Rumanzi klassiċi | Storja

Lew Wallace
(Amerikan, 1827-1905)
Madwar 10,600 kelma

Adattament għall-Malti:
Norman C. Borg
© Norman C. Borg

Qari tal-Provi:
L-Aġenzija Nazzjonali tal-Litteriżmu

Kapitli
1: Ġuda u Messala
2: Priġunier u lsir
3: Battalja fuq il-baħar
4: Ġuda u Maluk
5: Ix-Sheik Ilderim
6: Il-ġid tal-familja Hur
7: It-tellieqa
8: Il-gladjatur
9: Rewwixta
10: Bin il-mastrudaxxa
11: In-Nazzarenu arrestat
12: “Missier, aħfrilhom”
Noti

1: Ġuda u Messala

Għal tmenin sena, il‑Ġudea kienet taħt Ruma, maħkuma minn prokuratur maħtur minn Ċesri. Matul dawn it‑tmenin sena r‑Rumani kienu draw li l‑Lhud, bil‑kburija kollha tagħhom, ma kinux jaqilgħu inkwiet sakemm ma jmissulhomx ir‑reliġjon tagħhom.

Tassew li gwarniġjun ta’ suldati Rumani kien stazzjonat fil‑belt ta’ Ġerusalemm, li mħallef Ruman kien qed imexxi s‑sistema ġudizzjarja u li kellhom iħallsu t‑taxxa lil Ruma; imma ħafna gvernaturi kien irnexxielhom jiskartaw li jindaħlu fiċ‑ċerimonji reliġjużi tal‑popolazzjoni u, b’xi mod jew ieħor, kien hemm paċi delikata bejn il‑ħakkiem u l‑maħkum f’dawn l‑aħħar ħmistax‑il sena.

Għal‑Lhud kienet umiljazzjoni li jkunu maħkumin mill‑barranin. L‑unika konsolazzjoni li kellhom – l‑unika – kienet is‑sodisfazzjon li l‑mexxej ewlieni fil‑palazz ta’ Ġerusalemm kien Lhudi bħalhom; il‑qassis il‑kbir Ħannas.

Madankollu, malli Valerju Gratus inħatar gvernatur fis‑sena 21 QK, waħda mill‑ewwel affarijiet li għamel kien li poġġa lil Iżmael minflok Ħannas, li, għalkemm dejjem irrispetta l‑ħakma Rumana, minn dejjem kien żamm il‑prinċipji Lhudin għal qalbu. Iżmael kien bniedem dgħajjef u kien jagħmel biss dak li kienu jordnawlu l‑ħakkiema Rumani.

Bil‑qajla, il‑fuklar tar‑ribelljoni reġa’ beda jitkebbes qalb il‑Lhud maħkumin, wara ħmistax‑il sena.

***** ***** ***** ***** *****

L‑istorja tagħna, fil‑fatt, tibda madwar ħames snin qabel il‑ħatra ta’ Valerju Gratus, meta kont tista’ tara żewġ subien jiġġerrew u jilagħbu fit‑toroq ta’ Ġerusalemm. It‑tfal kienu kollha ħajja, it‑tnejn kellhom karnaġġjon skur, u kont taħseb li kienu aħwa. Imma fil‑fatt ma kinux.

Wieħed kien Messala, bin uffiċjal Ruman, u kellu erbatax‑il sena. L‑ieħor kellu tnax‑il sena, u kien Ġuda Ben Hur, bin kummerċjant Lhudi li kien miet sentejn qabel f’nawfraġju fil‑baħar.

Għaż‑żewġ subien dawk kienu jiem mimlija ferħ u neqsin minn kull għamla ta’ ħsibijiet. Kulma kien jimpurtahom kien li kienu ħbieb. Li wieħed kien Ruman u l‑ieħor kien Lhudi ma kien ifisser xejn għalihom. L‑affarijiet tbiddlu meta missier Messala sejħulu lura Ruma.

Ġuda Ben Hur kien iddispjaċut meta ra lil sieħbu jitlaq mal‑familja tiegħu. “Il‑paċi t’Alla tkun dejjem miegħek,” qallu.

Messala wieġbu, “L‑allat iħarsuk dejjem.”

***** ***** ***** ***** *****

Għaddew ħames snin qabel ma ż‑żewġt iħbieb reġgħu ltaqgħu, u deher mill‑ewwel li, sadanittant, ħafna affarijiet kienu tbiddlu fil‑ġuvni Ruman. Il‑vuċi tiegħu, il‑qagħda ta’ wieħed kburi li wera, l‑arja superjuri tiegħu; kollha kienu juru li dan il‑bniedem kien wild Ruma, għadu tal‑Lhud.

Ġuda beda jinkwieta hekk kif osserva lill‑ħabib antik tiegħu. “Qed nara li tgħallimt ħafna mill‑ħajja Rumana,” qallu. “Ġibt lura miegħek ħafna għerf u kwalitajiet. Tuża l‑kliem ta’ mexxej, imm’issa kliemek iniggeż, Messala. Ma kontx hekk qabel.”

Messala tbissem lura. “Napprezza l‑fatt li ġejt tarani biex iġġedded il‑ħbiberija li kellna, Ġuda – jekk dan huwa possibbli. Imma l‑għalliem tagħna, qabel ma tlaqna, qalilna: ‘Morru u wettqu atti kbar f’ħajjitkom; ftakru li Marte, l‑alla tal‑Gwerra, jaħkem fuq kollox.’ Ried jgħidilna li l‑gwerra taħkem fuq kollox. Jien se nkun suldat kbir, Ġuda. U inti – x’tista’ qatt tkun?”

Għajnejn ir‑Ruman dehru mimlijin b’entużjażmu, hekk kif kompla, “Aktar ma jgħaddi ż‑żmien aktar insir b’saħħti – nieħu promozzjoni wara oħra hekk kif nirbaħ battalja wara battalja, nikkmanda leġjun u mbagħad insir gvernatur – u inti tista’ taqsam ix‑xorti miegħi. Meta jlaħħquni prefett, lilek naħtrek il‑qassis il‑kbir.”

Dan il‑kliem m’għoġobx lil Ġuda. “Mela jaqblilna ninfirdu. Nixtieq li ma ġejt xejn. Ġejt infittex ħabib u minflok sibt...”

“Ruman,” Messala ħatfu fil‑kelma.

Waqt li Ġuda kien se jitlaq, Messala poġġa idu fuq spalltu. “Hekk – idi fuq spalltek – hekk konna nimxu flimkien meta konna tfal. Għall‑inqas ħalli nwasslek sal‑bieb ta’ barra b’dan il‑mod.” Bdew mixjin lejn il‑bieb.

Messala pprova jkun serju u fl‑istess ħin ħanin, għalkemm xorta kien għadu qiegħed juri arja superjuri. “Ġuda, inti għadek tifel, imma jien issa raġel. Ħallini nitkellem bħala raġel.”

Baqa’ jitkellem dwar kemm Ruma kienet kbira u kemm il‑Ġudea kienet tiswa ftit li xejn. U reġa’ ttanta joffri għajnuna lil Ġuda.

“Għidtlek li jien biħsiebni nsir suldat. Għaliex mhux int ukoll? Għaliex ma toħroġx minn dan iċ‑ċirku magħluq tas‑soċjetà u l‑liġijiet ta’ niesek? Insa l‑ħmerijiet ta’ Mosè u t‑tradizzjonijiet; ifhem kif inhi s‑sitwazzjoni. Ruma hija d‑dinja, u l‑Ġudea hija sempliċement dak li tiddeċiedi Ruma.”

Kienu waslu sal‑bieb ta’ barra. Ġuda waqaf. Bil‑mod, neħħa id Messala minn fuq spalltu, u ħares dritt f’għajnejh, kważi mbikkem.

“Jien nista’ nifhmek, Messala, għax inti Ruman,” qallu. “Imma inti ma tistax tifhem lili. Jien Iżraelit. Illum weġġajtni għax urejtni li qatt ma nistgħu nerġgħu nkunu l‑ħbieb li darba konna – qatt. Hawnhekk se ninfirdu għalkollox. Nittama li l‑paċi t’Alla ta’ missirijieti tkun fuqek.”

Ħadu b’idejn xulxin u Ġuda telaq. Ir‑Ruman baqa’ sieket iħares warajh. Xejjer rasu darba tnejn, u fl‑aħħar lissen, “Ikun xi jkun, Eros issa mejjet, u Marte hu minn fuq.”

***** ***** ***** ***** *****

L‑għada filgħodu beda jinstema’ d‑daqq militari barra l‑ħitan ta’ Ġerusalemm. Valerju Gratus kien se jżur il‑belt għall‑ewwel darba.

Minn darhom, Ġuda u oħtu Tirża ġrew fuq il‑bejt ħalli jkunu jistgħu jaraw l‑isfilata. L‑ewwel kien hemm il‑fillieri tas‑suldati bl‑iżbandoli u l‑qwies. Warajhom kien hemm il‑fanterija, kolla armati sa snienhom, u mbagħad id‑daqqaqa. Wara dawn kien hemm Valerju Gratus, fuq iż‑żiemel, waħdu imma b’fillieri ta’ kavallieri oħra warajh. Fl‑aħħar nett kien hemm kolonna oħra ta’ fanterija, mixjin f’fillieri li kienu qed jieħdu l‑wisa’ kollha tat‑triq.

Gratus kien għadu ma wasalx taħt il‑bejt fejn kien hemm huma, imma Ġuda seta’ jara minn hemm nies oħrajn fuq bjut oħra, ixejru ponnijiet kontra l‑gvernatur u xi wħud anki jobżqulu. Mara minnhom saħansitra ssuttatlu l‑qorq tagħha.

“Ħalliel! Tirann! Ja biċċa ta’ kelb Ruman!” bdew jgħajtu n‑nies. “Warrbu lil Iżmael! Ġibu lura lil Ħannas!”

Issa Gratus kien wasal qrib dar Ġuda, u l‑ġuvni xxabbat ftit aktar biex jara lill‑gvernatur aħjar. Hekk kif iż‑żiemel ta’ Gratus wasal eżatt taħtu, id Ġuda żelqet fuq maduma laxka tal‑bejt. Ittanta jżommha milli taqa’ imma ma laħaqhiex. Il‑maduma baqgħet nieżla eżatt fuq ras il‑gvernatur. Gratus waqa’ minn fuq iż‑żiemel, u baqa’ minxur mal‑art mingħajr ma ċċaqlaq.

Ġuda kesaħ fuq il‑post; seta’ jimmaġina x’kien se jiġri minnu.

“Qtilt lill‑gvernatur Ruman!” lissen imbellah. “Tirża, Tirża! X’se jiġri minnha?”

***** ***** stat_3 ***** *****

2: Priġunier u lsir

Ġuda ħa r‑ruħ meta lemaħ lil Gratus jiċċaqlaq. Xi suldati daru madwaru u għenuh iqum fuq saqajh.

“Le, għadu ħaj,” lissen hekk kif għannaq lil oħtu. “Se ninżel biex nispjegalhom x’ġara. Żgur li jiftakru lil missierna u x’kien jagħmel għalihom. Mhuma se jagħmlulna xejn.”

Waqt li kienu neżlin it‑taraġ, semgħu tisbita kbira mal‑bieb, u mument wara xi suldati żgassawh ’il ġewwa. Xi sefturi bdew iwerżqu mwerwrin mal‑għajjat tas‑suldati. Ġuda u Tirża semgħu lil ommhom tolfoq.

Qabel ma setgħu jilħqu lil ommhom, xi suldati qabdu lil Ġuda minn dirgħajh u sabbtuh mal‑ħajt. Sema’ lil xi ħadd jgħajjat, “Dak hu!”

Kien leħen Messala.

“Kif,” sema’ uffiċjal ieħor jgħid, “Dak huwa l‑qattiel? Dak għadu tifel!”

“Hemm bżonn tkun xiħ biex tkun qattiel?” wieġeb Messala fil‑pront. “Dak hu. Dik hija ommu, u dik hija oħtu. Arrestawhom it‑tlieta!”

Għalkemm Ġuda beda jitlobhom b’disprament biex jeħilsu lil ommu u lil oħtu, is‑suldati ħatfuhom it‑tlieta.

Messala dar lejn l‑uffiċjal, “M’għandkomx bżonni aktar hawn, u għandi affarijiet aktar importanti x’nieħu ħsieb. Eros mejjet, Marte jaħkem!”

B’dan il‑kliem, ħareġ mid‑dar. Imma Ġuda fehem li dak li qal Messala kien indirizzat lejh aktar milli lejn l‑uffiċjal, u demmu sar ilma.

Rabja u mibegħda ħakmuh f’daqqa waħda. “Mulej,” lissen bil‑mod, “Agħmel li meta tiġi s‑siegħa tiegħu jmut taħt idejja!”

***** ***** ***** ***** *****

Is‑suldati ħadu lill‑omm, lill‑bint u lis‑sefturi kollha l‑ħabs. Lil Ġuda rabtulu jdejh u ħarġuh fit‑triq. Minn hemm ra s‑suldati joħorġu lill‑annimali kollha li kellhom id‑dar, sakemm fl‑aħħar, ġewwa ma kienx għad baqa’ ħlejqa ħajja waħda. Wara dan, suldat issiġilla l‑bieb ewlieni u sammar nota fuqu: “Din id‑dar hija proprjetà tal‑Imperatur.”

***** ***** ***** ***** *****

Jumejn wara, dekurjun u s‑suldati tiegħu daħlu fir‑raħal ta’ Nazaret, mid‑direzzjoni ta’ Ġerusalemm. Ir‑raħal kien żgħir, imperreċ fuq għolja żgħira, u ma kienx ta’ importanza kbira għajr għar‑ragħajja li kienu jmexxu l‑merħliet tagħhom minn parti għall‑oħra tal‑pajjiż, billi r‑raħal ma kienx jinsab f’rotot prinċipali.

