Ġentilment offruta lill-proġett
Kotba fil-But mill-awtur,
Chris Grillo
Madwar 1,230 kelma

Kienet l‑aħħar ġimgħa ta’ Mejju qrib il‑festa’ tal‑Lunzjata, u bħalma soltu jkun fuq dawn il‑gżejjer, ir‑riħ kien qed jonfoħ ġmiel. Peress li xogħli kien fil‑beraħ, beda’ jtellifni sew, u kelli nieqaf minn dak li kont qed nagħmel. Erfajt l‑għodda ġol‑kaxxa tagħhom u rħejtilha lejn id‑dar.

Irrealizzajt li kienet okkażjoni tajba biex ngħin lit‑tfal jagħmlu l‑homework tagħhom kmieni, u b’hekk nintefgħu fil‑kamra favorita’ tagħna. F’din il‑kamra kellna sufan komdu, televiżjoni u librerija b’numru ġmielu ta’ kotba. Kienet l‑hena tat‑tfal iqallbu fil‑kotba, daqqa jiskopru xi dizzjunarju bl‑istampi , u daqqa xi ktieb b’ritratti ta’ pajjiżi mbiegħda. Wara ġurnata xogħol iebes, kont nistrieħ billi ngħaddu l‑aħħar siegħa jew tnejn qabel immorru norqdu f’din il‑kamra, flimkien mal‑mara u t‑tfal. Għalkemm mhux dejjem konna nagħmlu kollox flimkien, kont inħoss li dan il‑ftit ħin kien importanti għalina bħala familja. Fuq kollox, kif jgħid il qawl, familja li tilgħab flimkien ħija familja li tikber magħquda flimkien.

B’dawn il‑ħsibijiet ġo rasi, daħħalt il‑karozza ġol‑garaxx, sakkart bil‑katnazz u mort id‑dar. Kif ftaħt il‑bieb ta’ barra għajjattilhom ilkoll…..però ħadd ma rrispondieni. Ħsibt li kienu għadhom ma waslux mill‑iskola, imma titwila lejn l‑arloġġ tal‑kċina kkonfermali li l‑ħin kien tajjeb. Smajt ħoss minn fuqi u stenbaħt. Mela kienu fuq il‑bejt! Kellna bejt kbir ħafna, u bil‑ mod il‑mod konna qed naqilbuh fi ġnien mill‑isbaħ. Tlajt għal‑fuq u tassew hemm kienu. Ma stennejtx li ser insib dak li rajt. Il‑kamra tal‑ħasil kienet ta’ taħt fuq, u fuq wiċċhom it‑tfal kien jidhru sinjali ta’ dwejjaq kbar.

‘X’ġara?’ staqsejt lill‑mara, ‘Kif qallibtu kull m’hawn. Mela ħa tbajdu?’

‘Dejjem b’xi ħmerija, int. Qed infittxu l‑qattusa,’ irrispondietni. ‘Rajtha l‑aħħar għal xi nofsinhar, imma minn dak il‑ħin ’l hawn ma rajtha mkien. Is‑soltu meta jiġu t‑tfal tgħidx kemm tifraħ bihom.’

Qalbi għamlet tikk. Kont naf xi tfisser għat‑tfal il‑qattusa ġinġrija li kellna. Nina kienet l‑iktar qattusa għażżiena tad‑dinja, iktar rieqda milli mqajma, iżda kellha natural verament mans u gustuż. Bdejt inħokk rasi mill‑ewwel. Fejn setgħet kienet? L‑aħħar li ntilfet kien meta sabet ruħha ġol‑gwardarobba. Għalqitha l‑mara meta ħarġet il‑ħwejjeġ għall‑iskola. Sibtha jiena meta’ mort noħroġ qmis. Sibtha rieqda fuq kutra. M’għamlitx wisq storbju biex nintebħu biha. Għedtilkom li kienet għażżiena.

