Ħrejjef tradizzjonali

Esopu
(Grieg, ?620 – ?564 QEK)
Stejjer b'tagħlima
Madwar 3,000 kelma

Adattament għall-Malti:
Norman C. Borg
© Norman C. Borg

Qari tal-provi:
Therese Vella
l‑Aġenzija Nazzjonali tal‑Litteriżmu

Il-Ħrejjef
Il-Volpi Mingħajr Denb
It-Tfajjel Ragħaj u l-Lupu
Il-Vjaġġatur li Dejjem Jiftaħar
Il-Ġurdien tal-Għelieqi u l-Ġurdien tal‑Belt
Iċ-Ċawla u l-Volpi
Il-Ġolġol u l-Qattusa
Iċ-Ċawla u ċ-Ċinju
Il-Lupu u l-Ħaruf
L-Iljun u l-Fenek
In-Nemla u l-Ġurat
L-Aħwa
Il-Wiżża tal-Bajd tad-Deheb
Ir-Riħ u x-Xemx
Is-Siġar u l-Mannara
Il-Kelb u x-Xbieha Tiegħu
Iż-Żnuber u l-Għollieq
In-Nemla u s-Seqer
Is-Subien u ż-Żrinġijiet
Il-Fenek u l-Fekruna
Iċ-Ċawla u l-Buqar
Il-Kelb fil-Maxtura
Il-Volpi u l-Għeneb
L-Ilpup u l-Klieb
Il-Volpi u l-Iljun
L-Ors u l-Vjaġġaturi
Il-Volpi u l-Għarnuq
In-Nassab u l-Ħaġla

Aktar tagħrif f’ Sagħtar
Ħarġa numru 373 (Diċembru 2022)

Kelmtejn Qabel

Esopu qatt ma kiteb il‑ħrejjef tiegħu. Kien jirrakkuntahom lin‑nies, u dawn kienu jiftakruhom. Għaddew kważi mitejn sena qabel ma dawn il‑ħrejjef inġabru f’xogħol wieħed u ġew ippubblikati. Ġew ippubblikati bl‑Ingliż fil‑ħmistax‑il seklu, imma minn dak iż‑żmien ’l hawn inqraw madwar id‑dinja kollha. It‑tagħlim tagħhom huwa siewi llum daqskemm kien 2,500 sena ilu meta Esopu kien għadu ħaj.

***** ***** stat_3 ***** *****

Il‑Volpi Mingħajr Denb

Darba waħda volpi nqabad f’nasba. Beda jiġbed u jiġbed biex jipprova jinħeles. Fl‑aħħar irnexxielu, imma denbu nqalagħlu, u baqagħlu maqbud fin‑nasba. M’għoġbitux l‑idea li jibqa’ mingħajr denb.

“Il‑volpijiet l‑oħra se jibdew jidħqu bija,” beda jaħseb. “X’nista’ nagħmel? Naf, nikkonvinċihom li jkun aħjar li ma jkollokx denb.”

Għalhekk beda jgħid lill‑volpijiet l‑oħra, “Tidhru aħjar jekk ma jkollkomx denb. X’għandkom bżonnhom, wara kollox? Araw lili. Jien nista’ niġri aktar minnkom għax m’għandix denb.”

Imma volpi xwejjaħ qallu, “Qed tgħid hekk għax inti tlift denbek. Għalhekk ma tridx li aħna jkollna denb. Imma aħna denbna jogħġobna. Grazzi, imma se nibqgħu bih.”

Tagħlima: L‑għorrief ma tidħaqx bihom malajr.

***** ***** stat_3 ***** *****

It‑Tfajjel Ragħaj u l‑Lupu

Darba waħda kien hemm tfajjel li kien jgħix f’razzett. Kuljum kien jieħu n‑nagħaġ ta’ missieru jirgħu fuq għolja ftit ’il bogħod. Kien jiddejjaq hemm waħdu.

