Rumanzi klassiċi | Storja

Harriet Beecher Stowe
(Amerikana, 1811 – 1896)
Madwar 3,400 kelma
Adattament għall-Malti:
Norman C. Borg
© Norman C. Borg

Qari tal-provi: Therese Vella

Kapitli
1. Shelby jkollu jbiegħ lil xi lsiera
2. Iz-Ziju Tom ma jridx jaħrab
3. Il-Ħarba ta’ Eliża
4. Lejn New Orleans
5. Kenn għal George u Eliża
6. Tom u Evangeline
7. Tom f’idejn Legree
8. Ħelsien għal George u Eliża
9. Serħan għaz-Ziju Tom
Noti

Aktar tagħrif f' Sagħtar
Numru 378 (Mejju 2023)

1. Shelby jkollu jbiegħ lil xi lsiera

Waqt jum f’nofs Frar kiesaħ ixoqq il‑għadam, fis‑salott lussuż ta’ dar fil‑belt ta’ Kentucky, żewġt irġiel kienu mitlufin f’diskussjoni.

“Dak huwa l‑aħjar li nista’ noffri,” kien qed jgħid is‑Sur Shelby, sid id‑dar. “Il‑fatt hu li Tom mhuwiex raġel komuni, u dak il‑prezz jixraqlu ħafna. Huwa bniedem rett, onest u abbli: Tista’ tafdah għalkollox biex imexxi razzett waħdu. Hu biss jista’ jifdilek id‑dejn kollu, Haley.”

“Jiena lest li nagħmel minn kollox lil ħabib,” wieġeb il‑kummerċjant. “Imma Nigru wieħed biss huwa ftit wisq. Ma tistax iżżidli ma’ Tom għall‑inqas xi tifel jew tifla?”

“Ma nistax aktar minn hekk,” lissen is‑Sur Shelby, “u qed nagħmel dan għax ftit magħkus.”

F’dak il‑waqt infetaħ il‑bieb u tfaċċa tifel żgħir kwartun. Bilkemm kellu sena u nofs. “Ersaq ’l hawn, ġuvnott,” qal Shelby. “Uri lil dan is‑sinjur kemm taf tkanta.”

It‑tifel kollu kburi minnufih kanta għanja qasira. “Bravu!” għajjat Haley, li fis dar lura fuq Shelby. “Ħa ngħidlek, żidli lil dan it‑tfajjel ma’ Tom u nkunu tajjeb.”

F’dak il‑mument tfaċċat omm it‑tifel, li ġabret lit‑tifel u ħaditu ’l barra. “Illaħwa!” lissen Haley. “Dik il‑mara tista’ tqallagħlek ħafna flus fi New Orleans.”

“Sur Haley,” lissen Shelby. “Eliża mhix għall‑bejgħ.”

“Imma tista’ tħallili lit‑tifel,” kompla Haley.

“Nippreferi ma nbigħux lanqas.”

Imma Haley baqa’ jinsisti, tant li fl‑aħħar, biex isikktu darba għal dejjem Shelby qal, “Issa naħsibha. Nixtieq niddiskutiha mal‑mara. Sal‑lejla nagħtik risposta.”

***** ***** ***** ***** *****

Wara li Haley telaq, is‑Sur Shelby beda jaħseb, “Aħjar kieku tajtu daqqa ta’ sieq mit‑taraġ għal isfel! Imma jaf kemm qiegħed magħkus bħalissa u qed japprofitta. Fejn qatt bsart li niġi fis‑sitwazzjoni li jkolli nbigħlu lil Tom? U ried lit‑tifel ukoll! Qisu qed jixtri biċċa kelb! Dan id‑dejn se jeqridni.”

Tard filgħaxija Shelby spjega lil martu x’kien għamel. Għalkemm is‑Sinjura Shelby talbitu biex ibiddel il‑ħsieb, is‑Sur Shelby kien diġà ffirma l‑karti u l‑biċċa kienet fatta. Is‑Sinjura Shelby karbet karba twila u ħbiet wiċċha f’idha.

“X’saħta hi, din l‑iskjavitù,” lissnet. “Saħta lis‑sid u lill‑ilsir.”

“Kont ħmar li ħsibt li nista’ nagħmel xi ħaġa tajba minn dan il‑kummerċ,” kompla s‑Sur Shelby.

***** ***** stat_3 ***** *****

2. Iz‑Ziju Tom ma jridx jaħrab

Dak il‑lejl, waqt li z‑Ziju Tom u z‑Zija Chloe kienu diġà daħlu jorqdu, xi ħadd ħabbat ħafif mat‑tieqa tal‑gabbana tagħhom.

