Ġeneri
Mitoloġija
Adattament għall-Malti:
Norman C. Borg
© Norman C. Borg
Qari tal-Provi: Therese Vella
Aktar tagħrif f'
Sagħtar
Ħarġa numru 376 (Marzu 2023)
Ħafna żmien ilu – kważi qabel ma bdiet tinkiteb l‑istorja tal‑bniedem – is‑Sultan Minos kien jaħkem fuq il‑gżira sabiħa ta’ Kreta. Missier Minos ma kien ħadd ħlief Żeus, l‑alla tal‑allat. U naturalment Żeus minn dejjem ra li l‑ġid u l‑poter ta’ ibnu kienu dejjem jiżdiedu maż‑żmien.
Minos bena flotta xwieni li kienu jbaħħru mal‑erba’ rkejjen tad‑dinja. Dawn kienu dejjem jiġu lura b’ħafna affarijiet, ġid, taxxi minn popli differenti kif ukoll – u din kienet l‑aktar importanti – għerf. Pereżempju, meta Minos ried jibni palazz li qatt bħalu ma kienet rat id‑dinja qabel – palazz biex jgħaġġeb lil kull min jarah – saqsa lill‑kaptani tal‑flotta tiegħu, “Mill‑postijiet kollha li rajtu fil‑vjaġġi tagħkom, liema kien l‑aktar palazz meraviljuż li rajtu?”
U wieħed mill‑kaptani wieġbu, “Maestà, il‑palazz ta’ Eġew, Sultan ta’ Ateni, huwa l‑aqwa palazz, kemm għall‑kobor kif ukoll għas‑sbuħija tiegħu. Fasslu l‑perit Dedalu, li l‑Atenjani jqisuh bħala l‑aqwa arkitett fid‑dinja.”
Meta Minos sema’ dan ordna lill‑kaptani tiegħu biex isibu lil Dedalu u jġibuh fi Kreta. Il‑kaptani marru għand is‑Sultan Eġew u talbuh biex jibgħat lil Dedalu magħhom, għax is‑Sultan Minos kellu bżonn is‑servizz tal‑aqwa arkitett. Minos kien l‑aqwa sultan, u għaldaqstant Eġew ma setax jirrifjuta.
Kien b’dan il‑mod li Dedalu ħa l‑ħila u l‑esperjenza tiegħu fi Kreta. Hemmhekk fassal il‑pjanijiet għal palazz tal‑għaġeb. Kien palazz bi tliet sulari, u l‑kċejjen u l‑banjijiet kellhom sistemi tal‑ilma avvanzati ħafna għal dak iż‑żmien. Tajjeb li tkun taf li f’dawk iż‑żminijiet, bini bi tliet sulari kien rari ħafna u sistemi ta’ ilma u dranaġġ bilkemm kienu jeżistu.
F’dan il‑palazz, kull fejn kont tħares kont tara s‑simbolu ta’ Minos – mannara b’żewġt ixfafar. Fis‑sulari ta’ fuq, il‑ħitan kienu kollha mżewqa b’affreski ta’ żfin, festi u divertiment. Kien hemm pitturi ta’ żgħażagħ Kretani – ġuvintur u tfajliet – jaqbżu minn fuq il‑qrun ta’ barrin. Kien sport perikoluż ħafna, imma kien popolari ħafna fost iż‑żgħażagħ ta’ Kreta f’dak iż‑żmien, għax kien juri l‑ħila u l‑kuraġġ tal‑persuna.
Tista’ tgħid li Minos issa kien kuntent għalkollox. Ta’ ħaġa waħda biss kien imdejjaq – ibnu. Mat‑twelid kien jidher li l‑imsejkna tarbija kienet differenti. Għalkemm il‑kumplament ta’ ġismu kien jidher normali, rasu kienet ikbar min‑normal, u l‑wiċċ ma kienx dak ta’ bniedem. Hekk kif gerbu s‑snin, ras it‑tifel bdiet tiżviluppa f’dik ta’ barri, bi mnieħer goff, maħruġ ’il barra u saħansitra b’par qrun li kull sena kienu jikbru u jikbru bħallikieku ma kienu se jieqfu qatt. F’temp ta’ ftit snin kellu dehra mostruża, bniedem bir‑ras ta’ barri.
Kull meta kien jitkellem kienet tinstema’ n‑naħqa ta’ barri li kienet triegħed kullimkien u n‑nies bdiet tibża’ minnu u bdiet issejjaħlu l‑Minotawr (it‑toru ta’ Minos). L‑aktar ħaġa tal‑biża’ kienet li l‑Minotawr kien beda jogħġbu l‑laħam tal‑bnedmin, u f’mumenti ta’ disprament u korla, ma kienx jaħsibha darbtejn qabel ma jiekol lil xi ħadd. Minos ma kienx jiflaħ jara lil ibnu hekk u jisma’ lin‑nies tgħid fuqu, u xtaq li joqtlu biex jeħilsu minn dik il‑miżerja. Iżda kien jibża’ li l‑allat jikkastigawh jekk joqtol lil ibnu.
