1: Ir‑Rewwixta tat‑Tartari

Kienet is‑sena 1877, u r‑Russja kienet fl‑aqwa tagħha. Kienet żiedet mal‑imperu tagħha l‑artijiet tal‑Asja Ċentrali, u issa kienet art waħda ta’ madwar mitejn miljun mil kwadru. Din l‑art kollha issa kienet maqsuma fi provinċji. Madankollu, kienet art kbira wisq, u m’għaddiex ħafna żmien qabel ma wħud minn dawn il‑provinċji bdew jirvellaw kontra l‑gvern ċentrali. Il‑poplu tat‑Tartari qajjem rewwixta, li dlonk bdiet tinfirex fl‑artijiet qrib. It‑Tartari bdew jeqirdu l‑bliet u joqtlu lil min beda jipprova jwaqqafhom.

Din kienet l‑ikbar uġigħ ta’ ras għaż‑Żar Alessandru II, waqt il‑lejla tal‑ballu li kienu organizzaw biex jiċċelebraw ir‑rebħiet tiegħu. Sar jaf li t‑Tartari kienu qatgħu il‑fili tat‑telegrafu għall‑belt ta’ Irkutsk, fejn kien hemm ħuh, il‑Granduka, qed jiggverna f’ismu. Madankollu l‑problema kienet ħafna akbar minn hekk – u kienet tinvolvi persuna waħda biss – il‑Kulunell Ivan Ogareff.

Waqt li l‑mistednin kienu qed jiżfnu mal‑mużika ħelwa tal‑ballu, iż‑Żar sejjaħ lill‑kap tal‑pulizija sigrieta tiegħu, u ħarġu f’waħda mill‑gallariji kbar tal‑palazz biex ikellmu ’l bogħod mill‑mistednin.

“Inti diġà taf li Ivan Ogareff kien ġie eżiljat fis‑Siberja meta nstab ħati li kien qed jispija kontrija, u li malli nħeles beda jkebbes ir‑rewwixta tat‑Tartari.”

“Hekk hu, Majstà.”

“Imma hemm fatt li għadek ma tafux. Għalkemm Ogareff qatt ma ltaqa’ personalment ma’ ħija l‑Granduka, jaf sew li kien hu li kixfu u li minħabba fih spiċċa eżiljat. Jien ċert li issa se jipprova jpattiha lil ħija u fl‑istess ħin jattakka lit‑tron tar‑Russja. Hemm bżonn li xi ħadd imur javża lil ħija b’dan il‑periklu mill‑aktar fis. Irridek issibli messaġġier li jkun jista’ jagħmel dan.”

Dak l‑istess lejl sabu messaġġier mis‑Siberja, Mikiel Strogoff.

“Jiena ċert,” beda jispjegalu ż‑Żar, “li Ogareff biħsiebu jmur Irkutsk taħt isem ieħor biex isib ix‑xogħol taħt il‑Granduka, u wara li jikseb il‑kunfidenza tiegħu jittradih f’idejn it‑Tartari. Għalhekk huwa importanti ħafna li twassal din l‑ittra lill‑Granduka.”

L‑Għada filgħodu Mikiel Strogoff libes ta’ merkant u telaq bit‑tren minn Moska għal Irkutsk; vjaġġ ta’ aktar minn tlitt elef kilometru. Il‑vjaġġ għadda lixx u bil‑kwiet, sakemm ma waslux Wladimir, fejn tfajla ta’ madwar dsatax‑il sena rikbet it‑tren.

It‑tfajla ġibdet l‑attenzjoni ta’ Strogoff, imma qatagħha li ma jkellimhiex, sakemm ma nqalax l‑inċident viċin il‑belt ta’ Nijni‑Novgorod. Hekk kif it‑tren kienet qed iddur mgħaġġla f’liwja tal‑ferrovija, ir‑roti qabżu l‑binarji, u l‑vaguni tat‑tren spiċċaw mitfugħin mal‑ġenb tal‑muntanja.

L‑ewwel li ġiet f’moħħ Strogoff kienet it‑tfajla. Qomos minn naħa għal oħra tal‑vagun u ntefa’ b’ġismu kollu fuqha biex iħarisha mill‑oġġetti li bdew itiru u jissabbtu kullimkien madwarhom. Meta fl‑aħħar il‑vagun straħ u ma baqax jitriegħed, Strogoff refa’ lit‑tfajla, u beda jimbotta lill‑folla ppanikkjata sakemm ħarġu barra.

“Issa m’għadekx fil‑periklu,” qalilha. “Fejn kont biħsiebek tmur?”

It‑tfajla tbissmitlu, kuntenta li kienet għadha qawwija u sħiħa. “Sejra Irkutsk,” wieġbet.

Hekk kif Strogoff ħares lejha, kollha waħidha u ’l bogħod minn darha, għadda ħsieb minn rasu. Nistgħu nivvjaġġaw flimkien, ħaseb. Jekk nivvjaġġa magħha hemm ċans li jissusspettawni inqas. Iżda malajr neħħa dan il‑ħsieb egoistiku minn moħħu. Nieħu pjaċir nivvjaġġa magħha, ħaseb. U forsi nista’ nkun ta’ għajnuna għaliha wkoll.

F’dak il‑waqt Strogoff lemaħ żewġ pulizija resqin lejn il‑post tal‑inċident. Wieħed minnhom ipponta lejn Strogoff u t‑tfajla, u ordnalhom, “Dawk kollha li ma weġġgħux fl‑inċident għandhom imorru l‑għassa tal‑pulizija minnufih.”

Strogoff u t‑tfajla baqgħu weqfin fil‑post.

“Għaġġlu, taħlux żmien,” ħatafhom il‑pulizija. “Ninsabu fi stat ta’ emerġenza.”

***** ***** stat_3 ***** *****

2: Il‑Merkant u Oħtu

Meta Strogoff u t‑tfajla waslu fl‑għassa tal‑pulizija, l‑ewwel ħaġa li lemħu kien avviż imwaħħal mal‑bieb ta’ barra. Hekk kif qrat l‑avviż, wiċċ it‑tfajla ddallam.

“Problemi?” staqsa Strogoff.

“Qed jgħid li dawk li m’għandhomx nisel Asjatiku jkollhom jibqgħu fil‑provinċja. Dak ifisser li ma nistax inkompli l‑vjaġġ għal Irkutsk.”

“Forsi nista’ nagħmel xi ħaġa biex insolvi l‑problema jien,” lissen. Strogoff. “Ħu paċenzja stenna hawn barra.”

Strogoff daħal l‑għassa waħdu, u fis qal lill‑ewwel pulizija li ra li ried ikellem lill‑kummissarju. Leħnu tant kien sod u awtorevoli li l‑pulizija dlonk ħadu għand il‑kummissarju. Strogoff spjegalu min kien u x’kienet il‑missjoni tiegħu. “Ikollkom tħallu lit‑tfajla tiġi miegħi. Jekk inkun ma’ xi ħadd, innaqqas is‑suspetti minn fuqi.

Il‑kummissarju ħasibha ftit, imma fl‑aħħar aċċetta.

Bi tbissima fuq wiċċu, Strogoff reġa’ ħareġ ħdejn it‑tfajla, li kienet għadha qed tistenna barra.

“Minn issa ’l quddiem inti oħti,” qalilha. “Nittama li togħġbok l‑idea.”

“Bil‑qalb kollha,” wieġbet it‑tfajla.

Waqfu għal ftit fit‑triq biex jaraw ors immansat. Sidu beda jqabbdu jiżfen mad‑daqq ta’ ftit mużika, u n‑nies waqfet biex tarah. Qalb id‑daqq u ċapċip, it‑tfajla lissnet minn taħt l‑ilsien, “Jisimni Nadia.”

Kien beda jidlam hekk kif ippreparaw biex jitilgħu abbord il‑vapur Caucasus. Dan kellu jwassalhom sal‑belt ta’ Perm. Kien hemm għagħa kbir hekk kif ħafna passiġġieri oħra nġabru fuq il‑moll biex jitilgħu fuq il‑vapur, u l‑arja kienet kollha sewda bid‑dħaħen taċ‑ċmieni tad‑djar fil‑qrib. Iżda kemm Strogoff kif ukoll Nadia kellhom moħħhom f’dak li kien qed jerfa’ l‑ġejjieni qarib għalihom: inħawi ġodda u postijiet eċċitanti.

Il‑vjaġġ tagħhom lejn Perm għadda mingħajr inkwiet u waslu fil‑belt fi żmien qasir. Minn hawn Strogoff xtara tlitt iżwiemel u karettun b’erba’ roti biex ikun jista’ jġorrhom qalb il‑pjanuri tas‑Siberja. Minn hawn qabbad ukoll iemschik, sewwieq tal‑karettuni li xogħlu kien li jwassal passiġġieri minn post għal ieħor. Telqu minn Perm lejn nofsinhar. Strogoff u Nadia qagħdu fuq wara tal‑karettun hekk kif is‑sewwieq, bi professjonalità liema bħalha, xejjer il‑frosta u dlonk iż‑żwiemel irħewlha bil‑ġirja, bis‑silġ ifaqqa’ taħt ir‑roti tal‑karettun.