Iz‑Zija Chloe ttawlet għal barra. “Sinjur Alla, Eliża! X’inqalgħalha?”

Iz‑Ziju Tom xegħel xemgħa waqt li z‑Zija Chloe daħħlet lil Eliża, li kienet qed tħaddan lit‑tifel tagħha.

“Se nitlaq, Ziju Tom u Zija Chloe,” qalet imbikkma. “Se naħrab bit‑tifel. Is‑Sid biegħu!”

“Biegħu!!” tennew Tom u Chloe għalenija, mistagħġbin.

“Iva biegħu!” wieġbet Eliża b’leħen sod. “Smajt lis‑Sid jgħid lis‑Sinjura li biegħ lil Harry tiegħi u lilek, Ziju Tom, lil xi kummerċjant, u li ġej għada filgħodu għalikom.”

“Alla jkollu ħniena minna!” għajtet iz‑Zija Chloe. “Imma x’għamel biex is‑Sid irid ibigħu?”

“M’għamel xejn,” wieġbet Eliża. “Mhux għalhekk. Smajt lis‑Sid jgħid lis‑Sinjura li ma setax jagħmel mod ieħor. Jew ibigħ lil dawn it‑tnejn jew ibigħ lil kulħadd. U l‑kummerċjant kien qed jinsisti wisq. Is‑Sid jiddispjaċih.”

Iz‑Zija Chloe daret fuq iz‑Ziju Tom. “Mela għażiż tiegħi, għax ma titlaqx ma’ Eliża inti wkoll? Taf li jekk tmur hemm isfel mal‑kummerċjanti jispiċċaw biex joqtluk bix‑xogħol jew bil‑ġuħ. Għad għandek ftit ħin. Itlaq issa.”

B’ħarsa ta’ dwejjaq Tom għolla rasu bil‑mod. “Le, ma naħrabx. Eliża tista’ tmur, għandha kull dritt: mhux sew li tibqa’ hawn. Imma smajt x’qal is‑Sid: jekk naħrab ikollu jbigħ lilkom kollha. U s‑Sid m’għandux tort, Chloe, ikun jista’ jieħu ħsiebkom ...”

Ħares lejn is‑sodda fejn kienu għadhom reqdin uliedu, ħeba wiċċu fl‑idejn kbar li kellu, u nfaqa’ jibki.

Eliża daret lejn Chloe. “Nitolbok sibu mod kif tavżaw lil żewġi. Dalgħodu qalli li kien qed jippjana jaħrab mis‑Sid tiegħu. Għidulu għaliex ħrabt. Għidulu li se nipprova mmur il‑Kanada.”

Wara ftit kliem mgħaġġla ta’ tislija, bit‑tifel imħaddan sod magħha, Eliża daret u għebet fid‑dlam tal‑lejl.

***** ***** stat_3 ***** *****

3. Il‑Ħarba ta’ Eliża

Matul dak il‑lejl Eliża baqgħet miexja bit‑tifel f’idejha, b’kull pass ibegħedha mill‑unika dar li qatt kienet taf. Kellha f’rasha taħwida waħda ta’ ħsibijiet dwar il‑periklu li kienu fih hi u binha, u l‑periklu li kien fih żewġha. Qalbha bdiet tieqaf kull meta tisma’ xi ħoss fid‑dlam, u t‑tħaxwix tal‑weraq u l‑ħaxix madwarha baqgħu jimbuttawha ’l quddiem.

It‑tifel kien kbir biżżejjed biex ikun jista’ jimxi waħdu, iżda bil‑biża’ li kellha baqgħet iżżommu magħha hekk kif kompliet tiġri b’saħħa mhux naturali.

Madwar siegħa qabel inżul ix‑xemx laħqet ix‑xmara Ohio. Ħadet ir‑ruħ għax kienet taf li kieku jirnexxilha taqsam ix‑xmara kienet tkun f’inqas periklu. Imma fl‑eqqel ta’ Frar ix‑xmara kienet miksija b’ċattri kbar tas‑silġ li kienu qed jitbandlu fuq wiċċ l‑ilma minħabba r‑riħ u l‑kurrent qawwi tax‑xmara. Malli rat dan intebħet li l‑lanċa ma kenitx se tkun tista’ taħdem minħabba fihom. Madankollu, fil‑villaġġ fejn kienet trakkata l‑lanċa, sabet post f’lukanda fejn setgħet tistaħba.

