Madwar 2,900 kelma
Ġeneri
Storja
Kapitli
Kelmtejn qabel
1: Ix-xini bil-qlugħ
2: Pocahontas tiltaqa’ ma’ John Smith
3: Xitwa f’Jamestown
4: Il-Kap Powhatan jibda l-gwerra
5: Pocahontas tiżżewweġ
Noti
Adattament għall-Malti:
Norman C. Borg
© Norman C. Borg
Qari tal-Provi:
It-tim tal-
Aġenzija Nazzjonali tal-Litteriżmu
Il‑karattru ta’ Pocahontas huwa minqux fil‑leġġendi u l‑folklor Amerikani: tfajla Indjana li qabżet għal raġel Ingliż meta l‑poplu tagħha ried joqtlu. Maż‑żmien, il‑ġrajja bdiet tiżżewwaq b’ħafna dettalji vvintati, sakemm fi żminijietna saret kważi storja romantika. Il‑film ta’ Walt Disney tal‑1995, tista’ tgħid, għen biex il‑karattri tal‑istorja saru popolari madwar id‑dinja kollha. Iżda kemm hemm verità fl‑istorja kif nafuha llum?
Il‑prinċipessa Indjana Pocahontas twieldet qrib il‑belt ta’ Jamestown, fl‑1595. Nafu biha għaliex il‑Kaptan John Smith kiteb ħafna mill‑episodji ta’ din l‑istorja fil‑kotba tiegħu, għalkemm xi studjużi jaħsbu li dawn kienu ftit esaġerati.
John Smith u l‑kolonisti ta’ Jamestown riedu jżommu relazzjonijiet paċifiċi ma’ missier Pocahontas, il‑Kap tal‑poplu Powhatan. L‑isem l‑ieħor tal‑Kap Powhatan kien il‑Kap Wahunsonacock. Ir‑Re Ġakbu l‑Ewwel tal‑Ingilterra bagħat ħafna rigali lill‑kap. Fosthom, John Smith tah kuruna sabiħa u pproklamah (tah it‑titlu ta’) Re tal‑Imperu Powhatan. Madankollu, li ma kienx jaf Wahunsonacock kien li l‑Imperu Powhatan xorta waħda kien taħt il‑ħakma tar‑Re Ġakbu!
Mejju kien xahar sabiħ fl‑art tal‑Indjani Algonquian Kien hemm siġar twal u fjuri ta’ kull lewn kull fejn tħares. Is‑sema u l‑baħar kienu kaħlana. Pocahontas kienet it‑tifla ta’ Powhatan, li kien wieħed mill‑aqwa kapijiet tat‑tribù Algonquian. Għalkemm isimha proprja kien Matoaka, missierha kien iħobb isejħilha Pocahontas, li kienet tfisser “it‑tifla l‑favorita tiegħi”. Dak iż‑żmien, Pocahontas kellha ħdax‑il sena. Kienet tfajla sabiħa b’xagħar iswed tuta u għajnejn skuri.
Bħal kull tifla u tifel ieħor ta’ dik l‑età, Pocahontas ftit li xejn kellha ħsibijiet, għalkemm kienet tagħmel xogħolha bir‑reqqa fil‑villaġġ. Pocahontas kienet dejjem ferrieħa, u meta ma kienx ikollha xogħol x’tagħmel għat‑tribù, kienet tħobb tiġġerra fil‑foresta, fl‑għelieqi u qalb l‑għoljiet ta’ madwar ir‑raħal.
Fis‑6 ta’ Mejju, 1607, Pocahontas kienet qed tiġġerra fuq l‑għoljiet meta, isfel fil‑bajja, lemħet ħaġa stramba fuq wiċċ l‑ilma. Kienet ħaġa li qatt ma kienet rat qabel.