Kien madwar it‑tmienja ta’ filgħaxija meta inqala’ l‑inkwiet. Kienu għaddejjin minn passaġġ b’ħajt ta’ blat għoli fuq naħa u rdum fond fuq in‑naħa l‑oħra. F’daqqa waħda leħħet berqa fis‑sema, u dritt warajha nstemgħet ragħada li kexkxet l‑art. Qam riħ qawwi li beda jvenven qalb ix‑xquq fil‑blat madwarhom, u t‑tila li kienet qed tgħatti ’ll‑karettun iċċartet.

Il‑maltempata bdiet tiħrax hekk kif komplew mexjin, u valanga ta’ blat, żgħir u kbir, bdiet nieżla minn fuq il‑muntanja. B’xorta tajba, l‑ebda waħda ma laqtet il‑karettun hekk kif beda jiżgiċċa minnhom u jkompli triqtu f’passaġġ li issa kien qiegħed jimtela wkoll b’ħafna ilma ġieri. Madankollu, Strogoff innota li Nadia kienet baqgħet kalma u ma tilfitx rasha minkejja t‑temp qalil, u ammira l‑kuraġġ tagħha f’dik is‑sitwazzjoni.

B’xi mod jew ieħor irnexxielhom jaslu fl‑istazzjoni ta’ Ekaternburg, fejn waqfu għall‑mistrieħ. L‑għada filgħodu, komplew treqithom. Minn hawn ’il quddiem, Strogoff kien jaf li kien jinsab fil‑periklu, għaliex issa kienu daħlu s‑Siberja, l‑art tat‑Tartari.

Minkejja dan ma ltaqgħu ma’ l‑ebda ntopp sakemm qasmu l‑isteppi u waslu qrib il‑belt ta’ Ichim. Hawnhekk Strogoff lemaħ karozzin ieħor li kien miexi quddiemhom. L‑ewwel ħaġa li ġiet f’rasu kienet li jaqbeż il‑karozzin ħalli jaslu qabel fl‑istazzjon u jieħdu l‑aktar bhejjem friski biex ikomplu l‑vjaġġ.

Milli jidher, is‑sewwieq tal‑karettun tagħhom ġietu l‑istess idea, għax Strogoff lanqas kellu ċans ikellmu, qabel ma s‑sewwieq fajjar tnejn bil‑frosta biex iħeġġeġ liż‑żwiemel jgħaġġlu aktar. Dlonk ġew ras imb ras mal‑karozzin, u kien hawn li ħesrem, minn waħda mit‑twieqi tal‑karozzin, tfaċċat id iżżomm pistola.

“Ieqfu!” għajjat leħen rozz u arroganti. “Ieqfu jew nispara!”

Strogoff baqa’ jħares ċass lejn il‑pistola li kienet ippuntata direttament lejh.

***** ***** stat_3 ***** *****

3: Il‑Qsim tax‑Xmara

Mikiel stħajjel li l‑persuna bil‑pistola ma kinitx lesta li tispara tassew sempliċement għax xi ħadd kien qed itellaqlu lejn l‑istazzjon, għaldaqstant ma tax kas it‑theddida, u minflok, ħeġġeġ lill‑iemschik tiegħu biex jgħaġġel liż‑żwiemel aktar. U spiċċat tellieqa tassew, hekk kif iż‑żwiemel tal‑karozzin, għax bdew jaraw liż‑żwiemel tal‑karettun jiġru quddiemhom, bdew jiġru kemm jifilħu aktar.

Madankollu l‑karettun ta’ Mikiel żamm il‑vantaġġ. Dan kien importanti għax kien hemm ċans li l‑istazzjon ma kienx se jkollu żwiemel friski biżżejjed għat‑tnejn. Bil‑qajla, iż‑żwiemel tal‑karozzin bdew inaqqsu l‑għaġla tagħhom, sakemm fl‑aħħar il‑karettun qatgħu sew u bilkemm baqa’ jidher warajhom fl‑isteppi. F’qasir żmien, waslu fl‑istazzjon ta’ Ichim.

Minnufih Mikiel talab lill‑kap tal‑istazzjon biex jagħtih grupp ta’ żwiemel friski. Il‑kap tal‑istazzjon seta’ jagħtih dawn, kif ukoll platt ikel sħun lilu, lil Nadia u lis‑sewwieq tagħhom. Kienu bilqiegħda jgawdu dan l‑ikel meta l‑bieb tal‑istazzjon instabat beraħ u tfaċċa uffiċjal kollu rrabjat.

“Żwiemel!” għajjat bil‑ħatfa. “Għandi bżonn żwiemel friski minnufih!”

“Jiddispjaċini,” wieġeb il‑kap tal‑istazzjon, “iżda m’għandix aktar żwiemel friski.”

“Għandek dawk iż‑żwiemel friski marbutin mal‑karettun hemm barra!” l‑uffiċjal kompla jgħajjat.

Mikiel minnufih intebaħ li dan l‑uffiċjal kien l‑istess persuna li kienet hedditu minn ġol‑karozzin li kienu qabżu tul it‑triq, għalhekk qam bilwieqfa minn fuq il‑mejda.

“Dawk iż‑żwiemel krejthom jien,” qal bil‑kalma kollha. “Tellaqna għalihom u inti tlift. M’hemmx argumenti.”

B’risposta għal dan, l‑uffiċjal ħareġ ix‑xabla tiegħu. “Le!” lissen. “Se niġġieldu għalihom. Għandi xabla oħra għalik fil‑karozzin.”

Mikiel baqa’ wieqaf quddiemu u sallab idu fuq sidru. “Le,” qal. “M’iniex biħsiebni niġġilidlek.

L‑uffiċjal baqa’ jħares lejh skantat. “Kif, mhux se tiġġilidli? Mela ħa naraw issa tbiddilx il‑ħsieb!” F’leħħa ta’ berqa, mar fuq Mikiel u fajjarlu daqqa ta’ ħarta fuq wiċċu.

Mikiel għamel minn kollox biex jibqa’ kalm. Ma kienx lest li jirriskja ħajtu u jispiċċa ferut fi dwell, għax kieku l‑missjoni tiegħu kienet tispiċċa fix‑xejn. Għaldaqstant, baqa’ sieket u ma għamel xejn.

B’leħen sodisfatt, l‑uffiċjal dar fuq il‑kap tal‑istazzjon u ordnalu jħoll iż‑żwiemel minn mal‑karettun ta’ Mikiel u jorbothom mal‑karozzin tiegħu. Mingħajr kelma waħda, Mikiel intefa fuq is‑siġġu.

“Tinkwetax,” lissnet Nadia bil‑mod. “Sinjal li għandek raġuni valida talli ma lqajtx l‑isfida tiegħu.”

B’xorti tajba l‑kap tal‑istazzjoni seta’ jiddobba għadd ta’ żwiemel friski għal Mikiel l‑għada filgħodu, u ssoktaw il‑vjaġġ tagħhom kmieni waranofsinhar. Ma kellhomx aktar inkwiet sakemm waslu xi ħmistax‑il mil ’il barra mill‑belt ta’ Omsk. Biex jaslu l‑belt kellhom jaqsmu x‑xmara Irtych. Minħabba x‑xita li kienet għamlet, ix‑xmara kienet faret u l‑ilma kien ġieri ħafna u perikoluż.

L‑uniku mod biex jaqsmu kienet ċattra mdaqqsa li setgħu jirkbu bil‑karettun b’kollox, u minkejja l‑ilma qawwi, kienet għadha qed taħdem. Ħadu qatigħ sakemm irnexxielhom itellgħu ż‑żwiemel u l‑karettun fuqha, iżda fl‑aħħar irnexxielhom, u ċ‑ċattra bdiet miexja mal‑kurrent.

Għaddew ftit minuti mingħajr problemi, iżda malli kienu fin‑nofs tax‑xmara, Mikiel lemaħ xi ħaġa li bdiet tħassbu. Kien hemm ħafna dgħajjes resqin bil‑ġirja lejhom, mgħejuna b’moqdief kif ukoll il‑kurrent tal‑ilma.

Hekk kif id‑dgħajjes qorbu aktar, wieħed mis‑sewwieqa taċ‑ċattra għajjat imbeżża’, “Dawk Tartari! Tartari!”

Ma laħaqx spiċċa li bdew itiru ħafna balal madwarhom.

“M’għandniex ċans! M’għandniex ċans!” werżqet Nadia.

***** ***** stat_3 ***** *****

4: Marfa Strogoff

F’qasir żmien id‑dgħajsa ta’ quddiem ħabtet maċ‑ċattra, u din triegħdet bid‑daqqa. F’ħakka t’għajn, it‑Tartari qabżu fuq iċ‑ċattra.

“Ejja, Nadia!” għajjat Mikiel, hekk kif tawwal driegħu lejn it‑tfajla biex taqbad idu u jaqbżu t‑tnejn fl‑ilma. Nadia ttantat tersaq lejh, iżda ħesrem lanza laqtitu f’rasu, u, mitluf minn sensieh, Mikiel waqa’ fl‑ilma.

