tiegħu mal‑art, bix‑xafra tipponta ’l fuq.”

Dlonk, suldat ħareġ minn qalb il‑folla, u poġġa l‑lanza tiegħu fejn u kif ordnalu r‑re. Immirajt l‑ixkubetta tiegħi bir‑reqqa u sparajt. Minnufih ix‑xafra ċ‑ċatta tal‑lanza splodiet f’biċċiet.

Qamet għagħa twila madwarna. Imma l‑inkwiet kien għadu ġej. Dak il‑ħin it‑tabiba saħħara qomsot ’il quddiem twerżaq b’dik il‑vuċi rqiqa u penetranti tagħha. “Demm! Demm! Xmajjar ta’ dmija kullimkien! Nista’ narah! Nista’ nxommu! Nista’ ntiegħmu! Jixxerred mal‑art, nieżel mis‑smewwiet...”

Daret lejna b’dik ir‑ras qargħa. “X’qegħdin tfittxu, nies bojod mill‑kwiekeb? Ġejtu għaċ‑ċagħaq li jiddi. Naf, naf! Se ssibuh – wara li d‑dmija jkunu nixfu.”

F’daqqa waħda, wiċċ it‑tabiba saħħara beda jitgħawweġ, u nstabat mal‑art maħkum minn ferħ ta’ ġenn.

Ir‑re ħares lejna mwerwer. “Gagool qiegħda tgħid kliem bla sens. Qiegħed naħsibha noqtolkomx.”

“Attent, O Re,” qbiżt jien bil‑kunfidenza kollha li stajt niġbor, “mhuwiex faċli li toqtolna. U rajtha s‑setgħa tal‑bastun maġiku tagħna.”

Ir‑re kemmex wiċċu, ħosbien. Wara ftit, lissen, “Morru. Itilqu fil‑paċi.”

***** ***** ***** ***** *****

Infadoos wassalna sal‑għarix tagħna, u malli dħalna għedtlu, “Milli jidher Twala huwa re kiefer.”

“Tassew, Sinjur – u llejla se taraw kemm jista’ jkun kiefer. Illejla se jinqabdu u jinqatlu ħafna sħaħar.”

“Allura għaliex il‑poplu ma jneħħiehx?” staqsejtu.

“Jekk noqtlu lilu, Scragga jieħu postu, u emmnuni meta ngħidilkom li qalb Scragga hija ħafna aktar kiefra.”

F’daqqa waħda, qabeż Umbopa. “Twala mhuwiex ir‑re veru. Ir‑re veru huwa Ignosi, iben Imotu, li ġie maqtul minn Twala, u Ignosi għadu ħaj!”

“Le,” wieġeb Infadoos. “L‑iben miet ma’ ommu meta ppruvaw jaħarbu fil‑muntanji.”

“L‑iben ma mietx. Irnexxielu jaqsam il‑muntanji u żar ħafna postijiet, u tgħallem l‑għerf tal‑poplu abjad, sakemm ġie lura u sab lilek, iz‑ziju tiegħi.

Jien Ignosi, ir‑re leġittimu ta’ din l‑art.

B’dan il‑kliem, kixef żaqqa, u rajna tattwaġġ ta’ serp ma’ qaddtu.

Għajnejn Infadoos kważi qabżu minn wiċċu. Dlonk intefa’ għarkopptejh. “Tassew, inti r‑re!” għajjat.

Domna ftit biex niżżilna l‑fatt li l‑qaddej tagħna kien fil‑fatt ir‑re ta’ poplu sħiħ, imma tul il‑vjaġġ tagħna kien ta’ sehmu u qabeż għalina kemm‑il darba, għaldaqstant konna lesti ngħinuh jikseb lura r‑renju tiegħu.

Infadoos ukoll ħalef li jgħinu. “Ignosi, Iben is‑Sajjetti, wara l‑kaċċa għas‑sħaħar illejla, inkellem lil xi ftit mill‑kbarat l‑oħra u nġibhom biex jiltaqgħu miegħek. Sa għada filgħodu se jkollok għoxrin elf lanza jiġġieldu għalik. Għax biex taqlibha lil Twila, bilfors se jkollu jkun hemm gwerra.”

***** ***** ***** ***** *****

Qatt ma jien se ninsa l‑orrur ta’ dik il‑lejla. Aktar minn mitt suldat inqatlu bla ħniena u mingħajr ebda proċess. Kinux innoċenti jew le, it‑tabiba saħħara sempliċement ippuntat lejhom u l‑għassiesa personali tar‑re qatluhom fuq il‑post.

Umbopa kien se jispiċċa bħalhom ukoll, għax Gagool ippuntat lejh ukoll, iżda jien minnufih ħriġt il‑pistola tiegħi u ppuntajtha lejn Twala. Heddidtu li noqtlu jekk is‑suldati tiegħu imissu lill‑qaddej tagħna. Dam iħares lejna b’għajnu imberrqa, imma fl‑aħħar għamel sinjal biex l‑għassiesa jitilqu lil Umbopa, u ħallewna mmorru lura fl‑għarix tagħna.

“Jekk kelli xi dubji dwar għandix ngħin lil Umbopa, dawk issa għosfru għal kollox,” lissen Sir Henry hekk kif poġġejna bilqiegħda. “Għamilt kemm stajt biex nibqa’ kwiet waqt dak il‑massakru.”

Bqajna siekta matul il‑lejl kollu. Konna xxukkjati wisq b’dak li konna rajna. Konna kważi lesti biex norqdu meta Infadoos daħal ma’ xi nofs tużżana kbarat.

“Sinjuri,” qalilna, “dawn il‑kbarat lesti li jaċċettaw lil Ignosi bħala r‑re leġittimu, iżda għandhom bżonn iċ‑ċertezza li l‑maġija tal‑bniedem l‑abjad hija miegħu u lesta tipproteġih.”

Tlabna lill‑kbarat joħorġu għal ftit sakemm iddiskutejna l‑biċċa bejnietna. Malli ħarġu, Good ħareġ almanakk minn butu.

“Naħseb naf x’nistgħu nagħmlu,” qal. “Għada jaħbat l‑erbgħa ta’ Ġunju, u naf li se jkun hemm eklissi totali tal‑Qamar. Dak huwa s‑sinjal li għandhom bżonn. Ngħidulhom li se naħbu ’ll‑Qamar għal sagħtejn għada f’nofsillejl.”

Bit‑tama li ma ħadniex data b’oħra – u li l‑almanakk ta’ Good kien tajjeb – ħriġt barra u kellimt lill‑kbarat.

“Qegħdin taraw il‑Qamar fis‑sema. Ma jogħġobniex li noqogħdu nużaw il‑maġija tagħna, imma billi aħna rrabjati bl‑imġiba ta’ Twala, se nagħmlu b’tali mod li għada billejl il‑Qamar jinbela’ għal siegħa u nofs.”

