Jules Verne
(1828-1905)


Sors: wikipedia.org/GIMP

Kotba fil-Librerija
Dawra mad-Dinja fi Tmenin Jum  20,000 Lega taħt il-Baħar    Vjaġġ Lejn iċ-Ċentru tad-Dinja 
 

Darba, meta Jules Verne kien għadu tifel, kiteb, “Nixtieq ikolli avventuri f’postijiet strambi - postijiet b’ħafna siġar tal-palm, għasafar ta’ kull lewn, f’ġungli misterjużi u għerien li ħadd qabel ma jkun żar, b’passaġġi sigrieti u mudlama.”

Tant kien iħobb l-avventura li Verne ħarab minn daru meta kien għadu żgħir. Ħallas lil tifel ieħor biex jieħu postu bħala baħri fuq vapur. Meta l-vapur salpa beda jaħseb li se jsib dawk il-pajjiżi kollha meraviljużi li kien joħlom bihom. Imma fil-fatt il-ħajja ta’ baħri kienet iebsa, u mhux daqshekk eċċitanti daqskemm kien ħaseb hu. Għadda l-parti l-kbira ta’ ħinu isfel fl-istiva, jaqdi liċ-ċorma u jnaddaf il-kabini u jaħsel il-platti fil-kċina. Meta l-vapur wasal f’port sab lil missieru qed jistennieh biex jieħdu lura d-dar, u Verne ħa r-ruħ meta rah.

Verne qatta’ tfulitu f’Nantes, il-belt fi Franza fejn kien twieled nhar it-8 ta’ Frar, 1828. Kien tifel b’immaġinazzjoni fertili, u kien jiddeverti lil ħbiebu billi jpenġilhom affarijiet li għal żmienu kienu strambi u ta’ barra minn hawn, bħal karettuni li jimxu mingħajr żwiemel. Għal dawn iż-żminijiet dawn mhumiex affarijiet strambi, iżda fi żmien Verne karozzi kienu għadhom ma jeżistux. Kien tifel atletiku wkoll, u kien iħobb jiġġerra fl-għelieqi.

Verne kien iħobb jikteb stejjer tal-avventura u reċti, imma lil missieru ma kienx jgħidlu bihom għax kien jaf li ma kienx jieħu pjaċir. Missieru kien avukat ta’ suċċess, u minn dejjem xtaq li ibnu jsir bħalu. Meta Verne għalaq is-sittax-il sena beda jistudja l-liġi fl-uffiċċju ta’ missieru.

Meta kien lest biex jagħmel l-ewwel eżami ta’ avukat mar Pariġi. Għadda mill-eżami, u reġa’ mar daru. Madankollu xorta baqa’ jaħseb li xi darba jerġa’ jmur lura Pariġi biex jgħix hemm bħala kittieb professjonali.

Reġa’ mar Pariġi f’Novembru tal-1848 biex jagħmel eżami tal-liġi ieħor. Din id-darba ltaqa’ ma’ Alexandre Dumas u malajr saru ħbieb. Dumas qara r-reċti ta’ Verne u qatagħha li jipproduċi waħda minnhom. Verne ħassu eċċitat mhux bil-ftit b’din l-opportunità, għax tatu aktar kuraġġ biex ikompli f’dik it-triq.

Reġa’ għadda mill-eżami għal avukat, imma din id-darba baqa’ Pariġi u kiteb lil missieru. “M’iniex ġej lura d-dar, u biħsiebni niddedika ruħi għal-letteratura. Forsi b’hekk insir kittieb tajjeb, imma jekk naħdem bħala avukat jien ċert li nkun avukat ħażin.”

Il-ħajja f’Pariġi madankollu kienet waħda iebsa. Biex jaqla’ ftit flus beda jagħti lezzjonijiet tal-liġi lil avukati studenti. Għalkemm ħadem iebes, fil-bidu ma għamilx ħafna suċċess. Fl-1857 iżżewweġ armla li kien diġà kellha żewġt itfal, u issa kellu wkoll ir-responsabbiltà ta’ familja x’isostni.

Fl-aħħar sar famuż fl-1863 meta ppubblika Ħames Ġimgħat f’Ballun tal-Arja. Ir-rumanz sar popolari ħafna u Verne kiseb il-fama ta’ kittieb żagħżugħ ta’ kalibru għoli.

Wara dan kiteb ħafna rumanzi oħra, fosthom Dawra mad-Dinja fi Tmenin Jum, Mid-Dinja sal-Qamar, Vjaġġ Lejn iċ-Ċentru tad-Dinja, Mikiel Strogoff: Messaġġier taż-Żar u Għoxrin Elf Lega Taħt il-Baħar.

Qabel ma kien jibda jikteb rumanz, Verne kien jaqra kull ma jsib dwar it-tema li kien biħsiebu jikteb dwarha. Kellu l-immaġinazzjoni ma kienet tispiċċa qatt, u dan għenu ħafna biex sar espert fil-fantaxjenza. Irnexxielu jbassar l-invenzjoni tal-bozza, tas-sottomarin u tal-arloġġ elettriku, fost affarijiet oħra.

L-Akkademja Franċiża onoratu billi tagħtu l-Leġjun tal-Unur għax-xogħol letterarju tiegħu. Miet famuż u sinjur fl-1905.

© Norman C. Borg