Il‑kurrent minnufih beda jkaxkru lil hinn miċ‑ċattra. Għal ftit mumenti idu baqgħet tidher fuq wiċċ l‑ilma, imma dlonk għeb għal kollox. Nadia bdiet tgħajjat iddisprata. Għalkemm ippruvat taqbeż fl‑ilma warajh, xi Tartari ħatfuha u kaxkruha lejn id‑dgħajjes tagħhom.

Id‑daqqa li qala’ Mikiel ma kinitx fatali, u fi ftit minuti reġa’ ġie f’sensieh, u beda jgħum lejn ix‑xatt. Tkaxkar fuq l‑art bla nifs, intelaq qalb il‑ħaxix, u reġa’ ntilef minn sensieh.

Meta stenbaħ, sab ruħu mimdud f’sodda f’kabina mdaqqsa imma sempliċi. Wiċċ ġentili mdaqqan kien qed iħares lejh.

“Titkellimx,” qallu x‑xwejjaħ. “Hawnhekk m’intix fil‑periklu, u tinsab fid‑dwejra ta’ bidwi fqir imma onest li ma jixtieqlek l‑ebda deni.”

Malli Mikiel beda jiġi f’tiegħu, beda jibbumbardja lix‑xwejjaħ b’ħafna mistoqsijiet. Kien ra x’kien ġara? U jekk iva, x’kien ġara lit‑tfajla li kien hemm miegħu fuq iċ‑ċattra?

“Rajt kollox,” wieġeb il‑bidwi. “Lit‑tfajla ħatfuha u ħaduha magħhom f’waħda mid‑dgħajjes.”

“Mela m’hemmx aktar tama għaliha,” lissen Mikiel, “Żgur li mhux se jdumu ma joqtluha.”

“Mhux bilfors,” wieġeb ix‑xwejjaħ. “Xi drabi jżommu lill‑priġunieri tagħhom bħala lsiera. Għallinqas hemm dik it‑tama ċkejkna.”

“Nittama li għandek raġun,” kompla Mikiel.

“Għada nieħdok Omsk,” qallu l‑bidwi. “Bħalissa okkupata mit‑Tartari, imma hemm ħafna Russi wkoll, għaldaqstant ma naħsibx li tkun fil‑periklu.”

L‑għada filgħodu, Mikiel wasal f’Omsk, u hemmhekk irringrazzja lill‑bidwi u sellimlu. Ħadlu b’idu bis‑saħħa u xtaqlu kull ġid għal dak kollu li kien għamel miegħu.

Madankollu Mikiel kien inkwetat. Ommu kienet tgħix f’din il‑belt. Kien ilu ma jaraha, u xtaq bil‑qalb kollha li jmur iżurha. Imma fl‑istess ħin kien qed jibża’ li jekk jagħmel hekk xi ħadd kien jagħrfu u l‑missjoni tiegħu kienet tfalli. Qatta’ ħafna sigħat jimraħ it‑toroq jipprova jiddeċiedi x’jaqbad jagħmel.

Fl‑aħħar qatagħha li kien aħjar jekk lil ommu ma jarahiex. Għalhekk mar fl‑eqreb stazzjon ħalli jixtri żiemel biex ikun jista’ jkompli l‑vjaġġ tiegħu lejn Irkutsk. Mument wara li xtara ż‑żiemel, sema’ vuċi dgħajfa tgħajjat warajh. “Mikiel Strogoff – ibni!”

Mikiel dar, imbellah.

Kienet tassew ommu! Ġriet lejh b’idejha miftuħin, u għal mument Mikiel kien beda miexi lejha biex jgħannaqha. Iżda f’daqqa leħħ il‑ħsieb f’moħħu li seta’ jirriskja l‑missjoni tiegħu u fl‑istess ħin ipoġġi lil ommu fil‑periklu. Seta’ kien hemm spiji fil‑qrib li kienu jafu lilu u lil ommu, u li iben Marfa Strogoff kien qiegħed jaħdem għaż‑Żar.

Għalhekk waqaf fil‑pront, u ħares lejn ix‑xiħa b’ċerta bruda. “Jiddispjaċini sinjura, imma naħseb li ħadt żball.” Minnufih bagħad lilu nnifsu malli lissen dak il‑kliem.

“Jien m’iniex ibnek,” kompla Mikiel b’ton arroganti. “Jisimni Nicholas Kopanoff, u jien merkant ta’ Irkutsk.” Mingħajr ebda kliem ieħor, resaq lejn iż‑żiemel tiegħu.

Hekk kif ommu baqgħet tħares warajh imbellha, raġel li kien fil‑qrib resaq lejha. “Ejja miegħi, xwejħa,” qalilha. “Għandi bżonn insaqsik xi mistoqsijiet.”

Lil Marfa ħaduha f’ċella, u hemm qattgħet sigħat sħaħ interrogata minn ħadd ħlief Ivan Ogareff innifsu. Madankollu ma qaltlu xejn.

“Qed tibqa’ tinsisti li dak ir‑raġel li kellimt m’huwiex ibnek,” qalilha Ogareff fl‑aħħar. “Iżda kun af li dak ċaħdek għaliex ma riedx li jinqabad. Imma ma jimpurtax. B’xi mod jew ieħor nislet il‑verità minn ħalqek.”

***** ***** stat_3 ***** *****

5: Ħarba mit‑Tartari

Matul il‑lejl kollu, Mikiel baqa’ jivvjaġġa tul l‑isteppi mingħajr waqfien ħlief biex iserraħ liż‑żiemel minn mument għall‑ieħor. L‑għada filgħodu qasam il‑Baraba. Din kienet art kollha tajn infestata bl‑insetti li bdew iduru miegħu il‑ħin kollu, u mhux darba niggżuh bix‑xewk tagħhom. Iż‑żiemel għaġġel ħafna biex joħorġu minn dak il‑post mill‑aktar fis possibbli. Madankollu, ħadu tlitt ijiem biex qasmu l‑Baraba.

Waqt dan iż‑żmien kollu, Mikiel kien inkwetat dwar it‑Tartari. Kien qed jibża’ li kienu diġà ħadu parti kbira mir‑reġjun. Dan kollu seta’ jikkonfermah hekk kif għadda minn bosta rħula fi triqtu li kienu meqrudin u maħruqin. F’dawn l‑irħula ma kienx hemm persuna waħda, u assuma li r‑raħħala kienu ħarbu mill‑post jew kienu nqabdu bħala priġunieri.

Darba minnhom sab ruħu quddiem dar maħruqa, u quddiem id‑dar, fuq biċċa zokk imwaqqa’, sab mara mbikkma żżomm tarbija f’ħoġorha u raġel xiħ.

“Dan xogħol it‑Tartari?” staqsiehom.

“Tassew,” wieġeb ix‑xiħ. “Ġew hawn biż‑żwiemel tagħhom u mmexxija mill‑Emir tagħhom, Feofar Khan. Ħartu l‑pajjiż kollu minn hawn sa Tomsk.”

Mikiel baqa’ xxukkjat b’dak li kien qed jara. Qabel ma telaqhom, lill‑mara u lix‑xwejjaħ tahom ftit flus. Issa kien ċert li ma setax jidħol fil‑belt ta’ Tomsk, u għalhekk kellu jibqa’ jimraħ l‑art meqruda u deżolata. Madankollu b’dan il‑mod kien qed jirriskja li jiltaqa’ ma’ xi klikka ta’ Tartari. Anki ma’ nżul ix‑xemx, Mikiel baqa’ jivvjaġġa.

Beda jongħos fuq iż‑żiemel meta f’daqqa waħda sema’ l‑ħsejjes taż‑żwiemel fil‑qrib. Niżel minn fuq iż‑żiemel u staħba wara xi siġar. Dlonk lemaħ għadd ta’ rikkieba jġorru t‑torċi. “Tartari!” lissen minn taħt l‑ilsien.

Fis‑skiet, mar jistaħba qalb il‑ħaxix folt. It‑Tartari waqfu u niżlu minn fuq iż‑żwiemel tagħhom ukoll. Mikiel intebaħ li kienu qatgħuha li jikkampaw hemm matul il‑lejl. Kien se jkollu jibqa’ moħbi hemm fil‑kesħa l‑lejl kollu sakemm jitilqu!

It‑Tartari niżżlu s‑sruġ minn fuq iż‑żwiemel tagħhom u qabbdu ħuġġieġa. Dlonk qagħdu bilqiegħda madwarha. Tnejn minnhom baqgħu weqfin għassa mhux bogħod ħafna mill‑moħba tiegħu, u seta’ jisma’ sew dak li kienu qegħdin jgħidu. Stagħġeb meta nduna li kienu qed jitkellmu fuqu.

“Il‑messaġġier taż‑Żar ma jistax ikun ħafna qabilna,” kien qed jgħid wieħed minnhom. “Immaġina. Li kieku ’l dik ix‑xwejħa Siberjana m’arrestawhiex, ma konniex inkunu nafu bih. Naturalment baqgħet tiċħad li kien binha, imma l‑Kulunell Ogareff mhux qed jemminha. Mhux se ndumu ma naqbduh.”