Il‑kbir l‑aktar anzjan tbissem. “Iva, Sinjur, jekk jirnexxielkom twettqu dan, aħna nkunu tassew sodisfatti. Hija xi ħaġa sabiħa, dik li qegħdin twiegħdu – li titfu ’ll‑Qamar, omm id‑dinja.”

Malli dħalt lura fl‑għarix, Sir Henry qal, “Issa nittama li din il‑biċċa tal‑Qamar tirnexxi.”

“Jekk le,” weġibt jien b’ton serju, “b’rasna se jdur.”

***** ***** stat_3 ***** *****

6: Preparazzjoni għall‑gwerra

Ma konniex nafu li kumbinazzjoni fi żmien l‑eklissi kellhom jiċċelebraw iż‑“Żifna tat‑Tfajliet”, li kienet issir kull sena. Milli stajna nifhmu, dan kien rit, li fih l‑aktar tfajla sabiħa kien joqtolha Scragga bħala sagrifiċċju.

Dik l‑għaxija ħarġuna quddiem il‑kraal tar‑re biex naraw iċ‑ċerimonja. Twala kien, hemm imdawwar mill‑għassiesa personali tiegħu. Miegħu kien hemm Scragga u numru ta’ kbarat oħra. Quddiem kien hemm weqfin ringiela ta’ tfajliet, kollha b’kuruna ta’ fjuri fuq rashom.

“Merħba, nies bojod mill‑kwiekeb,” qal Twala hekk kif wasalna, umbagħad dar lejn it‑tfajliet. “Ibdew iż‑żifna!”

It‑tfajliet bdew jiżfnu u jkantaw melodija ħelwa, l‑ewwel fi gruppi, u mbagħad separati. Wara ż‑żifna, Twala dar lejna. “Liema taħsbu li hija l‑aktar ħelwa, o nies bojod?”

“L‑ewwel waħda,” qbiżt jien mingħajr ma qgħadt naħsibha – u wara ftakart li l‑aktar waħda ħelwa kellha tintgħażel għas‑sagrifiċċju!

“Mela dik se tmut!” lissen Twala. “Ġibuha quddiemi. U Scragga, lesti l‑lanza tiegħek!”

Żewġ għassiesa ħatfu lit‑tfajla minn dirgħajha u mexxewha ’l quddiem, waqt li Scragga għolla l‑lanza bil‑lest. Iżda qabel ma kellu ċans jużaha, it‑tfajla żgiċċat minn idejn l‑għassiesa u nxteħtet mal‑art quddiemna. Jien ersaqt lejha.

“O Re,” għedt jien, “din it‑tfajla mhux se tmut.”

Twala qam minn postu, mistagħġeb u fl‑istess ħin inkurlat. “Biċċa ta’ kelb abjad! Kif tazzarda tinbaħ quddiem l‑iljun tal‑għar! Scragga, oqtolha! Għassiesa, aqbdu lil dawn il‑bojod!”

“Ieqfu!” għajjatt jien. “Agħmlu pass ieħor, u nitfu l‑qamar u nixħtu ’ll‑art fi dlam ċappa.”

Għal mument l‑għassiesa ffriżaw, u jien ħarist iddisprat lejn il‑qamar. Ħadt ir‑ruħ meta fuq tarf tal‑globu tond abjad ilmaħt tixlifa sewda żgħira. L‑eklissi kien beda.

Għollejt idejja lejn il‑qamar, u bdejt ngħid ħafna kliem bla sens, bħallikieku kont qiegħed inwettaq xi seħer. Bil‑qajla, id‑dell fuq il‑qamar beda jikber, u l‑ġellieda madwarna bdew jgħajtu u jingħu bil‑biża’. U d‑dell baqa’ jikber.

“Il‑Qamar qed imut!” Scragga beda jwerżaq. “Is‑sħaħar il‑bojod xeħtu saħta fuqu!” Jew bi twerwer jew b’rabja – jew forsi bit‑tnejn – għolla l‑lanza għat‑tieni darba u xeħetha dritt lejn sider Sir Henry. Imma Sir Henry kien svelt biżżejjed biex jevita d‑daqqa. Ħataf il‑lanza minn id Scragga u nifdu biha. Dlonk Scragga waqa’ mejjet.

Issa aktar imwerwrin minn qabel, l‑għassiesa u t‑tfajliet bdew iwerżqu u lebbtu mal‑erbat irjieħ. Minnufih, il‑kbarat li kienu wiegħduna li jaqbżu għalina nġabru madwarna.

“Tajtkom is‑sinjal li tlabtu,” għedtilhom. “Jekk intom sodisfatti, jaqblilna nitilqu minn hawn mill‑aktar fis. Is‑seħer se jdum għal siegħa u nofs biss. Ħa nitilqu issa sakemm għadu dlam ċappa.”

***** ***** ***** ***** *****

Hekk kif ħrabna minn hemm, Infadoos qalilna li kien qal lir‑reġimenti tiegħu biex jinġabru ma’ tlugħ ix‑xemx. U fil‑fatt ma’ sbieħ il‑jum sibna madwar għoxrin elf suldat miġburin f’biċċa art wiesgħa ftit lil hinn mill‑kraal. Kien tassew fihom spettaklu x’tara.

Infadoos beda jkellem lir‑reġiment. Fakkarhom kemm il‑poplu kien bata taħt Twala. Wara semma kif in‑nies il‑bojod ġew biex jgħinuhom, kif tfew il‑Qamar u salvaw il‑ħajja ta’ tfajla. Barra minn dan, kienu ġabu magħhom lir‑re veru, ir‑re leġittimu tan‑nazzjon.

Malli Infadoos qal dan l‑aħħar kliem, Umbopa – jew aħjar, Ignosi – resaq ’il quddiem. Tenna ħafna minn dak li qal zijuh Infadoos, u mbagħad għolla l‑mannara tiegħu fil‑għoli fuq rasu.

“Jekk hawn xi ħadd fostkom li jaħseb li m’iniex tassew ir‑re, jersaq ’il quddiem issa u niġġilidlu, ħalli demmu jkun is‑sinjal li jien qiegħed ngħid il‑verità.”

Ħadd ma aċċetta l‑isfida tiegħu. Lil Ignosi aċċettawh bħala r‑re l‑ġdid tagħhom, u dlonk inġbarna biex niddiskutu l‑battalja li, żgur mhux forsi, kienet riesqa.