Għalkemm f’dak il‑waqt ma kinitx taf, kienet qiegħda tħares lejn xini li kien għadu kemm jasal mill‑Ewropa. Għaliha kienet dehra tal‑għaġeb. Setgħet tifhem li kienet speċi ta’ dgħajsa, imma qatt ma kienet rat dgħajsa kbira daqshekk, bi qlugħ bojod u bnadar ta’ kull lewn, u b’ħafna nies strambi fuqha! Baqgħet tħares mistagħġba lejn dak l‑oġġett għal żmien twil. Minn fejn kienu ġew dawk in‑nies? Għalfejn kienu hemm? Mimlija eċċitament, Pocahontas ġriet lejn ir‑raħal biex tgħid lil missierha u lil ħuha dwar dak li rat.
Powhatan kien ħiereġ mil‑longhouse tiegħu meta waslet Pocahontas u bdiet tirrakkonta dak li rat. Għalkemm Pocahontas sabitha ftit diffiċli biex tispjega xi ħaġa li qatt ma kienet rat qabel, missierha malajr fehem fuq xiex kienet qiegħda titkellem, u ma ħax ħafna pjaċir.
“Din hija aħbar ħażina għan‑nies tagħna,” lissen imħasseb. “M’hemmx paċi mal‑irġiel bojod.”
Pocahontas ratu wiċċu ħosbien, imma ma setgħetx tifhem għaliex.
Nantaquas, ħu Pocahontas ta’ tmintax‑il sena, dar lejn oħtu u spjegalha, “Fl‑imgħoddi n‑nies bojod qatlu ħafna mill‑poplu tagħna. Dawk ġew hawn biex jieħdu artna.”
Nantaquas kien wieħed mill‑ġellieda tat‑tribù. Talab lil missieru biex imur u jara x’kienu qegħdin jagħmlu n‑nies il‑bojod fil‑bajja. Pocahontas talbitu biex joħodha miegħu.
“Tistgħu tmorru tarawhom, imma tmorrux viċin ix‑xini. Ibqgħu ’l bogħod! Oqogħdu attenti!” wissiehom Powhatan. “Ftakru, dawk jistgħu jkunu perikolużi.”
Ir‑raħal kien viċin ix‑xmara li kienet tagħti għall‑baħar, għalhekk Nantaquas u Pocahontas irħewlha lejn ix‑xmara fejn kien hemm il‑kenuri tat‑tribù. Kien hemm ħafna kenuri ħdejn ix‑xmara. Rikbu waħda u niżlu jaqdfu tul ix‑xmara lejn il‑bajja. Waqqfu l‑kenura malli waslu l‑baħar, imma baqgħu fiha.
Ix‑xini l‑kbir kien għadu fil‑bajja, u xi nies bojod kienu niżlu l‑art. Dawn, flimkien mal‑baħħara l‑oħra li kienu għadhom fuq ix‑xini, rawhom, u waqfu minn xogħolhom, iħarsu lejhom. Pocahontas lemħet raġel twil fuq ix‑xini li tbissmilhom. Hi tbissmitlu lura.
“Ejja mmorru fuq ix‑xini,” qalet lil ħuha.
“Le,” qal Nantaquas fil‑pront. “Huwa perikoluż. Ma nafux min huma dawn l‑irġiel bojod. Nistgħu nħarsu xi ftit, naraw x’qed jagħmlu, u mbagħad immorru d‑dar. Irridu nobdu lil missierna.”
Ir‑raġel abjad ta’ fuq il‑vapur reġa’ tbissem. “Ħares ftit, Nantaquas,” qalet Pocahontas, “dak ir‑raġel għandu xagħru aħmar! Qed jitbissem lejna. Ħares ftit lejn ħwejġu! Kemm huma strambi!”
Nantaquas dawwar il‑kenura u qadfu lura tul ix‑xmara. Malli waslu r‑raħal, spjega lil missieru x’kienu raw, u li l‑irġiel bojod kienu niżlu l‑art. Għal żmien twil, Powhatan ingħalaq fil‑longhouse max‑xamani u l‑kbarat l‑oħra tat‑tribù biex jiddiskutu x’jagħmlu.
Wieħed mill‑kbarat l‑oħra kien qiegħed jgħid, “L‑irġiel bojod dejjem ġabulna l‑problemi.”
Ieħor lissen, “Għandhom maġija qawwija. Jistgħu joqtlu ħafna min‑nies tagħna b’dawk il‑qasab tar‑ragħad li għandhom.”