Dan il‑kliem kien qisu stallett f’sider Mikiel. Mela issa kienu jafu li kien il‑messaġġier taż‑Żar. U sar jaf ukoll li ommu kienet priġuniera tat‑Tartari. Dawn l‑aħbarijiet tant inkwetawh li bl‑aljenazzjoni ċċaqlaq u ġibed l‑attenzjoni tal‑għassiesa. Minnufih, wieħed mill‑għassiesa dar iħares fid‑dlam lejh.

“Min hemm?” qabad jgħajjat. Malli ma semax tweġiba, ħataf l‑ixkubetta u spara darba fil‑ħaxix.

Mikiel ma qagħadx jistenna aktar. Ħareġ bil‑ġirja minn qalb il‑ħaxix, qabeż fuq dahar iż‑żiemel, u lebbet minn hemm. Fil‑kamp warajh qam pandemonju. Mikiel beda jġerri liż‑żiemel fid‑dlam mingħajr ma kien jaf fejn kien sejjer. Mill‑inqas wieħed mit‑Tartari kien diġà rikeb iż‑żiemel tiegħu u beda jiġri warajh.

Mingħajr ma qagħad jaħsibha darbtejn, Mikiel dawwar rasu u spara darba bl‑addoċċ bil‑pistola tiegħu. It‑Tartaru waqa’ minn fuq iż‑żiemel.

Imma issa kien hemm aktar rikkieba jiġru warajh. Għal xi nofs siegħa Mikiel irnexxielu jibqa’ ’l bogħod biżżejjed minnhom biex ma jkunux jistgħu jolqtuh b‑isparaturi tagħhom, iżda kien jaf li ż‑żiemel tiegħu kien se jgħejja f’qasir żmien u ma ried xejn biex jinfixel f’saqajh minn mument għal ieħor. Kien jaf ukoll li ladarba jaqa’, iż‑żiemel ma kien se jqum qatt aktar.

Imma f’daqqa waħda sab xmara quddiemu. Kienet ix‑xmara Obi. Mikiel taptap fuq għonq iż‑żiemel. “Kuraġġ, sbejjaħ!” beda jgħajjat, “Isa! L‑aħħar sforz!”

B’dan il‑kliem, qabbeż liż‑żiemel għal ġo l‑ilma.

Iżda sadanittant wieħed mit‑Tartari kien wasal viċin. Bil‑ġirja, niżel minn fuq iż‑żiemel u mmira l‑ixkubetta fl‑ilma. Spara darba.

Laqat liż‑żiemel ta’ Mikiel fil‑ġenb, u dlonk l‑annimal tkaxkar mal‑kurrent tal‑ilma. Sidu minnufih telaq ir‑riedni.

Xita ta’ balal bdiet nieżla fl‑ilma madwaru. Impossibbli, beda jgħid bejnu u bejn ruħu. Mhux se nilħaq ix‑xaqliba l‑oħra.

***** ***** stat_3 ***** *****

6: Priġunieri tat‑Tartari

Imma, b’xorti tajba li lanqas hu ma seta’ jemmen, Mikiel irnexxielu jevita dawk il‑balal kollha u laħaq ix‑xaqliba l‑oħra tax‑xmara. Kif tela’ fuq l‑art, mar jistaħba minnufih qalb is‑siġar. Għalissa ma kienx f’periklu, imma issa kien mingħajr żiemel. Ma kellux ikel, u kien f’pajjiż li kien miżgħud bl‑għedewwa. Beda jħossu ddisprat. Ma kienx se jasal sa Irkutsk.

Imma f’daqqa waħda ħass rabja kbira tielgħa għal rasu, u qam bilwieqfa hekk kif tajjar minn moħħu l‑problemi kollha li seta’ jimmaġina. “Le, f’ġieħ is‑smewwiet, se nasal!” għajjat.

Qatagħha li jilħaq il‑belt ta’ Kolyvan. Kien hemm il‑possibbiltà li t‑Tartari kienu għadhom ma waslux hemm. Bil‑qajla, beda miexi lejn il‑Lvant.

Iżda Kolyvan ma kellha tkun ta’ ebda għajnuna għalih. Hekk kif qorob lejn il‑belt intebaħ li kienet kollha nirien. Issa l‑unika tama li kellu kienet li jsib xi raħal qrib minn fejn seta’ jiddobba żiemel, ikun x’ikun il‑prezz. Imma kien se jsib xi post fejn it‑Tartari kienu għadhom ma laħqux?

Hekk kif beda miexi madwar il‑belt maħruqa, sab ruħu ħdejn uffiċċju tat‑telegrafu. Ħaseb li ma kien hemm ħadd fih, u qatagħha li jidħol biex isib ftit kenn hemm ġew. Madankollu stagħġeb malli sab li fil‑fatt l‑operatur tat‑telegrafu kien għadu hemm.

“Il‑linja għal Irkutsk għadha miftuħa?” staqsa Mikiel, kollu tama.

L‑operatur kien se jaqbad iwieġeb, “Il‑linja miftuħa biss għal — ” imma waqaf ħesrem hekk kif instemgħu xi żwiemel jieqfu barra.

Ma setgħux ikunu ħlief it‑Tartari, Mikiel ħaseb minnufih. Dar biex ifittex joħroġ minn hemm, iżda fl‑istess waqt il‑bieb infetaħ beraħ u żewġt irġiel raffi ħatfuh minn dirajgħ. Beda jissara biex jiżgiċċa minn taħt idejhom, iżda mument wara, tfaċċa raġel ieħor b’pistol ppuntata lejn rasu.

o

Waqt li Mikiel kien qed jinqabad priġunier, l‑Emir tat‑Tartari, Feofar Khan, kien qiegħed itella’ u jniżżel x’jagħmel bil‑priġunieri li kienu għadhom kemm qabdu fil‑belt ta’ Kolyvan. “Lil dawk li huma b’saħħithom neħduhom bħala lsiera. Id‑dgħajfin żgur li jmutu tul treqitna lejn il‑Lvant.”

Matul il‑jum it‑Tartari baqgħu jġibu priġunieri ġodda fil‑kamp, u wieħed minnhom kien Mikiel Strogoff. Madankollu, għalkemm issa kien maqbud, deher li t‑Tartari xorta waħda kienu għadhom m’għarfux min kien, u l‑ittra taż‑Żar kienet għadha għandu. Għaldaqstant ħallihom imexxuh fejn riedu biex ma jqajjimx inkwiet żejjed.

Qatta’ l‑erbat ijiem ta’ wara f’miżerja liema bħalha. It‑temp kien qaleb għall‑agħar. Kienet xita qliel u r‑riħ kiesaħ kien qisu frosta fuq l‑imsejkna priġunieri, li ma kellhom l‑ebda kenn.

o

Tul dan iż‑żmien kollu, it‑traditur Ivan Ogareff kien qiegħed jiġbor aktar nies għall‑armata tiegħu. Il‑kavallerija u l‑fanterija li kellu miegħu kienu ħatfu l‑belt ta’ Omsk. Issa ried ikompli l‑mixja tiegħu lejn il‑Lvant mill‑aktar fis: id‑destinazzjoni ewlenija tiegħu kienet Irkutsk.

Mas‑suldati tiegħu, Ogareff kellu għadd ta’ priġunieri. Fosthom kien hemm xwejħa, li dehret li kienet miżmuma għaliha, mifruda mill‑priġunieri l‑oħra. Kienet imdawra bis‑suldati għassa magħha aktar mill‑priġunieri l‑oħra.

Kienet omm Mikiel Strogoff.

***** ***** stat_3 ***** *****

7: “Mikiel Strogoff Jagħmel Pass ’il Quddiem”

S’issa, Marfa Strogoff kien irnexxielha żżomm sod kontra l‑ħruxija li kienet qed tgħaddi minnha, imma l‑mixja twila li ġiegħluha tagħmel lejn il‑kamp tat‑Tartari kienet qed tagħmel tagħha. Mument minnhom żelqet, u kienet tinstabat mal‑art li kieku ma kienx hemm tfajla żagħżugħa fil‑qrib li żammitha minn driegħha.

B’kumbinazzjoni li ma titwemminx, inzertat Nadia, li kienet għamlet parti mill‑vjaġġ ma’ Mikiel, u li issa kienet priġuniera tat‑Tartari. Ix‑xorti issa kienet laqqgħet liż‑żewġ nisa flimkien. L‑għassiesa baqgħu madwar Marfa, imma lil Nadia ħallewha tgħinha, hekk kif ix‑xwejħa serrħet driegħha magħha biex tkun tista’ timxi.

Fl‑aħħar waslu fil‑kamp, imma t‑Tartari ma damux ma sfurzawhom biex ikomplu mixjin. Id‑destinazzjoni tagħhom kienet Tomsk. Kienet mixja ħarxa mhux bil‑ftit. Barra mit‑temp ikrah u l‑kesħa qalila, kien hemm il‑frosti u l‑lanez tat‑Tartari, li kienu qed jimbuttawhom ’il quddiem bla mistrieħ, tant li wħud li kienu dgħajfa ħafna jew kienu morda, waqgħu fit‑triq u ma qamux aktar. It‑Tartari ħallewhom hemm.