Darba waħda beda jgħid bejnu u bejn ruħu, “Naf x’nagħmel! Nibda ngħajjat li ġej il‑lupu. Kulħadd jibda jaħseb li l‑lupu ġej biex jattakka n‑nagħaġ tiegħi, u jiġu bilġri jgħinuni. Kemm se nidħaq meta jindunaw li l‑lupu mhux veru ġej!

Għalhekk beda jgħajjat, “Ġej il‑lupu! Ġej il‑lupu!” u kulħadd ġera biex jgħinu.

Meta waslu lanqas biss irringrazzjahom. Minflok qalilhom, “Mhux veru ġej il‑lupu! Kienet ċajta! Issa jkollkom tinżlu lura d‑dar!”

Dil‑biċċa għamilha tliet darbiet. U kull darba qalilhom li mhux tassew kien ġej il‑lupu.

Jum minnhom il‑lupu ġie tassew. “Ajjut! Ajjut! Ġej il‑lupu,” beda jgħajjat it‑tfajjel.

Imma meta semgħuh, in‑nies bdew jgħidu, “Dak reġa’ ġej biċ‑ċajt! Imma did‑darba mhux se jidħaq bina!”

Għalhekk ma marrux, u l‑lupu qatel lin‑nagħaġ kollha.

Tagħlima: Jekk nigdbu, ħadd ma jemminna meta ngħidu l‑verità.

***** ***** stat_3 ***** *****

Il‑Vjaġġatur li Dejjem Jiftaħar

Raġel darba mar f’post fejn qatt ma kien mar qabel. Kien ’il bogħod minn daru, u baqa’ hemm għal madwar sena. Meta mar lura daru beda l‑ħin kollu jirrakkonta dwar il‑post li kien żar.

In‑nies bdiet tgerger, “Għaliex qed jibqa’ jtambar dwar fejn mar? Aħna ma jimpurtaniex minn dak il‑post.”

Staqsewh, “La għoġbok daqshekk dak il‑post, għalfejn ma bqajtx hemm?”

“Ġejt biex ngħidilkom dwaru,” wieġeb ir‑raġel, u kompla jirrakkonta. “F’dak il‑post,” qal, “l‑irġiel kollha jistgħu jaqbżu għoli. Darba ridna naraw min kien kapaċi jaqbeż l‑ogħla, u kollha ppruvajna. Jien qbiżt l‑ogħla. Jien naf naqbeż għoli ħafna. Kieku kontu hemm kontu taraw kemm kont tajjeb.”

“M’għandniex bżonn immorru hemm biex naraw kemm taf taqbeż tajjeb,” qal raġel ieħor. “Tista’ turina hawn. Aqbeż issa ħa narawk!”

Tagħlima: Min joqgħod jiftaħar iżżejjed malajr jinkixef.

***** ***** stat_3 ***** *****

  

***** ***** stat_3 ***** *****

Iċ‑Ċawla u l‑Volpi

Darba waħda ċawla sabet biċċa ġobna kbira. Ħatfitha b’munqarha u telgħet fil‑għoli fuq siġra biex tibda tikolha.

Volpi kien għaddej fil‑qrib, u lemaħ liċ‑ċawla fuq is‑siġra. Tħajjar jieħu l‑ġobna għalih, u beda jdur mas‑siġra u jaħseb kif seta’ jieħu l‑ġobna għalih.

Fl‑aħħar qal liċ‑ċawla, “Kemm inti sabiħa. Jekk tista’ tkanta sabiħ ukoll, naħseb li inti r‑reġina tal‑għasafar kollha.”

Iċ‑ċawla ħadet pjaċir meta semgħet dan it‑tifħir. “Iva, naf inkanta,” qalet.

Imma malli fetħet munqarha biex titkellem, il‑ġobna waqgħetilha mal‑art. Il‑volpi kien pront ħataf il‑ġobna u lebbet.

“Forsi tassew inti r‑reġina tal‑għasafar, u inti sabiħa u taf tkanta, imma ma tafx tħaddem rasek,” qalilha hekk kif telaq jiġri.