Xaman ieħor kompla, “Dawk iridu jieħdu artna, il‑lagi tagħna, ix‑xmajjar tagħna u l‑foresti tagħna.”
Powhatan dam qatigħ jaħseb x’jgħid. Fl‑aħħar qatagħha x’jagħmel.
“Nistgħu nħalluhom jibqgħu għal żmien qasir, iżda mhux għal ħafna. Ejja niltaqgħu magħhom, u naraw x’biħsiebhom jagħmlu.”
Bħal ħafna esploraturi u kolonisti oħra minn madwar l‑Ewropa, l‑Ingliżi li Pocahontas u ħuha kienu osservaw mill‑bogħod, bdew jagħtu ismijiet lill‑postijiet ‘ġodda’ li kienu qegħdin isibu. Fil‑fatt, dawn il‑postijiet kienu ġodda għalihom, għax qatt ma kienu żaruhom qabel. Għalkemm diġà kien hemm nies li kienu jgħixu f’dak il‑post, bħall‑poplu ta’ Pocahontas, l‑Ewropej riedu jagħtu l‑ismijiet tagħhom lil dawn il‑postijiet.
Il‑Kaptan John Smith u l‑irġiel tiegħu semmew il‑post fejn kienu ankraw ix‑xini, il‑Bajja ta’ Chesapeake. Riedu jwaqqfu kolonja żgħira hemmhekk. Ix‑xmara l‑kbira li minnha kienu niżlu Pocahontas u ħuha semmewha x‑Xmara James, għar‑Re Ġakbu l‑Ewwel tal‑Ingilterra. Fit‑13 ta’ Mejju, 1607, waqqfu kolonja u semmewha Jamestown. Minnufih, bdew jibnu djar, imħażen u knisja. Dik is‑sena kien hemm madwar mitt raġel fil‑kolonja.
Meta l‑Ewropej skoprew l‑Amerika, bdew isejħulha d‑‘Dinja l‑Ġdida’, u ħafna nies telqu pajjiżhom biex jesplorawha u jsibu postijiet ġodda fejn jazzettaw u jibdew ħajja ġdida. Dan kien l‑iskop ta’ Smith u sħabu. Ħafna minnhom kienu sinjuri Ingliżi, li ġew fid‑Dinja l‑Ġdida bit‑tama li jsibu deheb u teżori oħra ħalli jsiru aktar sinjuri. Madankollu, din ma kinitx ħaġa sempliċi, u l‑Kaptan Smith kien jaf li kellhom bżonn jaħdmu sod biex iwaqqfu l‑kolonja ‑ billi jaħdmu l‑art biex ikollhom x’jieklu u jmiddu jdejhom biex jibnu d‑djar. Imma ħafna min‑nies li kienu miegħu ma ridux ikunu bdiewa.
Smith, mal‑ewwel, kellu l‑problemi b’dawn in‑nies. “Hemm bżonn inħawlu l‑uċuħ tar‑raba’. Għandna bżonn immorru fil‑foresti u nikkaċċjaw, nistadu fix‑xmajjar għall‑ħut u naqtgħu s‑siġar biex nibnu d‑djar. Dan huwa kollu xogħol li hemm bżonn isir jekk irridu ngħixu hawn.” Minkejja l‑pariri tal‑Kaptan, ħafna minnhom ma ridux jaħdmu.
Wieħed mill‑ewwel bżonnijiet li kellhom kien l‑ikel. Dak li kienu ġabu magħhom fuq ix‑xini ma kienx se jdum iservihom wisq, għalhekk kien hemm bżonn imorru fil‑foresti għall‑kaċċa.
Darba minnhom, il‑Kaptan Smith u l‑irġiel tiegħu marru fil‑foresta biex ifittxu l‑ikel. Wara mixja kemxejn twila ltaqgħu ma’ grupp kbir ta’ Indjani li attakkawhom bil‑qwies u l‑vleġeġ. Waqt it‑taqtigħa miet wieħed mill‑Ewropej u żewġ Indjani. L‑Indjani qabdu lil John Smith u ħaduh priġunier fir‑raħal tagħhom.