Tassew li kellna madwar għoxrin elf suldat magħna, imma stajna nikkalkulaw li Twala kien se jilħaq jiġbor madwar id‑doppju qabel l‑għada. L‑uniku vantaġġ li kellna kien li konna fuq il‑quċċata ta’ għolja, u qattajna l‑isbaħ parti tal‑ġurnata nippustjaw lis‑suldati u nimblukkaw it‑toroq kemm stajna.

Ftit qabel inżul ix‑xemx, wasal messaġġier ta’ Twala flimkien ma’ grupp żgħir ta’ nies. Kellu f’idu werqa tal‑palm bħala sinjal li kien ġie biex jiddiskuti.

“Sliem!” għajjat hekk kif wasal. “Dan huwa kliem ir‑re: ‘Ċedu issa u nkun sodisfatt bi ftit li xejn demm. Noqtol biss wieħed minn kull għaxra minnkom. Lill‑oħrajn inħallihom jgħixu. Iżda dak ir‑raġel l‑abjad li qatel lil ibni Scragga, Infadoos, u dak li qiegħed jippretendi li se jieħu t‑tron tiegħi, dawk se jmutu ttorturati.”

Iddiskutejt il‑biċċa mal‑oħrajn, iżda kollha kemm aħna konna determinati li ma naċċettawx dawk il‑kundizzjonijiet. Lill‑messaġġier tajtu t‑tweġiba tagħna.

Daħaq f’wiċċi. “La kuntenti hekk,” lissen, “għada ċ‑ċawl se jkun qiegħed inaqqar l‑għadam tagħkom sakemm ikun abjad aktar minn wiċċkom.”

***** ***** ***** ***** *****

Qattajna l‑lejl mingħajr ma għalaqna għajn m’għajn, iżda ma’ sbieħ il‑jum konna fuq ruħna, hekk kif osservajna l‑kolonni ta’ Twala joqorbu bil‑qajla lejna minn tliet naħat.

“Mank kellna Gatling,” lissen Good hekk kif rajna s‑suldati telgħin l‑għolja bil‑qajla. “Kont neħles minnhom kollha f’għoxrin minuta.”

Imma ma kellniex dak it‑tip ta’ armi, u għalkemm bdejna nisparaw fuq is‑suldati, m’għamilna l‑ebda effett kbir, daqslikieku konna qegħdin nissuttaw ċagħaq kontra mewġa qawwija.

Waslu fuqna, u bdew jimbuttaw l‑ewwel linja tagħna lura sakemm tħalltet mat‑tieni waħda. U wara dan is‑suldati tagħna baqgħu mixjin lura, sakemm fl‑aħħar waslu fuq it‑tielet u l‑aħħar linja ta’ difiża li kien hemm bejnna u bejniethom. Il‑mewt għalina issa kienet viċin.

***** ***** stat_3 ***** *****

7: Il‑Battalja

F’qasir żmien, jien, Sir Henry u Good sibna ruħna fil‑qalba tat‑taqbida. Irnexxielna nimbuttaw lura żewġ attakki, imma mbagħad xi suldati qalulna li l‑attakk tal‑għadu kien se jisfronda n‑naħa tal‑lemin tal‑pożizzjoni tagħna.

Ignosi ġabar ir‑reġiment tar‑riserva, u jien mort miegħu. Ma niftakarx id‑dettalji ta’ x’ġara wara dak; l‑unika ħaġa li niftakar kien suldat kbir jiġri lejja b’lanza mgħollija ppuntat lejja. Tbaxxejt malajr u bir‑rankatura tal‑ġirja tiegħu ma kellux ċans jieqaf, għola minn fuq dahri u spiċċa warajja mal‑art. Qabel ma kellu ċ‑ċans iqum, użajt il‑pistola tiegħi fuqu.

Ftit sekondi wara, ħassejt daqqa qawwija fuq rasi u ntlift minn sensija. Ma niftakar xejn aktar.

Meta ġejt f’tiegħi, sibt lil Good mgħawweġ ganċ fuqi bi flixkun ilma.

“Kif qed tħossok?” staqsieni b’vuċi inkwetata.

Qomt bilwieqfa. “Mhux ħażin, grazzi,” weġibt. “Kif marret il‑battalja?”

“Imbuttajniehom lura. Tlifna madwar elfejn suldat mejtin jew feruti, imma naħseb li huma tilfu madwar tlitt elef.”

Morna fejn Sir Henry, li kien qed jiddiskuti ma’ Infadoos u Ignosi. “Twala ħa tagħlima, llum,” Ignosi kien qiegħed jgħid, “u mhux se jerġa’ jattakka malajr. Issa jistenna, għax jaf sew li la għandna ikel u lanqas ilma.

“Hemm tliet affarijiet minn xiex nagħżlu. Nibqgħu hawn qisna xi ljun bil‑ġuħ, jew nippruvaw nirtiraw lejn it‑Tramuntana – jew naqbdu u nattakkaw l‑armata ta’ Twala.”

Talab l‑opinjoni tagħna, u wara li ddiskutejtha ma’ Sir Henry u Good, għedtlu li kien jaqblilna nattakkaw.

“Huwa sew,” qal Ignosi. “Qalbi hija deċiża. Nattakkaw lil Twala dan il‑jum stess – u minn hekk se jiddependu ħajjitna kollha.”

***** ***** ***** ***** *****

Il‑pjan ta’ azzjoni kien diġà f’moħħ Ignosi.

“Meta x‑xemx tkun qorbot il‑għabex, ftit mis‑suldati tagħna javvanzaw lejn il‑wied hemmhekk. Malli jarahom, Twala jibgħat lis‑suldati tiegħu biex jattakkawhom. Imma l‑passaġġ għall‑wied huwa dejjaq, u r‑reġimenti tiegħu jkollhom jgħaddu minn hemm wieħed wara l‑ieħor biex jattakkawna. Sakemm ikunu qed jitqabdu hemmhekk, terz mir‑reġiment tagħna jgħaddi bil‑moħbi minn fuq l‑għoljiet tul il‑wied fuq ix‑xellug, waqt li terz ieħor jgħaddi minn fuq il‑lemin. Malli jkunu fil‑pożizzjonijiet tagħhom, nattakkaw bit‑tliet sezzjonijiet għalenija.”

Spjegajna din l‑istrateġija lill‑kapijiet kollha u dlonk konna lesti biex nimxu. Good resaq lejja u lejn Sir Henry.

“Sliem għalikom, ħbieb,” qalilna. “Jien sejjer mas‑sezzjoni tal‑lemin. Għaldaqstant ġejt neħdilkom b’idejkom fil‑każ li ma nerġgħux niltaqgħu.”

***** ***** ***** ***** *****

Ftit żmien wara, is‑sezzjonijiet li kellhom javvanzaw fil‑ġnub telqu fis‑skiet, u dlonk sabu l‑pożizzjonijiet tagħhom. Sadanittant, malli Twala ra s‑sezzjoni tagħna dieħla fil‑wied, bagħat lis‑suldati tiegħu biex jilqgħuhom.

