Harriet Beecher Stowe
(1811–1896)
Sors: wikipedia.org/GIMP
Il‑familja ta’ Harriet kienet waħda ta’ skola. Missierha, Lyman Beecher, kien il‑ministru (speċi ta’ kappillan) tal‑kongregazzjoni ta’ Litchfield, fl‑istat tal‑Connecticut, fejn twieldet fl‑1811, waqt li oħtha Catherine kienet għalliema. Il‑komunità fejn trabbiet kienet meqjusa bħala waħda mill‑aktar mgħallmin fi New England. Għaldaqstant ma kenitx sorpriża li f’dan l‑ambjent it‑talent li kellha għall‑kitba nibet kmieni, u bdiet toħroġ stejjer qosra fil‑gazzetti tal‑iskola fejn kienet titgħallem.
Imma kien meta kellha 22 sena li bdiet tinteressa ruħha fil‑kwistjoni li kienet qed taħkem ix‑xena politika tal‑Istati Uniti f'dawk iż‑żminijiet; dik tal‑iskjavitù. Missierha nħatar president ta’ seminarju f’Cincinnati, fl‑istat tal‑Ohio, u l‑familja kollha marret tgħix hemm. Ix‑xmara Ohio kienet fruntiera naturali bejn l‑istat tal‑Ohio u l‑istat tal‑Kentucky, fin‑Nofsinhar. Għalkemm l‑iskjavitù ma kenitx legali fl‑Ohio, fil‑Kentucky kienet, u Harriet kellha l‑opportunità tkun xhud ta’ episodji koroh li kienu jgħaddu minnhom l‑ilsiera Afro‑Amerikani li kienu jippruvaw jaħarbu mill‑Kentucky.
It‑tagħrif li ġabret u l‑fatti li rat b’għajnejha nebbħuha biex tikteb l‑aktar rumanz ta’ suċċess tagħha, Il‑Gabbana taz‑Ziju Tom, li mal‑pubblikazzjoni tiegħu fl‑1852 qajjem furur kbir u qanqal kuxjenza feroċi kontra l‑iskjavitù. Ir‑rumanz malajr infirex madwar id‑dinja u nqaleb għal 23 lingwa, u ħafna kritiċi jaħsbu li kien wieħed mir‑raġunijiet ewlenin li wasslu għall‑Gwerra Ċivili Amerikana.
Permezz tar‑rumanz tagħha Harriet saret sinjura ħafna, imma dejjem baqgħet umli fl‑imġiba tagħha. Kompliet tikteb artikli u stejjer oħra, speċjalment għal ħafna rivisti li kienu favur l‑abolizzjoniżmu (it‑tneħħija totali tal‑iskjavitù), bħall‑Atlantic Monthly, l‑Independent ta’ New York u r‑rivisti tal‑Christian Union. Kitbet ukoll ktieb ieħor fejn uriet kemm kienet dgħajfa soċjetà li kienet tiddependi fuq l‑iskjavitù.
Meta faqqgħet il‑Gwerra Ċivili, binha Frederick daħal suldat fl‑armata tal‑Unjoni (tal‑Istati tat‑Tramuntana), u sakemm spiċċat il‑gwerra kien laħaq kaptan. Madankollu l‑gwerra kienet għamlet tagħha fuqu, u minn dak iż‑żmien saħħtu baqgħet ħażina. Biex forsi t‑temp jgħinu jirkupra, il‑familja kollha marru jgħixu fl‑istat ta’ Florida minħabba l‑klima sħuna t'hemm, u qattgħu ħafna snin hemmhekk.
Harriet Beecher Stowe mietet nhar l‑ewwel ta’ Lulju fl‑1896. Ħalliet warajha rumanz li huwa wieħed mill‑aktar simboli qawwija kontra l‑iskjavitù.
Qari tal‑provi: Therese Vella
© Norman C. Borg
Avventura | Drama | Esplorazzjoni | Fantasija | Fantaxjenza | Ħrejjef | Leġġendi | Letteratura għat-Tfal | Letteratura Maltija | Makabru | Misteru | Mitoloġija | Rumanzi Klassiċi | Storja