Ali Baba u l-Erbgħin Ħalliel
Ħrafa mil-Lvant Nofsani
Antoine Galland
(Franċiż, 1646-1715)
Madwar 1,300 kelma
Adattament għall-Malti:
Norman C. Borg
© Norman C. Borg
Ali Baba kien jgħix il‑Persja, fil‑Lvant Nofsani. Xogħlu kien li jmur fil‑foresta u jaqta’ s‑siġar għall‑injam biex isaħħan id‑djar u għat‑tisjir fil‑kċejjen.
Darba waħda, waqt li kien fuq xogħlu fil‑foresta, sema’ l‑ħsejjes ta’ ħafna żwiemel għaddejjin fil‑qrib. Waqaf minn dak li kien qiegħed jagħmel biex imur jara x’kien qed jiġri. Tela’ qalb il‑friegħi ta’ siġra biex jibqa’ moħbi. Lemaħ madwar erbgħin raġel rekbin fuq iż‑żwiemel. Dak il‑waqt waqfu kollha quddiem blata kbira.
Raġel twil, li milli jidher kien il‑mexxej tal‑grupp, waqaf quddiem il‑blata, għolla jdejh u għajjat, “Iftaħ, Ġulġlien!”
Oħroġ il‑għaġeb, il‑blata rrumblat laġenba, u Ali Baba seta’ jara li warajha kien hemm id‑daħla ta’ għar. L‑Irġiel qabda l‑ixkejjer li kellhom imdendlin maż‑żwiemel, u bdew deħlin fl‑għar, wieħed wara l‑ieħor.
Kien f’dak il‑waqt li bl‑aljenazzjoni, il‑papoċċa ta’ Ali Baba żelqitlu minn siequ u waqgħet qrib il‑ħallelin. Imma dawn tant kienu mehdija f’xogħolhom li b’xorti tajba ma ndunawx.
Ftit wara, reġgħu ħarġu kollha, imma mingħajr l‑ixkejjer.
Il‑mexxej ħareġ l‑aħħar wieħed. Waqaf, u dar iħares lejn l‑għar. Reġa’ għolla jdejh, u għajjat, “Agħlaq, Ġulġlien!”
U l‑blata rrumblat lura kif kienet qabel, u għalqet id‑daħla tal‑għar għalkollox.
Sadanittant, l‑erbgħin raġel reġgħu rikbu fuq iż‑żwiemel tagħhom u telqu.
Dan kollu qajjem il‑kurżità ta’ Ali Baba. Dawk l‑irġiel daħlu bi xkejjer mimlijin u ħarġu mingħajrhom. Min jaf x’kien hemm aktar f’dak l‑għar? Tgħid, jekk jgħajjat dawk il‑kelmiet, il‑blata kienet tiftaħ għalih?
Dlonk mexa quddiem il‑blata, waqaf bħalma kien għamel il‑mexxej tal‑irġiel, għolla jdejh, u għajjat, “Iftaħ, Ġulġlien!”
Baqa’ skantat hekk kif il‑blata minnufih fetħitlu d‑daħla tal‑għar.
Ali Baba fis daħal jiġri ġewwa l‑għar, u baqa’ mbellah b’dak li ra hemm ġew. Xkejjer fuq xkejjer, mijiet ta’ kaxxi tal‑injam u sniedaq. Fetaħ senduq minnhom, u kien mimli djamanti. Mar jiftaħ senduq ieħor. Dan kien miżgħud b’muniti tad‑deheb. Fetaħ waħda mill‑kaxxi tal‑injam. Din kienet imburġata b’muniti tal‑fidda. U kaxxa oħra kienet mifqugħa b’ġojjelli ta’ kull għamla, daqs u lewn!
“Qed nissuspetta li dawn l‑erbgħin raġel huma ħallelin,” qal Ali bejnu u bejn ruħu. “Ħa nieħu ftit muniti d‑dar għal marti!”
Deffes kemxa muniti tad‑deheb fil‑barżakka, u ħareġ mill‑għar.
“Agħlaq, Ġulġlien,” għajjat, u minnufih il‑blata għattiet id‑daħla tal‑għar.
Nasrin, mart Ali Baba, kienet fil‑kċina meta żewġha daħal jiġri d‑dar kollu eċċitat. Qalilha dwar l‑erbgħin ħalliel u l‑għar fejn kellhom moħbi t‑teżor liema bħalu.
“X’aħbar sabiħa din!” lissnet Nasrin. “Nistgħu nieħdu ftit aktar muniti ħalli nixtru dar ġdida u ħwejjeġ ġodda?”
“Iva, imma jaqblilna ma ngħidu xejn lil ħadd,” wieġeb Ali. “L‑erbgħin ħalliel jistgħu jsiru jafu bina, u dawk huma nies perikolużi.”
F’daqqa waħda nfetaħ il‑bieb tal‑kċina u tfaċċa Kassim, ħu Ali. “Għidli fejn hu l‑għar!” qal fil‑pront. Waqt li Ali u Nasrin kienu qed jitkellmu, Kassim kien wara l‑bieb u kien sema’ kollox. “Jekk ma tgħidlix,” kompla, “immur infittxu waħdi!”