Wara mixja twila, ħaduh quddiem il‑Kap Powhatan u t‑tribù tiegħu. Kulħadd kien sieket. Pocahontas kienet ħdejn missierha. Issa li setgħet tara lil John Smith aktar mill‑qrib, stagħġbet kemm kien differenti minn niesha: it‑tul tiegħu, ix‑xagħar aħmar, l‑għajnejn koħol u l‑ġilda bajda.
John Smith ipprova jitkellem mal‑Indjani bil‑lingwa tas‑sinjali u ftit kliem Indjan li kien jaf. “Kap Kbir, jien ħabib. Jien u n‑nies tiegħi nixtiequ ngħixu magħkom fil‑paċi.”
Madankollu, mill‑ħarsa li tawh Powhatan u l‑kbarat l‑oħra, Smith fehem li ma kinux qed jafdawh. Ra kif jagħmel biex iqanqal l‑interess u l‑kurżità tagħhom.
Smith ħareġ boxxla minn butu u offrieha lill‑Kap il‑Kbir. Powhatan ħares lejha u beda jdawwarha f’idu. Ma setax jifhem kif, idawwarha kemm idawwarha, il‑labra baqgħet dejjem tipponta fl‑istess direzzjoni! Ipprova jmiss il‑labra iżda biċċa speċi ta’ silġ kienet fuqha, u ma setax imiss il‑labra b’idu! Barra minn hekk, il‑biċċa silġ ma kinitx kiesħa, u ma kinitx qed iddub! Għal Powhatan, din kienet speċi ta’ maġija. Qatt ma kien ra ħġieġa qabel!
Din il‑maġija bellhet kemm lil Powhatan kif ukoll lill‑kbarat ta’ madwaru. Lil Pocahontas għoġbitha, iżda lill‑kbarat tar‑raħal m’għoġbithomx. Bdew jissuspettaw li dawn in‑nies, bil‑maġija kollha tagħhom, setgħu jġibu l‑inkwiet fir‑raħal.
U ma kellhomx tort għalkollox. Waqt li Smith kien għadu miżmum priġunier fir‑raħal, waslet l‑aħbar li n‑nies Ewropej kienu qatlu żewġ Indjani oħra. Dan qanqal rabja liema bħalha f’Powhatan u niesu, u issa qatgħuha li Smith kellu jmut.
Żewġ Indjani ħatfu lil Smith u kaxkruh mal‑art quddiem Powhatan u n‑nies kollha tar‑raħal. Poġġew lil Smith b’rasu fuq ġebla kbira waqt li żammewlu jdejh wara dahru. Indjan ieħor ħataf ġebla kbira oħra u għollieha fuq Smith biex isabbathielu fuq rasu.
Kien f’dan il‑waqt li Pocahontas qabżet għal Smith. “Le, missier! Nitolbok la toqtlux. Mhuwiex raġel ħażin.”
“Qatel tnejn minn sħabna,” qabeż wieħed mill‑Indjani li kien qed iżomm lil Smith. “Jixraqlu l‑mewt!”
“Le!” tenniet Pocahontas. F’daqqa waħda, it‑tifla qabżet ’il quddiem u nxteħtet fuq Smith. L‑Indjan li kien se jniżżel il‑ġebla fuq ras l‑Ingliż iffriża.
Pocahontas żammet postha u ħarset ’il fuq lejn missierha, għajnejha mberrqin. “Nitolbok, missier! M’għandux imut!” lissnet mill‑ġdid.
Powhatan baqa’ jħares lejn bintu, imbellah daqs in‑nies l‑oħra kollha madwaru. Wara ftit sekondi ta’ ħsieb, għamel sinjal b’rasu biex l‑Indjani jitilqu lil Smith.
Dakinhar kulħadd stagħġeb bil‑kuraġġ ta’ Pocahontas. Kienet salvat il‑ħajja ta’ John Smith.
L‑imġiba ta’ bintu kkonvinċiet lill‑Kap Powhatan biex jitlaq lil Smith, li qabel ma telaq lura Jamestown, wiegħed lill‑poplu Indjan li jordna lil niesu biex ma jattakkawhomx aktar. Għaldaqstant, għal xi żmien wara, kien hemm il‑paċi bejn l‑Indjani Algonquian u l‑kolonisti ta’ Jamestown.
