Kitba ta' Charles Daniel Saliba
Madwar 770 kelma
BDL Books (2013)
Ġeneri
Letteratura għat-Tfal
X'nagħmel biex naqra
l-istorja sħiħa?
Dan il‑ktieb fih l‑istorja bl‑Ingliż u bil‑Malti għal min qiegħed jitgħallem jaqra l‑Malti. Hawnhekk jidher l‑ewwel kapitlu bil‑Malti biss. Jekk tixtieq taqra l‑istorja sħiħa u biż‑żewġ lingwi, tista’ ssib il‑ktieb fil‑libreriji pubbliċi jew tixtrih direttament minn fuq is‑sit tal‑pubblikaturi hawnhekk.
“Rocco Saliba... l‑ewwel fil‑Malti u t‑tieni fil‑Matematika,” qal il‑preżentatur. Rocco tela’ jiġri fuq il‑palk, ħa b’idejn is‑Surmast, ħa b’idejn il‑Ministru u ġabar il‑kotba. Missieru u ommu kienu preżenti fis‑sala u kienu se jtiru bil‑ferħ.
Malli niżel lura f’postu beda jifli ftit il‑kotba li rċieva. L‑ewwel ktieb kien fuq in‑nies tal‑preistorja u lil Rocco ma tantx laqtu. L‑ieħor kien fuq l‑arti marzjali. Dan mill‑ewwel għoġbu u bi ħġaru kien qed jistenna l‑mument li jmur id‑dar ħalli jibda jaqrah.
Rocco kellu biss tnax‑il sena u kien għadu kemm tela’ fit‑tieni sena fil‑liċeo li kien hemm f’raħlu. Missieru Marvic u ommu Samara, tgħidx kemm kienu ferħanin bih. Hu kien l‑uniku wild li kellhom u għalkemm kien għadu żgħir fl‑età kien iġib ruħu bħall‑irġiel.
Meta wasal id‑dar Rocco tela’ ġol‑kamra tiegħu u mill‑ewwel beda jħarbex fil‑ktieb. Dan il‑ktieb kien jispjega fid‑dettall mil‑liema pajjiżi oriġinaw u żviluppaw l‑arti marzjali l‑aktar popolari fid‑dinja. Rocco ma kienx xi dilettant tal‑qari, imma dawk l‑istampi kkuluriti li kien fih mill‑ewwel affaxxinawh. Hu għadda l‑lejl jaqra u l‑għada mar l‑iskola mimli entużjażmu.
Michael, kont taf li l‑Karate hu wieħed mill‑eqdem arti marzjali li jeżistu?” staqsa Rocco lil sieħbu.
Le, ngħidlek id‑dritt jien ma naf xejn fuq il‑Karate,” irrispondieh Michael.
“Ħa ngħidlek, din l‑arti tgħinek trawwem aktar dixxiplina fuqek innifsek, tagħmlek aktar kapaċi tiddefendi ruħek f’każ ta’ periklu u tgħinek biex trawwem aktar stima u fiduċja fik innifsek.”
Din l‑istorja ma waqfitx hawn. Malli mar id‑dar Rocco ġennen lil ommu biex tiktbu f’xi skola tal‑Karate. Ommu qatt qabel ma kisritlu qalbu imma din id‑darba bdiet tinkwieta. “Tgħid nibagħtu u jweġġa’? Tgħid jieħdu bis‑serjetà żżejjed u ma jkomplix jistudja? Tgħid għadu żgħir?”
Malli ġie missieru mix‑xogħol, Rocco kien il‑Mużew. Samara mill‑ewwel ħadet l‑opportunità biex tgħid lil żewġha bix‑xewqa ta’ Rocco. Wara li ħaseb ftit qalilha, “Għada nieħdu jarahom u jekk jogħġbu x‑xogħol nirreġistrah mal‑klabb tagħhom.” Malli Rocco rritorna lura mill‑Mużew, u sema’ bid‑deċiżjoni tal‑ġenituri tiegħu, ried itir bil‑ferħ u tant kemm emozzjona ruħu li għamel lejl jitqalleb ġos‑sodda mingħajr ma għalaq għajn m’għajn.