Tant li għar‑raħħala ma kinitx xi ħaġa komuni li jaraw leġjunarji hemmhekk, u dawn ġibdu ħafna nies fit‑triq, kollha kurjużi biex jaraw x’kienet l‑okkażjoni. Is‑suldati kienu qed imexxu priġunier magħhom. Ma kienx fuq żiemel bħas‑suldati, kellu dirgħajh marbutin wara dahru, u kien nofsu mneżża’. Malli s‑suldati waqfu, intefa’ mal‑ħajt f’rokna. Kien għajjien mejjet, bilkemm kellu nifs, u kien kważi stordut.

Mastrudaxxa li kien qed josserva man‑nies l‑oħrajn resaq lejn id‑dekurjun. “Il‑priġunier tiegħek għadu żagħżugħ,” qal. “X’għamel ħażin?”

“Dan qattiel,” wieġeb l‑uffiċjal. “Ipprova joqtol lill‑gvernatur Gratus. Imma qatt aktar mhu se jkollu ċans li jipprova joqtol lil xi ħadd ieħor. Ikkundannawh għal għomru fuq ix‑xwieni.”

Żagħżugħ li kien wieqaf ħdejn il‑mastrudaxxa qabad qolla, melieha bl‑ilma minn bir fil‑qrib, u ħadha lill‑priġunier. Poġġa idu fuq spallet il‑priġunier bil‑qajla biex ma jaħsdux. Malli ħass dik l‑id, Ġuda ġie ftit f’tiegħu u ħares ’il fuq, lejn wiċċ li qatt ma kien se jinsa f’għomru. Kien il‑wiċċ ta’ żagħżugħ ta’, bejn wieħed u ieħor, l‑età tiegħu, b’għajnejn lewn ikħal skur li kienu mixgħulin b’ħarsa qawwija ta’ ħniena, imħabba u rieda tajba.

F’dak il‑mument, bil‑ħarsa ta’ dak iż‑żagħżugħ, bħallikieku l‑mibegħda kollha li Ġuda kien ħażen f’qalbu minn mindu tjassar, kienet inħallet fix‑xejn. Xorob fit‑tul u bil‑qalb minn dak l‑ilma. Iż‑żagħżugħ ma qalx kelma waħda, u Ġuda baqa’ sieket.

Ftit ħin wara, l‑uffiċjal ta l‑ordni biex ikomplu l‑mixja, u n‑nies li kienu nġabru fit‑triq marru lura għal xogħolhom. Dik kienet l‑ewwel darba li Ġuda ltaqa’ ma’ bin Marija.

***** ***** ***** ***** *****

Tliet snin wara, it‑tribun Kwintu Arjus ingħata l‑ordni mill‑Imperatur biex jieħu flotta xwieni fil‑Baħar Eġew u jeħles darba għal dejjem mill‑pirati Griegi li kienu qed jagħmlu tant ħsara lill‑kummerċ tal‑Imperu.

Minnufih malli tela’ abbord il‑galjun tiegħu, ried jagħmel spezzjoni. Tkellem mal‑kap tal‑qaddiefa u sar jaf kif il‑mitejn u ħamsin qaddief kienu mqassmin f’xiftijiet; tkellem mat‑tmunier biex jara kemm kien midħla ta’ dawk l‑inħawi tal‑baħar; tkellem mal‑kmandant tas‑suldati, ma’ min kien responsabbli għall‑provvisti fuq il‑galjun, u mal‑kok fil‑kċina. Fl‑aħħar mar josserva lill‑qaddiefa li kienu qed imexxu l‑galjun.

Kien hemm sittin qaddief fuq kull naħa tal‑galjun, u kienu ġejjin minn kull parti tal‑Imperu – kien hemm priġunieri tal‑gwerra u ħabsin, nies bla ebda isem u ebda tama li xi darba jitilqu mill‑ktajjen li kienu qed jorbtuhom ma’ dak il‑mirkeb. Qatt ma kont tismagħhom jidħqu jew ikantaw. Il‑ftit mistrieħ li kienu jieħdu kien jew biex jieklu jew biex jorqdu.

Kienu jaqdfu mingħajr ma jaħsbu, għaliex tant kienu ilhom hemm li r‑ritmu tal‑qdif kien sar awtomatiku, istintiv. Ħajjithom hemm, kienet għamlithom ġwejjef u bla ebda rieda ta’ xejn. Ix‑xogħol iebes li kienu jagħmlu kien rabbielhom ġisem b’saħħtu u kollu muskoli, imma moħħ vojt bi ħsibijiet ta’ xejn.

Madankollu, Arjus osserva wieħed mill‑qaddiefa – żagħżugħ li ma setax ikollu aktar minn għoxrin sena – li kien jaqdef b’ċerta kunfidenza. Kellu l‑ħarsa ċara u ffukata u ma kienx jidher mitluq bħal ħafna mill‑ilsiera l‑oħra.

Ftit jiem wara, Arjus sejjaħlu biex ikellmu. “X’jismek?” staqsieh. “U x’ġabek hawn?”

“Jisimni Ġuda Ben Hur. Xlewni li ppruvajt noqtol lill‑gvernatur Valerju Gratus.”

“Int!” wieġeb Arjus mistagħġeb. “Inti li ppruvajt toqtol lil Gratus? Dik l‑istorja qajmet għagħa madwar Ruma kollha!”

“Naħlef li jien innoċenti,” qabeż Ġuda. “Ikkundannawni mingħajr proċess fejn stajt nuri li ma ppruvajtx noqtlu – ma kellix interess li noqtlu, u anki kieku kelli, ma kienx l‑aħjar lok u lanqas l‑aħjar ħin li nwettaq id‑delitt; mhux fi triq mimlija nies u b’Valerju mdawwar bis‑suldati.”

Arjus baqa’ jisma’ b’interess kbir hekk kif osserva li ż‑żagħżugħ tkellem b’mod pulit, ċar u onest. Madankollu ma kien hemm l‑ebda għaġla, u Arjus qatagħha li jerġa’ jkellem lill‑ilsir aktar tard.

“Għalissa biżżejjed. Erġa’ mur lura f’postok.” Iżda qabel ma Ġuda laħaq dar biex jitlaq, Arjus staqsieh, “Kieku kont ħieles, x’kont tagħmel?”

Għall‑ewwel Ġuda ħaseb li t‑tribun kien qiegħed iżebilħu, imma minn ħarstu seta’ jara li r‑Ruman kien qed jitkellem bis‑serjetà.

“Jum qabel ma ġara dan kienu tawni l‑permess li nidħol suldat fil‑leġjuni Rumani. Għadni bix‑xewqa li nitħarreġ bħala suldat,” wieġeb.

Ftit minuti wara, Ġuda kien lura f’postu jaqdef. Imma għall‑ewwel darba fi tliet snin, min kif ra l‑interess ta’ Arjus fih, ħass li kien hemm xaqq ta’ tama li jinħeles.

***** ***** stat_3 ***** *****

3: Battalja fuq il‑baħar

Għal bosta ġimgħat il‑flotta Rumana baqgħet tgħarbel il‑Baħar Eġew biex issib il‑pirati l‑Griegi. Għal Ġuda u sħabu l‑qaddiefa, kull ġurnata kienet bħall‑oħrajn, u ma kellhom l‑ebda idea fejn kienu fil‑baħar.

Jum fost l‑oħrajn beda jiġri l‑kliem li f’qasir żmien kienu se jidħlu f’battalja. Ġuda xamm l‑inċens li t‑tribun qabbad fuq l‑altar personali tiegħu biex jitlob; lemħu jilbes l‑armatura, u fl‑aħħar ra lill‑kap tal‑qaddiefa jorbothom fuq il‑post bil‑ktajjen. Dan biex ħadd minnhom ma jittanta jaħrab waqt it‑taqbid.

Fl‑aħħar il‑kap tal‑qaddiefa wasal fuqu, imma qabel ma kellu ċ‑ċans ipoġġi l‑ktajjen ma’ riġel Ġuda, Arjus waqqfu, u qallu biex lil Ġuda ma jorbtux.

Ftit wara nstemgħu t‑trombi jdoqqu s‑sinjal tal‑gwerra, u minnufih il‑qaddiefa bdew jaqdfu għalenija b’kemm kellhom saħħa. F’qasir żmien, il‑ġlied mal‑pirati beda.

Minn postu mal‑moqdief, Ġuda seta’ jisma’ l‑għajjat, it‑twerżiq, il‑krib tal‑feriti, u seta’ jxomm il‑ħruq tal‑imriekeb li kienu qed jaqbdu fil‑qrib. F’daqqa waħda, il‑moqdief ħarab minn idejh hekk kif forza qawwija tajritu minn postu mal‑qaddiefa l‑oħra. Galjun ieħor kien daħal fuq tagħhom. Biċċiet tal‑injam maqsum bdew itiru kull naħa, u l‑ilma baħar beda dieħel b’qawwa kbira. Il‑qaddiefa bdew jgħajtu ddisprati hekk kif ippruvaw jinħelsu mill‑ktajjen, iżda kien kollu għalxejn. Ġuda ħass il‑galjun imil la ġenba u jibda nieżel taħt wiċċ l‑ilma. Sadanittant seta’ jisma’ wkoll l‑istorbju ta’ xwabel ġej minn fuq, u ħsieb leħħ f’moħħu: ‘Arjus! Seta’ jmut!’

Ġuda kien issuspetta li l‑istorja tiegħu kienet qanqlet xi nitfa ta’ simpatija fl‑uffiċjal Ruman. Għalfejn kien ordna li hu ma jinqafilx bil‑ktajjen? Ġuda kien għadu qed jittama li Arjus seta’ jeħilsu mill‑jasar li kien fih – imma jekk imut fit‑taqbid, dak iċ‑ċans kien jitilfu! Mingħajr ma ħasibha darbtejn, Ġuda tela’ jiġri ’l fuq lejn il‑gverta tal‑galjun, imma ma laħaqx wasal fuq għax il‑bastiment inqasam ħesrem fi tnejn. Ġuda sab ruħu taħt l‑ilma u mqalleb bil‑kurrent qawwi.

L‑ilma beda jiġbdu ’l isfel. Beda jissara biex jitla’ fil‑wiċċ qalb it‑tifrik tal‑galjun u l‑iġsma tal‑ilsiera mgħarrqin, imtaqqlin bil‑ktajjen. Fl‑aħħar irnexxielu jitla’ fil‑wiċċ. Lemaħ pjanċa tal‑injam f’wiċċ l‑ilma u mill‑ewwel iggranfa magħha.

Ftit metri ’l bogħod lemaħ persuna tissara fl‑ilma. Kienet qed tbati biex iżżomm fil‑wiċċ minħabba l‑armatura li kienet liebsa. Ġuda minnufih intebaħ li kien it‑tribun Arjus. Beda jgħum lejh, hu u jiġbed il‑pjanċa miegħu. Malli laħqu, issara biex ipoġġih fuq il‑pjanċa. Ħa r‑ruħ meta ra li r‑Ruman kien għadu qed jieħu n‑nifs, għad li kien mitluf minn sensih.

Madwarhom kien hemm kaos. Għajjat, krib u xwieni jaqbdu, imma Ġuda ma tax kas. Kien moħħu f’Arjus, u baqa’ l‑lejl kollu miegħu biex ma jaqax minn fuq il‑pjanċa, billi kien għadu stordut. Malli sebaħ l‑għada, Ġuda seta’ jara nies oħrajn fl‑ilma, iggranfati mat‑tifrik tax‑xwieni. Imma min kien rebaħ il‑battalja?

Sadanittant Arjus kien ġie f’tiegħu. “Jiddependi nibqgħux ħajjin skont min rebaħ it‑taqbida,” qal. “U qed nara li lgħabt ħajtek biex issalva tiegħi. Bħala Ruman li għandu setgħa u opportunità, inwiegħdek li jekk jirnexxilna nsalvaw minn dan, inroddlok il‑favur kif tassew jixraqlek.”

Għaddew is‑sigħat, u fl‑aħħar setgħu jaraw qala’ riesqa lejhom mill‑bogħod. Ma setgħux jgħidu mill‑ewwel kinitx Rumana jew Griega, imma hekk kif bdiet toqrob, wiċċ Arjus xegħel bi tbissima. “Hija Rumana!” lissen, “Hija Rumana!”

Dar lejn Ġuda. “Ġuda Ben Hur, m’għidtlekx qabel għax ma kellix ħin biex nerġa’ nkellmek fuq il‑galjun, imma jiena kont naf lil missierek, u kien hu li għallimni li l‑Lhud mhumiex barbari. Nieħdok miegħi Ruma, u nadottak bħala ibni.”

U Arjus żamm kelmtu. Malli waslu Ruma, in‑nies laqgħu lil Arjus bħala eroj u rebbieħ, u t‑tribun irrakkonta lil kulħadd kif Ġuda kien salvalu ħajtu, għalkemm ma qagħadx jelabora dwar il‑passat taż‑żagħżugħ.

“Ħbieb tiegħi,” kien qal. “Dan huwa ibni u l‑eredi tiegħi, jieħu ismi, u l‑proprjetà tiegħi tmur kollha għandu meta niġi nieqes jien. Ħobbuh u rrispettawh bħalma tħobbu u tirrispettaw lili.”

***** ***** ***** ***** *****

Fil‑ħames snin ta’ wara Ġuda gawda l‑privileġġi kollha li seta’ jgawdi bin Ruman magħruf u sinjur. U għalkemm kien kuntent bil‑qagħda tiegħu, kien hemm ħaġa waħda li kienet għadha qed tieklu minn ġewwa. F’dak iż‑żmien kollu, qatt ma sema’ aħbar ta’ ommu u ta’ oħtu, u ma sab l‑ebda ħjiel ta’ fejn kienu u minn xiex kienu għaddejjin.

Sadanittant, f’dawk il‑ħames snin Ġuda kien sar raġel responsabbli, u kien għamel dak li kien wiegħed lil Arjus: daħal suldat fil‑leġjuni Rumani u kiseb fama ta’ ġellied qalbieni u kapaċi. Kien proprju għal dan il‑għan li issa kien fi triqtu, lejn il‑Parzja, mal‑leġjuni, waqt kampanja militari. B’dan il‑mod kien biħsiebu jiġbor aktar esperjenza bħala suldat.