F’dan iż‑żmien, il‑kolonisti u l‑Indjani ta’ spiss żaru lil xulxin, u l‑ħbiberija bejn Smith u Pocahontas kibret aktar. John Smith għallem l‑Ingliż lil Pocahontas, waqt li hi għallmitu jitkellem il‑lingwa tal‑poplu tagħha aħjar.
Smith taha ħafna rigali u spjegalha dwar Londra u l‑bini enormi tagħha, dwar ir‑Re Ġakbu u l‑palazz tiegħu. Irrakkuntalha dwar kostumi Ewropej, il‑moda tal‑ilbies – speċjalment tan‑nisa Ingliżi – kollu mżejjen bil‑ġawhar u lwien differenti.
Pocahontas xorbot dan it‑tagħrif kollu, u bdiet toħlom li xi darba jkollha ċ‑ċans tmur l‑Ingilterra ħalli tara dawn l‑għeġubijiet b’għajnejha.
Is‑sajf u l‑ħarifa gerrbu malajr, u għalkemm John Smith baqa’ jsostni mal‑kolonisti li kellhom bżonn jaħdmu iebes biex ikampaw f’dik l‑art ħarxa, ħafna minnhom xorta baqgħu jitgħażżnu. Malli waslet ix‑xitwa, l‑ikel kien naqsilhom sew, u wħud saħansitra bdew jimirdu bin‑nuqqas ta’ ikel bnin.
L‑Indjani raw dan, u Pocahontas ikkonvinċiet lil missierha biex jgħinu lill‑kolonisti billi jagħtuhom ikel minn tagħhom.
Sadanittant, xwieni oħra kienu qed jaslu mill‑Ewropa, u Powhatan kien qiegħed jinkwieta aktar. Bil‑miġja ta’ aktar nies bojod, ma kienx qiegħed jara ġejjieni sabiħ għall‑poplu tiegħu.
Jum wieħed, Powhatan sejjaħ lill‑Kaptan Smith, biex iżuru fir‑raħal tal‑Indjani.
“Ma nistgħux nibqgħu nagħtukom aktar ikel,” beda Powhatan, “għaliex qed jonqos lilna wkoll. Ma tistgħux tibqgħu f’din l‑art. Hemm bżonn li titilqu minn hawn minnufih.”
“Għaliex għandna nitilqu?” staqsa Smith fil‑pront.
Damu fit‑tul jiddiskutu s‑sitwazzjoni, u kien ċar li ma kinux se jilħqu ftehim kif ġieb u laħaq.
Sa nofsillejl kienu għadhom qed jiddiskutu. Billi kien tard, Powhatan stieden lil Smith jorqod fir‑raħal, ħalli jkomplu d‑diskussjoni l‑għada filgħodu.
“Tista’ torqod fil‑kabina ż‑żgħira ħdejn ix‑xmara,” qal Powhatan.
Il‑Kaptan Smith aċċetta l‑istedina, u mar jorqod fil‑kabina ż‑żgħira. Matul il‑lejl, sema’ lil xi ħadd fejn il‑bieb. Qam, fetaħ il‑bieb u sab lil Pocahontas, b’ħarsa urġenti fuq wiċċha.
“Kaptan, ħajtek tinsab fil‑periklu!” lissnet Pocahontas fil‑pront. “Missieri u x‑xamani jridu joqtluk illejla! Ma jridux li n‑nies bojod jibqgħu hawn. Hemm bżonn taħrab minnufih!”
Mingħajr aktar kliem, John Smith telaq kollox warajh u rħielha jiġri lejn Jamestown fid‑dalma tal‑lejl. Pocahontas kienet salvatu għat‑tieni darba!
Lura f’Jamestown, tkellem mal‑kolonisti u ppreparaw għal xi attakk mill‑Indjani. Madankollu, dan ma seħħx. Ftit żmien wara, Smith korra f’inċident meta xi porvli fuq dgħajsa splodew. Minħabba dan, kellu jitlaq lura lejn Londra.
Billi Pocahontas u niesha ma semgħux aktar dwaru, ħasbu li kien miet fl‑inċident.