Madankollu, kif kien basar Ignosi, il‑passaġġ għall‑wied kien tant dejjaq li r‑reġimenti ta’ Twala kellhom jgħaddu wieħed wara l‑ieħor. Għall‑ewwel ir‑reġimenti waqfu għax ma kinux jafu x’jaqbdu jagħmlu, imma malli feġġ Twala, l‑ewwel reġiment minnufih kompla miexi ’l quddiem, u b’għajta waħda bdew l‑attakk.

B’għajta kbira oħra, ir‑reġiment tagħna ġera ’l quddiem biex jilqgħuhom. Jien kont qiegħed mat‑truppi tar‑riżerva, u mill‑pożizzjoni tiegħi stħajjilt il‑wied kollu qed jiddi bix‑xemx tirrifletti fuq dawk l‑eluf ta’ lanez.

Ftit minuti wara, Ignosi ta s‑sinjal lis‑sezzjonijiet fuq il‑ġnub biex jattakkaw. U b’aktar għajjat ta’ qilla, iż‑żewġ naħat ingħaqdu fit‑taqbida fil‑wied. Is‑sezzjoni ta’ suldati qalbiena li kienu fil‑wied kienu diġà tilfu ħafna minn nieshom, imma malli raw sħabhom fil‑ġnub tal‑wied niżlin jgħinuhom, qawwew qalbhom, bdew jgħajtu aktar, u bdew jiġġieldu b’aktar qilla.

M’għandix kliem biex nispjega x’ġara wara. Niftakar l‑avvanz ordnat tagħna, ħafna għajjat, u l‑ponot tal‑lanez ileqqu f’nida ta’ demm. Ħin minnhom sibt ruħi maġenb Sir Henry, li kien qed ixejjer il‑mannara tiegħu ’l hawn u ’l hinn.

F’daqqa waħda instemgħet għajta minn xi suldati. “Twala! Twala!” U qalb il‑folla feġġ ir‑re nnifsu, il‑ġgant b’għajn waħda.

“Raġel abjad li qatel lil ibni Scragga, ara intix kapaċi toqtol lili!”

B’dik l‑għajta ntefa b’saħħtu kollha fuq Sir Henry, u b’qilla liema bħalha fajjar daqqa fuq it‑tarka ta’ Sir Henry tant qawwija li dan waqa’ lura għarkopptejh.

B’xorti tajba, f’dak il‑waqt ir‑reġiment tar‑re beda jisparpalja, u malli ra dan, Twala ħarab mal‑kumplament ta’ niesu.

***** ***** ***** ***** *****

Fl‑aħħar il‑battalja ntemmet, imma t‑telf fuq kull naħa kien tal‑biża’. Infadoos ħares lejn il‑ħamsa u disgħin suldat li kien għad baqa’ fuq saqajhom, mir‑reġiment tiegħu ta’ erbat elef.

“X’ġara llum se jibqa’ jissemma qalb uliedna u ulied uliedna,” qal. Dar lejn Sir Henry u ħadlu b’idu. “Jien sirt naf ħafna nies qalbenin f’ħajti,” qallu, “madankollu qatt ma ltqajt ma’ raġel bħalek.”

Ignosi ddeċieda jkompli l‑avvanz ħalli jkollu rebħa totali. Hekk kif bdejna l‑marċ, ilmaħna lil Good bilqiegħda fuq bejta tan‑nemel. Kellu ferita f’siequ. Wara li dewwejnieh kif stajna, poġġejnieh mimdud fuq tarka u refgħuh żewġ suldati biex inkomplu treqitna.

Malli wasalna fil‑belt rajna ħafna suldati bilqiegħda mal‑art, imnikktin u b’qalbhom maqtugħa, bil‑lanez tagħhom mitluqin ħdejhom. Bqajna mixjin lejn il‑kraal ta’ Twala. Sibnieh bilqiegħda hemmhekk flimkien mat‑tabiba saħħara Gagool.

“Sliem, O re!” qal lil Ignosi bi tmejjil. “X’għandek merfugħ għalija?”

“L‑istess ħaġa li għamilt int lil missieri, u li t‑tron tiegħu inti qgħadt fuqu dawn is‑snin kollha,” wieġbu Ignosi b’vuċi solenni.

“Huwa sewwa. Imma bħala persuna rjali neżiġi li jingħatali d‑dritt li mmut bil‑ġlied.”

“U dak id‑dritt lest li nagħtihulek. Ma’ min trid tiġġieled? Ma nistax niġġieled miegħek jien, għax re jiġġieled fil‑gwerra biss.”

Dik l‑għajn waħda ta’ Twala bdiet timraħ fuq in‑nies li kienu weqfin wara Ignosi. Dlonk ipponta lejn Sir Henry.

“Sakemm mhuwiex xi beżżiegħ, irrid niġġieled miegħu!”

***** ***** stat_3 ***** *****

8: Is‑Swali ta’ Re Salamun

“Nitolbok ma tilqax l‑isfida, ħija l‑abjad,” lissen Ignosi. “Diġà ġġilidt biżżejjed għalija llum.”

“Ma jien se nħalli lil ebda bniedem jgħajjarni beżżiegħ,” wieġeb Sir Henry fil‑pront. “Jiena lest nilqa’ l‑sfida.”

Ftit mument wara, it‑tnejn kienu qed iduru madwar xulxin, bl‑imnanar tagħhom mgħollijin. Daqqa wara l‑oħra waqgħu fuq it‑tarki tagħhom, imma Twala tant kien b’saħħtu li daqqa waħda minn tiegħu saħansitra qasmet il‑manku tal‑mannara ta’ Sir Henry.

Il‑folla madwarhom infexxet f’għagħa kbira, iżda qabel ma Twala kellu l‑ħila jfajjar l‑aħħar daqqa, Sir Henry rema t‑tarka tiegħu, inxteħet fuq Twala u qabdu minn qaddtu. Baqgħu jissaraw hekk fit‑tul, imqabbdin ma’ xulxin bil‑muskoli b’saħħithom li kellhom it‑tnejn.

Bi tqanżih kbir, Twala għolla lill‑Ingliż ’il fuq mill‑art. It‑tnejn li kienu waqgħu tulhom mal‑art, u bdew jitgerrbu fuq xulxin, imqabbdin ma’ xulxin qishom żewġt iqtates slavaġ. Sadanittant Twala kien għadu qed jipprova juża l‑mannara tiegħu.