Meta waslu fuq ix‑xaqliba tax‑xmara Tom, it‑Tartari waqfu, u fl‑aħħar taw lill‑priġunieri ftit ħin ta’ mistrieħ. U kien hawn li Marfa Strogoff lemħet lil binha Mikiel qalb priġunieri oħra. Mikiel inħasad malli semagħha tgħajjatlu. Madankollu żamm sod u ma dawwarx ħarstu lejha. Minflok, ra kif jagħmel biex jintilef fil‑folla ta’ priġunieri ħalli ma tkunx tista’ tarah.

Din il‑biċċa ma ħarbitx lil Nadia, li kienet rat lil Mikiel ukoll, u kienet għarfitu. Daret lejn Marfa. “Nafu lil dak ir‑raġel. Jismu Nicholas Korpanoff, u huwa merkant minn Irkutsk. Imm’inti qed issejjaħlu ibnek. Għidli, dan kif?”

“M’hemm xejn xi ngħid,” wieġbet ix‑xwejħa, “barra mill‑fatt li lmaħt lil ibni.”

Iżda bilkemm spiċċat kliemha li ma nstemgħetx vuċi ħarxa tinbaħ lejha. “Marfa Strogoff. Ejja ’l hawn ħalli nsaqsuk xi mistoqsijiet.”

Iż‑żewġ nisa daru lejn il‑vuċi, u sabu lil Ivan Ogareff quddiemhom, riekeb żiemel u bi tbissima kiefra fuq wiċċu.

“Mela ibnek qiegħed hawn magħna,” kompla Ogareff. “Din hija tassew aħbar tajba. Issa kulma jonqsok tagħmel huwa li turina min hu.”

“Qatt!” Marfa għajtet lura. “Qatt!”

Ogareff ħares sew lejn ix‑xwejħa, u fehem mall‑ewwel li qatt ma kien se jirnexxilu jikkonvinċiha titkellem. Iżda ma qata’ qalbu xejn. Kien jaf ħafna mezzi kif iġiegħel lil xi ħadd jgħidlu dak li jrid.

Sejjaħ lil żewġ suldati u tahom ftit ordnijiet ta’ malajr. Is‑suldati dlonk ħatfu lil Marfa u poġġewha għarkopptejha, b’idejha marbutin wara daharha. Wara dan, rabtu xabla mill‑manku ma’ ġebla, u waqqfuha b’tali mod li l‑ponta kienet ftit millimetri biss ’il bogħod minn għonq ix‑xwejħa.

“Issa,” Ogareff kompla jordna, “ġibu lill‑priġunieri rġiel kollha li qbadna f’Omsk u f’Kolyvan ’l hawn u poġġuhom ringiela waħda quddiem ix‑xiħa.”

Is‑suldati hekk għamlu, u f’qasir żmien il‑priġunieri rġiel kienu kollha weqfin ringiela waħda quddiem Ogareff u x‑xwejħa għarkopptejha. Ogareff beda jxejjer frosta twila fl‑arja quddiem Marfa.

“Fostkom hawn wieħed bl‑isem ta’ Strogoff,” għajjat lill‑priġunieri. “Irridu jagħmel pass ’il quddiem minnufih – sakemm ma jridx jarani noqtol lil ommu.”

Ma’ dan il‑kliem xejjer il‑frosta fl‑arja.

Iżda ħesrem, wieħed mill‑priġunieri qabeż ’il quddiem u ħataflu driegħu. F’ħakka t’għajn ħataflu l‑frosta minn idu u fajjarlu daqqa biha fuq wiċċu. Ogareff waqa’ mal‑art. Minnufih xi suldati ġrew lejn ir‑raġel u ħatfuh minn driegħu. Kienu lesti biex joqtlu lil Mikiel, imma Ogareff waqqafhom.

“Le!” għajjat, “Mhux se jmut daqshekk faċilment. Qabelxejn araw x’għandu fuqu!”

Fil‑pront, is‑suldati bdew ifittxulu fil‑bwiet ta’ ħwejġu.

Ma damux ma sabu l‑ittra bis‑siġill tal‑imperatur. Għaddewha lil Ogareff, li fetaħha u beda jaqraha bil‑mod. Qraha aktar minn darba. Fl‑aħħar ħares lejn Strogoff. “Il‑vjaġġ tiegħek jispiċċa hawn, messaġġier. U x’aktarx ħajtek ukoll.”

***** ***** stat_3 ***** *****

8: Skont il‑Kitbiet Sagri

Ogareff ordna lis‑suldati jieħdu lil Mikiel, lil ommu u lil Nadia quddiem l‑Emir Feofar Khan.

“Baxxi rasek quddiem il‑Khan,” ordna Ogareff lil Mikiel.

“Le!” qabeż Mikiel minnufih.

Iż‑żewġ suldati li kienu madwaru ppruvaw iġiegħluh jinżel għarkopptejh, iżda Mikiel fajrilhom daqqtejn u xeħithom lura. Fil‑pront reġgħu ħatfuh minn dirgħajh.

“Min hu dan il‑priġunier?” staqsa Feofar Khan bil‑kalma kollha.

“Spija Russu,” wieġeb Ogareff.

“Mela l‑kitbiet sagri se jaqtgħu ix‑xorti tiegħu,” lissen Feofar. “Ġibuli l‑Quran.”

Xi suldati ġabulu l‑ktieb, u Feofar fetħu f’paġna bl‑addoċċ. Beda jimraħ il‑kitba b’għajnejh sakemm poġġa sebgħu fuq vers. Beda jaqra jgħajjat, “U hu ma jarax aktar l‑affarijiet ta’ din id‑dinja.”

Feofar dar lejn Mikiel bir‑rabja. “Spija Russu. Inti ġejt hawn biex tara x’qegħdin nagħmlu fil‑kamp tagħna. Mela ħares sewwa, sakemm tista’.”

Feofar għamel sinjal, u dlonk żewġ suldati resqu jġorru braċiera. Kienet mimlija faħam jaħraq nar. Fl‑istess ħin tfaċċa suldat ieħor iġorr ximitarra kbira.

Feofar kompla jħares biċ‑ċiera lejn Mikiel. “Inti rajt għall‑aħħar darba llum,” qallu. “Minn hawn u ftit mumenti oħra se naħarqulek għajnejk u qatt iktar ma int se tara d‑dawl tal‑jum.”

Mikiel ħares b’għajnejh imberrqin hekk kif is‑suldat poġġa x’xafra tax‑ximitarra fuq il‑faħam jikwi, u f’daqqa waħda ntebaħ li ma kinux se joqtluh, imma jagħmuh. Dan għalih kien kważi aktar terribbli mill‑mewt.

U kien hekk li lil Mikiel għamewh bil‑metodu tat‑Tartari, billi għaddewlu x‑xafra tikwi minn fuq għajnejh. B’xorti tajba għaliha, ommu ntelqet mal‑art mitlufa minn sensieha qabel ma għamlulu dan, imma Nadia rat kollox.

Malli lestew, is‑suldati telqu lil Mikiel mal‑art u warrbu minn hemm. Iżda Ogareff baqa’ jħares lejh bi tbissima kiefra.

“Tinkwetax, Mikiel Strogoff. Il‑messaġġ tiegħek se nwasslu jien lill‑Granduka. U naċċertak li wara Irkutsk taqa’ ma ddumx.”

Wara li anki Ogareff telaq, Mikiel baqa’ mimdud mal‑art sakemm sema’ lil ommu tiċċaqlaq. Tkaxkar sa ħdejha u qalilha xi ħaġa f’widintha. U mbagħad qam bil‑wieqfa b’idejh miftuħin quddiemu biex jipprova jimxi fid‑dlam. F’daqqa waħda, ħass idejn jaqbduh bil‑mod. Nadia kienet ħdejh.

“Ejja, ħija,” qaltlu. “Uża għajnejja sakemm inti fid‑dlam. Se nieħdok jien Irkutsk.”

o

Dak il‑lejl fil‑kamp tat‑Tartari kien hemm ħafna storbju hekk kif bdew jiċċelebraw ir‑rebħiet tagħhom. Ħafna priġunieri sabu x‑xoqqa f’moxtha biex jaħarbu, u fosthom kien hemm Mikiel u Nadia. L‑għada filgħodu kienu fi treqithom lejn Irkutsk.

B’xorti tajba, fi treqithom iltaqgħu ma’ raġel jismu Nicholas Pigassof, li kien riekeb karettun u kien sejjer lejn Irkutsk. Kellu miegħu kelb li kien isejjaħlu Serko. Malli ra f’liema kundizzjoni kien jinsab Mikiel, waqfilhom u talabhom jirkbu miegħu.

Qattgħu ftit jiem jivvjaġġaw lejn Irkutsk. Billejl kienu jieqfu u jorqdu fil‑karettun, biex imbagħad ikomplu l‑vjaġġ filgħodu kmieni. Mikiel kien ħalef li minkejja l‑qagħda tiegħu ried jasal Irkutsk, u issa beda jittama li kien hemm ċans li dan iseħħ. Imma kien se jasal fil‑waqt biex jikxef lil Ogareff u jsalva lill‑Granduka? Fuq dan ma kellux tama kbira.

