Kitba ta’ Charles Casha
Madwar 800 kelma
Merlin Publishers (2023)
Ġeneri
Letteratura għat-tfal
X'nagħmel biex naqra
l-istorja sħiħa?
Din hija silta qasira mill-ktieb Fuq il‑Muntanja ż‑Żgħira miktub minn Charles Casha u ppubblikat minn
Biex tispiċċa l‑istorja, sib il‑ktieb fil‑librerija tal‑iskola jew dik pubblika. Jekk trid, tista’ ssib aktar tagħrif dwar il‑ktieb jew tixtrih onlajn mingħand Merlin Publishers.
Elbio kien joqgħod f’raħal ċkejken, qrib waħda mill‑ muntanji li kien hemm ftit ’il barra mir‑raħal. Dawn il‑muntanji kienu importanti ħafna għan‑nies tar‑raħal għax kienu jġibu x‑xita u minnhom kien jinżel ħafna ilma ġieri fil‑widien. Waħda minn dawn il‑muntanji kienu jsejħulha l‑Muntanja ż‑Żgħira għax kienet l‑inqas waħda għolja.
Għal ħafna nies fir‑raħal isem Elbio kien jinħass stramb u kienu dejjem jistaqsu lil missieru u lil ommu għala kienu semmewh hekk. Imma dawn qatt ma qalulhom minn fejn kienu ġabu dak l‑isem għat‑tifel tagħhom.
Meta twieled Elbio, ommu riedet issemmih Daniel u missieru xtaq isemmih Pablo. Ma setgħux jaqblu bejniethom u sa ftit jiem wara li twieled, it‑tifel kien għadu bla isem!
Darba waħda missieru ħareġ jimxi u mar ħdejn il‑Muntanja ż‑Żgħira. Hemmhekk iltaqa’ ma’ wieħed raġel xiħ u waqaf jitkellem miegħu.
“Tidher qalbek sewda ħabib,” qallu dak ix‑xiħ.
“Iva. Ftit ilu kellna tifel u għadna ma nistgħux naqblu dwar x’isem se nagħtuh.”
“Mela ħalli ngħidlek jien x’għandkom issemmuh. Lit‑tifel semmuh Elbio.”
“Elbio?? Dan x’isem hu? Qatt ma ltqajt ma’ xi ħadd jismu hekk!”
Ix‑xiħ tbissem u qal lil missier it‑tarbija:
“Wieħed għaref ħabib tiegħi kien qalli li l‑isem Elbio għandu x’jaqsam mal‑muntanji. U kif taf, dan ir‑raħal għandu rabta kbira mal‑muntanji.”
“Imma t‑tifel tagħna x’għandu x’jaqsam mal‑ muntanji?” staqsa missier Elbio li kien għadu ma jistax jifhem x’ried jgħidlu dak ix‑xiħ. “Illum le, imma ’l quddiem iva. La jikber it‑tifel tagħkom għad isib xortih fuq il‑Muntanja ż‑Żgħira. Semmuh Elbio. Isma’ minni.”
Il‑missier ħaseb li x‑xiħ kien qiegħed jiċċajta jew li ried jgħaddih biż‑żmien. Imma hu u sejjer lura d‑dar, kompla jaħseb fuq dak li kien qallu. Ma kienx jaf x’ħa jaqbad jagħmel. Ftit ftit dak l‑isem beda jogħġbu u meta wasal id‑dar qal lill‑mara x’kien qallu dak ix‑xiħ. Għall‑ewwel din ma ħaditx gost għax kienet għadha qiegħda tittama li tgħaddi tagħha. Fl‑aħħar it‑tnejn qablu li jsemmuh kif kien qalilhom dak ix‑xiħ, bil‑ħsieb li meta jikber, it‑tifel tagħhom isib xortih bis‑saħħa tal‑Muntanja ż‑Żgħira.
Minn qaddisu Elbio kien tifel timidu u jemmen kulma jisma’. In‑nies tar‑raħal kienu jqisuh bħal xi tifel baħnan u l‑ġenituri tiegħu kienu dejjem jinkwetaw fuqu. Għalkemm qatta’ xi snin fl‑iskola tar‑raħal, ma tantx mexa ’l quddiem u meta ħareġ kien tgħallem biss kemm jaqra u jikteb.