Għalhekk qatagħha li jqabbad lil Dedalu jfassallu pjan għal labirint, bini b’ħafna kmamar u kuruturi, u jqiegħed lil ibnu hemm, bogħod mill‑għajnejn u bogħod mill‑imħuħ tan‑nies. B’hekk, ittama li n‑nies tinsieh u ma titkellimx aktar dwaru. Minos ma xtaqx li ibnu joħroġ minn hemm, u xtaq ukoll li ħadd ma jkun jista’ jidħol u jsibu. Għaldaqstant, Dedalu bena l‑labirint taħt l‑art, u fasslu b’mod tant ikkumplikat u stuż li hu stess bilkemm seta’ jsib triqtu ’l barra minn hemm.
Għall‑Minotawr din kienet se tkun bħal ħabs, u wara li Minos għamel kulma seta’ biex jikkonvinċi lil ibnu jibda jgħix fil‑labirint, il‑Minotawr aċċetta li joqgħod hemm b’kundizzjoni waħda: is‑sultan kellu jwiegħed li jibgħatlu xi nies bħala sagrifiċċju regolarment. Jekk Minos għal xi raġuni kien jonqos mill‑wegħda tiegħu, il‑Minotawr ħalef li joħroġ mil‑labirint u jeqred il‑palazz u joqtol lil kull min kien isib fih.
Kif għedna, Minos kien l‑aqwa sultan f’dawk l‑inħawi, għaldaqstant bagħat lis‑suldati tiegħu fil‑pajjiżi qraba, u qabbadhom isibu żgħażagħ biex jeħduhom għas‑sagrifiċċju. U s‑slaten ta’ dawk il‑pajjiżi, beżgħana mill‑qawwa ta’ Minos u tal‑armati tiegħu, ma waqfulux. Dan beda jsir kull sena, u kull pajjiż kien ikollu jibgħat għadd ta’ żgħażagħ, tfajliet u ġuvintur, kull meta kien imissu.
Ateni kien imissha tibgħat liż‑żgħażagħ tagħha kull disa’ snin. Is‑Sultan Eġew, kontra qalbu, aċċetta li jagħmel dan darbtejn. Iżda meta kien imiss lil Ateni li tibgħat liż‑żgħażagħ tagħha għall‑mewt għat‑tielet darba, iben Eġew, il‑Prinċep Tesew, kellu idea differenti.
“Missier,” qal Tesew lis‑sultan. “Ħallini mmur jien Kreta bħala wieħed miż‑żgħażagħ għas‑sagrifiċċju. Inwiegħdek li noqtol lill‑Minotawr u neħilsu ’l pajjiżna minn din is‑saħta.”
Naturalment Eġew ma kienx lest li jirriskja l‑ħajja ta’ ibnu fi ġlieda kontra l‑Minotawr, iżda, mill‑banda l‑oħra, ma setax ikompli jibgħat lil niesu għall‑qatla b’dan il‑mod, u fl‑aħħar qatagħha li jaqta’ xewqet ibnu.
Waqt li ppreparaw ix‑xini li kellu jbaħħar lejn Kreta, ftehmu li x‑xini kellu jitlaq b’żewġ settijiet ta’ qlugħ, wieħed abjad u wieħed iswed. Hekk kif ix‑xini jkun ġej lura wara l‑missjoni, il‑kaptan kellu jtella’ l‑qalgħa l‑bajda biex in‑nies f’Ateni jkunu jistgħu jaraw mill‑bogħod li Tesew kien irnexxielu joqtol lill‑Minotawr. Jekk Tesew imut, il‑kaptan kellu jtella’ l‑qalgħa s‑sewda.
Il‑Prinċep Tesew baħħar lejn Kreta flimkien maż‑żgħażagħ l‑imsejkna l‑oħra li kellhom ikunu ssagrifikati lill‑Minotawr. Naturalment, billi Tesew kien prinċep, Minos laqgħu aħjar miż‑żgħażagħ l‑oħra – ħallieh joqgħod fil‑palazz miegħu, ippreparalu kamra daqsiex biex joqgħod fiha u dawru b’ħafna sefturi – sakemm kellu jasal iż‑żmien li jibagħtu fil‑labirint mal‑kumplament ta’ niesu.
Sakemm kien qiegħed fil‑palazz Tesew kien ta’ spiss jara lil Arjadne, it‑tifla tas‑Sultan Minos. Arjadne rat li Tesew kien sabiħ u b’saħħtu, u ħadet grazzja miegħu. “Jaħasra, kemm se jispiċċa ħażin, miskin,” bdiet tgħid f’qalbha. “Anki jekk jirnexxilu jaħrab mill‑Minotawr, żgur ma jirnexxilux joħroġ minn dak il‑labirint.”