“Le, tagħmilx hekk,” wieġeb Ali. “Mur fil‑foresta u sib blata kbira qrib is‑siġra tal‑baobab. Għajjat ‘Iftaħ, Ġulġlien!’, u l‑blata tiftaħ id‑daħla tal‑għar. Meta toħroġ, għajjat ‘Agħlaq, Ġulġlien!’ biex terġa’ tagħlaq id‑daħla.”
U Kassim hekk għamel. Mar biż‑żiemel tiegħu, sab il‑blata u qagħad quddiemha. Għajjat “Iftaħ, Ġulġlien!” U l‑blata kixfet id‑daħla. Daħal fl‑għar, u l‑blata ngħalqet warajh.
“Din tal‑għaġeb!” beda jgħid Kassim. “Dan id‑deheb kollu, din il‑fidda kollha, dawn il‑ġojjelli kollha!” Kien ġab tlitt ixkejjer miegħu. Deffes kemm seta’ deheb f’waħda, mela oħra bil‑fidda sa ruħ ommha u l‑oħra għabbieha bil‑ġojjelli kemm setgħet tiflaħ.
Mara lura bihom quddiem il‑blata biex joħroġ, u għajjat, “Iftaħ, Qamħ!”
Il‑blata ma tħarrkitx.
Qagħad jaħseb ftit, u għajjat “Iftaħ, Qamħirrun!”
Imma l‑blata baqgħet ma tħarrkitx. Issa Kassim beda jirrabja. Ma setax jiftakar x’kienet il‑kelma. Madankollu baqa’ kalm. Poġġa bilqiegħda, u qagħad jaħseb x’setgħet kienet il‑kelma li kien qallu ħuh.
Iżda f’daqqa waħda sema’ s‑saqajn ta’ ħafna żwiemel jieqfu barra mill‑għar. L‑erbgħin ħalliel kienu ġew lura! U sema’ wkoll x’kienu qed jgħidu.
“Ħarsu ftit!” għajjat wieħed minnhom. “Hawn żiemel quddiem il‑blata. Xi ħadd daħal fl‑għar!”
“Ma nistgħux inħalluh jaħrab minn hemm. Hemm bżonn noqtluh!”
L‑għada filgħodu, Żila, il‑mara ta’ Kassim, marret għand Ali Baba. “Ilbieraħ filgħaxija Kassim ma ġiex lura d‑dar. Taf fejn mar?”
Ali qalilha bl‑għar u bl‑erbgħin ħalliel.
Żila ppanikkjat. “Nitolbok, mur sibu! Dawk il‑ħallelin ta’ qattagħni! Żgur li joqtluh jekk isibuh!”
Ali mar quddiem il‑blata. Kienet magħluqa, imma seta’ jisma’ xi ħsejjes minn ġewwa. “Kassim, int qiegħed hemm ġew?” għajjat.
“Iva, iva! Hawn jien! Għinni għax muġugħ!”
“Iftaħ, Ġulġlien!” għajjat Ali minnufih. Lil Kassim sabu minxur mal‑art. Ma setax jimxi.
“Il‑ħallelin telquni magħluq hawn bit‑tir li mmut hawn ġew, imma ma mittx!”
“Ma mittx, imma muġugħ. Ħalli nieħdok id‑dar tiegħi. It‑tabib jista’ jiġi jarak aktar tard illejla.”
L‑Għada waranofsinhar il‑ħallelin reġgħu marru fl‑għar, u rrabjaw meta ma sabux lil Kassim. “Ħarbilna! Hemm bżonn insibuh!”
“Kif?” qabeż wieħed minnhom.
“Kien muġugħ,” wieġeb il‑mexxej tagħhom. “Bilfors li mar għand xi tabib biex idewwih. Insibu lit‑tabib li għenu.”
Ma damux ħafna biex sabu d‑dar tat‑tabib. “Ilbieraħ mort iddewwi raġel imweġġa’. Min hu, u fejn joqgħod?” staqsa l‑mexxej kollu rabja.
“Jismu Kassim, imma ma nafx fejn joqgħod eżatt,” wieġeb it‑tabib. “Kien id‑dlam u ma stajtx nara t‑toroq u d‑djar sew.”
“Mela ħudni hemm illejla meta jkun id‑dlam,” insista l‑ħalliel.
It‑tabib kellu jagħmel hekk, u malli waslu quddiem id‑dar ta’ Ali, il‑ħalliel penġa salib kbir abjad fuq il‑bieb.
“Issa li naf fejn joqgħod Kassim,” qal il‑ħalliel, “se noqtol lill‑familja tiegħu kollha. Għandi pjan lest għalihom!”
L‑Għada filgħodu l‑kap ħalliel mar is‑suq u xtara disgħa u tletin bettija kbira taż‑żejt.
“Għabbu l‑btieti fuq iż‑żwiemel u mbagħad inħbew ġo fihom,” qal lil sħabu. “Jien neħodkom għand Ali Baba. Billejl, waqt li jkunu reqdin, noħorġu u noqtlu ’l kull min ikun hemm fid‑dar.”