Tagħlima: Oqgħod attent minn dawk in‑nies li jfaħħruk iżżejjed.

***** ***** stat_3 ***** *****

Il‑Ġolġol u l‑Qattusa

Darba kien hemm xi ġrieden li kienu jgħixu f’dar. F’din id‑dar kienet tgħix ukoll qattusa kbira, u kuljum kienet taqbad wieħed mill‑ġrieden biex tieklu.

Il‑ġrieden bdew jgħidu bejniethom, “Ma nistgħux nibqgħu sejrin hekk. Din se tispiċċa tikolna kollha!”

Wara ħafna diskussjoni, ġurdien xwejjaħ qal, “Naf x’nagħmlu. Norbtu ġolġol m’għonq il‑qattusa. Meta tkun viċin nisimgħu l‑ġolġol u nilħqu nistaħbew. Wara li tgħaddi l‑qattusa nkunu nistgħu nerġgħu noħorġu.”

“Iva, idea tajba,” qalu l‑ġrieden kollha. “Mela naqblu kollha.”

“Iva, imma min se jpoġġi l‑ġolġol m’għonq il‑qattus? Jien xiħ wisq. Ma jkollix ċans naħarbilha.”

“Aħna wkoll,” bdew jgħidu xi wħud minnhom.

“U aħna żgħar wisq,” qabżu jgħidu l‑ġrieden l‑oħra.

Għalhekk spiċċaw biex il‑ġolġol ma rabtu ħadd ma’ għonq il‑qattusa, u baqgħet tiekol lill‑ġrieden.

Tagħlima: L‑affarijiet faċli tgħidhom, imma diffiċli biex twettaqhom.

***** ***** stat_3 ***** *****

Iċ‑Ċawla u ċ‑Ċinju

Darba waħda ċawla rat ċinju u qaltlu, “Kemm inti sabiħ. Kemm nixtieq li kont bajda bħalek. Ma jogħġobnix l‑iswed ta’ rixi.”

Iċ‑ċawla nnutat li ċ‑ċinju kien dejjem fl‑ilma, u ħasbet, “Forsi jekk nidħol fl‑ilma nsir bajda jien ukoll.”

Għalhekk daħlet fl‑ilma, imma xorta baqgħet sewda.

“Ħa naħseb ftit,” qalet. “Jekk indum ftit żmien ieħor fl‑ilma forsi nsir bajda.”

Qabel ma daħlet fl‑ilma, iċ‑ċawla setgħet ittir kullimkien biex tkun tista’ ssib l‑ikel. Dejjem kienet issib xi ħaġa x’tiekol. Il‑ħut ma kienx jogħġobha, imma fl‑ilma ma setgħet issib xejn aktar ħlief ħut. Għalhekk ma damitx wisq ħajja, u qatt ma saret bajda.

Tagħlima: Aħseb sewwa x’se tagħmel qabel ma taqbad u timita lil ħaddieħor.

***** ***** stat_3 ***** *****

Il‑Lupu u l‑Ħaruf

Darba lupu kattiv ra ħaruf u xtaq jieklu. Imma ma riedx jieklu minnufih. L‑ewwel xtaq isib skuża biex jieklu ħalli n‑nies ma tgħidx li kien kattiv.

Lill‑ħaruf qallu, “Is‑sena l‑oħra bdejt tgħajjarni u ssejjaħli b’ismijiet koroh.”

“Imma jien għadni tarbija. Is‑sena l‑oħra kont għadni lanqas biss twelidt,” qal il‑ħaruf.

“Mela kilt l‑ikel tiegħi,” kompla l‑lupu.

“Ma nistax niekol, għadni żgħir wisq,” qal il‑ħaruf, “għad nista’ nixrob biss.”

“Tajjeb. Mela xrobt l‑ilma tiegħi,” qal il‑lupu.

“Jiena nista’ nixrob biss il‑ħalib t’ommi,” qal il‑ħaruf.