Fi triqithom, abbord xini li kien se jidħol fil‑port ta’ Antjokja, lemaħ żewġt ixwieni jtellgħu bnadar sofor biex isellmu ’l xulxin. Xi suldati qrib Ġuda bdew jistaqsu x’kienu jfissru dawk il‑bnadar, u suldat minnhom beda jispjega. “Dawk simboli ta’ sid ix‑xwieni,” qal. “Dawk huma xwieni ta’ merkant sinjur ħafna jismu Simonide. Ġej mil‑Lhudija, u darba kien is‑seftur ta’ prinċep għani li sfortunatament għereq f’nawfraġju. Wara dak, ix‑xorti ma baqgħetx mal‑familja. Jgħidu li ibnu pprova joqtol lill‑gvernatur Gratus, il‑familja kollha spiċċaw il‑ħabs, u kkunfiskawlhom kollox.”

Waqt li kien qed jisma’ dan kollu, Ġuda baqa’ kalm u ma ried juri b’xejn, madankollu qalbu bdiet tħabbat sitta sitta. Is‑suldat kompla l‑istorja.

“Jgħidu li Simonide kien jaf fejn flus il‑familja kienu moħbijin, għalhekk ħa kollox hu biex waqqaf l‑aqwa kumpanija kummerċjali f’Antjokja. Għall‑inqas dak li ħaseb il‑Gvernatur. Darbtejn daħħlu l‑ħabs u ttorturah biex joħodlu minn rasu fejn kienu l‑flus, imma d‑darbtejn ma ġabhiex żewġ, u issa Simonide għandu liċenzja uffiċjali għall‑kummerċ iffirmata mill‑Imperatur innifsu.”

Ġuda basar x’kienet se tkun it‑tweġiba, imma saqsa l‑mistoqsija xorta waħda. “Min kien il‑prinċep li għereq fin‑nawfraġju?”

“Ben Hur.”

L‑għada, hekk kif kienu għadhom fil‑port ta’ Antjokja, Ġuda stħarreġ fejn kienet id‑dar ta’ Simonide, u sabu qiegħed jgħix ma’ bintu Ester. Minnufih mar iżurhom, u bilkemm tahom ċans jilqgħuh u jifirħu bih, li ma bediex jirrakkuntalhom l‑istorja tiegħu, u jitlobhom dwar kwalunkwe aħbar li setgħu jagħtuh dwar ommu u oħtu.

Imma Simonide kien ftit suspettuż, “Qabel ma nibda nitkellem dwar il‑Prinċep Hur, liema prova tista’ turini li inti tassew ibnu?” talab ix‑xwejjaħ.

Dan il‑kliem qabad lil Ġuda fuq sieq waħda għax ma kienx qed jistenna ħaġa bħal din. Fit‑tliet snin li kien għamel ilsir fuq ix‑xwieni kien tilef kull ħaġa li kellu li kienet torbtu ma’ familtu, u ma seta’ juri xejn. Ma kienx jaf x’jaqbad iwieġeb.

Simonide osservah, sieket. Fl‑aħħar lissen, “Tassew li kont naf lill‑Prinċep Ben Hur qabel ma d‑diżgrazzja waqgħet fuq il‑familja kollha, u lest li ngħid li għamilt ħafna tiftix dwar x’ġara mill‑familja wara. Imma ma nista’ ngħidlek xejn. Għebu għalkollox.”

Ġuda kien iddiżappuntat b’dan il‑kliem, imma ma seta’ jagħmel xejn aktar, u sempliċement irringrazzja lil Simonide u telaq mid‑dar.

Hekk kif Ġuda ħareġ mid‑dar, Simonide sejjaħ lis‑seftur tiegħu, u qallu x’jagħmel. “Maluk, imxi wara dak iż‑żagħżugħ li għadu kemm ħareġ minn hawn. Sib it‑tagħrif kollu li tista’ dwaru – tħabbeb miegħu jekk hemm bżonn, imma tgħidlux li qed taħdem għalija. Mur, iġri!”

***** ***** stat_3 ***** *****

4: Ġuda u Maluk

Ġuda ħareġ minn dar Simonide ddiżappuntat għall‑fatt li, għal darb’oħra, kien naqas milli jsib xi ħjiel dwar il‑familja tiegħu. Mitluf fi ħsibijietu baqa’ miexi fejn kienet qed tieħdu l‑folla u f’daqqa waħda, bid‑daqq ta’ ħafna trumbetti, ġie f’tiegħu u ntebaħ li ma kienx jaf fejn qiegħed.

“Hawn fejn qiegħed?” lissen, hekk kif beda jħares lejn il‑folla madwaru. “Fejn sejrin dawn in‑nies kollha?”

“Lejn l‑istadju,” wieġeb raġel li kien maġenbu. “It‑trumbetti qed isejħu lill‑kompetituri. Jien sejjer hemm. Trid tiġi miegħi?”

Ġuda ma qalx le, u huma u sejrin flimkien, introduċa lilu nnifsu. “Jiena bin Arjus. U inti?”

“Maluk,” wieġeb ir‑raġel fil‑pront. “Jiena merkant noqgħod hawn, f’Antjokja.”

Flimkien mal‑kumplament tal‑folla eċċitata, ħarġu mill‑belt u qasmu foresta żgħira. F’qasir żmien sabu ruħhom f’għalqa mdaqqsa b’korsa tat‑tlielaq mifruxa eżatt bħaċ‑ċirki kbar ta’ Ruma. Il‑korsa kienet kollha mrammla, imdawra bi ħbula. Għall‑ispettaturi kien hemm ringieli fuq xulxin ta’ siġġijiet tul il‑korsa kollha, b’tined miftuħin fuqhom għall‑kenn mix‑xemx tisreġ. Ġuda u Maluk sabu żewġ siġġijiet maġenb xulxin.

Ġuda kien impressjonat hekk kif il‑karrijiet sfilaw minn quddiemhom. “Immaġinajt li hawn ikollkom karrijiet b’żewġt iżwiemel biss. Ma bsartx li se nara karrijiet b’erbgħa,” qal.

Ġuda seta’ jara tmien timijiet. Din il‑ġurnata kienet sempliċement għat‑taħriġ, u ma kienx se jkun hemm tlielaq. Uħud mit‑timijiet kienu qed imexxu liż‑żwiemel biex jammirawhom in‑nies. Oħrajn kienu qed isuquhom bit‑trott tul il‑korsa.

Ħesrem feġġ id‑disa’ tim b’galopp mgħaġġel. Ġuda skanta malli ra ż‑żwiemel. “Maluk, kemm‑il darba żort l‑istalel tal‑Imperatur f’Ruma, imma qatt ma rajt żwiemel daqshekk sbieħ!”

L‑awriga kien qed jipprova jikkontrolla liż‑żwiemel, li milli jidher ma kinux f’sikkithom hekk kif bdew jiżhru u jogħlew fuq saqajhom ta’ quddiem.

Ħabat li sid iż‑żwiemel kien bilqiegħda fejn Ġuda, u dan sploda bir‑rabja malli ra x’kien qed jiġri. “Żommhom!” beda jgħajjat lill‑awriga. “Ġerrihom! Ħallihom itiru. Dawk żwiemel tad‑deżert!” Dar lejn xi sefturi li kienu miegħu. “Morru għinuh iżommhom!” Dawn minnufih qabżu għal ġol‑korsa biex imorru jikkalmaw liż‑żwiemel.

Kien f’dan il‑mument li feġġ tim ieħor ta’ żwiemel, ftit ’il bogħod minn fejn kien bilqiegħda Ġuda. Għall‑ewwel ma setax jara lill‑awriga sew, imma kellu dehra ta’ nobbli. Il‑karru kien kollu mżejjen u ż‑żwiemel kienu sbieħ immens. Xi ħaġa f’dak is‑sewwieq ġibditlu l‑interess, u Ġuda niżel minn postu biex jarah aħjar, hekk kif il‑karru resaq lejh.

Il‑folla bdiet ixxejjer u tgħajjat malli s‑sewwieq għadda minn ħdejha, imma demm Ġuda kesaħ hekk kif intebaħ li l‑awriga ma kien ħadd ħlief Messala – dak li darba kien sieħbu; dak li kien qered il‑familja Ben Hur; dak li kien ħalef li jpattihielu għal dak kollu li kien ġarrab.

***** ***** ***** ***** *****

B’moħħu mħawwad, Ben Hur ħalla t‑tlielaq u telaq minn fejn kien ma’ Maluk, u f’qasir żmien ġew fi triq bis‑siġar tal‑ballut fuq kull naħa. Waqfu hekk kif grupp żgħir ta’ nies resaq lejhom.

“Jidher li qed naqsmu triqitna ma’ xi prinċpijiet u nobbli,” lissen Maluk.

Tabilħaqq, in‑nies li kienu resqin lejhom kollha kienu jidhru ta’ xeħta għolja. Quddiem nett kien hemm tliet rikkieba fuq iż‑żwiemel armati bil‑lanez. Magħhom kien hemm ġemel kollu mżejjen u li kien qed iġorr maqgħad kbir fuq dahru, kollu mżejjen bid‑deheb u l‑fidda. Fil‑maqgħad kien hemm raġel u mara bilqiegħda, il‑wieħed, anzjan u ta’ xejra nobbli, u l‑waħda, aktar żagħżugħa u ta’ dehra sabiħa.

Ħafna nies oħrajn fit‑triq waqfu biex jammirawhom għaddejjin, iżda f’daqqa waħda qam paniku hekk kif lemħu karru riesaq b’ħeffa liema bħalha qalb daħna kbira ta’ trab u ramel. Kien qed isuqu Messala.

“Dak biħsiebu jtajjarna!” għajjat Maluk hekk kif qabeż lejn il‑ġenb tat‑triq.

Milli jidher is‑sewwieq ma kienx intebaħ mill‑ewwel bil‑ġemel u r‑rikkieba tiegħu, imma meta nxterdet il‑folla kien tard wisq biex Messala jwaqqaf liż‑żwiemel.

Ben Hur mal‑ewwel intebaħ bil‑periklu, u minnufih qabeż quddiem l‑ewwel żiemel tal‑karru u ħatfu mill‑flett tat‑trilja biex jittanta jwaqqfu.

“Biċċa ta’ kelb Ruman! M’għandekx ftit rispett lejn il‑ħajja?” għajjat, hekk kif bi skoss kbir ġibed liż‑żiemel la ġenba.

Iż‑żiemel dar ħesrem u ġibed liż‑żwiemel l‑oħra miegħu. Fl‑aħħar il‑karru waqaf, mhux aktar minn metru ’l bogħod mill‑ġemel.

L‑imġiba arroganti ta’ Messala dehret mill‑ewwel. Ma tax kas id‑daħq tal‑folla madwaru. Niżel minn fuq il‑karru u xeħet ir‑riedni bil‑goff. Ħares ħarsa iebsa lejn Ben Hur hekk kif kellem lir‑raġel u lill‑mara fuq il‑maqgħad.

“Nitlobkom taħfruli,” lissen. “Jiena Messala, u ma rajtx il‑ġemel tagħkom fil‑ħin. Ippruvajt nagħmel ċajta fuq dawn in‑nies biex nagħtihom ftit qatgħa, imma jidher li ċ‑ċajta hija fuqi.”

Reġa’ ħares biċ‑ċiera lejn il‑Lhudi li kellu ħarsa serja. Għajnejn ir‑Ruman kellhom ħarsa ta’ żufjett hekk kif infaqa’ jidħaq, rikeb il‑karru u telaq jiġri.

Ben Hur kien se jkompli miexi fi triqtu hekk kif ix‑xwejjaħ fuq il‑ġemel sejjaħlu.

“Illum qdejt stranġier b’kuraġġ kbir, żagħżugħ,” qallu. “Jisimni Baltasar, u ġej mill‑Eġittu. Qiegħed fi triqti lejn l‑Oażi l‑Kbira tal‑Palmi għax mistieden mix‑Sheik Ilderim. Fittixna hemm meta tasal, u jilqgħuk sew.”

***** ***** ***** ***** *****

Ftit wara Ben Hur fetaħ qalbu ma’ Maluk, u rrakkuntalu ftit minn ħajtu. “Ħlift li npattiha lil Messala,” qallu, “u jekk trid, inti tista’ tgħinni.”

“Nagħmel dak kollu li nista’,” wieġeb Maluk fil‑pront. “Huwa Ruman u jiena Lhudi.”

“Tajjeb wisq,” wieġeb Ben Hur. “Mela, għidli dwar dawn it‑tlielaq li l‑karrijiet kienu qed jipprattikaw għalihom dalgħodu. Meta se jsiru, u x’inhuma r‑regoli?”

“Iċ‑Ċirku se jiftaħ xi sitt ijiem oħra. L‑organizzazzjoni hija l‑istess eżatt bħal taċ‑Ċirku Massimu f’Ruma.”

“Mela nista’ nagħżel il‑karru u ż‑żwiemel tiegħi?”

“Iva. M’hemm l‑ebda restrizzjoni.”

“Ħaġ’oħra, ċerti li Messala se jieħu sehem fit‑tlielaq?”

Maluk issa fehem u tbissem. “Dażgur li se jieħu sehem. Huwa wieħed mill‑favoriti u ħafna żgħażagħ qed jilagħbu flushom fuqu.”

Issa Ben Hur kien sodisfatt. “Mela issa nerġa’ naqbad ir‑riedni. Ma ridtx noqtlu meta kelli ċ‑ċans għax kieku qatt ma nkun naf x’ġara minn ommi u oħti. Imm’issa nista’ nirbaħ it‑tellieqa, numiljah u nwaqqgħu għaċ‑ċajt. Dik it‑tip ta’ tpattija mhix kontra l‑liġi.”