U Tesew ukoll kien qed jaħseb f’Arjadne. “Bħala bint Minos dik żgur taf xi sigrieti dwar il‑labirint,” qal bejnu u bejn ruħu. “Kelli bżonn nikkonvinċiha tgħidli xi sigriet minnhom, forsi nkun nista’ nirbaħ lill‑Minotawr.”
Għalhekk darba minnhom, meta kellu ċ‑ċans ikun ma’ Arjadne waħidha, Tesew talabha tagħtih xi idea kif seta’ jiżgiċċa minn taħt id‑dwiefer tal‑Minotawr.
Arjadne wegħditu li taħseb f’xi ħaġa. Dakinhar stess marret tara lil Dedalu u spjegatlu kollox. Dedalu kien minn Ateni, bħal Tesew; għaldaqstant mill‑ewwel ried jgħinu. Ta lil Arjadne mappa tal‑labirint. Imma din tant kienet ikkumplikata li mal‑ewwel daqqa t’għajn li tatha Arjadne qatgħet qalbha li setgħet tkun ta’ għajnuna.
L‑għada tat il‑mappa lil Tesew, u dan ukoll qata’ qalbu. Tant kien hemm passaġġi u dawrien li Tesew żgur ma kienx ser isib irkaptu tagħhom. “Prinċipessa, ma nibżax niffaċċja lill‑Minotawr u għandi fiduċja kbira fil‑ħiliet tiegħi bħala ġellied, imma ma nafx kif se nkun nista’ nsib triqti f’dan il‑labirint.”
Iżda Arjadne kellha pjan ieħor. Lil Tesew tatu kobba spag. Dak baqa’ mbellah. “X’nista’ nagħmel b’din? Il‑Minotawr żgur mhux se jagħtini ċans norbtu. U lanqas kieku, din l‑ispaga mhix b’saħħitha biżżejjed biex iżżomm mostru bħal dak!”
“Inti u dieħel fil‑labirint,” spjegat Arjadne, “ħoll l‑ispaga ftit ftit. Biex toħroġ lura imxi mal‑ispaga u ssib triqtek ’il barra.” Tesew għoġbitu l‑biċċa, bies id il‑prinċipessa u rringrazzjaha.
L‑għada filgħodu Tesew kellem lis‑Sultan Minos. “Maestà, nirringrazzjak tal‑ospitalità li offrejtli din il‑ġimgħa, iżda issa wasal il‑waqt li nagħmel dak li ġejt għalih,” u spjegalu x’kien il‑pjan tiegħu.
Għalkemm Minos xtaq li Tesew ikun kapaċi jeħilsu mill‑mostru, ma kellux fiduċja kbira li ż‑żagħżugħ kien se jirnexxilu fil‑missjoni tiegħu. Wasslu sad‑daħla tal‑labirint u hemmhekk sellimlu għall‑aħħar darba, għax kien ċert li Tesew kien se jsib mewtu hemm ġew.
L‑ewwel ħaġa li għamel Tesew qabel ma daħal aktar ’il ġewwa fil‑labirint kien li jorbot tarf il‑kobba spag li kienet tatu Arjadne ma’ travu. Kif beda miexi ’l ġewwa, id‑dawl beda jmajna ftit ftit, u f’qasir żmien sab ruħu fi dlam ċappa. Kellu jmiss il‑ħitan madwaru biex ikun jista’ jimxi tul il‑kuruturi u d‑dawrien ikkumplikati tal‑labirint. U l‑ħin kollu, baqa’ jħoll il‑kobba naqra naqra. Xi mkien aktar ’il ġewwa, beda jisma’ l‑infiħ goff tal‑Minotawr, li kien qiegħed jistenna bil‑ħerqa kollha l‑ikla li kien imiss.
Fl‑aħħar Tesew seta’ jħoss li l‑Minotawr kien qrib ħafna. Sab passaġġ magħluq u waqaf hemm. Kien faċli li jsib passaġġ magħluq għax bħala labirint il‑post kien mimli bihom. Dan il‑passaġġ, madankollu, kien ftit differenti. Eżatt quddiem għeluq il‑passaġġ kien hemm liwja għal kurutur qasir fuq il‑lemin. Tesew ftakar li kien ra din il‑liwja fuq il‑mappa, u qatagħha li kien il‑post perfett għall‑pjan tiegħu.