***** ***** stat_3 ***** *****

9: Mill‑Ġdid f’Idejn it‑Tartari

Ma damux ma waslu ħdejn ix‑xmara Yenisei. Kienet xmara wiesgħa b’kurrent qawwi. “F’dawn l‑inħawi m’hawnx lanċa biex twassalna fuq in‑naħa l‑oħra,” qal Pigassof. “Se jkollna nafdaw f’Alla.” U b’dan il‑kliem mexxa liż‑żiemel għal ġo l‑ilma.

Iżda l‑kurrent kien qawwi wisq, tant li fis inbidel f’belliegħa u beda jkaxkar liż‑żiemel u ’l karettun bħal żugraga. Kien f’dan il‑waqt li Pigassof u Nadia baqgħu jħarsu mbellhin hekk kif Mikiel qabeż fl‑ilma, ħataf ir‑riedni taż‑żiemel sfrattat u b’idejn sodi ġibdu mill‑ilma mqalleb.

Iż‑żiemel ikkalma, u Pigassof u Nadia għenu lil Mikiel jitla’ lura fuq il‑karettun. Ma kienx hemm problemi wara din l‑avventura, u l‑kumplament tal‑vjaġġ kien aktar ħafif. Fuq ix‑xaqliba l‑oħra tax‑xmara sabu biss raħal mitluq wara l‑ieħor. Dan wera ċar li l‑bdiewa ta’ dawk l‑inħawi kienu ħarbu minħabba t‑Tartari.

F’ħin minnhom, Pigassof karab karba.

“X’inqala’?” staqsa Mikiel.

“Fenek,” wieġeb Pigassof, inkwetat. “Fenek qasmilna t‑triq.”

It‑tlieta li kienu baqgħu siktin. Fil‑folklor tar‑Russja, kienu jemmnu li fenek li jaqsam it‑triq ta’ vjaġġatur kien sinjal li kienet se tiġri xi ħaġa kerha. X’għajb kien hemm merfugħ għalihom?

Ma damux ma saru jafu. Ftit ħin wara sabu quddiemhom, minxur f’nofs it‑triq, il‑ġisem mejjet ta’ bidwi, bi vleġġa ma’ dahru.

“It‑Tartari, żgur,” qal Nicholas. “Ma nistgħux inħalluh hawn. Hemm bżonn nidfnuh kif jixraq.”

Mikiel xejjer rasu. “M’għandniex ħin,” lissen, “Ma nistgħux nitilfu aktar żmien, lanqas siegħa waħda.”

Lejn xi l‑erbgħa ta’ waranofsinhar lemħu fil‑bogħod il‑kampnari tal‑knejjes tal‑belt ta’ Nijni‑Oudinsk. Mill‑bqija, il‑belt kienet miksija bid‑dħaħen. “Ħabib,” lissen Nicholas, “Taw in‑nar lill‑belt!”

Għal mument waqqfu l‑karettun u baqgħu iħarsu lejn il‑belt li kienet ħuġġieġa waħda, u ma kinux jafu x’jaqbdu jagħmlu. Ħesrem, tfaċċaw xi Tartari rekbin fuq iż‑żwiemel. Dwiet sparatura, u ż‑żiemel ta’ Nicholas waqa’ mejjet fl‑art. It‑Tartari resqu lejhom u dawruhom.

Xi nofs siegħa wara, Mikiel, Nadia u Nicholas daħlu f’Nijni‑Oudinsk mas‑suldati li kienu qabduhom. Il‑kelb ta’ Nicholas baqa’ miexi warajhom, imma mill‑bogħod. It‑Tartari sabu xi żwiemel biex il‑priġunieri jirkbuhom, u reġgħu ħarġu fl‑għelieqi madwar il‑belt.

Issa t‑Tartari qatgħuha li joqogħdu jilagħbu bil‑priġunier l‑għama li kellhom. Bdew inibbxu liż‑żiemel ta’ Mikiel sakemm fl‑aħħar ressquh lejn ħofra fonda li kienet maġenb it‑triq. Imgerrex, iż‑żiemel żelaq u waqa’ fil‑ħofra b’Mikiel fuq dahru.

Waqt li t‑Tartari bdew jidħqu u jiżżuffjettaw bejniethom, Nicholas u Nadia niżlu malajr fil‑ħofra, għalkemm ma kellhom l‑ebda tama li Mikiel kien għadu ħaj. Madankollu, stagħġbu meta raw li ma kienx mejjet. Mal‑waqgħa kien irnexxielu jaqbeż lil hinn miż‑żiemel, u ma spiċċax mgħaffeġ taħtu. Iż‑żiemel kien mejjet.

Malli Nicholas u Nadia tellgħu lil Mikiel lura fit‑triq, it‑Tartari ħatfuh u rabtuh ma’ sarġ ta’ żiemel tagħhom. Hekk kif komplew il‑vjaġġ, Mikiel kellu jiġri warajhom fuq saqajh biex ilaħħaq maż‑żwiemel.

F’dan iż‑żmien kollu Mikiel ma tniffissx, u lanqas karba waħda ta’ uġigħ ma ħarġet minn fommu. Kellu f’moħħu ħsieb wieħed biss. Xejn – ħlief forsi l‑mewt – ma kien se jżommu milli jasal f’Irkutsk.

***** ***** stat_3 ***** *****

10: Nadia Taħrab

Fil‑ħdax ta’ Settembru, il‑grupp ta’ Tartari li kien magħhom waslu fir‑raħal ta’ Chibarlinskoe. Hawn ġara fatt li kien se jkollu konsegwenzi serji. Kien il‑lejl, u sakemm it‑Tartari kienu qegħdin jistrieħu, Mikiel sab ix‑xoqqa f’moxtha biex igerrem il‑ħbula li kien marbut bihom.

Fl‑istess ħin, Nadia kienet qed tittanta taħrab fid‑dlam. Kienet kważi waslet taħt is‑siġar qrib meta uffiċjal li kien wieqaf ħdejn Nicholas lemaħha. Fetaħ ħalqu biex jagħti l‑allarm, iżda Nicholas ħataflu l‑pistola minn ma’ qaddtu u sparalu dritt f’sidru.

It‑Tartari li kienu fil‑qrib kienu lesti li joqtlu lil Nicholas kieku ma kienx għal uffiċjal li waqqafhom. Minflok ordnalhom biex jaħtfu lil Nicholas u jorbtuh fuq dahar żiemel. Ftit minuti wara, telqu fil‑foresta jfittxu lil Nadia. Bl‑istorbju li kien inqala’, ħadd ma ntebaħ li l‑ħabel li Mikiel kien ilu jgerrem fl‑aħħar inqata’. Billi kien mingħalihom li kien marbut sew, ħallew lil Mikiel mimdud fl‑art, u ħadd ma baqa’ għassa miegħu.

Sadanittant, Nadia rnexxielha tevita lis‑suldati, u marret lura fil‑kamp għax ma riditx titlaq lil Mikiel waħdu. Sabet l‑opportunità tersaq lejh meta rat li kien waħdu.

“Fejn tridni nieħdok, Mikiel?” staqsietu minn taħt l‑ilsien.

“Fit‑triq lejn Irkutsk,” weġibha fil‑pront.

Dlonk bdew mixjin bil‑qajla fid‑dlam.

Meta sebaħ l‑għada, il‑ħerba li ħallew it‑Tartari warajhom kienet tidher kullimkien: żiemel mejjet ’l hawn, karettun imkisser ’l hemm, u kull fejn tħares, il‑katavri tal‑imsieken Siberjani li nzertaw fi treqithom.

Ftit wara, semgħu kelb jinbaħ fil‑qrib.

“Dak Serko li qed jinbaħ!” għajjat Mikiel. “Naħseb sab lil sidu.”

Nadia mexxiet lil Mikiel lejn il‑ħoss tal‑inbiħ, sakemm fl‑aħħar sabu l‑ġisem mejjet ta’ Nicholas. Mid‑dehra tiegħu, Nadia fehmet li kienu ttorturawh qabel ma qatluh.

“Jaqblilna nidfnuh, inkella l‑ilpup jagħmlu għalih,” lissen Mikiel. Bdew iħaffru b’idejhom sakemm għamlu ħofra fonda biżżejjed, u difnuh hemm, fil‑ġenb tat‑triq.

B’xorti tajba, ir‑raħal li sabu wara ma kinux attakkawh it‑Tartari. Koppja ta’ bdiewa laqgħuhom u tawhom x’jieklu u x’jixorbu, u aċċettaw lil jżommu lil Serko magħhom. Mikiel u Nadia komplew il‑mixja tagħhom.

Tnax‑il jum wara waslu l‑Lag Baikal. Hemmhekk sabu grupp ta’ Russi li kienu ħarbu mit‑Tartari, u li kienu fi treqithom ukoll lejn Irkutsk bit‑tama li jsibu kenn hemmhekk. Barra minn hekk, kienu diġà bnew ċattra biex jaqsmu l‑lag, u lil Mikiel u lil Nadia offrewlhom jirkbu magħhom.