L‑għada l‑iskola lil kulħadd beda jgħid bil‑biċċa tax‑xogħol. “Jiena llejla għax‑Shotokai Karate Klabb. Ħa nibda nittrejnja l‑Karate forsi xi darba nkun tajjeb daqs Chuck Norris.” L‑għalliema tax‑Xjenza waqfet par widnejn daqs ta’ ħmar u sejħitlu fejnha.
“Rocco fhimtek sew jiena? Int se tibda tittrejnja l‑Karate?”
“Iva Miss, illejla fis‑sitta u nofs missieri se jeħodni fid‑dojo u se narahom
jittrejnjaw u jekk jogħġobni x‑xogħol ninkiteb mal‑klabb tagħhom.”
“Dojo? Din il‑kelma qatt ma smajtha.”
“Hekk jissejjaħ il‑post fejn jiġu mgħallma l‑arti marzjali. Dik kelma Ġappuniża.”
Fis‑sitta ta’ filgħaxija, Rocco u l‑ġenituri tiegħu telqu għad‑dojo. Malli daħal Rocco ra ħafna tfal tamparu, kemm subien kif ukoll bniet. Dawn kienu kollha lebsin ilbiesi bojod iżda biċċiet minnhom kellhom iċ‑ċintorin b’kulur differenti. Fuq quddiem nett kien hemm raġel liebes libsa bajda b’ċintorin iswed. It‑tfal kollha kienu faċċata ta’ dan ir‑raġel u kienu maqsumin fi tliet ringieli skont iċ‑ċintorin tagħhom. Fl‑ewwel ringiela kien hemm tfal b’ċintorin abjad jew isfar. Fit‑tieni ringiela kien hemm tfal b’ċintorin oranġjo jew blu u fl‑aħħar ringiela kien hemm tfal b’ċintorin kannella. Marvic u Samara wkoll impressjonaw ruħhom b’dik l‑ordni li kien hemm. Ħadd mit‑tfal ma kien jitkellem u kull darba li kien jitkellem ir‑raġel taċ‑ċintorin l‑iswed, li kien fuq quddiem, kulħadd kien jirrispondieh, “Iva Sensei!”
Marvic mill‑ewwel induna li ibnu kien rabat qalbu mal‑Karate. F’widnejh pespislu, “Inti ddeċidejt jew għadek qed taħsibha?”
“Jiena għoġobni x‑xogħol pa! Jekk jista’ jkun irrid nibda mil‑lezzjoni li jmiss!” qallu Rocco bid‑daħka.
Marvic beda jitbissem, donnu kien jaf diġà x’kienet ser tkun it‑tweġiba t’ibnu. Meta ntemmet is‑sessjoni u l‑istudenti li kienu jitgħallmu ħarġu kollha ’l barra, Marvic u Samara daħlu jkellmu lil dak ir‑raġel li kien jgħallimhom.
“Jiena Marvic Saliba. Ibni Rocco jixtieq jibda jitgħallem il‑Karate magħkom.”
“Tajjeb ferm. Meta jixtieq jibda?”
“Jekk jista’ jkun mid‑darba li ġejja, għaliex donnu ma jridx jitlef żmien,” qallu Marvic, waqt li dar iħares lejn Rocco bit‑tbissima.
“Aħna nittrejnjaw nhar ta’ Tnejn u nhar ta’ Ħamis mis‑sebgħa sat‑tmienja u nofs. Skużani għadni ma introduċejtx ruħi. Jiena Sensei Joe u ilni ngħallem il‑Karate għal dawn l‑aħħar tliet snin. Jekk ġej tittrejnja d‑darba li ġejja qis li tiġi b’qalziet mhux issikkat u bi flokk abjad jekk għandek wieħed. Qis li toqgħod sajjem minn sagħtejn qabel ma tiġi tittrejnja għaliex ma tistax tittrejnja jekk ikollok żaqqek mimlija. U ħaġa oħra. Trid timla l‑formola li se nagħtik, iġġibha d‑darba li ġejja u magħha ġġib ħmistax‑il ewro, li jkunu ħlas tal‑ewwel xahar.”
“Kollox sew!” qabżet ommu. “It‑Tnejn li ġej inġibu jien.”
Rocco kien fis‑seba’ sema. Huma u sejrin lura d‑dar Rocco qagħad jispjegalhom mnejn ġietu l‑ħajra li jibda jittrejnja l‑Karate. Huma ma kellhom l‑ebda idea li din l‑affari bdiet kollha kemm hi minn jum il‑premjazzjoni!