“Insomma, jien nista’ nieklok, u hekk se nagħmel. U se nieklok issa għax issa għandi l‑ġuħ!”

Qabeż fuqu, u daqshekk għamel il‑ħaruf!

Tagħlima: Nies ħżiena dejjem isibu xi skuża biex jagħmlu l‑ħażin.

***** ***** stat_3 ***** *****

L‑Iljun u l‑Fenek

Darba waħda ljun iltaqa’ ma’ fenek. Kien lest biex jieklu meta l‑iljun lemaħ ċerv għaddej jiġri fil‑qrib.

Għalhekk l‑iljun telaq lill‑fenek biex jiġri wara ċ‑ċerv. Imma ċ‑ċerv kien qed jiġri b’ħeffa kbira u rnexxielu jaħrab.

Meta l‑iljun ra li ma setax jaqbad liċ‑ċerv, qal, “Ħa nerġa’ mmur naqbad lill‑fenek.” Imma meta wasal fil‑post fejn kien hemm il‑fenek, issa ma sabux hemm.

“Messni kiltu meta qbadtu l‑ewwel darba,” qal l‑iljun. “Kont żaqqieq u issa bqajt b’xejn.”

Tagħlima: Xi drabi aħjar tikkuntenta b’li għandek.

***** ***** stat_3 ***** *****

  

***** ***** stat_3 ***** *****

L‑Aħwa

Darba kien hemm raġel li kellu żewġt itfal, tifel u tifla. It‑tifel kien gustuż, imma t‑tifla ma kenitx. Darba sabu mera u setgħu jaraw għall‑ewwel darba x‑xbieha tagħhom. It‑tifel ħa pjaċir b’dak li ra, u qal lil oħtu, “Kemm jien ħelu! Jien isbaħ minnek!”

Dan il‑kliem m’għoġobx lit‑tifla, u mbuttatu lura.

“Itlaq!” qaltlu.

Missierhom ra x’kien qed jiġri, u qal lil ibnu, “Għandek dejjem tkun qalbek tajba wkoll, mhux biss sabiħ.”

U lil bintu qalilha, “Għażiża tiegħi, jekk tgħin lil kulħadd u tagħmel minn kollox biex tikkuntenta lil ħaddieħor, kulħadd jibda jħobbok. Ma jimpurtax li ma tkunx sabiħa daqs ħuk.”

Tagħlima: Aħjar tkun qalbek tajba milli sabiħ.

***** ***** stat_3 ***** *****

Il‑Wiżża tal‑Bajd tad‑Deheb

Darba waħda koppja xwejħa kellha wiżża. Din il‑wiżża kienet speċjali għaliex il‑bajd tagħha kienu speċjali. Il‑bajd li kienet tbid kienu dejjem tad‑deheb. Il‑wiżża kienet tbid bajda tad‑deheb kuljum, u x‑xiħ u x‑xwejħa kienu jaqalgħu ħafna flus billi jbigħu l‑bajd. Imma aktar ma bdew jaqalgħu flus, aktar riedu.

Bdew jgħidu, “Jekk il‑wiżża qed tbid bajd tad‑deheb, sinjal li minn ġewwa hija kollha tad‑deheb. Nistgħu niftħuha u nieħdu d‑deheb kollu f’salt.”

Għalhekk qatlu lill‑wiżża, imma ma sabux deheb meta fetħuha: kienet l‑istess bħal kull wiżża oħra.

Għalhekk issa ma kellhomx aktar bajd tad‑deheb, u baqgħu b’xejn.

Tagħlima: Meta tkun żaqqieq tista’ titlef kollox.

***** ***** stat_3 ***** *****

Ir‑Riħ u x‑Xemx

Jum minnhom ir‑riħ qal lix‑xemx, “Ħares lejn dak ir‑raġel miexi fit‑triq. Nista’ nneħħilu l‑ġlekk minn fuqu aktar malajr milli tista’ int.”