***** ***** stat_3 ***** *****

5: Ix‑Sheik Ilderim

“Dawk iż‑żwiemel sbieħ li rajt waqt il‑prattika tat‑tlielaq,” lissen Ben Hur, “għidli, Maluk; dawk mhumiex tax‑Sheik Ilderim?”

“Tabilħaqq,” wieġeb Maluk. “Għaliex? Għoġbuk?”

“Ma kellix ċans narahom sew, imma mad‑daqqa t’għajn stajt nara li huma mill‑ifjen razza pura tad‑deżert. Imkien ma rajt bħalhom ħlief fl‑istalel ta’ Ċesri nnifsu. Jekk dak kollu li jgħidu dwarhom huwa veru... imma qed nitilfu l‑ħin. Ħa mmorru nfittxu lix‑sheik.”

***** ***** ***** ***** *****

Fi triqithom Maluk spjega kif kien iltaqa’ ma’ Sheik Ilderim.

“Inzertajt kont ma’ Simonide ftit ġimgħat ilu,” qal, “u f’dak iż‑żmien ġie x‑sheik iżuru. Billi jien Lhudi, talabni biex nibqa’ magħhom ħalli nisma’ l‑istorja stramba li kellu xi jgħid.

“Ħafna snin ilu, tlitt irġiel żaru lil Ilderim fit‑tinda tiegħu fid‑deżert. Wieħed kien Ħindu, ieħor Grieg u ieħor Eġizzjan. It‑tlieta kienu rekbin fuq iġmla, l‑akbar li qatt kien ra, u kollha bojod. L‑għada filgħodu qalu talba li x‑sheik qatt ma kien sema’ qabel – talba lil Alla u Ibnu. Qalulu li kull wieħed minnhom kien ra kewkba, u semgħu vuċi tgħidilhom biex imorru Ġerusalemm u hemmhekk isaqsu: ‘Fejn Hu dak li twieled Re tal‑Ġudej?’

“Minn Ġerusalemm il‑kewkba baqgħet tmexxihom sar‑raħal ta’ Betlem, u hemmhekk, ġewwa għar, sabu tarbija li kienet għadha kemm titwieled. Intefgħu għarkopptejhom quddiemu, u tawh rigali prezzjużi.

“Fi triqithom lura evitaw li jgħaddu minn Ġerusalemm. Kienu semgħu għajdut li r‑Re Erodi tal‑Ġudea kien qed ifittex lit‑tarbija biex joqtolha, u li kieku qabadhom kien jagħmel minn kollox biex jġegħelhom jgħidulu fejn kienet tinsab. Għalhekk għaddew minn triq oħra u spiċċaw fid‑dar tax‑sheik. Ħa ħsiebhom u ħbiehom għandu għal sena sħiħa, sakemm telqu, kull wieħed għal rasu.”

***** ***** ***** ***** *****

“Tassew ġrajja interessanti,” lissen Ben Hur. “Imma Ilderim qatt ma semma xejn aktar dwar it‑tlitt irġiel? Jafu x’sar minnhom?”

“Dik hija r‑raġuni l‑għala ġie jżur lil Simonide. Wieħed mit‑tlitt irġiel – l‑Eġizzjan – reġa’ tfaċċa. Jismu Baltasar. Kien għad kellu l‑ġemel il‑kbir l‑abjad.”

“Dak mhux isem ix‑xwejjaħ li ltqajna miegħu fit‑triq?” qal Ben Hur, mistagħġeb.

“Tassew,” wieġeb Maluk, “u inti salvajtlu ħajtu.”

F’qasir żmien waslu fil‑kamp tax‑sheik, u wara li Maluk introduċa lil Ben Hur, warrab lix‑sheik biex ikellmu għal rasu.

Ftit wara, reġa’ mar ħdejn Ben Hur.

“Lix‑sheik kellimtu dwarek, imma issa jkolli nerġa’ mmur lura Antjokja. Hemm xi ħadd hemm li wegħidtu li se niltaqa’ miegħu. Imma għada niġi lura.”

***** ***** ***** ***** *****

Naturalment kellu jmur lura għand sidu Simonide. Ix‑xwejjaħ negozjant u bintu semgħu bil‑galbu dak li Maluk qalilhom dwar Ben Hur u l‑ġrajjiet ta’ dakinhar, bl‑iċken dettall li seta’ jiftakar.

Maluk kien ċert li Ben Hur kien tassew Lhudi u li kien qed jgħid il‑verità.

“Waħda mir‑raġunijiet għalfejn jien daqshekk konvint,” qal, “hija l‑mibegħda qawwija li għandu lejn Ruma.”

Jekk dak li kien qed isostni Ben Hur kien veru, mela l‑ġid kollu ta’ Simonide kellu jgħaddi lilu bħala l‑eredi legali ta’ missieru; għax Simonide, ta’ lavrant onest li kien, kien ħa l‑kontroll tal‑ġid tal‑familja Ben Hur sempliċement għaliex ma kienx hemm qraba oħra, u Ben Hur u l‑familja tiegħu kienu għebu għalkollox minn fuq wiċċ l‑art.

Madankollu, Simonide deher kuntent b’dan.

“Dak iż‑żagħżugħ jista’ jieħu l‑ġid kollu,” qal lil Ester, wara li Maluk kien telaq. “Għandu jieħu x‑xwieni u l‑flus – kollox, Ester, kollox.”

Ester ma qalet xejn.

“X’qed taħseb?” staqsa missierha.

Weġbitu b’mod ċar u sempliċi. “Sejjaħlu, missier. Ibgħat għalih illejla stess, u tħallihx imur it‑tlielaq!”

Simonide baqa’ mħasseb. Ma kinitx tweġiba li kien qed jistenna. Ħass li ż‑żagħżugħ ma kienx se jieħu biss il‑ġid li kien jistħoqqlu, imma l‑imħabba ta’ bintu wkoll.

***** ***** ***** ***** *****

L‑għada filgħodu Ben Hur kien lest biex jipprova l‑erbat iżwiemel Għarbin tax‑Sheik Ilderim. Ix‑Sheik kien tassew kburi bihom.

“L‑istorja tagħhom hija antika li tmur lura mijiet ta’ snin, u nafha kollha,” qal. “Nista’ ngħidlek bl‑għeġubijiet kollha li wettqu missirijiethom. Imma jinsabu taħt madmad għall‑ewwel darba, u l‑isfidi biex jirbħu t‑tellieqa huma bosta. Huma kburin, jiġru bil‑għaġla u jirreżistu fit‑tul. Li kieku nista’ nsib lil xi ħadd li kapaċi jikkontrollahom u jmexxihom għar‑rebħa...”

“Jien tgħallimt ħafna mill‑imgħallmin ta’ Ruma,” qal Ben Hur. “Iż‑żwiemel tiegħek se jfallu żgur jekk xi ħadd ma jgħallimhomx kif jiġru flimkien taħt madmad wieħed. F’kull erbat iżwiemel dejjem se ssib wieħed li jiġri l‑inqas u ieħor li jgħaġġel l‑aktar. Irrid nara kif nġegħelhom jiġru bħal wieħed.”

***** ***** ***** ***** *****

Malli rabtu liż‑żwiemel flimkien, minflok karru, Ben Hur talab għal żiemel ieħor. Rikeb fuq dan, u beda l‑biċċa xogħol li jħarriġhom jiġru bħala tim wieħed.

L‑ewwel beda jmexxihom bil‑mod it‑tul tal‑għalqa, u mbagħad madwarha. Wara beda jmexxihom bit‑trott, u wara bil‑galopp, u jċekken kull dawra li jagħmlu. Beda juża ħarira r‑riedni biex imexxihom lejn il‑lemin u lejn ix‑xellug.

Għal tliet sigħat sħaħ iż‑żagħżugħ baqa’ jħarriġhom hekk, jikkontrolla l‑mixja tagħhom, it‑trott u wara l‑ġirja. Kienet dehra eċċitanti għall‑qaddejja tax‑sheik li kienu qed josservaw it‑taħriġ, u bdew iċapċpu kull darba li Ben Hur beda jċaqlaq ir‑riedni b’sengħa liema bħalha.

Bdew jammiraw anki lill‑erbat iżwiemel, li bil‑qajla tgħallmu jimxu flimkien bl‑istess mod, fil‑mixja, fil‑ġirja u fid‑dawrien tagħhom.

Fl‑aħħar, Ben Hur ħadhom quddiem Sheik Ilderim.

“L‑iebes lest,” qallu. “Issa kemm inkomplu nipprattikaw. Bi żwiemel bħal dawn, li tgħallmu jieħdu n‑nifs kważi flimkien, se tkun faċli li nirbaħ u li nwettaq il‑vendetta tiegħi.”

***** ***** stat_3 ***** *****

6: Il‑ġid tal‑familja Hur

Messala ma kienx inkwetat dwar ir‑riżultat tat‑tellieqa. Lanqas biss għaddiet minn rasu li seta’ jitlef. Iżda waqt li kien f’laqgħa ma’ xi ħbieb u kollegi, sar jaf b’aħbar li bdiet tħassbu.

“Tafu lil bin Arjus, it‑Tribun?” staqsieh wieħed minn sħabu.

“Le,” wieġeb Messala. “Qatt ma ltqajt miegħu.”

“Ġej mil‑Lhudija, u huwa kemxejn misterjuż,” kompla l‑ieħor. “Milli jidher kien adottat minn Kwintu Arjus, li ħallielu kemxa flus wara mewtu. Jgħidu li darba, waqt taqbida mal‑pirati l‑Griegi, il‑galjun tiegħu ġie mgħarraq. Ftit żmien wara sabuh f’wiċċ l‑ilma fuq ċattra ma’ persuna oħra. Saru jafu li sieħbu kien Lhudi u li kien qaddief ilsir abbord il‑galjun ta’ Arjus.”

“Galjun...” tenna Messala, li kważi xeraq fl‑inbid li kien qiegħed jixrob. Minnufih biddel is‑suġġett tat‑taħdita biex jaħbi l‑effett li dik l‑aħbar kienet ħalliet fuqu. Ġab quddiem għajnejh il‑ħabib l‑antik tiegħu li kien ittradixxa, u li issa reġa’ daħal f’ħajtu.

L‑għada filgħodu kiteb ittra lill‑Gvernatur, fejn spjegalu d‑dettalji kollha. “Jiena ċert li bħalissa qiegħed jippjana vendetta, għal pajjiżu, ommu, oħtu, it‑tiġrib tiegħu u t‑telf ta’ ġidu. Nitolbok parir dwar x’nista’ nagħmel.”

***** ***** ***** ***** *****

Sadanittant Ben Hur kien qiegħed jipprepara għat‑tellieqa billi jħarreġ lill‑erbat iżwiemel tax‑Sheik Ilderim jimxu u jiġru flimkien bħal żiemel wieħed.

“Dawn huma ħlejjaq mill‑aqwa, Sheik,” qallu darba wara sessjoni ta’ taħriġ. “Hemm ħaġa waħda biss li qed tinkwetani. Bħala persuna rgħiba, Ruman qatt ma jista’ jżomm unuru; fit‑tlielaq dejjem lesti li jagħmlu xi ħaġa minn taħt, miż‑żiemel għall‑awriga, mill‑awriga għal sid iż‑żwiemel. Għaldaqstant sakemm titlesta t‑tellieqa, tħalli lil ħadd joqrob lejn iż‑żwiemel. Qabbad għassiesa armati joqogħdu magħhom lejl u nhar. Hekk biss ikolli moħħi mistrieħ.”

“Hekk nagħmel,” wieġeb Ilderim. “Inqabbad għassiesa llejla stess. Sadanittant, irċevejt din l‑ittra bil‑Latin. Tista’ tgħinni naqraha?”

Kienet l‑ittra li Messala kien bagħat lill‑Gvernatur Gratus!

Għall‑ewwel Ben Hur qara l‑ittra b’ċerta biża’, iżda bil‑qajla beda jrabbi ftit tama, għax minnha fehem li Messala ma kienx jaf jekk ommu u oħtu kinux għadhom ħajjin. Żamm il‑kalma. “Għidli Sheik, kif ġiet f’idejk, din l‑ittra?” staqsa lil Ilderim.

“Niesi jgħassu t‑toroq bejn l‑ibliet,” lissen Ilderim ċar u tond. “Ħatfuha minn idejn messaġġier.”

“Ħaġ’oħra, Sheik. Sejjaħtli iben Hur, bl‑isem ta’ missieri. Mingħalija li ħadd ma kien jaf min jien tassew. Inti kif sirt taf?”

Ilderim dam ftit ma wieġeb. “Ma nistax ngħidlek għalissa,” wieġeb, “imma nittama li nkun nista’ sal‑lejla.”

***** ***** ***** ***** *****

Kien dalam meta Maluk wasal lura fit‑tinda fejn Ben Hur kien qiegħed jistennieh. Minn hemm wasslu sad‑dar ta’ Simonide, in‑negozjant.

“Iben Hur,” Simonide laqgħu b’ton serju. “Il‑paċi tas‑Sinjur Alla Missierna tkun miegħek – ħudha mingħandi.”

Ħareġ xi karti u beda jispjega.

“L‑ewwel waħda fiha s‑somma flus li żammejt minn ta’ missierek. Il‑karti l‑oħra juru l‑flus li qlajt, ħames darbiet aktar, li għandi issa. Dan il‑ġid, Iben Hur, jagħmlek l‑aktar persuna sinjura fid‑dinja.”

Ben Hur ħa l‑karti f’idejh, kollu emozzjoni.

“Simonide,” qal, “Dan il‑ġid kollu – xwieni, djar, ħwejjeġ, iġmla, żwiemel, flus – inroddhom kollha lilek, minbarra s‑somma oriġinali li ħalla missieri.”

“Ma jistax ikun,” wieġeb Simonide. “Jien kont qaddej ta’ missierek, u bil‑liġi jien issa qaddej tiegħek. Anki binti Ester ikollha tibqa’ l‑qaddejja tiegħek għal għomorha.”