Fl‑aħħar, Sir Henry rnexxielu jeħles idu mill‑morsa, u ħataf il‑mannara. F’temp ta’ sekondi qam bilwieqfa. Għolla l‑mannara u dar dawra mejt, u hekk kif Twala resaq ’il quddiem, fajjar daqqa waħda bil‑mannara.

Il‑folla splodiet f’għajta ta’ ferħ hekk kif ras Twala taret minn fuq għonqu.

***** ***** ***** ***** *****

Għaddew ftit jiem sakemm Sir Henry rkupra mill‑feriti tiegħu, u ftit aktar jiem sakemm Good seta’ jerġa’ jimxi sew. Imma fl‑aħħar konna lesti biex inkomplu l‑vjaġġ tagħna. Fittixna lil Ignosi.

“Issa l‑poplu tiegħek jinsab mill‑ġdid fil‑paċi, nixtiequ nkomplu t‑tiftixa tagħna tal‑Minjieri tar‑Re Salamun u ħu l‑ħabib tiegħi,” għedtlu.

“Huwa sewwa,” wieġeb Ignosi. “Imma persuna waħda biss tista’ turikom it‑triq – Gagool.”

Ressqu lit‑tabiba saħħara quddiemna. “In‑nies il‑bojod iridu jsibu s‑sala fejn hemm iċ‑ċagħaq li jiddi,” qalilha Ignosi. “Jew tgħinhom, jew tmut!”

Gagool bdiet tisħet u tgerger, iżda Ignosi kien iebes, u fl‑aħħar Gagool kellha ċċedi.

Bqajna mixjin tul it‑triq lejn il‑muntanji għal xi tlitt ijiem. Magħna kien hemm grupp ta’ nies ta’ Ignosi, u fosthom kien hemm Faulata, it‑tfajla li konna salvajna mill‑mewt nhar l‑eklissi. Meta konna kważi lħaqna l‑quċċata ta’ waħda mill‑muntanji, intbaħna li quddiemna kien hemm tliet statwi enormi. Dawn kienu l‑Ġganti s‑Siktin, relikwi ta’ żmien qadim ħafna.

Għaddejna minn ħdejhom u bqajna mixjin, sakemm fl‑aħħar wasalna quddiem fetħa kbira fil‑blat.

“Lesti tidħlu f’Lok il‑Mewt, nies bojod mill‑kwiekeb?” qabdet tqaqi Gagool.

Mingħajr ma qagħdet tistenna t‑tweġiba tagħna, daħlet ġewwa. Bl‑għajnuna tat‑torċijiet li nies Ignosi kienu ġabu magħhom, dħalna warajha, u sibna ruħna f’għar naturali enormi b’forom differenti tal‑għaġeb fuq il‑ħitan.

Qsamnieh, u fuq in‑naħa l‑oħra ġejna f’kurutur. F’qiegħ il‑kurutur sibna sala mdallma. Din ma kinitx naturali. Xi ħadd fl‑antik kien ħaffirha b’idu.

Jien m’iniex bniedem li nimpressjona ruħi malajr, imma dak li rajt hemm innervjani kemxejn. Kien hemm mejda twila fin‑nofs, u fit‑tarf tagħna fuq in‑naħa l‑oħra kien hemm l‑iskeletru ta’ bniedem kolossali, madwar xi ħmistax‑il pied twil. Wara dan, bilqiegħda fuq bankijiet tal‑ġebel, kien hemm ringiela ta’ statwi ta’ nies.

Hemm kienu kollha kemm huma, ir‑rejiet l‑antiki tat‑tribù, miksijin b’għabra rqiqa ta’ silġ li għattiet lill‑eqdem wieħed għal aktar minn erba’ sekli u nofs, imma bil‑fattizzi tagħhom xorta għadhom jidhru kemm kemm!

***** ***** ***** ***** *****

“Is‑Sidien tiegħi għadhom mhux imbeżżgħin biżżejjed?” lissnet Gagool bi tbissima makakka fuq fommha.

“Kompli,” weġibtha jien b’vuċi soda.

Gagool kompliet miexja sa n‑naħa l‑oħra tas‑sala. Poġġiet idha fuq parti mill‑ħajt, u mbuttat ’il ġewwa. Minnufih, blokka mill‑ħajt bdiet tiela’ ’l fuq sakemm għebet fis‑saqaf fuqna. Inkixfet daħla għal sala oħra.

Din kienet it‑triq għas‑swali tat‑teżori ta’ Salamun.

“Idħlu, nies bojod mill‑kwiekeb,” lissnet Gagool. “Darba biss nies daħlu f’din is‑sala. Raġel abjad daħal darba, imma beża’ u lebbet ’il barra mingħajr ma ħa xejn miegħu minn hawn.”

“X’aktarx kien da Silvestra,” għedt jien fil‑baxx.

“Ħadd aktar ma qatt daħal hawn,” kompliet Gagool. “Kull re li għadda fetaħ dan il‑bieb fi żmienu, imma ħadd minnhom ma daħal, għax hemm għajdut li kull min jidħol hemm imut fi żmien xahar.”

“Lili mhux se tbeżżagħni dik ix‑xifajka,” lissen Good, hekk kif baqa’ dieħel dritt wara Gagool.

Komplejna mixjin tul il‑kurutur u għaddejna minn bieb b’ħafna pittura elaborata. F’daqqa waħda, sibna ruħna fis‑sala tat‑teżor tar‑Re Salamun.

L‑ewwel ħaġa li rajna quddiemna kienet ġabra liema bħalha ta’ nejbiet ta’ ljunfanti; kien hemm bejn erba’ u ħames mija b’kollox, avorju biżżejjed biex jagħmlu ’l wieħed sinjurun għal għomru.

Fuq in‑naħa l‑oħra tas‑sala kien hemm xi kaxxi tal‑injam.

“Hemm qegħdin id‑djamanti!” għajjatt jien.

Sir Henry żamm id‑dawl fuq il‑kaxxa ta’ fuq nett. L‑injam tagħha kien tmermer biż‑żmien. B’daqqa ta’ ponn qawwija rnexxieli nisfrundaha, u għaddast idi ġo fiha. Malli ħriġtha lura kienet mimlija – mhux bi djamanti, iżda b’ħafna muniti tad‑deheb!

“Jiġri x’jiġri, żgur mhux se noħorġu minn hawn b’idejna vojta,” għedt, hekk kif poġġejt il‑muniti lura fil‑kaxxa. “Imma m’iniex qed nara djamanti.”

“Fittxu hemm jekk tridu taraw iċ‑ċagħaq,” qabżet Gagool.

Dak il‑ħin niftakar li saqsejt lili nnifsi kif it‑tabiba saħħara kienet taf fejn kienu d‑djamanti jekk qalet li l‑ebda bniedem ma kien daħal hemm minn ħafna ġenerazzjonijiet ’l hawn, imma sadanittant Good kien diġà mexa lejn tliet reċipjenti kbar tal‑ġebel fir‑rokna tas‑sala. Wieħed minnhom kien diġà miftuħ.

