Esopu
(?620 – ?564 QEK)


Sors: wikipedia.org/GIMP

Ġeneri
Ħrejjef

Esopu kien ilsir Grieg magħruf għal ħafna stejjer li kien jirrakkonta u li nġabru minn ħafna kittieba oħra matul iż‑żminijiet. Dawn il‑ħrejjef xterrdu f’ħafna pajjiżi b’lingwi differenti, u għadhom popolari sal‑lum. Il‑parti l‑kbira tal‑ħrejjef huma antropomorfiċi, jiġifieri l‑karattri fl‑istejjer huma annimali li jitkellmu u jġibu ruħhom bħall‑bnedmin, bil‑preġji u d‑difetti kollha tagħhom.

Minn kittieba bikrija nafu li Esopu kien ilsir fil‑belt ta’ Samos, li permezz tal‑għerf tiegħu rnexxielu jingħata l‑ħelsien. Miet fil‑belt ta’ Delfi. Jingħad li hemmhekk offenda lin‑nies ta’ Delfi. Ivvintaw storja biex jakkużawh li seraq oġġetti prezzjużi mit‑tempju, u b’kastig xeħtuh minn għolja għal isfel.

Ma teżisti l‑ebda kitba tiegħu, u x’aktarx il‑ħrejjef tiegħu ma niżżilhomx bil‑miktub. Maż‑żmien ħafna kittieba oħra ġabru l‑ħrejjef fil‑kitbiet tagħhom. Xi wħud mill‑ħrejjef saħansitra nkitbu fil‑forma ta’ poeżiji.

Matul is‑sekli tant inkitbu verżjonijiet differenti tal‑ħrejjef li llum il‑ġurnata ħafna jiddubitaw kemm fil‑fatt il‑ħrejjef li baqgħu humiex bħal dawk oriġinali li Esopu kien jirrakkonta. Mill‑20 seklu ’l hawn ħafna studjużi qed jippruvaw iqarrbu l‑verżjonijiet moderni lejn dawk oriġinali.

Skont it‑tradizzjoni Esopu kien ikrah ħafna, ħotbi, b’ras sfigurata u mnieħer ċatt. Saqajh kienu mgħawġin u kellu driegħi qosra. Kien werċ u xofftejh kienu ħoxnin. In‑nies kienet tidħaq bih mhux għall‑ħrejjef li kien jirrakkonta, imma għad‑dehra u l‑vuċi tiegħu. Kitba tat‑tieni seklu wara l‑era Komuni, Ir‑Rumanz ta’ Esopu, tiddeskrivih hekk. Studjużi moderni jaħsbu li din il‑kitba hija aktar fantasija milli realtà, u ma nafux kemm minn din id‑deskrizzjoni huwa veru. Madankollu din l‑idea ta’ Esopu ikrah saret popolari ħafna maż‑żminijiet, tant li pitturi u skulturi jippreżentaw lil Esopu f’din ix‑xbieha.

Fil‑fatt Esopu kien stuż u għaqli, u l‑għerf tiegħu għenu biex isir konsulent u ambaxxatur ta’ bosta rejiet.

Qari tal‑provi: Therese Vella
© Norman C. Borg

Kotba fil-Librerija
Il-Ħrejjef ta' Esopu

***** ***** stat_3 ***** *****