Kien ovvju li ma kenitx fil‑kamra tal‑ħasil! Ma kienx hemm fejn joqgħod ġurdien, aħseb u ara qattusa. Ħallejna l‑bieb miftuħ għall li jista’ jkun u nżilna ’l isfel. Bdejna naqilgħu kamra kamra. Meta wasalna fil‑kamra tal‑imbarazz kont diġà qtajt qalbi li nsibuha isfel. Kieku semgħetna żgur, u jekk kienet torqod ħafna, ma kenitx nieqsa minn żaqqha. Bdejna nċekċku l‑borża tal‑ikel biex forsi tismagħna, imma kollox għal‑xejn. Ma stajna nsibuha mkien ġewwa. Fl‑aħħar kellna naċċettaw li jew qabżet iċ‑ċint tal‑bejt u qabadha xi ħadd, jew inkella sabet il‑bieb ta’ barra miftuħ u ħarġet. Peress li kienet qattusa tat‑trobbija ma kellhiex dik l‑esperjenza ta’ kif iġġib ruħha barra mid‑dar.

Sadanittant it‑tfal kienu diġà għamluha fatta li mhux ser jarawha iktar, u d‑dmugħ nieżel ma’ ħaddejhom kien xhieda tad‑dwejjaq li kellhom. Ippruvajna nikkonvinċuhom li mhux l‑ewwel darba li l‑qtates jaħarbu u jerġgħu jiġu lura. Imma ma naħsibx li spjegajtilhom biżżejjed għax jibku baqgħu.

Ħsilniehom u daħħalniehom jorqdu naqra iktar kmieni mis‑soltu. Meta jkun il‑Ġimgħa mhux l‑ewwel darba li ndumu mqajmin sa tard naraw xi film adattat għat‑tfal. Imma llum kien każ differenti. Malli daħħalthom fis‑sodda, tfajt ġakketta fuqi u ħriġt infittixha barra. Fejn noqogħdu aħna hemm ġnien pubbliku mdaqqas, u jekk ħarġet barra kien hemm ċans tajjeb li nsibha hemm.

Ma nafx kemm‑il siġra ddendilt magħha, u npespsilha. ‘Nina…pxx pxx……ejja Nina ħi.’ Kien kollu għalxejn. Saħansitra wieħed mill‑ġirien baqa’ skantat iħares lejja qisni tlift il‑boxxla. Ieħor għeddidni li ser iġibli l‑pulizija, sakemm ħriġt taħt lampa u nduna min jien. Sa fl‑aħħar qtajt qalbi ngħarrex ’l hawn u ’l hinn. Kienet siegħa moħlija. Tlajt id‑dar b’qalbi sewda. It‑tfal min jaf kif kienu ser jeħduha jekk ma terġax lura. Kulħadd kien jgħidli li l‑qtates iħobbu jiġġerrew, u tagħna ma kenitx differenti.

‘Ma sibthiex,’ għedtilha minn taħt l‑ilsien lill‑mara. ‘Issa nitla’ naqra sa fuq il‑bejt, forsi qegħda hemm tidħaq bina.’ Niżżilt il‑belgħa te u tlajt insejħilha. U reġgħet ma ġietx. Issa l‑ħin kien sar ġmielu, u peress li kelli nqum inkompli x‑xogħol li ħallejt warajja, iddeċidejt li aħjar ninżel norqod.

Filgħodu sebaħ bnazzi u r‑riħ kien ikkalma xi ftit. Ħallejt istruzzjoni mal‑mara biex jekk isibuha jċempluli fuq il‑mowbajl. Ma nafx kif għaddiet il‑ġurnata. Nirringrazzja ’l Alla li ma waqajtx minn fuq is‑sellum bil‑ħsibijiet li kelli, għax moħħi ma kienx fuq il‑lant tax‑xogħol. Bdejt niċċekkja t‑telefown minn ħin għall‑ieħor biex nara kienx qed jaħdem. Tajjeb kien, imma baqa’ sieket matul in‑nofstanhar sħiħ.

Meta t‑tfal isiru jħobbu il‑pets tagħhom, tidħlilhom ċertu responsabbiltà li ġġegħilhom japprezzaw iktar ir‑rigal tal‑ħajja. Din żgur kienet daqqa ta’ ħarta għalihom. Qtajtha li jekk sat‑Tnejn ma nsibuhiex immur s’għand Lippu l‑mastrudaxxa. Dak dejjem invażat bil‑qtates il‑garaxx tiegħu. Xi ferħ żgur kont insib għandu.

Wasalt id‑dar, u mill‑ħarsa ta’ wiċċhom intbaħt li ma kien sar xejn. Naħseb li kienet waħda mill‑agħar ġranet ta’ ħajti. It‑tifla l‑kbira ma ċċaqalqitx mill‑gallarija, u ż‑żgħira kienet fil‑gallarija ta’ wara. Lanqas kuraġġ jieklu l‑ikel ma kellhom. Iddeċidew li aħjar ma noħorġux għall‑ħarġa tas‑soltu ta’ nhar ta’ Sibt, ma tmurx tiġi u ma ssibniex hemmhekk.