Minkejja l‑argumenti ta’ Ben Hur, ix‑xwejjaħ ma biddilx ħsiebu. “Iben il‑mejjet sidi,” kompla jsostni, “jiena se nkompli naqdik b’saħħti, b’moħħi u b’qalbi kollha. Nitolbok biss taħtarni formalment l‑amministratur tal‑proprjetà tiegħek.”

“Mela tkun l‑amministratur,” wieġeb Ben Hur. “Imma rridek tkun ukoll il‑konsulent tiegħi, biex nagħti ġieħ isem il‑familja tiegħi u nimxi rett mal‑liġi. F’dan il‑każ għoddni dejjem student tiegħek.”

***** ***** ***** ***** *****

Lejliet it‑tellieqa Messala kien, bla dubju ta’ xejn, il‑favorit, speċjalment qalb ir‑Rumani, u ħafna kienu lagħbu mħatri fuqu.

Dik il‑lejla, Lhudi ta’ xeħta nobbli tfaċċa waqt festin li Messala kien organizza għall‑ħbieb u l‑qraba tiegħu. “Insellmilkom, Rumani nobbli,” beda. “Qed nisma’ li qed tilagħbu fuq ir‑rebħa ta’ Messala. Hawn min jixtieq jilgħab kontrija fuq it‑telfa tiegħu?”

“Id‑doppju,” wieġeb wieħed minnufih.

“It‑triplu!” qabeż ieħor.

“Jien noffri sitt darbiet,” żied Messala. “Dik hija d‑differenza bejn Ruman u Lhudi. Lest li tilgħab daqshekk?”

Kulħadd baqa’ sieket u mbellah malli semgħu lil‑Lhudi joffri s‑somma tiegħu. Kienet somma flus kbira. Wiċċ Messala bjad. Jekk jirrifjuta l‑imħatra kien jitlef ir‑reputazzjoni tiegħu fost ħbiebu. U jekk jaċċetta u wara jitlef, kien jitlef ġidu kollu.

Dam ftit qabel ma wieġeb. “Kollox sew,” lissen. “Naċċetta!”

***** ***** stat_3 ***** *****

7: It‑tellieqa

F’nofsillejl ta’ lejlet il‑logħob, il‑bibien taċ‑Ċirku nfetħu beraħ u n‑nies bdew deħlin u jieħdu posthom fuq il‑bankijiet pubbliċi. Filgħodu, bdew deħlin in‑nies l‑aktar għonja u jfittxu l‑postijiet merfugħin għalihom. Sakemm daqqew it‑trombi biex ixandru l‑bidu tal‑logħob, kien hemm aktar minn mitt elf spettatur fl‑istadju enormi.

L‑ispettaklu beda bi sfilata madwar iċ‑ċirku kollu. Quddiem kien hemm l‑uffiċjali u l‑organizzaturi tal‑logħob, u wara ġew il‑ġerrejja, l‑atleti, il‑lottaturi, il‑boxers; u fl‑aħħar nett il‑karrijiet bl‑awrigi.

Malli tfaċċaw dawn tal‑aħħar, in‑nies infaqgħu f’għajta waħda kbira li heżżet l‑istadju kollu. Il‑folla kienet kollha lwien, b’ħafna bnadar u bandalori kollha jixxejru, u kollha bl‑ilwien tal‑awrigi favoriti. L‑aktar li spikkaw kienu l‑aħmar u d‑deheb, il‑kuluri ta’ Messala r‑Ruman, u l‑abjad, il‑kulur tal‑Lhudi Ben Hur.

“Messala! Messala!” bdiet tgħajjat parti mill‑folla hekk kif l‑awriga favorit tagħhom għadda minn taħthom.

“Ben Hur! Ben Hur!” bdew jgħajtu dawk li kienu qed ixejru l‑abjad.

Hekk kif intemmet l‑isfilata, Ben Hur fehem li t‑talba tiegħu kienet instemgħet. Għajnejn il‑poplu tal‑Lvant kienu kollha fuqu u fuq l‑isfida tiegħu lil Messala.

***** ***** ***** ***** *****

It‑tellieqa tal‑karrijiet kellha tkun l‑aħħar spettaklu tal‑ġurnata. Il‑folla waqgħet fi skiet kbir hekk kif l‑awrigi rikbu l‑karrijiet tagħhom u stennew it‑trumbetta biex tibda t‑tellieqa. Malli dwiet f’dak is‑skiet, is‑sitt karrijiet telqu bħal sajjetta.

Ma’ Ben Hur u Messala kien hemm ukoll Atenjan u Biżantin, kif ukoll rikkieba minn Sidon u minn Korint. Kollha kemm huma ttantaw jieħdu l‑vantaġġ billi jżommu mal‑ħajt ta’ ġewwa. Qabel dan, kellhom jgħaddu minn fuq ħabel li kien imniżżel biss jekk l‑arbitru kien ċert li ħadd minnhom ma kien qed jikser xi regoli.

Bi ftehim minn qabel ma’ wieħed mill‑uffiċjali tat‑tellieqa, Messala kien jaf meta l‑ħabel kien se jitniżżel, u malli l‑ħabel mess l‑art, ġibed liż‑żwiemel tiegħu minnufih lejn il‑parti ta’ ġewwa, l‑aktar vantaġġuża.

Minħabba dan il‑moviment mhux mistenni, ix‑xbieha ta’ ras iljun tad‑deheb li kellu mal‑fus tar‑rota tal‑karru, qabdet sieq ta’ wieħed miż‑żwiemel tal‑Atenjan. Dan tfixkel f’saqajh u waqqa’ miegħu liż‑żwiemel l‑oħrajn kollha. L‑awriga Grieg instabat tulu fl‑art u t‑tliet awrigi l‑oħra li kienu warajh għamlu minn kollox biex jippruvaw jevitaw it‑tifrik tal‑karru u lir‑rikkieb tiegħu.

Waqt li kienu qed jiġru tul din il‑parti dritta tal‑istadju, Ben Hur kien fuq in‑naħa ta’ barra. Saq la ġenba u skarta l‑frakass li kien ġarrab l‑Atenjan, u f’qasir żmien kien qed itellaq ras imb ras ma’ Messala, għalkemm baqa’ xorta waħda fuq in‑naħa ta’ barra.

Bdew resqin lejn l‑ewwel liwja, u l‑folla waqgħet fi skiet perfett. F’dak il‑waqt Messala ħares la ġenba u lemaħ lill‑għadu tiegħu.

“Misħut Eros u viva Marte!” għajjat Messala, u fajjar ħesrem il‑frosta tiegħu fuq iż‑żwiemel ta’ Ben Hur b’daqqa qawwija li qatt ma kienu ħassew qabel. Il‑folla kollha rat dik l‑azzjoni, u kulħadd baqa’ skantat. Ħafna nies bdew jibbuwjawlu.

Iż‑żwiemel l‑Għarbin issa dehru mifxulin u kważi se jisfrattaw. Ben Hur żamm sod mar‑riedni, u beda jgħajjat bil‑ħlewwa biex jipprova jikkalma lill‑bhejjem. Bil‑qajla, irnexxielu jsuqhom madwar il‑liwja. Reġa’ beda jikkontrollahom, u f’qasir żmien reġa’ ġie ras imb ras ma’ Messala.

Ġrew tliet dawrien sħaħ madwar l‑istadju, u sadanittant Messala baqa’ jżomm il‑pożizzjoni ta’ ġewwa. L‑awrigi l‑oħra baqgħu jiġru warajhom.

Malli waslu għas‑sitt dawra, ta’ qabel l‑aħħar, il‑pass sar aktar mgħaġġel. Issa ż‑żwiemel ta’ Messala kienu qabdu r‑rankatura sew, u ftit ftit il‑karru tar‑Ruman beda jinqata’ minn dawk ta’ warajh. L‑irjus taż‑żwiemel issa kienu mniżżlin sal‑art; mill‑bankijiet tal‑ispettaturi kienu jidhru qishom qed imissu l‑art bi żbrixx. Imneħirhom kienu ħomor nar. Għajnejhom kienu qishom se jaqbżu ’l barra. Kemm setgħu jifilħu aktar għal dak il‑pass daqshekk mgħaġġel?

Is‑sapporters ta’ Messala issa kienu fis‑seba’ sema. L‑għajjat tagħhom beda jidwi mal‑istadju kollu hekk kif xejru l‑bnadar u bdew jgħolluhom m’ogħla s‑sema.

Hekk kif lestew is‑sitt dawra, Ben Hur bilkemm seta’ jżomm il‑pożizzjoni tiegħu. Wiċċu kien abjad karti, imma xorta waħda determinat. Ma kienx qed jibża’ għal ħajtu, iżda ma kien qed iħoss l‑ebda emozzjoni. Kulma kellu f’rasu dak il‑mument kien li jwettaq il‑pjan tiegħu.

Issa kienu qed joqorbu lejn it‑tmiem. Is‑Sidonjan ħeġġeġ liż‑żwiemel tiegħu b’daqqiet qawwijin ta’ frosta, u għal ftit mumenti dawn qabżu lil Ben Hur; iżda wara ftit, reġgħu waqgħu lura. Anki l‑Biżantin u l‑Korintin kellhom waqthom hekk kif it‑tnejn taw l‑akbar sforz tagħhom. Iżda kien jidher ċar li ħadd minnhom ma seta’ jlaħħaq ma’ Messala u Ben Hur.

Issa l‑folla kollha, minbarra r‑Rumani, kienu qed jgħajtu favur Ben Hur u jħeġġuh biex ilebbet ’il quddiem.

“Ersaq lejn il‑ħajt ta’ ġewwa!”

“Mexxi ’l‑Għarbin! Agħtihom bil‑frosta!”

“Tħallihx jerġa’ jieħu l‑parti ta’ ġewwa! Issa jew qatt!”

Jew forsi għaliex ma kienx qed jisma’ l‑għajjat, jew forsi għaliex ma setax jagħmel aħjar, Ben Hur baqa’ fil‑pożizzjoni tiegħu wara Messala. Mad‑dawra ta’ qabel tal‑aħħar Messala kien għadu fl‑aħjar pożizzjoni, u r‑rota tiegħu bilkemm ma kinitx qed tmiss mal‑ħajt. Madankollu, Ben Hur baqa’ jżomm sod miegħu.

***** ***** ***** ***** *****

Bdew joqorbu għall‑aħħar liwja, u hawn Ben Hur ħareġ il‑frosta. Beda jxejjirha fuq dahar iż‑żwiemel. Għalkemm ma kinitx qed tmisshom, it‑tisfira tagħha fl‑arja kienet biżżejjed biex tħeġġiġhom jagħmlu sforz akbar, tant li reġgħu waslu ras imb ras maż‑żwiemel ta’ Messala.

Ben Hur beda jgħajjat liż‑żwiemel tiegħu biex iħeġġiġhom aktar. “Isa, Altair! Iġri, Rigel! Ejja, Antares, tmajnax issa! Mexxi, Aldebaran! Id‑dar kulħadd qed jgħanni ismijietkom. Isaw, sbieħ tiegħi! Ilderim qed jistenniena!”

Il‑folla setgħet tara sew x’kienet l‑intenzjoni ta’ Ben Hur fuq wiċċu. Ħaddejh kienu ħomor nar u għajnejh kienu mberrqin hekk kif ir‑rota ta’ ġewwa ressqitu aktar qrib il‑karru tar‑Ruman, u dritt warajh.

Kien jidher ċar li Ben Hur fl‑aħħar liwja qatt ma kien se jirnexxilu jieħu l‑pożizzjoni ta’ ġewwa, għaliex Messala kien imsammar wisq mal‑ħajt. Iżda issa Ben Hur ma baqax jirsisti għal dan. Baqa’ fuq in‑naħa ta’ barra, hekk kif l‑istrixxa li kienet timmarka tmiem it‑tellieqa tfaċċat quddiemhom, ftit metri biss ’il bogħod.

***** ***** stat_3 ***** *****

8: Il‑gladjatur

Il‑folla qamet kollha bilwieqfa hekk kif iż‑żewġ karrijiet daru mal‑aħħar liwja. F’daqqa waħda nstema’ ħoss kbir, u biċċiet tal‑injam dehru jtiru ma’ kull naħa. Il‑karru r‑Ruman qomos u dar fuqu nnifsu xi darbtejn sakemm straħ mal‑art la ġenba, u beda jitbandal min‑naħa għall‑oħra. Messala tkaxkar minn taħtu.

Is‑Sidonjan li kien qed jiġri preċiż warajh ma kellux ċans iżomm ir‑riedni, u ż‑żwiemel tiegħu tħawlu fit‑tifrik tal‑karru, u baqgħu għaddejjin minn fuq Messala u mbagħad minn fuq iż‑żwiemel imwaqqgħin tiegħu.

Sadanittant, il‑karru ta’ Ben Hur baqa’ jiġri ’l quddiem sakemm laħaq it‑tmiem tat‑tellieqa.

Kien rebaħ it‑tellieqa. Kien irnexxielu jagħmel dak li xtaq.

***** ***** ***** ***** *****

Messala ma mietx, imma kien korra tant li minn dakinhar ma setax jimxi aktar. Għalkemm kien maħkum b’uġigħ qawwi, kien determinat li jieħu l‑vendetta tiegħu fuq dak ir‑raġel li kien umiljah fil‑pubbliku u mmankah għal għomru.

L‑għada, Ben Hur irċieva messaġġ biex imur f’indirizz partikolari. Il‑messaġġ suppost kien mibgħut minn bint Baltasar, imma hekk kif daħal fid‑dar, xi ħadd warajh għalaq il‑bieb b’tisbita, u tfaċċaw quddiemu żewġt irġiel kbar. Mill‑ewwel għaraf lil wieħed minnhom; għalliem fi skola tal‑gladjaturi. Din kienet xi nasba!

Iż‑żewġt irġiel resqu lejh, u Ben Hur kellem lil dak li kien għaraf. Kien fih faħal.