Il‑pjan tar‑refuġġjati kien wieħed sempliċi. Kellhom isibu l‑kurrent fil‑lag li kien joħodhom lejn ix‑xmara minn fejn kienu jħallu l‑ilma ġieri jmexxihom lejn Irkutsk. Madankollu, kien hemm periklu li ma kinux ħasbu dwaru. Kien hemm blokki kbar tas‑silġ f’wiċċ l‑ilma, u dawn bdew jippressaw bil‑qawwi kontra ċ‑ċattra.

Għaddew is‑sigħat, u iktar blokki tas‑silġ bdew jinġabru madwarhom, sakemm fl‑aħħar iċ‑ċattra kienet imdawra kompletament bis‑silġ. Nadia lemħet xi dellijiet skuri jaqsmu l‑ġlat.

“Ilpup,” lissen wieħed mir‑refuġġjati. “Lestu biex tiddefendu ruħkom!”

***** ***** stat_3 ***** *****

11: Il‑Granduka u l‑Messaġġier

Uħud mill‑irġiel fuq iċ‑ċattra kienu armati bi xkubetti u snieter, u minnufih bdew jisparaw lejn l‑ilpup. Hekk kif wieħed minnhom waqa’ mejjet, l‑oħrajn bdew jirtiraw, imgerrxin.

Ftit ħin wara, dija qawwija ħamra mliet is‑smewwiet, u minn fuq xaqliba tal‑lag setgħu jaraw ħafna nirien. Xi ħadd fuq iċ‑ċattra qal li kienet il‑belt żgħira ta’ Pushkavsk.

“Mela t‑Tartari waslu qrib Irkutsk,” lissen Mikiel minn taħt l‑ilsien. “Hemm bżonn ngħaġġlu biex nilħqu naslu qabel Ivan Ogareff.”

Permezz tal‑lasti twal li kellhom, xi rġiel fuq iċ‑ċattra setgħu jimbuttaw iċ‑ċattra lil hinn mill‑ġlatiet, iżda aktar ma beda jgħaddi ż‑żmien aktar kellhom joqogħdu attenti u jimxu bil‑qajla. Il‑kurrent tal‑lag kien qawwi, u jekk ġlata kemxejn kbira laqtet liċ‑ċattra setgħet taqlibha u tixħet lil kulħadd fl‑ilma faċilment.

Minkejja l‑isforzi tal‑qaddiefa, fl‑aħħar sabu ruħhom quddiem blokka kbira tas‑silġ li waqqfithom fil‑post. Din ma kinitx l‑unika problema. Fuq ix‑xaqliba tax‑xellug tfaċċaw xi Tartari, li minnufih bdew jisparaw fuqhom.

Ħsibijiet bdew ileħħu f’moħħ Mikiel. “L‑uniku mod biex naħarbu huwa li nimxu fuq is‑silġ,” qal lil Nadia. “Tini jdejk u mexxini.”

Nadia mall‑ewwel għamlet dak li qalilha mingħajr kummenti. Hekk kif qabżu minn fuq iċ‑ċattra għal fuq l‑eqreb ġlata li kien hemm, balal bdew ifaqqgħu fuq is‑silġ madwarhom.

F’daqqa waħda, il‑ġlata li kienu fuqha nqasmet minn mal‑bqija, u bdiet titkaxkar mal‑kurrent u tbiegħedhom iktar mix‑xatt. Għamlu nofs siegħa jiġġerrew hekk, bil‑kurrent idawwarhom żugraga, it‑tnejn beżgħana li minn ħin għall‑ieħor is‑silġ kien se jinqasam taħt saqajhom.

o

Sadanittant, il‑Granduka f’Irkutsk kien se jirċievi żjara.

“Altezza,” lissen is‑segretarju tiegħu, “wasal messaġġier għalik mingħand iż‑Żar.”

Deher quddiemu raġel liebes il‑ħwejjeġ komuni ta’ bidwi Siberjan, u kien jidher għajjien mejjet. Baxxa rasu quddiem il‑Granduka.

“Sinjur,” qallu, “jisimni Mikiel Strogoff.”

Il‑Granduka ma kellu l‑ebda mod biex jinduna li min kellu quddiemu kien fil‑fatt impustur.

Kien Ivan Ogareff. Moħħu mistrieħ li l‑vera Mikiel Strogoff kien għami u x’aktarx mijiet ta’ mili ’l bogħod minn hemm, seta’ bil‑qajla kollha jipprepara t‑tradiment u l‑qtil tal‑Granduka f’isem it‑Tartari.

Newwel lill‑Granduka l‑ittra li kien ħa mingħand Mikiel. “Il‑messaġġ mingħand iż‑Żar, Sinjur.”

Il‑Granduka fela l‑ittra sew u rringrazzja lill‑messaġġier għas‑servizz li ta kemm lilu personalment kif ukoll lill‑pajjiż. “Qiegħed fil‑libertà li tmur fejn trid,” qallu l‑Granduka. “Kif qiegħed tara, qegħdin nippreparaw għal attakk mit‑Tartari.”

Lil Ogareff ħaduh f’kamra fil‑palazz fejn seta’ jistrieħ. Malli kien waħdu, tbissima feġġet fuq wiċċu. Issa li qiegħed hawn ġew, qal bejnu u bejn ruħu, ħadd ma jista’ jsalva ’l din il‑belt.

Mill‑għada stess, Ogareff beda jistudja l‑fortifikazzjonijiet tal‑belt biex jara minn fejn kien l‑eħfef għal sħabu t‑Tartari jattakkaw il‑belt. Beda jieħu nota ta’ dawk il‑partijiet li deherlu li kienu l‑aktar dgħajfa, u ħarbex mappa ta’ malajr.

Filgħaxija, tela’ fuq parti mis‑swar fejn kien jaf li kien hemm Tartaru qiegħed jistennieh bil‑moħbi taħt il‑ħitan. Fid‑dalma tal‑lejl, xeħitlu l‑mappa, u dan telaq jiġri biż‑żiemel lejn il‑kamp tal‑Emir Feofar Khan.

***** ***** stat_3 ***** *****

12: Ogareff Iwettaq il‑Pjan Tiegħu

Il‑pjan ta’ Ogareff kien miexi tajjeb. Il‑pass li kien imissu jieħu biex iwettqu kien li jmur f’parti tal‑palazz minn fejn taħtu kienet għaddejja x‑xmara Angara. Sab kamra minn fejn seta’ jara sew l‑ilma ġieri tax‑xmara. Miegħu kellu xi truf tal‑għażel miksija bil‑porvli.

Fuq ix‑xaqliba tal‑lemin ta’ Irkutsk kien hemm ħafna għejun tan‑nafta, u Ogareff kien qatagħha li jagħmel użu minnhom għall‑pjan tiegħu biex jagħti n‑nar lill‑belt. Fuq l‑ordnijiet tiegħu, it‑Tartari kienu ħatfu r‑riservi enormi ta’ nafta. Kull ma kien hemm bżonn li jagħmlu kien li jtajru biċċa mis‑sur u n‑nafta kienet tfur ’il barra bħal xmara.

Ogareff ħareġ sulfarina minn butu u qabbad it‑truf tal‑għażel. Xeħithom mit‑tieqa ’l barra. L‑għażel waqa’ fl‑ilma mħallat man‑nafta u f’ħakka t’għajn ix‑xmara saret vampa waħda. B’dik is‑sħana kollha, il‑biċċiet tas‑silġ fuq wiċċ l‑ilma bdew jinħallu minnufih.

Dlonk id‑djar tal‑injam li kienu qrib xatt ix‑xmara ħadu n‑nar ukoll, u t‑Tartari sabu l‑opportunità biex jattakkaw il‑belt f’dak il‑waqt. Dan kollu fixkel lin‑nies tal‑belt, li kellhom jieħdu ħsieb jitfu n‑nirien u jiddefendu ruħhom mit‑Tartari fl‑istess ħin. Il‑konfużjoni tat lit‑Tartari ċ‑ċans li jtajru l‑bibien tal‑belt mingħajr tfixkil. Daħlu jiġru fil‑belt bħal xmara tfur, jgħajtu, jisparaw u jxejru x‑xwabel tagħhom lejn kull min bdew jaraw.

Waqt din l‑għagħa kollha, Nadia u Mikiel kienu deħlin fil‑belt wara li kien irnexxielhom jitilgħu minn fuq il‑ġlata għal fuq l‑art ftit sekondi biss qabel ma Ogareff ta n‑nar lix‑xmara. Il‑vjaġġ ta’ Mikiel kien mitmum. Fl‑aħħar kien wasal Irkutsk. Imma milli jidher, kien tard wisq!

Nadia mexxiet lil Mikiel lejn il‑palazz tal‑gvernatur Fil‑palazz sabu ġenn liema bħalu, hekk kulħadd kien qiegħed jiġri ’l hawn u ’l hinn f’konfużjoni liema bħalha. U waqt dan l‑istorbju u l‑paniku kollu, Nadia u Mikiel infirdu. Nadia ma setgħetx tara lil Mikiel aktar f’dik il‑folla, u f’ħin minnhom spiċċat waħidha f’kurutur. Mingħajr ma kienet taf fejn kienet sejra, qabdet l‑ewwel bieb li sabet u fetħitu – u sabet ruħha wiċċ imb wiċċ ma’ Ivan Ogareff!