“Araw,” lissen mistagħġeb b’vuċi maħnuqa.

Ħarisna, iżda għal mument ma stajna naraw xejn minħabba dija fiddiena li għamietna għal ftit. Malli għajnejna qagħdu għad‑dawl, ħtaft ponn ta’ djamanti kbar u mhux maqtugħin.

“Aħna l‑aktar nies sinjuri fid‑dinja!” lissint, mistagħġeb.

***** ***** stat_3 ***** *****

9: In‑Nasba ta’ Gagool

“Iftħu s‑sniedaq l‑oħra, nies bojod,” ħeġġitna Gagool bil‑vuċi maħnuqa tagħha. “Ħudu dak kollu li tridu, Sinjuri! Ħa Ħa! Dak kollu li tridu!”

Tant konna aljenati neżaminaw it‑teżori, li ma rajniex lil Gagool toħroġ inkiss inkiss mis‑sala u lura fil‑kurutur lejn il‑bieb ewlieni tal‑ġebel.

L‑ewwel ħjiel li Gagool kienet sparixxiet kien meta smajna lil Faulata, li kienet qed tistenna barra, twerżaq. Morna niġru tul il‑kurutur u sibnieha tissara ma’ Gagool fid‑daħla, bil‑bieba tal‑ġebel nieżla bil‑qajla biex tagħlaq l‑intrata. It‑tfajla kienet qed tiggranfa mat‑tabiba saħħara, u stajna naraw li ħwejjiġha kienu mdemmija. Gagool kellha stallett f’idha. Qabel ma kellna ċans nilħquhom, rajna lil Gagool titbissem lejna b’dak il‑ħalq mgħawweġ tagħha hekk kif ippruvat tiżgiċċa minn taħt il‑bieb qed jingħalaq.

Tard wisq. Il‑bieb ingħalaq għal kollox, u Gagool inqabdet taħtu. It‑twerżiq li bdiet twerżaq kien tal‑waħx, imma ma stajna nagħmlu xejn għaliha. Ġrejna ħdejn it‑tfajla, iżda rajna li kienet qed tmut.

Good refagħha f’idejh. “Ma jiddispjaċinix li se mmut,” qaltlu. “Intom salvajtu ħajti, u issa jien salvajt lilkom.”

“M’iniex ċert kemm hu tassew,” lissen Sir Henry, hekk kif Good niżżel lit‑tfajla l‑mejta bil‑mod. “Dik il‑mingħula difnitna ħajjin!”

B’disprament liema bħalu, intfajna fuq il‑bieb u bdejna ngħaddu jdejna minn fuqu u nimbuttaw kemm nifilħu, bit‑tama li nolqtu xi mekkaniżmu sigriet li kien jiftaħ il‑bieb. Imma ma sibna xejn.

Fis‑skiet, erġajna morna lejn is‑sala tat‑teżor, li issa kienet saret ukoll il‑qabar tagħna.

***** ***** ***** ***** *****

Matul dak il‑lejl bqajna bilqiegħda hemm ġew nistennew il‑mewt, iżda l‑għada, ftit wara filgħodu, ġietni idea.

“Qed tinnutaw li l‑arja hawn ġew għadha friska?”

Minnufih qomna minn postna u bdejna nduru madwar is‑sala biex naraw kienx hemm xi xaqq minn fejn kienet dieħla xi żiffa. Good sabha: ħolqa tal‑ġebel mal‑art.

It‑tlieta flimkien bdejna niġbduha ’l fuq b’kemm kellna saħħa. F’daqqa waħda nstema’ ħoss qawwi u sibna ruħna daharna mal‑art, bil‑bieba tal‑ġebel fuqna.

Neħħejnieha minn fuqna, u rajna li issa mal‑art kien hemm fetħa b’taraġ tal‑ġebel li kien qed jagħti ’l isfel. Imlejt il‑bwiet kollha li kelli b’kemm stajt niġbor djamanti, u mort wara sħabi li sadanittant bdew niżlin it‑taraġ. Wasalna f’passaġġ mudlam. Bdejna mixjin, u l‑passaġġ ħadna f’passaġġ ieħor, u ieħor wara dak. Bqajna sejrin hekk għal sigħat sħaħ, inħossu mal‑ħajt u nimxu bil‑mod f’dak id‑dlam ċappa. Stajna nobsru li x’aktarx dawk il‑passaġġi kienu tħaffru mill‑istess nies li kienu bnew il‑minjieri fl‑antik. Madankollu ma kien hemm l‑ebda sinjal ta’ ħruġ.

F’daqqa waħda, smajna lil Sir Henry jieħu nifs twil ’il ġewwa. “Ħarsu ’l hemm! Qiegħed niġġennen, jew dak tassew huwa dawl?”

Fil‑fatt, stajna naraw dawl fil‑bogħod, dgħajjef ħafna. Issa rġajna mtlejna bit‑tama, u bdejna nimxu aktar bil‑ħeffa. Wara ħames minuti konna ċerti li tassew kien hemm ħruġ fil‑qrib, u ftit minuti wara bdejna nħossu kurrent ta’ arja friska jaħbat ma’ wiċċna.

Il‑passaġġ beda jidjieq u kellna nimxu għarkopptejna. Kompla jiċkien u jiċkien, sakemm fl‑aħħar ma kienx ikbar minn ħofra ta’ volpi. Madankollu, issa stajna noħorġu fil‑beraħ, taħt xemx tisreġ. Fl‑aħħar konna barra!

***** ***** ***** ***** *****

Sibna li konna fil‑qiegħ ta’ ħofra fonda li kienet tagħti għat‑triq il‑kbira. Imxejna tulha sakemm rajna lil Infadoos u ftit min‑niesu.

Ħarsu lejna kollha mbellhin. “Sinjuri! Ġejtu lura mill‑mewt!” Is‑suldat ix‑xwejjaħ qabeż fuqna, jgħannaqna, jiżfen u jidħaq bil‑ferħ.

Wara li qattajna ftit żmien nistrieħu u nitrejqu, morna lura biex insibu l‑ħofra minn fejn konna ħriġna. Imma sadanittant kienet għamlet ix‑xita, u ma stajniex insibuha. Kien hemm xi ħofor oħrajn, imma ma stajniex ngħidu liema minnhom kienet dik li konna ħriġna minnha.