Għaddew is‑snin, u aktar u aktar kolonisti waslu mill‑Ewropa, tant li issa Jamestown kienet biss belt żgħira f’kolonja akbar li semmewha Virġinja.
F’dawn is‑snin, kemm‑il darba kien hemm episodji ta’ inkwiet bejn il‑kolonisti u l‑Indjani, għalkemm Powhatan baqa’ lura milli jibda gwerra sħiħa. Madankollu, meta Pocahontas kellha sbatax‑il sena, Powhatan ħass li kellu bilfors jagħmel xi ħaġa biex jipproteġi l‑interessi tal‑poplu tiegħu, u beda gwerra sħiħa kontra l‑kolonisti.
Biex ikun ċert li bintu ma tkunx fil‑periklu, bagħatha tgħix mat‑tribù Patawomeck. L‑Indjani Patawomeck kienu ħbieb mal‑kolonisti u ma kinux fi gwerra magħhom. Għalhekk, Powhatan kien qed jittama li l‑kolonisti ma jattakkawx lill‑Patawomeck u hemmhekk, Pocahontas tkun ħielsa minn kull għawġ. Qabel ma ħallieha tmur, Powhatan avżaha li ma kellhiex tmur aktar f’Jamestown minħabba l‑gwerra.
Pocahontas għoġbitha l‑ħajja mal‑Patawomeck. Japazaws kien il‑kap tat‑tribù, u hu u martu dlonk saru ħbieb ta’ Pocahontas. Madankollu, Pocahontas ma kinitx taf li kienu wkoll ħbieb ta’ ċertu Kaptan Samuel Argall, esploratur Ingliż li kien jgħix f’Jamestown.
Darba minnhom, il‑Kaptan Argall mar iżur lill‑Kap Japazaws. Stiednu mal‑familja tiegħu – u ma’ Pocahontas – għal ikla fuq x‑xini tiegħu.
Għal Pocahontas, kif ukoll għall‑familja ta’ Japazaws, kienet esperjenza sabiħa li jitilgħu abbord ix‑xini. Il‑kaptan Argall dawwarhom madwar ix‑xini kollu, u l‑Indjani stagħġbu b’dak kollu li raw. L‑ikel li offrielhom il‑Kaptan kien tajjeb ħafna wkoll.
Ma’ nżul ix‑xemx, il‑Kap Japazaws u martu ħallew il‑vapur f’kenura. Iżda Pocahontas ma telqitx magħhom, għax kienet il‑priġuniera tal‑Kaptan Argall! Kien qarraq biha!
Argall kien ħallieha timraħ madwar ix‑xini, u bdiet tammira l‑affarijiet strambi li kellu. F’ħin minnhom, lemħet il‑kenura titbiegħed mix‑xini u sejra lejn ix‑xatt. Fuqha kien hemm sħabha, li kienu telqu mingħajrha. Il‑mara tal‑Kap Japazaws kellha f’idejha kitla ġdida tar‑ram u basket mimli żibeġ ikkuluriti.
Minnufih, Pocahontas intebħet li l‑Kap Japazaws u martu kienu biegħuha għall‑kitla tar‑ram u ż‑żibeġ ikkuluriti! Kien hawn li Pocahontas tgħallmet li ma kellha l‑ebda ħbieb veri.
“X’qed jiġri? Għaliex jien priġuniera?” staqsiet lill‑Kaptan.
Il‑Kaptan weġibha: “Pocahontas, ma nixtieqlek l‑ebda deni, imma n‑nies ta’ missierek serqulna ħafna armi u qed iżommu ħafna minn niesna priġunieri. Meta missierek jagħtina l‑armi lura u jeħles lill‑priġunieri, neħilsuk. Missierek iħobbok, u jiena ċert li jagħtina l‑armi biex jeħilsek.”
Il‑Kaptan Argall ħadha lura miegħu Jamestown.
Għalkemm kienet priġuniera, Pocahontas kienet qattgħet ħafna żmien f’Jamestown, u għaldaqstant ma ħassithiex fil‑periklu hemmhekk.