***** ***** ***** ***** *****

Sadanittant Haley, il‑bejjiegħ tal‑iskjavi, kien wasal lura għand id‑dar tas‑Sur Shelby biex jiġbor lil Tom u lil Harry, u sar jaf bil‑ħarba ta’ Eliża u binha. Li kieku kien għalih telaq bilġri jfittixhom minnufih, imma s‑Sinjura Shelby għamlet li setgħet biex iddewmu kemm jista’ jkun. Qabbdet lil wieħed mill‑ilsira, Sam, biex igerrex liż‑żiemel ta’ Haley, sakemm hi kkonvinċietu jibqa’ għall‑ikel u ġebbdet il‑preparazzjoni kemm setgħet. Fl‑aħħar Haley telaq u ħa lil Sam miegħu biex jgħinu jilħaq lil Eliża. Is‑Sinjura Shelby kienet qalbha maqtugħa għax kienet taf li hekk jew hekk Haley kien se jsib lil Eliża qabel ma l‑lanċa titlaq.

Malli waslu fil‑villaġġ, Sam ipprova jsib mod ieħor kif ifixkel it‑tiftix ta’ Haley u fl‑istess ħin juri lil Eliża li kienu hemm. Qajjem pandemonju sħiħ. Eliża semgħet l‑istorbju u mit‑tieqa ta’ kamritha fil‑lukanda lemħet lil Sam u għarfet lil Haley li kienet rat fis‑salott mas‑Sur Shelby il‑ġurnata ta’ qabel.

Il‑kamra li kienet fiha kellha bieb li kien jagħti għan‑naħa tax‑xmara. Bla telf ta’ żmien ħatfet lit‑tifel, ħarġet minn hemm u niżlet it‑taraġ lejn ix‑xatt. Haley lemaħha, u telaq jiġri warajha bħal għafrit. Eliża ġriet kemm felħet sakemm waslet fejn l‑ilma. Haley kien għoddu laħaqha.

Ma kellhiex ċans taħseb, dak il‑ħin. B’setgħa liema bħalha li ma kenitx taf minn fejn ġietha, għajtet għajta u qabżet ’il quddiem għal fuq l‑eqreb ċattra ta’ silġ li kien hemm quddiemha.

It‑toqol tagħha bandal iċ‑ċattra aktar, u din bdiet tinqasam minnufih. Imma Eliża ma waqfitx hemm. Bil‑ġirja li kienet ħadet baqgħet sejra ’l quddiem għal fuq ċattra oħra, u mbagħad oħra, il‑ħin kollu tiżloq, taqa’, terġa’ tqum u tkompli, bit‑tifel magħfus ma’ sidirha.

Tilfet iż‑żarbun u ħwejjiġha kienu mqattgħin. Saqajha kienu mdemmija. Imma minħabba l‑biża’ u d‑disprament li kellha ma kienet qed tħoss xejn, u ma bdiet tara xejn ħlief ix‑xaqliba l‑oħra tax‑xmara. Mument minnhom, qisu f’ħolma, lemħet persuna quddiemha, b’idejha miftuħin biex jilqgħuha. Kien wiċċ familjari. Kien bidwi li darba kien joqgħod viċin id‑dar tas‑Sur Shelby. Ħatfilha jdejha u għenha titla’ l‑art.

Għalissa hi u binha ma kinux għadhom fil‑periklu. Fuq din in‑naħa tax‑xmara kienu fi stat Amerikan tat‑Tramuntana, fejn l‑iskjavitù kienet illegali.

Haley raha minn fuq in‑naħa l‑oħra, u kien jaf li issa ma setax jilħaqha. Minnufih telaq biex iqabbad żewġ kaċċaturi tal‑iskjavi jsibuha u jġibuha lura.

***** ***** stat_3 ***** *****

4. Lejn New Orleans

L‑għada filgħodu Haley fetaħ b’tisbita l‑bieb tal‑gabbana taz‑Ziju Tom. “Int, Nigru!” għajjat bil‑ħatfa lil Tom. “Aqbad ħwejġek u ejja miegħi.” Kien dak il‑mument li Haley intebaħ li fil‑kamra kien hemm is‑Sinjura Shelby. Kienet ġiet biex issellem lil Tom għall‑aħħar darba. Haley neħħa l‑kappell u sellmilha. “Sinjura Shelby.”

“Sur Haley,” qaltlu. “Wegħidni li tgħidli lil min se tbigħ lil Tom. Irrid inkun naf min se jkun sidu, ħalli nsibu u nerġa’ nixtrih lura mingħandu malli jkollna l‑flus.”

