Henry Rider Haggard
(1856-1925)
Sors: wikipedia.org/GIMP
Sir Henry Rider Haggard illum huwa magħruf l‑aktar bħala rumanzier iżda matul ħajtu kien fil‑fatt Segretarju tal‑Gvern Kolonjali tal‑Afrika t’Isfel, ragħaj tan‑ngħam, avukat u espert fl‑agrikoltura. Kienet waħda mill‑kitbiet tiegħu dwar l‑agrikoltura li għaliha kien ingħata t‑titlu ta’ Sir fl‑1912.
Twieled l‑Ingilterra nhar it‑22 ta’ Ġunju, 1856. Fl‑1875, fl‑età ta’ dsatax‑il sena, mar l‑Afrika t’Isfel bħala Segretarju tal‑Gvernatur Brittaniku għal Natal. Fl‑1879, telaq dak ix‑xogħol biex jibda jrabbi n‑ngħam. Fl‑Afrika t’Isfel, in‑ngħam kienu jrabbuhom għar‑rix tagħhom, li kien moda kbira kemm għat‑tiżjin kif ukoll bħala mriewaħ għan‑nisa sinjuri.
Aktar tard f’ħajtu kiteb dwar dawn l‑esperjenzi, fosthom: “In‑ngħama hija għasfur kemxejn antipatika. F’burdata ħażina tibqa’ tiġri warajk sakemm taqilbek mal‑art. Jekk ngħama taqbad tiġri warajk, l‑unika ħaġa li tista’ tagħmel hija li tinxteħet ċatt mal‑art. B’dan il‑mod, ma tkunx tista’ tolqtok b’saqajha u ma tkunx tista’ tagħtik b’munqarha. Tibda toqmos u tiżfen madwarek u mbagħad toqgħod bilqiegħda fuq rasek qisha tistħajjilha xi bajda li tkun tridha tfaqqas.”
Wara sentejn, Haggard ma baqax irabbi n‑ngħam u mar lura l‑Ingilterra, fejn fl‑1884, ħa dottorat fil‑Liġi. Madankollu ma ħadimx ħafna bħala avukat, għax fl‑1885 ippubblika r‑rumanz Il‑Minjieri tar‑Re Salamun, li tant għamillu suċċess li ma kellux bżonn jaħdem aktar.
Haggard kien jikteb ir‑rumanzi tiegħu malajr ħafna u dejjem qal li kien jiktibhom sempliċement biex jaqla’ l‑flus. Dak li tassew kien jinteressah, kienu l‑agrikoltura u l‑kolonji tax‑xogħol, imma kien jieħu l‑kitbiet tiegħu bis‑serjetà wkoll, tant li semma lit‑tlett ibniet tiegħu għal tliet personaġġi mir‑rumanzi tiegħu stess. Sakemm miet fl‑1925, Haggard kien laħaq kiteb erbgħin rumanz.
Haggard qatta’ ħafna żmien minn ħajtu jivjaġġa, speċjalment fl‑Afrika, biex jiġbor tagħrif għar‑rumanzi tiegħu. Żar il‑piramidi tal‑Eġittu u użahom bħala sfond għar‑rumanz tiegħu Cleopatra, li kiteb fl‑1889. Fl‑awtobijografija tiegħu, Ġranet minn Ħajti, spjega kif kien juża l‑esperjenzi tiegħu sabiex iwassal dawn il-kitbiet.
”Mill‑Kajr, komplejt sejjer tul in‑Nil, u bdejt nosserva t‑tempji u l‑oqbra kollha tar‑rejiet ta’ Tebe. Meta mort hemm l‑ewwel darba niftakar kif inżilt f’wieħed minnhom bit‑torċa tan‑nar ingerrex il‑miljuni ta’ friefet il‑lejl li kien hemm. Għadni qed narahom issa,, fid‑dawl tan‑nar, dawk il‑friefet il‑lejl qishom iħirsa jiżfnu fuq il‑ħitan. Fil‑fatt, wara tajthom il‑ħajja fl‑ispirtu tal‑farfett il‑lejl ġgantesk fil‑piramida fejn Cleopatra u Harmakis marru jfittxu t‑teżor ta’ Menkau‑Ra.”
Haggard kien tal‑fehma li kittieb għandu jżur il‑postijiet li jkun irid jiddeskrivi fl‑istejjer tiegħu. Kiteb hekk: “Jekk wieħed irid jikteb rumanz tassew tajjeb bi sfond ta’ xi perjodu antik, l‑aħjar li jista’ jagħmel huwa li jmur iżur dawk l‑imkejjen fejn il‑personaġġi tal‑istorja tiegħu kienu għexu, ħalli jintilef f’dak l‑ambjent. B’hekk forsi jkun jista’ jaqbad xi ħaġa minn dik l‑atmosfera. Imbagħad, jekk ikollu tagħrif biżżejjed, l‑immaġinazzjoni tiegħu tagħmel il‑kumplament.”
Qari tal-provi: Lydia Pellicano
© Norman C. Borg