Fil‑fatt, sakemm baqgħet f’Jamestown, in‑nies ġabu ruħhom sew magħha. Ħafna minnhom kienu jafuha sew, u setgħu jiftakru kif kienet salvat il‑ħajja ta’ John Smith darbtejn. Ftakru wkoll kemm kienet ħabirket biex iġġibilhom l‑ikel meta kien hemm l‑għaks fil‑kolonja.
Powhatan bagħtilhom lill‑priġunieri lura, imma l‑ftit armi li bagħtilhom magħhom kienu mkissrin. Il‑gwerra kompliet.
Sadattant, sakemm Pocahontas damet hemm, in‑nisa tal‑kolonja tawha ħwejjeġ Ingliżi x’tilbes. Tgħallmet l‑imġiba u l‑manjieri tat‑tfajliet Ewropej. Għamlet ħafna ħbieb. Ftit żmien wara, ikkonvertiet ukoll għar‑reliġjon Nisranija, u ħadet l‑isem Nisrani ta’ Rebecca.
Il‑Kaptan Argall kien diżappuntat għaliex il‑pjan tiegħu ma kienx irnexxa kif xtaq, u għalkemm Pocahontas tgħallmet ħafna affarijiet sakemm baqgħet hemm, kienet għadha priġuniera u ma kinitx kuntenta għalkollox.
Pocahontas qattgħet sena f’Jamestown meta ltaqgħet ma’ John Rolfe. Rolfe kien bidwi żgħir tat‑tabakk u kien ġentili ħafna magħha. Dlonk saru jħobbu lil xulxin u kienu kuntenti ħafna flimkien. Rolfe talab lil Pocahontas tiżżewġu, imma qabel ma taċċetta, Pocahontas riedet tkellem lil missierha.
Pocahontas u Rolfe marru jżuru lil missierha fir‑raħal tagħha. Powhatan kien kuntent li reġa’ ra lil bintu. Spjegatlu li xtaqet tiżżewweġ lil John Rolfe, u li kienet biħsiebha tibqa’ tgħix f’Jamestown.
B’qalbu maqsuma, Powhatan aċċetta dan, u ħalla lil bintu u lill‑maħbub tagħha jmorru lura Jamestown, qawwijin u sħaħ.
F’April tal‑1614, Pocahontas iżżewġet lil John Rolfe fil‑Knisja Anglikana. Kienet l‑ewwel Indjana Amerikana li żżewġet raġel abjad. Pocahontas libset libsa bajda sabiħa, u kellha ħafna fjuri f’xagħarha. In‑nies kollha f’Jamestown iċċelebraw iż‑żwieġ. Kien hemm festi kbar bil‑mużika u ż‑żfin. Nantaquas u ħafna Indjani oħra kienu mistednin għall‑festa wkoll.
Grazzi għaż‑żwieġ ta’ Pocahontas, il‑gwerra waqfet għal ftit, u beda perijodu ta’ tmien snin li beda jissejjaħ il‑Paċi ta’ Pocahontas. F’dan iż‑żmien, il‑kolonja ta’ Virġinja kompliet tikber.
Ftit wara ż‑żwieġ, Pocahontas u John marru Londra. Pocahontas kienet fl‑aħħar qatgħet xewqitha. L‑aħbar li kienet fi triqitha lejn l‑Ewropa waslet qabilha, u f’Londra kulħadd ried jiltaqa’ magħha. Iltaqgħet mal‑aktar nies importanti ta’ Londra, u saħansitra mar‑Re Karlu l‑Ewwel tal‑Ingilterra (it‑tifel ta’ Ġakbu l‑Ewwel). Il‑Prinċipessa Indjana – għaliex hekk bdew isejħulha – kienet popolari ħafna.
B’sorpriża kbira għal Pocahontas, iltaqgħet ukoll ma’ John Smith, li kienet ħasbet li kien miet. Qattgħu ħafna żmien flimkien, jitkellmu u jiftakru dwar iż‑żmien tagħhom f’Jamestown.