Haley rabat par ktajjen goffi ma’ saqajn Tom, tellgħu fuq vagun u telaq bih.

***** ***** ***** ***** *****

Ftit jiem wara, Tom u xi skjavi oħra li kien xtara Haley kienu fuq lanċa fuq ix‑xmara Mississippi, fi treqithom lejn New Orleans, fejn Haley kien biħsiebu jbigħhom. Waqt dan il‑vjaġġ Haley innota li dak li s‑Sur Shelby kien qallu dwar Tom kien tassew, u beda bil‑mod jitgħallem jafdah. Għalhekk neħħielu l‑ktajjen minn ma’ saqajh u ħallieh jimraħ fejn irid fuq il‑lanċa.

Fost il‑passiġġieri l‑oħra kien hemm sinjur minn New Orleans mat‑tifla żgħira tiegħu Eva. Tom osservaha tippassiġġa viċin iċ‑ċorma skjavi bil‑ktajjen ta’ Haley, mitfugħin għalihom fuq naħa tal‑lanċa. Kienet toqgħod tħares lejhom b’ħarsa ta’ dwejjaq.

Darba minnhom il‑lanċa kellha tieqaf biex jgħabbu aktar zkuk għall‑ħruq. Eva u missierha kienu qed jiċċaċċraw viċin il‑ġenb tal‑lanċa, meta f’daqqa waħda t‑tifla tilfet il‑bilanċ u waqgħet fl‑ilma. Missierha kien se jaqbeż warajha, imma Tom laħaq qabeż qablu. Ħataf lit‑tifla u ressaqha lejn il‑lanċa.

L‑għada kienu kważi waslu New Orleans. Is‑Sur St. Clare, missier Eva, deher qed jitkellem ma’ Haley. St. Clare għadda xi flus lil Haley u ħadu b’idejn xulxin. Wara dan St. Clare resaq lejn Tom. “Tom, jiena sidek il‑ġdid,” qallu bi tbissima.

Tom ħares lejn il‑wiċċ żagħżugħ ta’ St. Clare u tbikkem, u qallu, “Alla jbierkek, Sinjur.”

***** ***** stat_3 ***** *****

5. Kenn għal George u Eliża

Jekk ix‑xorti kienet qed titbissem lil Tom, kien jidher li lil Eliża ma kenitx inqas.

Wara l‑esperjenza terribbli li għaddiet minnha fuq is‑silġ, ħaduha fid‑dar ta’ sinjur li darba kien is‑sid ta’ ħafna skjavi fl‑istat ta’ Kentucky. Wara ħafna snin josserva l‑miżerji li kienu jgħaddu minnhom l‑iskjavi, kien qatagħha li jixtri ftit art f’Ohio, jeħles lill‑iskjavi kollha li kellu, u jgħix l‑aħħar snin ta’ ħajtu bil‑kuxjenza f’postha.

Għal xi jiem żamm lil Eliża u lil binha f’daru, u wara sabilha dar żgħira f’villaġġ qrib. U hemmhekk sabet lil żewġha George.

Madankollu xorta waħda kienu għadhom fil‑periklu. Wara kollox kienu għadhom skjavi maħrubin, u xorta waħda setgħu faċilment jiħduhom lura Kentucky. Ma xtaqux jaħsbu x’kien isir minnhom kieku kellu jiġri dan!

Għalhekk bdew jippjanaw kif ikomplu treqithom lejn il‑Kanada. F’dak l‑istess lejl wieħed mill‑ġirien ġie javżahom li raw xi kaċċaturi tal‑iskjavi fir‑raħal qrib. Kien hemm bejn sitta u tmienja minnhom, u dalwaqt kienu se jaslu fil‑villaġġ tagħhom.

***** ***** ***** ***** *****

Xi ġirien oħra sabulhom karettun biex ikunu jistgħu jkomplu triqithom, u bdew vjaġġ ieħor. Siegħa wara siegħa komplew sejrin bla waqfien, imma setgħu jaraw warajhom, fil‑bogħod, il‑kaċċaturi li kienu qed joqorbu fuq iż‑żwiemel tagħhom. Fl‑aħħar qatgħuha li jieqfu, jistaħbew wara xi blat, u jiffaċċjaw lil dawk li kienu qed jiġru warajhom, jekk hemm bżonn anki bl‑armi.

Il‑kaċċaturi malajr laħquhom, u billi kienu rawhom telgħin il‑blat, niżlu minn fuq iż‑żwiemel tagħhom u bdew telgħin warajhom. George ħareġ minn wara l‑blat.