“Taħseb?” wieġbet ix‑xemx. “Ħalli nara jirnexxilekx.”

Allura r‑riħ ipprova jġiegħel lir‑raġel jinża' l‑ġlekk. Beda jonfoħ, u jonfoħ, u jonfoħ. Imma aktar ma beda jonfoħ, aktar ir‑raġel beda jitgezzez fil‑ġlekk.

“Qtajt qalbi,” lissen fl‑aħħar ir‑riħ. “Ma nistax inneżżagħlu l‑ġlekk.”

Għalhekk messa tipprova x‑xemx. Bdiet tisreġ u tisreġ kemm tiflaħ. Ir‑raġel malajr beda jħoss is‑sħana, u neħħa l‑ġlekk minn fuqu.

“Jiena rbaħt,” qalet ix‑xemx. “Irnexxieli nġiegħlu jinża' l‑ġlekk.”

Tagħlima: Bil‑ħlewwa ġġib dak li trid aktar milli bil‑forza.

***** ***** stat_3 ***** *****

Is‑Siġar u l‑Mannara

Darba raġel xtaq jaqta’ ftit siġar biex ikun jista’ jibni dar, imma ma setax juża l‑mannara tiegħu għax ma kellhiex manku. Għalhekk mar fil‑quċċata ta’ għolja fejn kien hemm ħafna siġar, u qalilhom, “Nista’ nieħu siġra minn hawn?”

Imma ma qalilhomx għalfejn ried is‑siġra.

Is‑siġar bdew jiddiskutu bejniethom, “Nagħtuh siġra miż‑żgħar ħalli jitlaq u jħallina bi kwietna.”

Għalhekk ħallewh jieħu siġra żgħira u r‑raġel telaq id‑dar biha. Hemmhekk, bis‑siġra ż‑żgħira, għamel manku għall‑mannara.

Meta lesta, mar lura fuq l‑għolja u beda jaqta’ s‑siġar l‑oħra.

“Kieku ma tajniehx is‑siġra ż‑żgħira ma kienx ikun jista’ jaqta’ lilna lkoll,” qalu.

Imma issa kien tard wisq biex iwaqqfuh.

Tagħlima: Kun attent meta tibda ċċedi għal affarijiet żgħar, għax wara jista’ jkollok iċċedi affarijiet akbar.

***** ***** stat_3 ***** *****

Il‑Kelb u x‑Xbieha tiegħu

Darba waħda kelb ħataf għadma minn ħanut tal‑laħam u lebbet malajr qabel ma setgħu jaqbduh.

Wasal ħdejn xmara u għadda minn fuq il‑pont. Fettillu jħares ’l isfel lejn l‑ilma, u lemaħ kelb ieħor b’għadma f’ħalqu!

Ma ndunax li dak kien ir‑rifless tiegħu stess fl‑ilma.

“Ara ftit! Dak il‑kelb għandu għadma ikbar minn tiegħi,” qal bejnu u bejn ruħu. “Naf x’nagħmel! Naqbeż fl‑ilma u nieħu l‑għadma tiegħu!”

U qabeż fl‑ilma. Meta kien fl‑ilma l‑kelb l‑ieħor ma rahx aktar. U lanqas seta’ jara l‑għadma l‑oħra.

Sadattant tilef l‑għadma tiegħu wkoll, għax waqgħet minn ħalqu malli qabeż fl‑ilma.

Għax kien żaqqieq, mhux biss ma ħax l‑għadma fir‑riflessjoni, imma tilef l‑għadma l‑vera wkoll, u spiċċa tilef kollox.

Tagħlima: Jekk tkun trid aktar milli għandek, tista’ tispiċċa b’xejn.

***** ***** stat_3 ***** *****

Iż‑Żnuber u l‑Għollieq

Darba waħda, fuq il‑quċċata ta’ għolja żgħira, iż‑żnuber qalet lill‑għollieq, “Arani kemm jien twila, b’saħħti, grazzjuża u sabiħa. Inti m’għandek xejn minn dan kollu. Inti żgħir, baxx u ikrah!”