“Inti, Tord, mill‑artijiet tat‑Tramuntana. Kont għalliem fl‑iskola tal‑gladjaturi. Jien kont student tiegħek.”

“Le, ma jistax ikun,” lissen Tord hekk kif mejjel rasu. “Jiena qatt ma ħarriġt Lhud fl‑iskola tiegħi.”

“Nista’ nagħtik il‑provi.”

“Kif?”

“Ġejtu hawn biex toqtluni?”

“Tassew.”

“Mela ħallini niġġieled ma’ sieħbek waħdi, u nurik il‑provi fuq ġismu.”

Tbissima dehret fuq wiċċ il‑ġgant. Kellem lil sieħbu, u dan tal‑aħħar mejjel rasu u għamel pass ’il quddiem b’ċerta arja.

Ben Hur u r‑raġel bdew iduru madwar xulxin bil‑mod, it‑tnejn attenti biex isibu ċ‑ċans li jagħmlu għal xulxin. Ben Hur kien l‑ewwel wieħed li qabeż ’il quddiem. Ir‑raġel għolla driegħu biex jilqa’ d‑daqqa, iżda qabel ma laħaq jiġbdu lura, Ben Hur ħatafhulu f’morsa ta’ wieħed li kien ilu s‑snin jiżviluppa muskoli bħala lsir qaddief fuq ix‑xwieni.

B’mossa ħafifa, Ben Hur mexa ’l quddiem, dar wara r‑raġel, u dawwar dirgħajh madwar għonqu. Ben Hur fajjarlu daqqa waħda taħt widnejh, u r‑raġel waqa’ mal‑art, sieket.

Tord infaqa’ jidħaq. “Ma stajtx nagħmel aħjar minn hekk,” qal. “Dik hija l‑mossa personali tiegħi. Il‑mossa li kont ili nipprattika fl‑iskola ta’ Ruma għal għaxar snin. Inti min int?”

“Taf li t‑Tribun Arjus kellu iben?”

“Iva, kont nafu, u seta’ kien wieħed mill‑aqwa gladjaturi. Kont jien li għallimtu dik il‑mossa. Rebbħitni ħafna premjijiet.”

“Jiena dak l‑iben ta’ Arjus.”

Tord resaq aktar viċin u beda jifli lil Ben Hur b’aktar attenzjoni. F’daqqa waħda berraq għajnejh u ħareġ idu.

Ben Hur ħatafha f’tiegħu. “Kemm ħallsek Messala biex toqtolni?” staqsieh.

“Elf sesterz.”

Ben Hur beda jaħseb malajr.

“Hemm erbat elef oħra għalik jekk tagħmel eżatt dak li se ngħidlek. Sieħbek hawn jixbahni ftit. Nibdel ħwejġi ma’ tiegħu, inħalluh hawn u nitilqu flimkien. Lil Messala tista’ tgħidlu li lili qtiltni u jħallsek ta’ xogħlok xorta waħda.”

Tord reġa’ nfaqa’ jidħaq, “Qatt ma qlajt daqshekk flus għal xi ħaġa daqshekk sempliċi. Mela nagħmlu hekk. Għal Messala, inti mejjet.”

***** ***** ***** ***** *****

Ftit wara, Ben Hur irħielha lejn Ġerusalemm biex ifittex lil ommu u ’l oħtu. Hemmhekk sar jaf li l‑għadu tiegħu l‑antik, Valerju Gratus, issa ma kienx għadu l‑gvernatur tal‑Ġudea, u minfloku kien laħaq ċertu Ponzju Pilatu.

Nies ħżiena xi drabi jpattu għall‑għemejjel tagħhom billi jagħmlu xi azzjoni tajba. Ponzju Pilatu ma kienx eċċezzjoni. Waħda mill‑ewwel affarijiet li għamel meta sar gvernatur kien li jordna li jgħarblu l‑ħabsijiet kollha u jagħmlu lista tal‑ħabsin u d‑delitti tagħhom. Minħabba f’hekk inħelsu mijiet ta’ priġunieri li kienu magħluqin hemm għal snin sħaħ u li s‑suldati kienu nsew jew kienu ħasbuhom mejtin.

F’ċella sigrieta, f’ħabs minnhom, bil‑bieb moħbi u b’ħajt quddiemu, xejn aktar, għajr toqba żgħira biex jgħaddu l‑ikel u l‑ilma lil min kien magħluq fiha, is‑suldati sabu żewġ nisa, waħda żagħżugħa u oħra aktar anzjana.

Kienu omm u oħt Ben Hur.

***** ***** ***** ***** *****

Is‑suldati bdew iwaqqgħu l‑ħajt biex jiftħu l‑bieb u joħorġu lil dawk in‑nisa minn hemm. Tirża għannqet lil ommha. “Ġie, ja omm, fl‑aħħar ħija ġie għalina!”

Hemm ġew kien hemm dlam ċappa. Ftit ftit beda jitfaċċa d‑dawl tal‑lampi tas‑suldati li bdew jiftħu l‑bieb. Meta rnexxielhom iċaqilquh u jiftħuh kemm kemm, suldat minnhom daħal b’torċa.

Il‑kmandant tal‑ħabs ittanta jidħol warajh, imma waqaf zoptu. Iż‑żewġ nisa resqu aktar ’il ġewwa fiċ‑ċella. “Tersqux lejna! Morda! Morda!”

Tirża u ommha kienu lebbrużi!

***** ***** stat_3 ***** *****

9: Rewwixta

Il‑kmandant tal‑ħabs baqa’ jħares skantat lejhom, imwerwer waqt li fl‑istess ħin tħassar lil dawk iż‑żewġ nisa. Il‑lebbrużi kienu meqjusin daqs il‑mejtin. Ma kien hemm l‑ebda kura għal dik il‑marda misħuta li kienet tittieħed malajr, u li kienu jibqgħu biha għal għomorhom. Il‑lebbrużi ma setgħu jitkellmu ma’ ħadd għajr mill‑bogħod, u setgħu jgħixu biss ma’ lebbrużi oħrajn bħalhom, jiġġerrew bħala tallaba biex jgħixu mill‑aħjar li setgħu.

“Il‑liġi tafuha,” qalilhom il‑kmandant wara li sema’ l‑istorja tagħhom. “Nagħtukom x’tieklu u x’tixorbu, imma wara jkollkom titilqu mill‑belt.”

Dak il‑lejl lil Tirża u lil ommha ħarġuhom ’il barra mill‑ħabs. Issa kienu ħielsa. Imma fejn setgħu jmorru? X’setgħu jagħmlu bil‑ħelsien tagħhom?

***** ***** ***** ***** *****

Kien f’dak l‑istess waqt li Ben Hur kien wasal fil‑belt. Ma kienx jaf eżatt minn fejn jaqbad ifittex, imma l‑ewwel ħsieb li ġie f’rasu kien li jmur id‑dar fejn Amra, is‑seftura li kienet rabbietu, kienet tgħix.

Kien id‑dlam meta wasal, imma seta’ jara t‑tabella msammra mal‑ġenb tal‑bieb: “Din hija proprjetà tal‑Imperatur.” Amra ma kienet imkien. Intefa’ bilqiegħda mal‑ħajt tad‑dar, irrabjat u qalbu maqtugħa. Wara ftit, għajnu marret bih.

L‑omm u bintha wkoll kienu fi triqithom lejn id‑dar biex jagħtuha titwila għall‑aħħar darba qabel ma joħorġu mill‑belt. Malli resqu lejn id‑dar, lemħu lir‑raġel mixħut rieqed mal‑ħajt.

“Dak Ġuda!” qalet l‑omm minn taħt l‑ilsien hekk kif għarfet lil binha.

Tirża ntefgħet għarkopptejha quddiemu u ttantat tbusu, imma ommha żammitha lura.

“F’ġieħ kemm hemm! F’ġieħ kemm hemm!” qabżet l‑omm. “Morda! Morda!”

Iż‑żewġ nisa baqgħu jħarsu ċassi u fit‑tul lejn Ben Hur, iżda ma ssograwx imissuh. Wara ftit, id f’id, telqu minn hemm. Dmirhom kienu għamluh. Kienu wrew l‑imħabba tagħhom.

L‑għada filgħodu, meta n‑nies sabuhom għadhom qed jiġġerrew fit‑toroq, bdew jissuttawlhom il‑ġebel sakemm keċċewhom ’il barra mill‑belt.

***** ***** ***** ***** *****

Kien b’kumbinazzjoni li Amra semgħet xi suldati jitkellmu dwar żewġ nisa lebbrużi li kienu nstabu fil‑ħabs. Billi kienet taf sew fejn kienu joqogħdu miġburin il‑lebbrużi barra mill‑belt, qabdet qoffa bl‑ikel u rħitilha lejn il‑post biex tara ssibx lil Tirża u ’l ommha hemmhekk.

Tabilħaqq mill‑ewwel lemħu lil xulxin u Amra ntefgħet tolfoq bil‑ferħ. Niżlet minnufih għarkopptejha quddiem sidtha, iżda l‑omm qaltilha biex terġa’ tqum.

“Iħaġġruk jekk jarawk qrib tagħna,” qaltilha.

“O sidti,” lissnet Amra bid‑dmugħ f’għajnejha. “Imma ma nistax nitlaqkom hawn issa li tinsabu l‑aktar fil‑bżonn. Nibda nġibilkom ikel u xorb kull filgħodu u filgħaxija. Hemm xi ħaġ’oħra li tixtiequ nagħmlilkom?”

“Iva,” qabżet l‑omm fil‑pront. “Lil Ġuda tgħidlux li rajtna u li qegħdin hawn. Ma jistax isibna. Ma jistax isir bħalna.”

***** ***** ***** ***** *****

Madankollu Ben Hur sar jaf x’kien sar minnhom mingħand il‑kmandant tal‑ħabs. Għal xahar sħiħ beda jmur fuq l‑Għolja tat‑Tallaba fejn il‑lebbrużi kienu jmorru jittalbu. Offra premju lil min seta’ jagħtih xi aħbar t’ommu u t’oħtu, iżda kien għalxejn.

L‑omm u l‑oħt kien irnexxielhom iżommu s‑sigriet tagħhom, u l‑unika ħaġa li Ben Hur irnexxielu jsir jaf biha kienet li n‑nies kienu keċċewhom ’il barra mill‑belt u li issa kienu x’aktarx qed jiġġerrew fid‑deżert.

“Mhux biżżejjed li saru lebbrużi?” kien jgħid. “U dan kollu għalfejn? O Alla, kemm se ndumu nissaportu din is‑saħta Rumana?”

Irrabjat u bla ebda tama, wara kull jum ta’ tiftix kien imur lura fil‑kamra tal‑lukanda fejn kien qiegħed joqgħod. Jum minnhom sab il‑lukanda miżgħuda b’nies li kienu ġew mill‑Galilea biex jieħdu sehem f’festa reliġjuża. Ftit ħin wara daħal jiġri raġel b’għajnejh imberrqin u kollu eċċitat.

“Għalfejn qegħdin hawn?” beda jgħajjat. “Ir‑Rabbin u l‑Anzjani sejrin it‑Tempju biex ikellmu lil Pilatu. Saru jafu li l‑ispejjeż għall‑akwedott il‑ġdid se jħallsuhom mill‑kaxxa tat‑Tempju!”

“Imma dawk il‑flus ta’ Alla!” qabeż wieħed mill‑Galilej. “Pilatu ma jazzardax imisshom! X’qed nistennew? Ejja mmorru mill‑aktar fis!”

“Nies tal‑Galilea!” għajjat Ben Hur. “Jien Lhudi wkoll. Tħalluni niġi magħkom?”

“Tidher b’saħħtek biżżejjed,” wieġeb wieħed minnhom. “Iva, ejja magħna.”

Xi ftit minnhom qaċċtu xi friegħi ħoxnin mis‑siġar, u dlonk bdew mixjin lejn il‑palazz ta’ Pilatu, li kien qrib it‑Tempju. Malli waslu sabu li, sadanittant, ir‑Rabbin u l‑Anzjani kienu daħlu imma s‑suldati kienu waqqfuhom fil‑post.

Ir‑Rabbin damu aktar minn siegħa jistennew biex ikellmu lil Pilatu, imma dan ma riedx ikellimhom. Minħabba dan, il‑folla bdiet titmasħan aktar, u qam storbju u pandemonju sħiħ. Din kienet l‑iskuża li Ponzju Pilatu kellu bżonn u ordna lis‑suldati jkeċċu lill‑folla ’l barra mill‑palazz.

Xi wħud mill‑folla ma damux biex ġew fl‑idejn mas‑suldati, u f’qasir żmien is‑suldati xeħtu lir‑Rabbin u ’l‑Anzjani ’l barra mill‑palazz bl‑armi tagħhom. Dan kien faċli għar‑Rumani għax ir‑Rabbin u l‑Anzjani ma kinux armati. Imma barra mill‑palazz sabu lil Ben Hur u lill‑Galilej, li minnufih għamlu għalihom. Is‑suldati ma kinux qed jistennewhom, u malli lemħuhom irtiraw minnufih fil‑palazz. Xi Galilej ittantaw jidħlu warajhom, iżda Ben Hur waqqafhom.

“Dalwaqt jaslu ċ‑Ċenturjun u l‑għassiesa tiegħu,” qalilhom. “Ma nistgħux niġġildulhom b’dawn il‑bsaten u l‑friegħi biss.”

L‑għassiesa waslu f’qasir żmien u Ben Hur baqa’ wieqaf quddiem iċ‑Ċenturjun.

“Ja klieb ta’ Rumani!” għajjat Ben Hur. “Għandkom il‑ħila tagħmlu għax‑xjuħ biss? M’hemmx wieħed minnkom li għandu l‑kuraġġ jisfida lili waħdi?”

Iċ‑Ċenturjun minnufih għamel pass ’il quddiem. Ma kellux għalfejn jibża’. Wara kollox, hu kien suldat Ruman imħarreġ sew għall‑ġlied, waqt li dan il‑Lhudi...?