Ogareff ħatafha minnufih, ġibidha ’l ġewwa fil‑kamra u sabbat il‑bieb warajha. Ħareġ stallett u poġġieh ma’ għonqha.

“Iskot jew b’rasek idur!” qalilha.

Imma Nadia tant kienet tobogħdu li dak il‑ħin ma ħasbitx f’ħajjitha, u minflok sfidat lil Ogareff.

“Mikiel!” werżqet b’kemm kellha saħħa. “Ivan Ogareff qiegħed hawn! Ejja salvani!”

Mid‑dehra, Mikiel Strogoff inzerta ma kienx bogħod wisq minn dik il‑kamra, għaliex, kważi minnufih, il‑bieb infetaħ beraħ u tfaċċa quddiemhom. F’ħakka t’għajn, qasam il‑kamra dritt lejn Ogareff, u tah daqqa ta’ ponn li xeħtitu mal‑art.

L‑istallett waqa’ minn id Ogareff. Mikiel ħatfu minn mal‑art u waqaf bejn Nadia u Ogareff. “Tibżax, Nadia,” qalilha minn taħt l‑ilsien.

Ogareff bjad bil‑korla li ħakmitu. Ħareġ ix‑xabla u resaq lejn Mikiel.

“Ja biċċa ta’ għami!” qabad jgħajru. “Qed taħseb li tista’ tirbaħli?” Ipponta x‑xabla lejn sider Mikiel u qabeż ’il quddiem.

Fl‑aħħar mument Mikiel irnexxielu jilqa’ d‑daqqa ta’ Ogareff bl‑istallett, u għal ftit sekondi ż‑żewġt irġiel ġew wiċċ imb wiċċ. Kien f’daqt il‑waqt li Ogareff ħares imbellah lejn għajnejn Mikiel, jiddu bir‑rabja. U ntebaħ li dawk l‑għajnejn ma kinux mejtin.

“Int qed tara!” lissen mistagħġeb.

***** ***** stat_3 ***** *****

13: L‑Aħħar Dwell

Issa Ogareff ħassu bħal bhima magħluqa f’gaġġa, u beda riesaq lura sakemm ġie dahru mal‑ħajt.

“Iva, qed nara,” qal Mikiel. “Issa ddefendi ruħek. Qed noffrilek dwell. Ix‑xabla tiegħek kontra l‑istallett tiegħi.”

Ogareff beda jħossu mitluf, iżda rabba l‑kuraġġ u ġera lejn l‑għadu tiegħu. Immira lejn sider Mikiel ħafna drabi, imma Mikiel kull darba rnexxielu jilqa’ d‑daqqa bil‑ħeffa u b’ħila liema bħalha. Fl‑aħħar, Mikiel beda jattakka hu.

B’tixjira waħda tal‑istallett, tajjar ix‑xabla minn id Ogareff. Sekonda wara, Mikiel imbotta l‑istallett f’qalb Ogareff, li waqa’ mejjet fl‑art. F’dak il‑mument tfaċċa fil‑bieb il‑Granduka u tnejn mill‑għassiesa tiegħu. Għal ftit sekondi, waqfu fuq il‑post, u ħarsu lejn il‑katavru mal‑art.

Nadia kienet mal‑ħajt ħdejn il‑bieb, u għajtet imwerwra hekk kif wieħed mis‑suldati ħareġ pistola u ppuntaha lejn ras Mikiel. Il‑Granduka mexa ’l quddiem, iħares lejn il‑ġisem ta’ dik il‑persuna li mingħalih kienet il‑messaġġier taż‑Żar.

“Min qatel lil dan ir‑raġel?” staqsa bil‑kalma kollha.

“Jien,” qabeż Mikiel.

Il‑Granduka ħares lejn Mikiel u resaq lejh. “Qabel ma nqabbad lis‑suldati tiegħi joqtluk, irrid inkun naf ismek.”

Mikiel waqaf dritt quddiem il‑Granduka. “Jiena Mikiel Strogoff,” wieġeb fil‑pront. “U r‑raġel li hemm mejjet mal‑art huwa t‑traditur Ivan Ogareff.”

Wara dan, Mikiel beda jirrakkonta l‑istorja tiegħu. Fl‑aħħar, il‑Granduka qallu, “Ir‑Russja kollha se tibqa’ tafhulek għall‑kuraġġ u d‑dedikazzjoni tiegħek lill‑pajjiż.”

Il‑Granduka ma laħaqx spiċċa kliemu li ma nstemgħux il‑ħsejjes tal‑kanuni barra s‑swar ta’ Irkutsk. “Dak sinjal li l‑forzi tal‑għajnuna waslu,” kompla l‑Granduka.

Resqu lejn it‑tieqa, u minn hemm setgħu jaraw il‑ħerba li l‑kanuni kienu qed jagħmlu qalb it‑Tartari.

Bil‑wasla tal‑forzi tal‑għajnuna, il‑belt kienet ħielsa minn kwalunkwe periklu ieħor, u t‑Tartari bil‑mod bdew jirtiraw. Ogareff kien il‑moħħ wara r‑rewwixta, u malli ġriet il‑kelma li issa kien mejjet, ħafna minnhom bdew jaqtgħu qalbhom. Bix‑xitwa li kienet riesqa, sabu li ma setgħux iħaqquha mat‑truppi taż‑Żar, li bil‑qajla reġgħu bdew jirbħu l‑artijiet, il‑bliet u l‑irħula li kienu ħatfu t‑Tartari. Fi żmien ftit xhur, ir‑rewwixta kienet mietet għalkollox.

Mikiel spjega kollox lil Nadia. “Fil‑fatt qatt ma kont għamejt,” qalilha. “Meta ommi ħarset lejja għall‑aħħar darba, tant rikbitni l‑emozzjoni li għajnejja mtlew bid‑dmugħ. Il‑fwar li għamlu bis‑sħana tax‑xabla taħraq ipproteġewli għajnejja, u b’hekk ma ħarqulix għajnejja, imma ftit mill‑ġilda ta’ barra biss.”

Mikiel kompla jispjega. “Kif intbaħt x’kien ġara ħsibt li jekk nilgħabha tal‑għami kont inkun nista’ nwettaq il‑pjanijiet tiegħi mingħajr aktar xkiel. Għalhekk għamilt tabirruħi li kont għamejt tassew. Imma kien hemm bżonn li ħadd ma jinduna li ma kontx tassew għami, inkluża int, Nadia. L‑unika persuna li kienet taf il‑verità hija ommi. Meta tkaxkart lejha mal‑art u kellimtha f’widintha, għedtilha l‑verità ħalli ma tibqax tinkwieta u biex tkun taf li kien għad hemm tama li nsalvaha.”

Ġimgħa wara, Mikiel u Nadia żżewġu fil‑katidral ta’ Irkutsk. Wara dan marru Omsk, fejn omm Mikiel kienet qed tistenniehom fid‑dar iż‑żgħira tal‑familja Strogoff. Laqgħethom b’idejha miftuħin u kuntenta li binha żżewweġ lit‑tfajla li kienet saret tant tħobb.

Kien għad hemm okkażjoni oħra sabiħa tistenna lil Mikiel. Ftit żmien wara, laqgħu iż‑Żar, li daħħlu fil‑gwardja personali tiegħu u ppremjah bis‑Salib ta’ San Ġorġ għall‑qlubija u għas‑servizz li ta lill‑pajjiż. Hekk tintemm l‑istorja ta’ Mikiel Strogoff.

TMIEM

***** ***** stat_3 ***** *****

Noti

Belliegħa: Speċi ta’ tromba tal‑ilma, fejn jiltaqgħu żewġ kurrenti qawwija tal‑ilma, iduru ma’ xulxin, u jiġbdu kollox lejn il‑qiegħ. [Lura]

Ġlat: Biċċa silġ ċatta fuq wiċċ l‑ilma. [Lura]

Għażel: Tip ta’ drapp. [Lura]

Mil: Kejl ta’ distanza antik Ingliż; bejn wieħed u ieħor jiġi ftit aktar minn kilometru u nofs. [Lura]

Nafta: Likwidu li jieħu n‑nar malajr, bħall‑pitrolju. [Lura]

Porvli: Trab iswed li jieħu n‑nar malajr u jisplodi. Jintuża għall‑isparar u l‑bombi. [Lura]

Quran (Il‑Koran): Il‑ktieb ewlieni tat‑tagħlim tar‑reliġjon Islamika. [Lura]

Sarġ: Oġġett magħmul minn drapp u ġild, u jitpoġġa fuq dahar iż‑żiemel biex wieħed jirkeb fuqu. [Lura]

Sruġ: Plural ta’ sarġ. [Lura]

Steppi: Firxa kbira ta’ art ċatta bil‑ħaxix imma ftit li xejn foresta, fl‑inħawi mill‑Ewropa tal‑Lvant u l‑Asja Ċentrali, bejn l‑Ukraina u ċ‑Ċina. [Lura]

Ximitarra: Xabla ta’ forma mgħawġa komuni ħafna fost il‑popli tal‑Asja Ċentrali, il‑Lvant Nofsani u l‑Afrika ta’ Fuq. [Lura]

Żar: Ir‑re tar‑Russja. [Lura]

***** ***** stat_3 ***** *****