Storja qasira ġentilment offruta lill-proġett
Kotba fil-But mill-awtur,
Saviour Camilleri
Madwar 370 kelma

Żjara lill‑Papa

Ġakbu kellu xewqa waħda f’ħajtu; dik li xi darba jkellem u jieħu bi jdejn il‑Papa. Kellu daqstant ħrara kbira li jwettaqha, sforz l‑umiltà u s‑sempliċità li trabba fiha. Hu kien bin ir‑raħħala u kien minħabba f’hekk li kien jgħodd lilu nnifsu bħala bniedem mill‑aktar ordinarju. Għalih, li jwettaq ħaġa bħal din kienet l‑aqwa suċċess li seta’ jagħmel f’ħajtu. Ma kienx jara mod ieħor kif seta’ jitla’ l‑iskaluni tal‑ħajja u jkun imqar xi ħadd ta’ xi ftit importanza. B’hekk biss ħaseb, li seta’ jilħaq l‑iskop ta’ ħajtu. Wara kollox, mhux kulħadd kien jirnexxilu jasal ikellem lill‑Papa wiċċ imb wiċċ.

Intant, wara li għamel it‑tħejjijiet li kien hemm bżonn, issa kien jinsab Ruma mhux wisq bogħod mill‑Vatikan u għalhekk kien qrib li l‑ħolma li kellu ssir realtà. Qam filgħodu kmieni għall‑ħabta tal‑ħamsa biex jisma’ l‑quddiesa li jqaddes il‑Papa stess fil‑Kappella Sistina li tkun fis‑6.00. Għaliha jattendu biss l‑ogħla awtoritajiet tal‑Knisja Kattolika Rumana fil‑Vatikan u xi ħaddiema tal‑Vatikan stess li jkollhom permess speċjali. Dwar il‑permess, Ġakbu kien irnexxielu jirranġa wkoll, minn hemm u minn hawn.

U hekk minn kmieni qabel il‑quddiesa sab postu fil‑fillieri ta’ wara biex ma jidhirx daqshekk prużuntuż jew deffiesi, għalkemm ħafna xtaq joqgħod quddiem. Fis‑sitta sewwa, feġġ il‑Papa u dritt beda l‑quddiesa megħjun miċ‑ċerimonjieri tiegħu.

Fl‑aħħar tal‑quddiesa, Ġakbu induna li l‑Papa mar ikellem l‑inqas wieħed li kien hemm, raġel imċewlaħ u mżebbel bi ħwejjeġ mraqqa’ u maħmuġa. Dan l‑imċerċer – bla ħadd ma jaf kif ‑ irnexxielu jidħol u jsib ruħu fuq quddiem. Ħliefu, ma kellem lil ħadd iżjed, il‑Papa, lanqas lill‑istess kardinali u monsinjuri.

Meta ra hekk Ġakbu ħaseb li jkellem lil dak l‑imċewlaħ għax ħaseb li l‑Papa kellmu għax tħassru f’dik il‑miżerja tiegħu. Għalhekk mar fuqu u talbu biex ipartat ħwejġu ma’ tiegħu u wiegħdu li jagħtih mitt lira. Dak kien pront neża' u tah ħwejġu.

L‑għada Ġakbu sab postu ‑ qabel kulħadd – quddiem nett, biex il‑Papa żgur jintebaħ bih u jkellmu. Hekk kif spiċċat il‑quddiesa, ra l‑Papa stess ġej dlonk fuqu jkellmu. Tgħidx kemm ferħet qalbu, meta ħaseb li dak il‑fervur li kellu fuqu – barra l‑vjaġġ u t‑taħbit kollu – dik il‑ħolma, sa fl‑aħħar, kienet se sseħħ tabilħaqq.

U hekk kif il‑Papa resaq fuqu, qallu: “Jien m’għidtlekx ilbieraħ biex ma terġax tiġi b’dawn il‑ħwejjeġ?”

***** ***** TMIEM ***** *****

***** ***** stat_3 ***** *****