“Naf li għandkom il‑liġi favurikom,” għajtilhom, “imma m’intomx se taqbduna. Aħna nies ħielsa quddiem Alla daqskom, u lesti li mmutu għall‑ħelsien tagħna!”

Bi tweġiba, balla taret bi żbrixx ma’ wiċċ George u laqtet siġra warajh. George spara lura bil‑pistola li kellu u laqat lill‑kap tal‑kaċċaturi f’idu. Dan waqa’ lura. Sħabu għenuh iqum u niżlu lura lejn iż‑żwiemel tagħhom. Rikbuhom u telqu.

***** ***** stat_3 ***** *****

6. Tom u Evangeline

Sadanittant iz‑Ziju Tom beda l‑ħajja l‑ġdida tiegħu. Ma kenitx ħajja iebsa ħafna, imma kien qiegħed iħoss ħafna n‑nuqqas ta’ Chloe u t‑tfal tagħhom. Sidu ma kienx wieħed iebes, u bintu Evangeline kienet ħadet grazzja miegħu u xtaqitu jkun il‑qaddej personali tagħha, biex joqgħod magħha waqt il‑passiġġati tagħha fil‑kampanja u waqt li tmur tirkeb iż‑żiemel.

Il‑ħbiberija bejn l‑ilsir iswed u t‑tifla baqgħet tikber u tikber. Għaddew sentejn, u f’daqqa waħda t‑tifla bdiet timrad. Bdiet titlef is‑saħħa bil‑mod, u missierha fehem li ma kenitx se ddum magħhom.

F’dawk l‑aħħar ġimgħat ta’ ħajjitha kien Tom li beda jdur biha, jerfagħha b’dawk id‑dirgħajn b’saħħithom madwar id‑dar, f’kamritha, fuq il‑veranda tad‑dar u fil‑ġnien. U meta fl‑aħħar mietet, Tom bkieha daqs li kieku kienet bintu.

It‑telfa ta’ bintu għamlet wisq f’qalb is‑Sur St. Clare, u tbiddel għalkollox. Kien jagħmel żmien twil jaqra l‑Bibbja li kienet ta’ Eva, u kien qatigħ jaħseb dwar ir‑relazzjoni tiegħu mal‑iskjavi li kellu. Aktar ma għadda ż‑żmien aktar resaq viċin Tom.

Jum minnhom sejjaħ lil Tom. “Tom, qabel ma mietet Eva wegħedtha li neħilsek. U hekk se nagħmel. Iġbor l‑affarijiet li għandek u pprepara biex tmur lura f’Kentucky.” Dan naturalment tella’ lil Tom fis‑seba’ sema. “Tom,” kompla St. Clare, “qed nagħtik ukoll flus u lbies kemm jixraqlek għal dak kollu li għamilt ma’ binti.”

“Nirringrazzjak minn qalbi ta’ dan kollu Sur St. Clare. U napprezza ħafna l‑qalb tajba tiegħek. Imma nippreferi li jkolli ħwejjeġ ta’ fqir imma li huma tiegħi, milli l‑ħwejjeġ sbieħ ta’ ħaddieħor.”

Imma Tom ma kienx iddestinat li jgawdi dak il‑ħelsien. Ftit qabel ma St. Clare laħaq iffinalizza l‑karti legali għall‑ħelsien tiegħu, St. Clare miet b’daqqa ta’ sikkina waqt li kien qed jipprova jifred żewġt iħbieb li ġew fl‑idejn. Minnufih is‑Sinjura St. Clare qatgħetha li tbigħ id‑dar bl‑iskjavi b’kollox – inkluż Tom li legalment kien għadu lsir.

***** ***** stat_3 ***** *****

7. Tom f’Idejn Legree

Simon Legree issa kien is‑sid il‑ġdid ta’ Tom u l‑ilsiera kollha li kienu f’dar St. Clare. Kien is‑sid ta’ pjantaġġun tal‑qoton, u ġie jarahom qabel ma jeħodhom biex jaħdmulu hemm. Qabdu lanċa biex jibdew il‑vjaġġ. Kif kienu marbutin bil‑ktajjen fuq il‑lanċa, Legree mill‑ewwel wera li kien sid aħrax. Waqt li kellimhom beda jsabbat saqajh u jgħajjarhom il‑ħin kollu.

“Ara x’qed ngħidilkom,” beda jwissihom hekk kif xejjer il‑ponn fl‑arja. “Qed tarawh dan il‑ponn? Dan il‑ponn użajtu fuq ħafna Nigri bħalkom, u mhux se niddejjaq nużah fuqkom ukoll. Tistennew l‑ebda ħniena minni.”