Il‑Ħadd wasal, u biex nipprova nnessihom tellajt ’it‑tfal miegħi fuq il‑bejt biex inkompli naħdem fuq it‑tinda tal‑ġnien. Tgħidx kemm issarajt biex intella’ ż‑żewġ pilastri tat‑tarf. Imbotta minn hawn u iġbed minn hemm, b’xi mod waqqafthom bl‑‘għajnuna’ tat‑tfal. Wara battikata bħal‑dik intfajna għad‑dell tal‑kamra nixorbu tazza luminata friska li tellgħetilna l‑mamà.

Ħin minnhom iż‑żewġt itfal qamu f’salt wieħed. ‘Qed nisma’ l‑qattusa!’qaltli l‑kbira.

‘Anke jiena! Żgur hi!’ qabżet iż‑żgħira.

Issa jiena l‑Bambin berikni b’par widnejn imdaqqsin, u dak li ħadli mil‑vista tagħhuli fl‑udit, imma xorta ma smajt xejn. Sikkitthom biex nara nismax minn fejn ġej l‑għajjat tal‑qattusa. Kien kollu għalxejn għax ma smajt xejn. Imma t‑tfal qamu f’daqqa u ġrew lejn l‑opramorta tal‑bejt ta’ ħdejna.

‘Mingħand Pippa tal‑pastizzi ġej il‑ħoss. Dik żgur Nina!’ għajtet il‑kbira.

Lanqas tawni ċans niċċekkja li ma tarux ’l isfel. ‘Isa pa, ejja ħa mmorru għand Pippa ħa tiftħilha!’

Kelli nitlaq kollox minn idejja u mmur magħhom. Il‑ħmerija hi li Pippa ma kenitx id‑dar. Morna għand bintha li toqgħod żewġ kantunieri ’l hinn minna. Kif rat lit‑tfal daqshekk aġitati daħħlitna ġewwa biex tifhem aħjar dak li kienu qed jgħidu. Sa fl‑aħħar ċemplet lil ommha il‑pastizzerija u staqsietha jekk tistax tmur id‑dar tiċċekkja. Ix‑xwejħa, li minn dejjem kienet ta’ qalb tajba, qablet mill‑ewwel. Lit‑tfal tiegħi kienet tħobbhom, bejn forsi għax kienu simpatiċi, u kif ukoll għax kienu edukati, u jirrispettaw lil min hu ikbar minnhom.

Wasalna d‑dar ta’ Pippa, u Rose, għax hekk kien jisimha bintha, tellgħetna fil‑kamra ta’ fuq il‑bejt. Fetħet il‑bieb li mit‑taraġ jagħti għall‑bejt u l‑povra qattusa taret għal‑fuq it‑tfal bil‑ferħ. Ma nistax ngħidilkom l‑emozzjoni li kellhom fuqhom bis‑sejba tal‑pet tagħhom. Li ġara kien li peress li l‑Ġimgħa kien ħafna riħ, meta l‑qattusa kienet qiegħda tgħarrex ġol‑kamra ta’ Pippa, instabat il‑bieb u ma setgħetx toħroġ. Meta tlajt fuq il‑bejt ma kontx smajtha, u peress li Pippa mhux l‑ewwel darba li raqdet għand oħtha, ma kenitx resqet lejn id‑dar tagħha għal‑tlett ijiem sħaħ.

Li‑storja spiċċat b’wiċċ il‑ġid hekk kif wasalna d‑dar. Il‑qattusa kielet ikla liema bħalha, u ntasbet torqod fuq is‑siġġu favorit tiegħi. It‑tfal ma ridunix inqajjimha u kelli noqgħod nara l‑partita tal‑Ħadd filgħaxija fuq biċċa banketta mżegilga li għal naqra ma nfaqgħetx bija meta skurjajna fl‑aħħar ftit. L‑aqwa li issa kien għadda kollox.

Kull meta tarani Pippa tassigurani li minn dakinhar ’l hawn qatt ma reġgħet rat lill‑qattusa fuq il‑bejt tagħha!

***** ***** TMIEM ***** *****

***** ***** stat_3 ***** *****