Imma morna mill‑ġdid fil‑Sala ta’ Lok il‑Mewt. Minn hemm bqajna nħarsu lejn dik il‑blata li kienet sakkritna ġewwa, u bdejna naħsbu dwar it‑teżori li kien hemm warajha u l‑imsejkna tfajla li kienet hemm ġew ukoll. Għamilna madwar siegħa nippruvaw insibu l‑mekkaniżmu sigriet li Gagool kienet użat biex tiftaħ il‑bieb, imma bqajna ma sibniehx, u fl‑aħħar qtajna qalbna. Madankollu, illum naħseb li anki kieku rnexxielna nsibu kif nidħlu, ma nafx kemm kien ikollna l‑kuraġġ nerġgħu nidħlu wara dak li konna għaddejna minnu hemm ġew.

Għalhekk kellna nitilqu l‑post. Forsi xi darba, f’xi seklu fil‑ġejjieni, xi esploratur qalbieni jirnexxilu jsib is‑sigriet u jrodd dawk it‑teżori lid‑dinja, imma niddubita kemm hu possibbli. L‑għadam ta’ Faulata se jibqgħu iżommu kumpanija lil dawk il‑miljuni ta’ liri f’ġojjelli għall‑eternità.

Madankollu ma kontx iddiżappuntat għall‑aħħar, għax kont ixxurtjat biżżejjed biex nippakkja l‑bwiet tiegħu bid‑djamanti qabel ma tlaqna. Kellna biżżejjed biex jagħmlu lit‑tlieta li konna sinjuri tassew, għalhekk ma konniex tlaqna b’idejna vojta.

***** ***** ***** ***** *****

Ftit jiem wara wasalna lura Loo, fejn irrakkuntajna l‑istorja inkredibbli tagħna lil Ignosi, li semagħha b’interess liema bħalu. Wara li spiċċajna l‑istorja, għedtlu li kien wasal iż‑żmien biex insellmulu. “Ġejt magħna bħala qaddej u se nitilquk re ta’ nazzjon kbir. Jekk trid tirringrazzjana ara li tagħmel dak li wegħidtna: li taħkem b’ġustizzja, li tħares il‑liġi, u li ma tqiegħed lil ħadd fil‑periklu mingħajr ebda raġuni. Hekk biss tkun tista’ taħkem kuntent. Għada tkun tista’ tagħtina skorta biex jgħinuna naqsmu l‑muntanji?”

Ignosi talabna bil‑ħerqa biex nibqgħu hemm, u offra li jagħtina dak kollu li xtaqna. Imma aħna żammejna sod mar‑rieda tagħna.

“Issa naf,” lissen Ignosi b’għajnejh imberrqin, “li intom tħobbu ċ‑ċagħaq li jiddi aktar milli tirrispettaw lili. Issa għandkom iċ‑ċagħaq. Misħutin iċ‑ċagħaq u misħut min ifittixhom.”

Poġġejt idi fuq driegħu. “Ignosi,” għedtlu, “meta kont qalb in‑nies bojod, ma kontx qiegħed il‑ħin kollu tixxennaq biex tfittex tiġi lura f’art twelidek? Hekk issa qalbna għandhom ukoll il‑kilba biex jaslu lura f’darhom.”

Kien hemm ftit ta’ silenzju, u meta Ignosi reġa’ tkellem, kien b’ton differenti.

“Qed nifhimkom,” wieġeb. “Qalbi sewda, iżda qed nara li kliemek jagħmel sens. Morru mela, imma l‑memorja tagħkom għal dejjem se tibqa’ ħajja f’dan il‑pajjiż.”

***** ***** stat_3 ***** *****

10: L‑Aħħar avventura

L‑għada filgħodu tlaqna Loo flimkien ma’ skorta mir‑reġiment ta’ Infadoos. Għalkemm il‑ġurnata kienet għadha bikrija, folla enormi ta’ nies kienet qed tistenniena tul it‑triq biex tagħtina l‑aħħar tislima. Is‑suldati tawna tislima rjali bil‑lanez mgħollijin ’il fuq, waqt li n‑nisa berkuna talli konna ħlisniehom minn Twala.

Aħna u mexjin Infadoos għarrafna li kien hemm passaġġ ieħor minn fejn stajna ngħaddu qalb il‑muntanji. Minnu stajna nilħqu l‑filliera ta’ għoljiet li kienu jifirdu Kuakuanaland mid‑deżert. Minn hemm stajna wkoll nilħqu oasi. Infadoos qalilna li fil‑fatt kien hemm oasi oħrajn tul it‑triq.

Wasalna ħdejn l‑għoljiet wara erbat ijiem mixi, u hawnhekk Infadoos kellu jagħtina l‑aħħar tislima. Dan ix‑xwejjaħ b’saħħtu u qalbieni kien kważi mbikkem hekk kif sellmilna.

“Sinjuri, dawn l‑għajnejn qatt aktar ma huma se jaraw nies bħalkom,” qalilna b’sogħba. “Se nibqa’ niftakar kif ir‑raġel ta’ xagħru safranija ġġieled bi qlubija kontra l‑għadu. Ah! Ma nistax ninsa kif irnexxielu jeqred lill‑ħażin Twala. Qatt ma nista’ nittama li nara li xi ħadd ieħor bħalu, minbarra forsi f’ħolm sabiħ.”

***** ***** ***** ***** *****

U hawn wasalt għal dik li forsi hija l‑avventura l‑aktar stramba f’din il‑ġrajja kollha.

F’xi nofsinhar tat‑tielet jum ta’ mixi, stajna naraw is‑siġar tal‑oasi li Infadoos kien qalilna biha. S’hemmhekk kienet mixja twila u kiefra, għalkemm il‑gwidi tagħna kienu ġarrew magħhom ilma biżżejjed biex inkomplu l‑vjaġġ. Imxejt ftit ’il quddiem minn sħabi tul xmajra żgħira li kienet tieħu mill‑oasi għad‑deżert.

F’daqqa waħda waqaft u bdejt nogħrok għajnejja għax ma stajtx nemmen dak li kont qed nara. Ftit aktar minn għoxrin metru quddiemi kien hemm għorfa żgħira.

“Xi x‑xjafek qegħda tagħmel, għorfa f’dawn l‑inħawi,” lissint mistagħġeb. F’dak il‑waqt, il‑bieb tal‑għorfa nfetaħ, u ħareġ raġel abjad, izappap u b’daqna sewda folta. Għall‑ewwel ħsibt li l‑qilla tax‑xemx kienet għamlet bija. Ma setax ikun. L‑ebda kaċċatur ma kien wasal daqshekk ’il bogħod. U l‑ebda kaċċatur ma kien qatt se jazzetta hawn.

Jien u dak ir‑raġel bqajna niċċassaw lejn xulxin għal ftit sekondi, sakemm Sir Henry u Good waslu warajja.

“Araw ftit!” għedtilhom. “Dak raġel abjad jew qed niġġennen?”