Meta waslu fil‑pjantaġġun, il‑post ma laqagħhom xejn. Il‑gabbani fejn kellhom jgħixu bħala lsiera kienu kollha mitluqin, żdingati, maħmuġin u skomdi. Tom kien qed jittama li jkollu l‑gabbana għalih li jkun jista’ jieħu ħsiebha, isewwi fejn kien hemm bżonn u jnaddafha, imma dawn il‑gabubi li Legree xeħithom fihom tant kienu ttraskurati li qata’ qalbu: kienu sempliċement kmajriet żgħar, mingħajr ebda għamara u bi ftit tiben fl‑art bħala sodda.

Legree wriehom ukoll par klieb kbar u feroċi.

“Ħarsu lejhom sew,” qal lill‑ilsiera. “Jekk xi ħadd minnkom jaħsel jipprova jaħrab, nitlaq lil dawn warajh. Dawn il‑klieb għallimthom kif jiġru wara n‑Nigri maħrubin u ma jiqfux qabel ma jsibuhom – anki jqattgħuhom biċċiet jekk hemm bżonn.”

***** ***** ***** ***** *****

Mal‑mogħdija taż‑żmien, Tom għamel mill‑aħjar biex jipprova jidra l‑ħajja l‑ġdida li messitu. Imma beda aktar u aktar jaqa’ fi dwejjaq kbar hekk kif ra kif Legree kien jabbuża mill‑ilsiera tiegħu, kif kien jaħqarhom u kif kien jittrattahom kważi agħar mill‑annimali.

Legree, min‑naħa tiegħu, bħas‑sidien l‑oħra li Tom kellu qablu, beda jinnota kemm Tom kien jaħdem iebes u dejjem jagħmel xogħlu sew, u kien qed jaħseb li jaħtru sorveljant fuq l‑ilsiera l‑oħra. Biss kien jaħseb li Tom kien ħanin wisq. Kellu bżonn jissudah xi ftit u jgħallmu jkun ftit aktar aħrax.

Iċ‑ċans wasallu ftit jiem wara, waqt li l‑iskjavi kienu qed jaħdmu fl‑għelieqi tal‑qoton. Il‑ġbir tal‑qoton kien xogħol iebes, u l‑ilsiera kienu jaħdmu l‑ġurnata kollha, taħt ix‑xemx tisreġ, bi ftit li xejn ħin għall‑mistrieħ.

Ilsira ftit imdaħħla fiż‑żmien ma felħitx is‑sħana qalila u ħassha ħażin. Wieħed mis‑sorveljanti minnufih ħatafha minn mal‑art u mbuttaha ’l quddiem biex tkompli taħdem. Malli s‑sorveljant dawwar wiċċu, Tom qabad ftit mill‑qoton fl‑ixkora tiegħu, u xeħtu fl‑ixkora tal‑mara, biex fl‑aħħar tal‑ġurnata ma tidhirx li ma ġabritx ħafna.

Wara tmiem il‑ġurnata u l‑użin tal‑qoton miġbur, Legree sejjaħ lil Tom biex ikellmu.

“Tom,” qallu, “qed inqis nagħmlekx sorveljant fuq l‑ilsiera l‑oħrajn. U rridek tibda llum. Dik il‑mara li ħassha ħażin dalgħodu ma ġabritlix biżżejjed qoton. Irridek tiffrustaha.”

Tom talbu biex ma jġegħlux jagħmel dan.

Kif sema’ dan il‑kliem Legree ħataf frosta u beda jfajjarha fuq Tom bl‑addoċċ. “Hekk,” qal Legree. “Tajjeb issa? Issa se tagħmel dak li għidtlek?”

“Sidi,” lissen Tom. “Iva, lest li naħdem iebes lejl u nhar. Imma li nweġġa’ lil sħabi mhux sewwa, u dak ma jien se nagħmlu qatt u qatt.”

Dan il‑kliem għaġġeb lil Legree. “Kif, ja biċċa ta’ annimal! Qed tgħid lili x’qed nagħmel tajjeb u x’qed nagħmel ħażin!”

“Iva, Sidi,” kompla Tom, mingħajr ebda ħjiel ta’ biża’. “Dik l‑imsejkna mara hija marida u dgħajfa. Tkun kefrija żejda jekk nerfa’ idi fuqha jew fuq kull wieħed u waħda mill‑ilsiera hawn. Nippreferi mmut minflok!”