Din ma kinitx sempliċement arroganza ta’ Ben Hur. In‑nies f’Antjokja kienu diġà raw lil suldat Ruman megħlub. Issa kien il‑waqt li l‑poplu ta’ Ġerusalemm jara ieħor. Din kienet se tkun opportunità oħra għalih kontra dawn il‑ħakkiema misħutin.

Il‑kelma bdiet tiġri qalb il‑folla: Min kien dan l‑istranġier? Ħadd ma kien jafu iżda għajnejhom kollha ssammru fuqu hekk kif ħataf ix‑xabla u t‑tarka u pprepara għad‑dwell – dwell li kulħadd li kien madwaru stenna li jispiċċa bil‑mewt ta’ wieħed minnhom.

***** ***** stat_3 ***** *****

10: Bin il‑mastrudaxxa

Meta għex Ruma Ben Hur kien stħarreġ sew fil‑ġlied, u għalkemm ma kellux l‑armatura u l‑elmu bħalma kellu ċ‑Ċenturjun, kien ċert li seta’ jirbaħ.

Għal ftit mumenti ż‑żewġt irġiel baqgħu weqfin quddiem xulxin, iħarsu lejn xulxin minn fuq ix‑xifer tat‑tarki tagħhom. Ħesrem, ir‑Ruman intefa’ ’l quddiem bħallikieku se jattakka minn taħt, iżda Ben Hur resaq la ġenba. Iċ‑Ċenturjun ipprova jerġa’ jattakka, din id‑darba minn fuq.

Ben Hur reġa’ skartaha. Deffes it‑tarka tiegħu taħt l‑id mgħollija tas‑suldat sakemm idu u x‑xabla kienu fuq wiċċ it‑tarka tal‑Lhudi. Ben Hur resaq ’il quddiem u lejn ix‑xellug, sakemm il‑ġenb tas‑suldat kien mikxuf għad‑daqqa tiegħu. Ben Hur imbotta x‑xabla ’l quddiem.

Ir‑Ruman waqa’ għal tulu fl‑art, rasu ’l isfel. Ben Hur poġġa siequ fuq dahru bħalma kienu jagħmlu l‑gladjaturi f’Ruma, għolla t‑tarka tiegħu fil‑għoli, u ħares lejn l‑għassiesa. “Il‑kmandant tagħkom miet mewta qalbiena ta’ suldat,” qalilhom, “u bi dritt jien imissni x‑xabla u t‑tarka tiegħu.”

***** ***** ***** ***** *****

Malli l‑poplu ra li Lhudi kien għeleb lil suldat Ruman, intilef f’eċċitament kbir. Kienu se jaqbdu lil Ben Hur u jgħolluh fuq idejhom, imma warrab minn ħdejhom u resaq lejn il‑Galilej.

“Din kienet daqqa żgħira għall‑Imperu Ruman,” qalilhom. “Imma dan għadu l‑bidu. Flimkien nistgħu nagħmlu ħafna aktar.”

Żgħira kemm kienet żgħira, kienet mossa li qawwiet qalb ħafna nies.

“Ftit żmien ieħor, u Israel tkun ħielsa,” bdew jgħidu bejniethom.

Ben Hur mar mal‑Galilej f’pajjiżhom, u f’qasir żmien sar magħruf għal dak li kien għamel, u sakemm waslet ix‑xitwa, kien diġà ġabar tliet leġjuni ta’ ġellieda qalbenin li ħarriġhom skont is‑sistema Rumana.

Jum wieħed Ben Hur irċieva ittra mingħand il‑ħabib l‑antik tiegħu, ix‑Sheik Ilderim. L‑ittra kienet tgħid li l‑profeta Elija kien mar ħdejn ix‑Xmara Ġordan u kien qed jistenna lill‑istess Re li Ben Hur kien qed jistenna – ir‑Re tal‑Lhud kollha.

Ben Hur ma tilifx ħin, u dakinhar stess irħielha lejn Ġerusalemm. Wasal ħdejn ix‑xmara wara t‑tielet jum, u hemm sab għadd kbir ta’ tined u annimali, u basar li kien hemm xi ħaġa importanti.

Lemaħ raġel fil‑bogħod b’ħafna nies madwaru, u deher li kien qiegħed ikellem lill‑folla. Ben Hur ipprova jersaq aktar viċin, imma meta wasal ħdejh ir‑raġel kien waqaf jitħaddet, u n‑nies bdew jitilqu għal rashom.

Fost il‑ġemgħa, Ben Hur għaraf lil Baltasar, l‑Eġizzjan li darba kien mexa wara l‑kewkba sa Betlem fejn kien sab lit‑tarbija f’maxtura. Ben Hur resaq lejh. Iżda qabel ma laħqu, tfaċċa r‑raġel li kien qiegħed ikellem lill‑folla ftit minuti qabel, u Baltasar minnufih inxteħet għarkopptejh quddiemu.

Ben Hur ħares lejn wiċċ dak ir‑raġel. Kien wiċċ pur, ħosbien imma jiddi b’umiltà u qdusija. Ma setax jiftakar sew, imma Ben Hur kien ċert li lil dak il‑wiċċ kien rah xi darb’oħra.

F’daqqa waħda, ġab ix‑xena quddiem għajnejh. Dak il‑jum meta s‑suldati kienu se jeħduh bħala lsir fuq ix‑xwieni... dik il‑ħarsa kalma, kollha mħabba, u dawk l‑idejn ġenerużi li kienu tawh l‑ilma x’jixrob...

Kien se jaqbad jersaq lejh biex juri r‑rispett tiegħu, iżda kien f’dak il‑mument li Baltasar inxteħet mal‑art b’ħass ħażin, u Ben Hur mar jgħinu fis.

Sakemm Baltasar ġie f’tiegħu, l‑istranġier kien laħaq telaq. Ben Hur dar fuq raġel ieħor li kien fil‑qrib, u staqsieh, “Min hu dak ir‑raġel li kien qiegħed ikellem lill‑folla?”

“Dak huwa bin mastrudaxxa li joqgħod Nazaret.”

***** ***** ***** ***** *****

Għal tliet snin sħaħ, Ben Hur baqa’ jsegwi l‑għemejjel ta’ ‘bin il‑mastrudaxxa ta’ Nazaret’. Madankollu kien mistagħġeb. Kien sema’ u, f'xi każijiet, kien saħansitra ra b’għajnejh, il‑mirakli li kien wettaq in‑Nazzarenu, imma xorta ma setax jifhem eżatt x’kienu l‑iskopijiet u l‑pjanijiet ta’ dan ir‑raġel.

Lil Simonide qallu b’dawn id‑dubji li kellu, meta darba żaru fid‑dar l‑antika tiegħu f’Ġerusalemm. Simonide kien reġa’ fetaħha waqt li Ben Hur kien il‑Galilea.

“Segwejtu għal ħafna jiem. Rajtu f’dawk is‑sitwazzjonijiet li jgħidu li huma sfidi u provi lill‑bniedem, u waqt li jien ċert li huwa sempliċi bniedem bħali, naħseb li huwa xi ħaġa aktar minn hekk.

“Rajtu jbiddel ilma fi nbid. U x’tista’ taħseb dwar bniedem li b’ħames ħobżiet u żewġ ħutiet irnexxielu jitma’ ħamest elef ruħ?

“Rajt morda jmissu l‑ħwejjeġ tiegħu u jfiqu minnufih. Rajtu jmiss l‑għajnejn ta’ żewġ għomja – u bdew jaraw.

“U xorta waħda kien għad kelli d‑dubji tiegħi,” kompla Ben Hur.

“Il‑poplu tal‑Galilea m’għandux sabar u ma jistax jistenna aktar; wara dawn is‑snin kollha ta’ stennija, idejhom qed jikluhom għal ftit azzjoni. ‘Qed idum wisq biex iħabbar l‑intenzjonijiet tiegħu. Għax ma nisfurzawhx?’ qaluli kemm‑il darba. U jien ukoll qed nitlef is‑sabar. Jekk huwa r‑Re tal‑Lhud, għax ma jgħidhiex issa? Il‑leġjuni ppreparati u lesti.

“Kien qiegħed jipprietka fejn il‑baħar, u stajna naqbdu u naħtruh re dak il‑waqt, imma sparixxa; mument wara rajnieh abbord xini, jitbiegħed mix‑xatt. Kull xenqa li taħkem lil kull persuna oħra – flus, poter, anki saħansitra x‑xewqa li jkun re – ma jagħmlu l‑ebda effett lil dan il‑bniedem.

“Imma għada se jkollna tweġiba. Ġej hawn, f’Ġerusalemm, u qabel ma beda l‑vjaġġ ’l hawn smajtu jgħid: “Dak kollu li kitbu l‑profeti dwari se jseħħ.”

“Ġibt miegħi żewġ leġjuni sħaħ. M’aħniex se nibqgħu nistennew fit‑tul.”

***** ***** stat_3 ***** *****

11: In‑Nazzarenu arrestat

Mingħajr ma kien jaf Ben Hur, Amra l‑qaddejja semgħetu jitkellem dwar il‑mirakli li kien għamel bin il‑mastrudaxxa ta’ Nazaret. L‑għada filgħodu telqet inkiss inkiss lejn ir‑raħal tal‑lebbrużi.

Kienet ilha tmur hemm għal dawk l‑aħħar tliet snin, biex tieħu ikel u ilma lil omm u oħt Ben Hur, li bil‑qajla kienu qed imutu minħabba l‑marda qalila li kellhom. Is‑soltu kienet sempliċement tpoġġi l‑ikel u x‑xorb quddiemhom u titlaq lura, imma din id‑darba, niżlet għarkopptejha quddiemhom, u bieset il‑ħwejjeġ imqattgħa u maħmuġin ta’ sidtha.

“O, sidti!” qaltilha. “Qed inġiblek aħbar tajba. Hawn raġel tal‑għaġeb li jista’ jfejjaqkom. Ġej Ġerusalemm illum stess.”

L‑omm semgħet bl‑akbar ħerqa għaliex l‑aħbarijiet dwar dan ir‑raġel kienu diġà waslu fir‑raħal tal‑lebbrużi.

“Kien hemm żmien meta Ġerusalemm u l‑Ġudea kollha kienu mimlijin bl‑istejjer li twieled il‑Messija. Naħseb li issa kiber u sar raġel. Iva, niġu miegħek.”

Flimkien, telqu lejn it‑triq li kienet tagħti għal Ġerusalemm, u qagħdu jistennew fuq ġenb it‑triq. Għamlu minn kollox biex jaħbu sew wiċċhom u l‑feriti tal‑marda tagħhom. Wara ftit lemħu ġemgħa nies riesqa lejhom.

Qalb dik il‑folla setgħu jaraw raġel riekeb ħmar. Ir‑raġel kellu rasu mikxufa u kien kollu liebes l‑abjad. Ix‑xemx kienet qed tiksilu x‑xagħar folt u twil li kellu, bħallikieku kellu dija madwar rasu kollha. Ma kien hemm għalfejn jgħidilhom ħadd li dak kien Hu.

Tirża u ommha ġrew ’il quddiem, imma qabel ma setgħu jilħquh, xi nies raw wiċċhom.

Fis qamet l‑għajta ta’ “Lebbrużi! Lebbrużi!”

“Ħaġġruhom! Ħaġġruhom!”

“Dawk huma misħutin minn Alla! Oqtluhom”

Imma l‑istorbju waqaf ħesrem hekk kif dak li kienu jsejħulu l‑Messija wasal ħdejhom, u waqqaf il‑ħmar quddiem iż‑żewġ nisa. Baqa’ jħares lejhom bil‑ħniena.

“O, Sinjur, Sinjur!” għajtet l‑omm. “Qiegħed tara b’għajnejk x’inhu l‑bżonn tagħna. Ikollok ħniena minna. Inti tista’ tnaddafna.”

“Intom tassew temmnu li nista’?” staqsiehom.

“Inti l‑Messija,” wieġbet l‑omm fil‑pront.

Għajnejh tberrqu bil‑ferħ. “Il‑fidi tagħkom hija kbira. Għalhekk intom imfejqin.”

U kompla fi triqtu. U hekk kif tbiegħed minnhom, iż‑żewġ nisa ħassew id‑demm jiġri ma’ ġisimhom kollu, ġisimhom jissaħħaħ, u l‑feriti tal‑marda jgħibu minn fuq il‑ġilda.

U malli qamu fuq saqajhom, il‑bidla kienet kompluta. L‑omm u l‑bint kienu fiequ għalkollox!

***** ***** ***** ***** *****

Sadanittant Ben Hur kien rikeb żiemel biex jilħaq il‑purċissjoni, u mill‑bogħod ra liż‑żewġ nisa jmorru quddiem in‑Nazzarenu. Imma kien għadu ’l bogħod, u ma setax jagħrafhom. Madankollu, ħass li kellhom xi ħaġa familjari. Qalbu bdiet tħabbat sitta sitta, u niggeż liż‑żiemel bl‑ixprun biex jgħaġġel aktar.

“Omm! Tirża! Intom, tassew!”

Għalkemm kienu għadhom imgeżwrin fil‑ħwejjeġ tal‑lebbrużi, intefa’ jgħannaqhom, kollha bid‑dmugħ f’għajnejhom.

“Ħsibt li kontu mejtin,” qal Ben Hur. “Fittixtkom kullimkien imma ħadd ma kien jaf xejn dwarkom u x’sar minnkom.”

“Naf, ibni,” wieġbet l‑omm. “Ma ridniekx tkun taf li konna qalb il‑lebbrużi. Iżda l‑Messija fejjaqna.”

Ben Hur neħħa l‑mant tiegħu minn fuq spallejh biex igeżwer lil Tirża fih. Kien f’dan il‑waqt li Tirża lemħet ix‑xabla li kellu mdendla ma’ qaddu.

“Għaliex inti armat?” staqsietu. “Ġejja xi gwerra?”