Filgħaxija, mar għand Ali Baba. “L‑Għaxija t‑tajba, sinjur. Jiena bejjiegħ taż‑żejt għadni kemm nasal mill‑Indja u għajjien mejjet. Ma nsiblekx post fejn inkun nista’ norqod u fejn nagħti kenn liż‑żwiemel tiegħi, jekk jogħġbok?”
“Mela le. Merħba f’dari, sinjur,” wieġeb Ali mingħajr tlaqliq.
F’dak il‑waqt Żila u Nasrin kienu qegħdin jaħdmu fil‑kċina, u semgħu lil Ali jilqa’ lir‑raġel. Għajn Żila għokritha. “Dak ir‑raġel mhux qed jogħġobni. Mill‑aċċent tiegħu dak Persjan, mhux Indjan. Ejja mmorru naraw x’għandu f’dawk il‑btieti li ġab miegħu.”
Ħarġu mid‑dar u marru fil‑ġnien. Kien hemm skiet perfett, u ħafna kwiekeb kienu fis‑sema. Ħin minnhom, semgħu vuċi minn waħda mill‑btieti.
“Meta se noħorġu biex noqtlu li Kassim, lil Ali Baba u lin‑nisa tagħhom?”
“Meta jkunu reqdin,” qabeż leħen minn bettija oħra.
In‑nisa ħarsu mbellhin lejn il‑btieti li kienu għadhom marbutin fuq dahar iż‑żwiemel. Raw li kien hemm disgħa u tletin. Disgħa u tletin u r‑raġel li kien rieqed ġewwa d‑dar. Erbgħin. L‑Erbgħin ħalliel!
“Iftaħ ix‑xatba, isa!” qalet Żila minn taħt l‑ilsien.
Nasrin fetħet ix‑xatba, u t‑tnejn bdew jagħtu daqqiet liż‑żwiemel fuq daharhom. “Xu! Itilqu! Xu! Xu! Warrbu minn hawn!”
U ż‑żwiemel lebbtu ’l barra minn hemm, u ’l barra mir‑raħal, u baqgħu jiġru u jiġru u jiġru, sakemm waslu fid‑deżert, u baqgħu jiġru, u ħadd qatt ma rahom aktar.
Meta kulħadd fid‑dar mar jorqod, il‑mexxej ħareġ mid‑dar inkiss inkiss u mar fil‑ġnien. Imma lil sħabu ma sabhomx. Lanqas liż‑żwiemel ma sab. Ħareġ jiġri mill‑ġnien, u baqa’ jiġri sakemm ħareġ mir‑raħal, u baqa’ sejjer sakemm wasal fid‑deżert, u baqa’ jiġri jfittex lil sħabu, u ħadd qatt ma rah aktar.
Filgħodu kmieni Ali u Kassim bakkru u marru fil‑ġnien. “Stramba, din!” qal Ali. “Il‑bejjiegħ taż‑żejt mhux id‑dar, u lanqas qiegħed hawn. Fejn mar biż‑żwiemel tiegħu?”
“Intom l‑irġiel ħmir,” qalet Nasrin.
“Iva, tassew intom ħmir,” tenniet Żila. “Il‑bejjiegħ taż‑żejt mill‑Indja ma kienx bejjiegħ taż‑żejt mill‑Indja.”
“Le,” kompliet Nasrin. “Dak kien il‑kap tal‑erbgħin ħalliel!”
“U fejn qegħdin, l‑erbgħin ħalliel, issa?” staqsa Kassim.
“Marru jiġru fid‑deżert. U nittamaw li qatt ma jiġu lura,” wieġbet Żila.
“Issa għada morru l‑għar u ġibu t‑teżor, ħalli nkunu nistgħu inqassmuh mar‑raħħala kollha.”
L‑Għada, Ali Baba u Kassim marru l‑għar b’għaxart iħmar griż.
“Iftaħ, Qamħ!” għajjat Kassim.
“Le, ħmar!” qabeż Ali Baba. “Bqajt ma ftakartx? Mhux qamħ! Ġulġlien!”
“Ġulġlien, tassew,” tenna Kassim. “Iftaħ, Ġulġlien!”
Il‑Blata nfetħet, daħlu fl‑għar, u bil‑mod bdew jgħabbu l‑ħmir bit‑teżor. Malli kienu lesti, marru lura r‑raħal u bdew iqassmuh lil kulħadd.
“Grazzi mill‑qalb, Nasrin u Żila,” qalu r‑raħħala. “Intom tassew nisa għaqlin!”
Bettija: Speċi ta’ barmil kbir b’żaqq wiesgħa fejn jinżamm l‑inbid jew iż‑żejt. [Lura]
Persja: Il‑pajjiż illum imsejjaħ l‑Iran. [Lura]
Avventura | Drama | Esplorazzjoni | Fantasija | Fantaxjenza | Ħrejjef | Leġġendi | Letteratura għat-Tfal | Letteratura Maltija | Makabru | Misteru | Mitoloġija | Rumanzi Klassiċi | Storja