Dan irrabja lil Legree ħafna aktar minn qabel. Dar lejn żewġ sorveljanti oħra li kienu qed jisimgħu l‑argument. “Sambo! Quimbo!” għajtilhom. “Aqbdu lil dan il‑kelb u kissruh, tuh lezzjoni kif imiss sakemm jimmansa.”

Iż‑żewġ Nigri ħatfu lil Tom u kaxkruh minn hemm.

***** ***** stat_3 ***** *****

8. Ħelsien għal George u Eliża

Waqt li George u Eliża kienu fil‑port minn fejn setgħu jilħqu l‑Kanada, kienu jafu xorta waħda li l‑kaċċaturi tal‑iskjavi kienu għadhom qed ifittxuhom. Għalhekk ħadu xi prekawzjonijiet. Eliża qatgħet xagħarha qasir ħafna u libset ta’ raġel. Lil binhom Harry libbsuh ta’ tifla. George kellu karnaġġjon ftit ċara, u n‑nies setgħu jaħsbu li kien raġel abjad li kien iqatta’ ħafna żmien fix‑xemx. Bil‑ħwejjeġ puliti li kellu seta’ faċilment jidher bħala wieħed sinjur.

Għalhekk rikbu l‑lanċa b’ċerta kunfidenza, għalkemm semgħu lil min jikkummenta li kien hemm avviżi dwar tliet ilsiera maħrubin: raġel, mara u tifel.

“Hekk qed jgħidu?” lissen George meta xi passiġġieri tawh din l‑aħbar. “Mela nagħmlu minn kollox biex navżaw lill‑awtorità jekk narawhom!”

Iż‑żewġt ‘irġiel’ baqgħu flimkien, waqt li lil ‘Harriet’ fdawha ma’ tfajla li kienet sejra l‑Kanada wkoll, u li ftehmet magħhom li tgħinhom. Jekk il‑kaċċaturi kienu qed ifittxu raġel, mara u tifel, żgur ma kinux se jagħtu kas żewġt irġiel sinjuri u mara żagħżugħa mat‑tifla tagħha.

George seta’ jserraħ rasu b’dan malli mar jaqta’ l‑biljetti għall‑vjaġġ. Dak il‑ħin sema’ lill‑bejjiegħ tal‑biljetti jiċċaċċra ma’ wieħed mill‑kaċċaturi.

“Osservajt lil kull persuna li telgħet abbord,” kien qed jgħid bejjiegħ il‑biljetti. “U jien ċert li l‑maħrubin ma telgħux fuq il‑lanċa.”

Malli l‑kaċċaturi tal‑iskjavi niżlu minn fuq il‑lanċa, il‑kaptan ta l‑ordni biex jippreparaw għat‑tluq, u f’qasir żmien, wara li kienu ċerti li l‑passiġġieri kienu telgħu kollha, il‑lanċa salpat u rħitilha lejn il‑Kanada.

George, Eliża u Harry kienu qed joqorbu aktar lejn il‑ħelsien.

***** ***** stat_3 ***** *****

9. Serħan għaz‑Ziju Tom

George Shelby kien bin is‑Sinjur u s‑Sinjura Shelby, l‑ewwel sidien ta’ Tom. Is‑Sinjura Shelby ma kenitx insiet il‑wegħda tagħha li tibqa’ mgħarrfa dwar Tom ħalli fl‑aħħar tkun tista’ tixtrih lura, u issa binha, flimkien ma’ żewġ qaddejja Nigri tiegħu, kien fil‑pjantaġġun ta’ Legree, u talab biex ikellmu.

“Għandi x’nifhem li fi New Orleans kont xtrajt skjav bl‑isem ta’ Tom. Ftit snin ilu kien jaħdem għal missieri, u nixtieq inkun naf hux possibbli nixtrihx mingħandek biex nieħdu lura.”

Għajnejn Legree ddallmu. “Iva, lil Tom xtrajtu jien. Imma ġabli ħafna inkwiet, u issa ma jiswa kważi xejn. Batut wisq u nissuspetta li wasal biex imut.”

“Fejn qiegħed?” staqsa George b’għajnejh imberrqin. Legree pponta lejn waħda mill‑gabbani qrib. Minnufih, mingħajr ma lissen kelma oħra, George ġera lejn il‑gabbana.

Lil Tom sabu mimdud mal‑art fuq sodda ta’ qoton ħażin, b’għajnejh magħluqin. George tbikkem malli ra lill‑ħabib antik tiegħu f’dik il‑kundizzjoni, xiħ u qrib il‑mewt. “Tom, ħabib! X’għamlulek, jaħasra!”