Pocahontas u John Rolfe kellhom tifel li semmewh Thomas. Madankollu, ftit wara li twieled it‑tifel, Pocahontas mardet serjament bil‑ġidri. Qabel ma kellha ċans tmur lura f’pajjiżha, mietet l‑Ingilterra fl‑1617, fl‑età ta’ 21 sena. Minħabba l‑popolarità tagħha, ħafna nies fl‑Ingilterra bkewha.
John Rolfe kellu qalbu maqsuma u ma felaħx jibqa’ l‑Ingilterra. Mar lura Virġinja biex jerġa’ jaqbad il‑kummerċ tat‑tabakk. Sar bidwi ta’ suċċess u, maż‑żmien, kellu pjantaġġun kbir tat‑tabakk.
Ibnu Thomas baqa’ l‑Ingilterra u rabbieh u edukah zijuh Henry Rolfe.
Meta kiber, Thomas telaq mill‑Ingilterra u mar l‑Amerika biex iżur l‑art ta’ ommu. Iltaqa’ mat‑tribù ta’ ommu, u sar iħobb id‑Dinja l‑Ġdida, tant li qatagħha li jibqa’ jgħix hemmhekk.
Fl‑1788 il‑kolonja ta’ Virġinja saret stat tal‑Istati Uniti. Illum il‑ġurnata, għad hemm dixxendenti ta’ Thomas Rolfe, iben Pocahontas, f’dak l‑istat.
***** ***** TMIEM ***** *****Indjana: Il‑popli Amerikani kienu jissejħu hekk għaliex, meta l‑ewwel Ewropej niżlu fuq ix‑xtut tal‑Amerika għall‑ewwel darba, ħasbu li kienu waslu fil‑kontinent tal‑Asja, li l‑Indja kienet tagħmel parti minnu. Lill‑popli li ltaqgħu magħhom bdew isejħulhom “Indjani”, u dan l‑isem baqa’ għal ħafna żmien. Illum il‑ġurnata, l‑isem uffiċjali tagħhom huwa “L‑Ewwel Nazzjonijiet tal‑Amerika”, iżda fil‑qosor insejħulhom ukoll “l‑Indjani tal‑Amerika” jew “Amerindi”. [Lura]
Kenura: Speċi ta’ dgħajsa żgħira dejqa u ppuntata fuq quddiem u fuq wara. Bl‑Ingliż canoe. [Lura]
Kolonisti: Nies li kienu jitilqu pajjiżhom biex ifittxu artijiet ġodda u jibdew ħajja ġdida, billi jibnu bliet hemm. Ngħidu li kienu jwaqqfu kolonja. Il‑popli li kienu jgħixu f’dak il‑post qabilhom xi drabi kienu jilqgħuhom, u xi drabi ma kinux jaċċettawhom, u kien iqum ħafna inkwiet. [Lura]
Longhouse: Tip ta’ djar ta’ xi tribujiet tal‑Ewwel Nazzjonijiet tal‑Amerika, u li kienu magħmulin minn zkuk tas‑siġar marbutin flimkien. Jissejħu hekk għaliex kienu tawwalin. Dawn kienu differenti mit‑tinda (tipì) li kienu jużaw tribujiet oħra tal‑Amerika. [Lura]
Qasba tar‑ragħad: Kif l‑Ewwel Nazzjonijiet tal‑Amerika kienu jsejħu l‑ixkubetti li ġabu magħhom l‑Ewropej. Kienu jsejħulhom hekk, minħabba l‑ħoss qawwi li kienu jagħmlu malli jisparaw. [Lura]
Xaman: Raġel spiritwali u importanti fit‑tribujiet tal‑Ewwel Nazzjonijiet tal‑Amerika. Barra milli kien idewwi lill‑morda jew lill‑feruti, kien jagħti wkoll pariri lill‑kap tal‑poplu. [Lura]
L-Istorja ta’ Pocahontas
© 2023
Norman C. Borg
liċenzjat bħala
CC BY-NC-ND 4.0. Dan ix-xogħol:
CC: Creative Commons
BY: għandu dejjem jinkludi ħajr lill-awtur;
NC: ma jistax isir użu kummerċjali u/jew profitt minnu;
ND: ma jistax jiġi ppubblikat jew riprodott b’mod fotostatiku, elettroniku jew mekkaniku.