Elbio kien iħobb imur għand waħda min‑nanniet tiegħu li kienet toqgħod ftit ’il bogħod minn fejn kienu joqogħdu ommu u missieru. Kien isejħilha “in‑nanna tal‑istejjer” għax kienet dejjem tgħidlu xi storja.
Bħal ħafna tfal, Elbio kien iħobb jisma’ lil min jirrakkonta xi storja u kull meta kien imur għand nanntu, kien jgħidilha:
“Għandek xi storja għalija nann, illum?”
“U żgur li għandi!” kienet twieġbu n‑nanna bi tbissima. U malajr kienet tpoġġi bilqiegħda fuq il‑pultruna favorita tagħha, taħt it‑tieqa. Imbagħad erħilha tirrakkonta xi storja li tkun semgħet meta kienet tifla jew li tkun ħolqot minn moħħha.
Imma Elbio ftit li xejn kien iħabbel rasu minn fejn nanntu tkun ġabet dik l‑istorja. L‑aqwa li tgħidlu storja!
Darba waħda nanntu rrakkontatlu din l‑istorja.
“Ftit nies minn dan ir‑raħal kienu jersqu lejn il‑muntanji. U wisq inqas kienu jissograw jitilgħu sal‑quċċata ta’ xi waħda minnhom. Imma kien hemm wieħed raġel jismu Fabio li tħajjar jitla’ mal‑Muntanja ż‑Żgħira biex wara jkollu biex joqgħod jiftaħar ma’ ħbiebu. Miegħu ħa fanal u ħabel. Telaq mid‑dar meta kien għadu lanqas sebaħ. Qabel ma beda tiela’ mal‑muntanja ma kienx hemm sħaba waħda fis‑sema.
Wara ftit dar ir‑riħ u beda riesaq sħab iswed minn wara l‑muntanji. Kien għadu nofs triq meta bdiet nieżla ħafna xita. Din ma kinitx xi ħaġa mhix tas‑soltu għal dawk l‑inħawi. Fabio ma qagħadx jaħseb x’jista’ jiġri u kellu xewqa kbira li jitla’ sal‑quċċata.
“ ‘Oj Oj,’ għajjat Fabio hekk kif ħass il‑qtar tax‑xita fuq wiċċu. ‘Hawn ġejja x‑xita! Aħjar nara fejn se ndabbar rasi għax se nieħu xi tixriba!’
“Fabio beda jfittex fejn seta’ jistkenn u lemaħ fetħa fil‑blat tal‑muntanja.
“ ‘Jekk nidħol f’dak l‑għar inkun nista’ nistkenn hemm ġew,’ ħaseb.
“Mingħajr telf ta’ żmien daħal jiġri fl‑għar.
“Fabio xegħel il‑fanal għax fl‑għar kien hemm id‑dlam. Beda jfittex xi post fejn seta’ joqgħod sakemm tieqaf ix‑xita. L‑għar kien fond u Fabio tħajjar jibqa’ dieħel aktar ’il ġewwa. Imma qabel, rabat il‑ħabel mal‑blat biex permezz tiegħu jsib triqtu lura jekk jintilef fil‑ġewwieni tal‑għar. Bil‑għajnuna tad‑ dawl tal‑fanal seta’ jara fejn kien qiegħed imidd riġlejh.
F’ħin minnhom lemaħ xi ħaġa f’rokna. Resaq aktar qrib lejha u hemm ra kaxxa kbira tal‑ ħadid, kollha sadid u miksija trab.
“ ‘Min jaf x’hemm ġo fiha?’ beda jistaqsi lilu nnifsu. ‘Fuq kollox tista’ tkun vojta!’ qal f’ħin minnhom. ‘U nkun ħadt kedda għalxejn!’
“Ma riedx li jkompli tiela’ fuq il‑muntanja qabel ma jara x’kien hemm moħbi ġo dik il‑kaxxa. Għall‑ewwel ma setax jiftaħha minħabba s‑sadid li kellha. Imma wara li dam jitħabat magħha għal ftit tal‑ħin sew, irnexxielu jgħolli l‑għatu li beda jżaqżaq għax iċ‑ċappetti kienu kollha msaddin.”