Sir Henry ħares lejn ir‑raġel. Good ħares lejn ir‑raġel. F’daqqa waħda, ir‑raġel għajjat għajta kbira u beda jzappap lejna bil‑ħeffa. Imma qabel ma laħaqna, ħassu ħażin u waqa’ mal‑art.

“F’ġieħ il‑qaddisin!” għajjat Sir Henry, “Dak ħija George!”

***** ***** ***** ***** *****

Meta George ġie f’tiegħu spjegalna kif hu u l‑qaddej tiegħu kienu ilhom sentejn jgħixu hemm. Milli jidher, hu kien ipprova jilħaq il‑Minjieri tar‑Re Salamun mit‑triq li aħna konna qbadna biex niġu lura.

Huma wkoll kienu batew ħafna fid‑deżert, imma dik l‑istess ġurnata li kienu wasla fl‑oasi, ġebla kbira kienet waqgħet fuq George u għaffġitlu siequ tant li ma setax ikompli jimxi aktar. Għall‑inqas, fejn kienu kien hemm biżżejjed ilma u annimali x’jikkaċċaw għall‑ikel.

“Għalhekk,” George temm l‑istorja tiegħu, “bqajna ngħixu hawn għal dawn l‑aħħar sentejn, qisna Robinson Crusoe u sieħbu Nhartaġimgħa, bit‑tama li xi darba niltaqgħu ma’ xi nies tal‑pajjiż. Ma ltqajna ma ħadd, u issa ġejtu intom!”

Wara dan, Sir Henry qabad jirrakkuntalu l‑avventuri tagħna, u baqa’ sejjer jispjega l‑lejl kollu.

***** ***** ***** ***** *****

L‑għada filgħodu bdejna l‑vjaġġ tagħna lejn il‑Kraal ta’ Sitanda. Kien vjaġġ twil u iebes, speċjalment minħabba l‑fatt li kellna ngħinu lil George Curtis, li ma setax jimxi mgħaġġel ħafna. Madankollu, wasalna qawwijin u sħaħ, u hemm sibna l‑bhejjem u l‑vagun tagħna qed jistennewna.

Għaddew ftit xhur oħra sakemm wasalna fil‑post tiegħi f’Durban. Sir Henry pprova jikkonvinċini biex immur lura l‑Ingilterra magħhom, u fl‑aħħar qtajtha li naċċetta, mhux għax ma xtaqtx nibqa’ l‑Afrika, imma aktar għax kelli l‑opportunità li nerġa’ nara lil ibni Harry.

Hemmhekk ħadna d‑djamanti biex jagħmlulna stima tagħhom. Il‑bejjiegħ tad‑djamanti sabha diffiċli ħafna biex jagħtihom prezz għax tul il‑karriera tiegħu qatt ma kien ra tant djamanti f’salt. U tant kienu ta’ valur kbir li lanqas azzarda jixtrihom minn għandna. Madankollu ssuġġerilna li nibdew inbiegħuhom ftit ftit kull tant snin, ħalli ma nwaqqgħux il‑valur tas‑suq. Xorta waħda offrielna somma mdaqqsa għall‑ftit djamanti li xtara.

Bħala parti mill‑kundizzjonijiet li konna għamilna ma’ Sir Henry fil‑bidu tal‑vjaġġ tagħna, jien u Good konna ftehimna li naqsmu kull teżor li nsibu ndaqs bejnietna. Fl‑istess ħin it‑tnejn insistejna li anki George kien jistħoqqlu s‑sehem tiegħu, għax wara kollox kien bata ħafna iktar minna fil‑vjaġġ tiegħu.

Fl‑aħħar morna fil‑klabb ta’ Sir Henry u hemmhekk għamilna brindisi bis‑saħħa tagħna u tal‑ġejjieni, kif ukoll bit‑tama li xi darba nkunu nistgħu niltaqgħu flimkien mill‑ġdid għal xi avventura oħra.

***** ***** TMIEM ***** *****

***** ***** stat_3 ***** *****

Noti

Antilopi: Tipi ta’ ċriev. [Lura]

Assegai: Tip ta’ lanza li tintuża mill‑popli tal‑Afrika tan‑Nofs u t’Isfel. [Lura]

Avorju: Materjal abjad li jittieħed min‑nejbiet tal‑iljunfanti jew is‑snien ta’ annimali oħra. Jintuża biex jagħmlu statwi u tiżjin bih, u jqum ħafna flus. [Lura]

Gatling: Speċi ta’ xkubetta awtomatika li tispara mijiet ta’ tiri b’ħeffa kbira. [Lura]

Grillu: Dik il‑parti tal‑ixkubetta jew pistola li tagħfas biex tispara. [Lura]

Karoo: Tip ta’ art, kważi deżert, li tinsab l‑aktar fl‑Afrika t’Isfel. [Lura]

Kraal: Għall‑poplu Żulu (l‑Afrika t’Isfel), raħal jew grupp ta’ għerejjex u għeluq għall‑annimali mdawwar b’ċint tal‑qasab. [Lura]

Mil: Tip ta’ kejl għat‑tul, ġeneralment ta’ biċċa art, triq jew pajjiż. Jintuża fl‑Ingilterra u fl‑Istati Uniti u bejn wieħed u ieħor jiswa ftit iktar minn kilometru u nofs. [Lura]

Oasi: Biċċa art fertili f’nofs deżert, ġeneralment madwar għadira ilma u ftit siġar, u tagħti kenn lil annimali u nies. [Lura]

Pied: Kejl Ingliż għat‑tul − madwar 30.48 ċentimetru. [Lura]

Relikwi: Oġġetti antiki li huma ta’ tifsira jew valur importanti reliġjużi. [Lura]

Rit: Ċerimonja, ġeneralment reliġjuża, magħmula minn għadd ta’ kliem, talb u atti li jsegwu ċerti regoli. [Lura]

Robinson Crusoe: Personaġġ fir‑rumanz bl‑istess isem ta’ Daniel Defoe. [Lura]

Saba: Renju antik imsemmi fil‑Bibbja u fil‑Qoran, l‑aktar magħruf għar‑Reġina ta’ Saba. [Lura]

Springbok: Tip ta’ antilop komuni ħafna fl‑Afrika t’Isfel. [Lura]

Tabiba saħħara: Mara spiritwali, komuni fil‑popli tal‑Afrika t’Isfel, li kienet idewwi lill‑morda jew lill‑feriti. [Lura]

Tmien: (Singular, tomna) Tip ta’ kejl antik għall‑għelieqi tar‑raba’. Tomna waħda hija bejn wieħed u ieħor ftit akbar minn elf metru kwadru. [Lura]

***** ***** stat_3 ***** *****