Kien hemm xi ħaġa f’dak il‑leħen li Tom kien ilu ż‑żmien ma jisma’, u fetaħ għajnejh. Stagħġeb malli għaraf lil George, li kien jiftakar bħala tifel żgħir imma li issa kien sar żagħżugħ.

“Sidi George,” lissen b’vuċi dgħajfa. “Imbierek Alla ... dan ... dan li minn dejjem xtaqt! Mela ma nsejtunix!” Għalkemm kien dgħajjef, għafas id George b’saħħa liema bħalha. “Nitolbok tgħidx lil Chloe li sibtni hekk, għax żgur taqsmilha qalbha, miskina! Biss għidilha li mort għand Alla fil‑paċi, u li bqajt sod u ma ċedejt qatt sal‑aħħar.”

Tbissem tbissima żgħira u għalaq għajnejh għall‑aħħar darba.

George ntebaħ li Legree kien warajh, qed josserva mingħajr ma jitniffes. George kellmu b’leħen sod. “Dan l‑imsejken innoċenti se tingħatalu l‑ġustizzja. Dan huwa omiċidju. Se mmur quddiem l‑ewwel maġistrat li nsib u nirrappurtak.”

Legree xejjer idu b’disprezz. “U kemm għaġeb għal biċċa Nigru mejjet!”

George ma setax jiflaħ dan il‑kumment. Qam bil‑ġirja u fajjar daqqa ta’ ponn fuq wiċċ Legree. Dan waqa’ lura u tulu fl‑art. George baqa’ wieqaf fuqu għal ftit mumenti, b’għajnejh imberrqin mimlijin b’rabja. Imma Legree ma ppruvax jisfidah. Baqa’ tulu fl‑art qalb it‑tiben sakemm il‑qaddejja ta’ George ġew u ħarġu l‑ġisem ta’ Tom.

***** ***** ***** ***** *****

Iż‑żewġ qaddejja poġġew il‑ġisem ta’ Tom fuq karru u telqu bih ’il barra mill‑pjantaġġun ta’ Legree. Sabu post kwiet taħt id‑dell ta’ siġra, u n‑Nigri difnu lil Tom hemmhekk. Poġġewlu salib magħmul bil‑għaġġla minn żewġt ifriegħi. George niżel għarkopptejh.

“Sinjur Alla,” beda jitlob, “nitolbok tkun xhieda tiegħi li minn dan il‑mument ’il quddiem nagħmel dak kollu li nista’ biex din il‑misħuta skjavitù tinqered għalkollox minn pajjiżi.”

***** ***** TMIEM ***** *****

***** ***** stat_3 ***** *****

Noti

Malli Il‑Gabbana taz‑Ziju Tom ħareġ fl‑1851 għamel ħoss kbir kemm fl‑Istati Uniti kif ukoll fl‑Ewropa. Mil‑lejl għan‑nhar Harriet Beecher Stowe saret waħda mill‑kittieba l‑aktar popolari, u r‑rumanz inqaleb għal‑lingwi kollha Ewropej. Qanqal rabja u diżgust kbir kull fejn inqara, u kulħadd ikkundanna s‑sistema ta’ skjavitù Amerikana. Ir‑rumanz kien wieħed mir‑raġunijiet ewlenin għalfejn biż‑żmien l‑iskjavitù hemmhekk saret illegali.

Nigru: l‑isem li s‑sidien bojod kienu jużaw biex isejħu lill‑ilsiera suwed. Illum il‑ġurnata l‑kelma hija kkunsidrata offensiva u ma tintużax. [Lura]

kwartun: Kelma Amerikana li tirreferi għal persuna li kellha wieħed jew waħda min‑nanniet ta’ razza sewda Afrikana; pereżempju nannu Afrikan u tliet nanniet Ewropej. Dawn in‑nies ikollhom karnaġġjon aktar ċara, kważi Ewropea. Fis‑sistema ta’ skjavitù Amerikan, kwartuni kienu jagħtuhom xogħol fid‑djar tas‑sinjuri, waqt li l‑iskjavi Afrikani puri kienu jagħtuhom xogħol iebes fl‑għelieqi, għax kienu jqisuhom inqas intelliġenti. [Lura]

zkuk għall‑ħruq: F’dak iż‑żmien il‑laneċ kienu jimxu bl‑istim. Kienu jaħarqu l‑injam biex jgħalli l‑ilma u l‑fwar iħaddem il‑magni. Għalhekk l‑injam kien qisu l‑petrol għall‑karozzi tal‑lum. Xi kultant kien jintuża l‑faħam minflok l‑injam. [Lura]

***** ***** stat_3 ***** *****