“Le, imma jista’ jkollna bżonn niddefendu lin‑Nazzarenu. Għalkemm huwa bniedem tal‑paċi, skont ir‑Rabbin, huwa ħati ta’ delitt kbir. Fl‑opinjoni tiegħu l‑Ġentili jistħoqqilhom il‑Ġenna daqs il‑Lhud.”

***** ***** ***** ***** *****

Malli Ben Hur aċċerta ruħu li ommu u oħtu kien azzettati f’darhom, Ben Hur beda jiffoka fuq il‑biċċa xogħol l‑oħra li kellu f’rasu. Issa l‑mibegħda li kellu lejn ir‑Rumani kienet tqawwiet aktar. Kien qiegħed jaħsibha bis‑serjetà jqajjimx lill‑Galilej f’rewwixta, iżda f’mumenti meta kien iħossu aktar kalm kien jinduna li biex jagħmel dan, kellu bżonn l‑appoġġ tal‑Lhud kollha.

Kien jaf ukoll li n‑Nazzarenu kellu s‑setgħa li jwaqqaf saltna Lhudija fuq it‑tifrik tal‑Imperu Ruman, għalhekk ried jistenna l‑kelma tiegħu qabel ma jieħu xi azzjoni.

Sadanittant ħafna pellegrini kienu waslu Ġerusalemm għall‑festa tal‑Għid, u lil Ben Hur ġietu idea: ‘Forsi n‑Nazzarenu kien qiegħed jistenna li jiġu aktar Lhud minn madwar il‑Mediterran biex iqajjem ir‑rewwixta. Possibbli li dan il‑bniedem li kien jidher ġwejjed kien suldat ġenjali daqshekk stuż fil‑politika?’

Beda jippassiġġa tul it‑toroq tal‑belt, u f’qasir żmien sab ruħu miexi ma’ kotra nies. Ma kienx jaf fejn kienu sejrin dawk in‑nies kollha, iżda quddiem nett lemaħ lil xi qassisin u lil Ġuda l‑Iskarjota, wieħed mid‑dixxipli ta’ Ġesù n‑Nazzarenu, għalhekk mar mal‑folla.

F’daqqa waħda waqfu kollha hekk kif tfaċċa Hu – u Ben Hur fis fehem x’kien qiegħed jiġri. Dak Ġuda kien traditur, u n‑nies ta’ madwaru kienu armati bi bsaten u zkuk, u mdawrin b’suldati Rumani. Kienu ġew biex jarrestaw lin‑Nazzarenu.

“Jiena hu Ġesù n‑Nazzarenu, li qegħdin tfittxu,” qal b’leħen biered u kalm.

Ir‑Rabbin resqu lejh, u s‑suldati ħarġu l‑ħbula.

‘Kif? Se jħallihom jaqbduh?’ qal Ben Hur bejnu u bejn ruħu. ‘Dan il‑bniedem li seta’ jrodd il‑ħajja mitlufa u joħodha lura meta jrid, ma riedx juża dak il‑poter, issa?’

Imma r‑raġel ħalliehom jorbtuh u jimbuttawh bil‑goff qalb il‑folla, u lura lejn il‑belt. Ben Hur mexa warajhom. Madankollu kien għadu mhux sodisfatt. Kien għad hemm mistoqsija tberren f’moħħu. Ħaffef il‑pass sakemm wasal maġenb in‑Nazzarenu.

“Sinjur,” lissen, “Jiena nħobbok u jien ħabib tiegħek. Għidli, nitolbok, taċċetta li tħallini naqbeż għalik?”

In‑Nazzarenu ma tniffissx; lanqas biss għolla rasu biex iħares lejh. Ta’ warajh imbuttaw lil Ben Hur lura, u fis intilef qalb il‑folla.

***** ***** stat_3 ***** *****

12: “Missier, aħfrilhom”

L‑għada filgħodu żewġ uffiċjali Galilej marru jżuru lil Ben Hur. “Lin‑Nazzarenu se joqtluh,” qalulu. “Ħatfuh dal‑lejl u għaddewh ġuri. Filgħodu kmieni ħaduh quddiem Ponzju Pilatu, il‑gvernatur. Għal darbtejn ir‑Ruman ċaħad li kien ħati u rrifjuta li jgħaddih lir‑Rabbin, iżda dawn tant insistew li jinqatel li fl‑aħħar Pilatu ċeda, u għadda lin‑Nazzarenu f’idejhom.”

“Mela wasal il‑ħin li mmutu għal pajjiżna, ħbieb,” qal Ben Hur. “Insejħu lil‑leġjuni...”

“Le, Ben Hur,” ħatfu wieħed mill‑uffiċjali. “Aħna t‑tnejn li hawn quddiemek biss qegħdin miegħek. L‑oħrajn kollha telqu mal‑qassisin biex joqtlu lin‑Nazzarenu. Huwa l‑poplu tiegħu stess li jridu mejjet.”

Kollu rabja u disprament, Ben Hur ħalliehom jeħduh fit‑toroq, li issa kienu miżgħuda bin‑nies li ġew minn kull pajjiż. Iltaqa’ ma’ xi suldati Galilej u ċanfarhom talli kienu abbandunaw lir‑Re tal‑Lhud meta l‑aktar li kellu bżonnhom.

“In‑Nazzarenu mhux ir‑Re,” weġbuh. “Lanqas biss għandu r‑rieda ta’ Re. Falla, kemm għalih innifsu, kif ukoll għalina u għal Israel. Aħna xorta lesti li niġġieldu miegħek għall‑ħelsien, imma żgur mhux għalih.”

Għal mument, Ben Hur waqaf u ma kienx jaf x’jaqbad jagħmel. Ra li jekk iqabbadhom, dawn is‑suldati kienu lesti li jiġġieldu.

Imma ftakar fil‑mistoqsija li kien għamel: “Taċċetta li tħallini naqbeż għalik?” – mistoqsija li għaliha n‑Nazzarenu ma kien tah l‑ebda tweġiba. Iżda issa Ben Hur intebaħ li fil‑fatt dik kienet tweġiba biżżejjed.

Ma setax jagħti l‑kmand biex jattakkaw. Beda jaħseb, ‘Din il‑mewt forsi ma nistgħux nevitawha. Dan il‑bniedem kien beda triqtu ’l hawn meta kien jaf eżatt fejn se twasslu. Din hija l‑missjoni tiegħu, mogħtija lilu minn xi ħadd ħafna aktar ogħla – Alla stess. U Hu qed jaċċettaha, bir‑rieda kollha tiegħu. Ħaddieħor x’jista’ jagħmel?’

***** ***** ***** ***** *****

Ben Hur dar biex imur lura lejn daru, imma f’dak il‑waqt laħqitu l‑purċissjoni, b’ħafna żgħażagħ quddiem nett jaqbżu u jkantaw u jgħajtu: “Ir‑Re tal‑Lhud! Warrbu ħalli jgħaddi r‑Re tal‑Lhud!”

Ftit wara lemaħ lin‑Nazzarenu. Kien kważi mejjet. Kull pass li kien qed jagħmel kien agunija kbira hekk kif kien qed iġorr salib kbir tal‑injam fuq spalltu. Xi ħadd kien għafaslu fuq rasu kuruna tax‑xewk, u d‑demm kien qiegħed iċarċar ma’ wiċċu u għonqu.

Il‑massa ta’ nies madwaru issa kienet mitlufa f’ferneżija għatxana għad‑demm. Kien hemm erba’ suldati mixjin madwaru biex jipproteġuh, imma xi nies irnexxielhom jiżgiċċawlhom, u bdew jobżqulu u jagħtuh bil‑bsaten.

“Sallbu! Oqtlu lill‑eretiku!”

Kien hemm żewġt irġiel oħra wara n‑ Nazzarenu, li kienu qed iġorru salib kull wieħed ukoll.

“Dawk min huma?” staqsa Ben Hur.

“Ħallelin. Se jsallbuhom miegħu,” wieġeb xi ħadd fil‑folla.

***** ***** ***** ***** *****

Ben Hur ħalla lill‑folla tkaxkru magħha, u f’qasir żmien sab ruħu fil‑lok tal‑kruċifissjoni. Is‑suldati bdew iħejju lit‑tliet priġunieri li kellhom jgħaddu mill‑aħħar agunija.

Suldat resaq lejn in‑Nazzarenu u offrielu x’jixrob, imma n‑Nazzarenu rrifjuta.

“Għaġġel,” ordna l‑kap tal‑qassisin liċ‑ċenturjun. “Iridu jkunu mejta sa nżul ix‑xemx. Dik hija l‑liġi.”

Hekk kif ra lin‑Nazzarenu jsammruh mas‑salib, Ben Hur ħass speċi ta’ kalma tirkbu. Kien bħallikieku kien qiegħed f’ħolma fejn kien qiegħed jisma’ lil xi ħadd jgħidlu li dan kollu kien sew u l‑għala kellu jseħħ. Kienet ir‑rieda tan‑Nazzarenu. Kienet ir‑rieda t’Alla.

U waqt dan kollu, ma kienx hemm karba waħda minn fomm in‑Nazzarenu, ħlief għajta waħda divina, li baqgħet tissemma.

“Missier, aħfrilhom għax ma jafux x’inhuma jagħmlu.”

***** ***** ***** ***** *****

Għalkemm kien nofsinhar, dalma liema bħalha waqgħet fuq il‑pajjiż kollu. In‑nies bdew iħarsu lejn xulxin imbellhin, u l‑biża’ ħakimhom aktar hekk kif id‑dalma żdiedet u żdiedet. U x‑xemx baqgħet moħbija għal tliet sigħat, qabel ma reġgħet feġġet ħesrem...

In‑Nazzarenu kien miet.

Ben Hur mar lura lejn daru, u minn dak il‑jum, l‑eqdes ismijiet baqa’ jżommhom għal dejjem flimkien fit‑talb tiegħu: Il‑Missier Alla u l‑Iben Ġesù.

***** ***** ***** ***** *****

Maż‑żmien, Ben Hur iżżewweġ lil Ester, bint Simonide. Is‑snin gerbu bil‑mod imma fil‑hena. Sema’ li l‑għadu l‑antik tiegħu, Messala, kien miet, imma din l‑aħbar ma tatu l‑ebda sodisfazzjon. Il‑kilba li kellu biex ipattiha lir‑Rumani kienet għebet għalkollox. Minflok, beda jara kif seta’ jaqdi lil Kristu.

U xorta kien għadu mhux biżżejjed. Kien Simonide li fl‑aħħar tah l‑opportunità li kien qed ifittex għal ħafna żmien.

“Rajtek tagħti dawk is‑somom kbar lill‑Knisja,” qallu x‑xwejjaħ. “Madankollu għad hemm ħaġ’oħra li tista’ tagħmel. Smajt bil‑persekuzzjonijiet li l‑Insara qed iġarrbu f’Ruma. Hemm bżonn li d‑dawl ma jintefiex fil‑belt kapitali.”

“U kif nista’ nżommu ħaj?” staqsa Ben Hur.

“Hemm żewġ affarijiet li r‑Rumani jgħożżu u jqisuhom bħala sagri – l‑irmied tal‑mejtin u ċ‑ċimiterji. Jekk ma tistax tibni tempji biex tqim lil Alla fuq l‑art, mela ibnihom taħt l‑art. Idfen hemm lil dawk kollha li jmutu minħabba l‑fidi.”

Din interessat lil Ben Hur. “Hija idea tajba ħafna. Jekk hemm xi ħaġa li nista’ nagħmel biex inżomm il‑fidi Nisranija b’saħħitha, mela ħajti ma tkunx għalxejn. Nitlaq għada stess.”

U l‑għada, Ben Hur u martu Ester bdew il‑vjaġġ tagħhom lejn Ruma biex jibdew il‑fażi l‑ġdida f’ħajjithom.

***** ***** ***** ***** *****

Jekk xi darba żżur Ruma u tmur fil‑katakombi ta’ San Kallistu, dak iċ‑ċimiterju kbir mibni taħt it‑toroq ta’ Ruma, tista’ tara x’sar mill‑ġid ta’ Ben Hur. Kien minn hawn li l‑Kristjaneżmu qam u għeleb il‑ħakma taċ‑Ċesri.

***** ***** TMIEM ***** *****

***** ***** stat_3 ***** *****

Noti

Awriga: Is‑sewwieq tal‑karru tat‑tlielaq. [Lura]

Ċenturjun: Uffiċjal fl‑armata Rumana li kien jikkmanda mitt suldat. . [Lura]

Dekurjun: Uffiċjal fl‑armata Rumana li jikkmanda għaxar suldati. [Lura]

Eros: Fir‑reliġjon pagana Rumana, l‑alla tal‑imħabba. [Lura]

Ġentili: Dawk in‑nies kollha li ma kinux Lhud. [Lura]

Ħames ħobżiet (jew sebgħa?): Ġwanni Kap 6 Vers 9; u Luqa Kap 9 vers 14, it‑tnejn li huma jsemmu ħames ħobżiet, bħall‑Vanġelu skont San Mattew. Hu biss il‑Vanġelu ta’ San Mark li jsemmi s‑seba’ ħobżiet bħalma jirrakkonta Lew Wallace f’dan ir‑rumanz. Hawnhekk tħalliet seba’ ħobżiet biex tibqa’ skont it‑test oriġinali tal‑awtur. [Lura]

Lebbrużi: Nies li jsofru mill‑marda tal‑lebbrożi, marda tal‑ġilda li tittieħed. Illum il‑ġurnata hemm kura għaliha. [Lura]

Leġjunarji (minn Leġjun): Suldati fl‑armata Rumana. Fi żmien l‑Imperu, leġjun ġeneralment kien magħmul minn 5,800 suldat. [Lura]

Marte: Fir‑reliġjon pagana Rumana, l‑alla tal‑gwerra. [Lura]

Sesterz: Munita Rumana antika. [Lura]

Tribun: Uffiċjal għoli Ruman, li kien ikollu responsabbiltajiet ċivili jew militari. [Lura]

***** ***** stat_3 ***** *****