Tesew inħeba wara din il‑liwja, u sejjaħ lill‑Minotawr. Minnufih il‑mostru ġera lejn fejn kien sema’ l‑għajta, iżda bir‑rankatura li ħa kien diffiċli għalih li jieqaf ħesrem, u baqa’ dieħel ġol‑ħajt. Hekk kif kien għadu stordut bid‑daqqa, Tesew daħħal ix‑xafra tal‑lanza f’għonq il‑mostru. Il‑Minotawr, b’għajta qawwija li riegħdet il‑labirint kollu, instabat mal‑art u siket għalkollox.
Dik l‑aħħar karba ta’ uġigħ tal‑Minotawr irbumbjat mal‑palazz kollu. Kulħadd semagħha. “Jidher li Tesew irnexxielu,” qal is‑Sultan Minos, “imma issa ma naħsibx li se jkun jista’ joħroġ minn hemm.”
Sadattant Tesew kien diġà beda jkebbeb lura l‑ispaga li kienet tatu Arjadne, u f’qasir żmien sab il‑ħruġ mil‑labirint, fejn kien hemm il‑prinċipessa qed tistennieh kollha ħerqana.
“Prinċipessa,” lissen Tesew, “ma nafx kif nista’ nirringrazzjak biżżejjed. Li kieku ma kontx int qatt ma kien jirnexxili noħroġ minn dan il‑misħut post.”
“Ħudni lura miegħek Ateni,” wieġbet pronta l‑prinċipessa, “u żżewwiġni.”
Issa Tesew ma kienx qed jistenna tweġiba bħal din. Tassew li Arjadne kienet tfajla sabiħa, imma Tesew kien diġà għarus ma’ prinċipessa minn pajjiż ieħor. Ma kienx jaf kif jaqbad iwieġeb lil Arjadne, u biex ma jweġġgħalhiex qalbha, aċċetta li jeħodha miegħu lura f’Atene, bit‑tama li tul il‑vjaġġ jispjegalha l‑problema bil‑mod.
Għalhekk Arjadne baħħret ma’ Tesew, kollha kuntenta għax mingħalija kienet se tiżżewweġ lill‑eroj tagħha. Imma Tesew kellu pjanijiet oħra.
Tul il‑vjaġġ tagħhom, ix‑xini kellu jieqaf fil‑gżira ta’ Naksos biex ikunu jistgħu jiġbru aktar rifornimenti. Sakemm kien qed isir dan ix‑xogħol, Arjadne niżlet tippassiġġa tul il‑kosta. Malli raha hekk aljenata, Tesew ordna lill‑kaptan biex isalpaw minnufih. Lil Arjadne telquha waħidha fuq il‑gżira.
Malli lemħet ix‑xini jitbiegħed bdiet issejħilhom biex iduru lura, imma x‑xini baqa’ sejjer sakemm għeb għalkollox. Arjadne ntefgħet mal‑art tolfoq iddisprata. Bakku, l‑alla tal‑inbid u l‑festi, sema’ l‑biki tagħha, u pprova jikkunslaha billi organizza festa kbira bis‑sefturi u l‑annimali tiegħu, b’ħafna daqq u żfin, u kant u logħob. Qabad il‑kuruna li kellha fuq rasha u tefagħha lejn is‑sema. Il‑ġojjelli li kellha nfirxu mas‑smewwiet u saru kwiekeb li ffurmaw xbieha ta’ kuruna.
Fuq ix‑xini tiegħu Tesew kien qed jitkellem mal‑kaptan, u qallu kemm kien kuntent li kien ħeles minn Arjadne. Posejdun, l‑alla tal‑baħar, semgħu u rrabja mhux bil‑ftit meta ntebaħ kif iż‑żagħżugħ kien daħaq bil‑prinċipessa. Għalhekk qajjem maltempata liema bħalha li bdiet tqalleb ix‑xini ’l hawn u ’l hinn, tant li l‑qalgħa ċċarrtet. Għalkemm b’xi mod jew ieħor ix‑xini baqa’ f’wiċċ l‑ilma, il‑qalgħa kienet inqerdet għalkollox, u l‑kaptan kellu juża dik li kellu żejda – il‑qalgħa s‑sewda.
Hekk kif ix‑xini beda joqrob Ateni, xi sajjieda raw il‑qalgħa mill‑bogħod, u fis il‑kelma ġriet li Tesew kien miet. Malli s‑Sultan Eġew sema’ bl‑aħbar, mar jiġri lejn il‑port biex ikun jista’ jara b’għajnejh. Tassew, ix‑xini li kien għadu ’l bogħod mill‑art, kellu mtellgħa l‑qalgħa s‑sewda. Is‑sultan iddispra għax ħaseb li ibnu, il‑Prinċep ta’ Ateni u l‑unika tama li kellu l‑poplu li jeħles mill‑flaġell tal‑Minotawr, issa kien mejjet. Ma felaħx il‑qsim il‑qalb, tela’ sal‑quċċata tat‑torri tal‑port u minn hemm inxteħet fil‑baħar u għereq.