U l‑għollieq iddispjaċieh jisma’ dan, għax fil‑fatt iż‑żnuber kellha raġun.

Imma ftit jiem wara, xi rġiel b’xi mannari f’idejhom telgħu sal‑quċċata tal‑għolja. Kellhom bżonn jibnu dar, u bdew jaqtgħu ż‑żnuber.

“X’waħda din!” għajtet iż‑żnuber hekk kif waqgħet fl‑art. “Kemm nixtieq li kont għollieq. Kieku dawn in‑nies ma kinux jaqtgħuni!”

Tagħlima: Toqgħodx tiftaħar ħafna għax wara jista’ jiddispjaċik.

***** ***** stat_3 ***** *****

In‑Nemla u s‑Seqer

Darba, f’jum kemxejn sħun, nemla marret sax‑xmara biex tixrob. Żelqet, waqgħet fl‑ilma, u ma setgħetx toħroġ. Mill‑ajru lemaħha seqer, u ra li kienet fil‑periklu.

“Naħseb nista’ ngħinha,” qal is‑seqer. “Nixħtilha werqa fl‑ilma ħalli tkun tista’ titla’ fuqha.”

Għalhekk is‑seqer ħataf werqa f’munqaru u tefagħha fl‑ilma qrib in‑nemla. In‑nemla ggranfat magħha u telgħet fuqha.

“Nirringrazzjak, Sur Seqer,” għajtet in‑nemla. “Jekk xi darba tkun fil‑għawġ inkun nista’ ngħinek.”

Is‑seqer tbissem. “Kif tista’ biċċa ta’ nemla tgħin lili?” qal bejnu u bejn ruħu.

Ftit jiem wara raġel b’qaws u vleġġa lemaħ lis‑seqer itir fil‑qrib. Għolla l‑qaws u mmira l‑vleġġa biex jolqtu.

F’dak il‑waqt, in‑nemla telgħet ma’ siequ u gidmitu. Ir‑raġel beda jwaħwaħ u joqmos, tilef il‑mira, u s‑seqer tela’ aktar fil‑għoli tant li r‑raġel ma setax jilħqu aktar.

“Grazzi Sinjura Nemla,” għajjat is‑seqer mill‑għoli. “Tassew irnexxielek tgħinni wara kollox!”

Tagħlima: Qatt m’inti żgħir wisq biex tkun ta’ għajnuna lil ħaddieħor.

***** ***** stat_3 ***** *****

Is‑Subien u ż‑Żrinġijiet

Darba erba’ subien marru jilagħbu ħdejn għadira. F’dik l‑għadira kienu jgħixu xi żrinġijiet.

Wieħed mis‑subien, kemxejn imqareb, lemaħ liż‑żrinġijiet, u qal lil sħabu, “Ejja ngerrxu liż‑żrinġijiet ħa ngħaddu passata bihom.”

Sabu xi ftit ċagħaq u bdew jissuttawhom liż‑żrinġijiet.

Wieħed miż‑żrinġijiet ma ħax pjaċir b’dak li kienu qed jagħmlu t‑tfal. Qabeż fuq werqa f’wiċċ l‑ilma u resaq quddiem is‑subien.

“IEQFU!” qabad jgħajjat. “Tieħdu pjaċir kieku kontu żrinġijiet u xi ħadd joqgħod jissuttalkom il‑ġebel? Intom qed tieħdu gost, imm’aħna le!”

Tagħlima: Tagħmilx dak li ma tridx li n‑nies jagħmlu lilek.

***** ***** stat_3 ***** *****

  

***** ***** stat_3 ***** *****

Iċ‑Ċawla u l‑Buqar

Darba ċawla kellha l‑għatx u sabet ftit ilma f’buqar. Il‑buqar kien kbir, u l‑ilma kien fil‑qiegħ nett, u ma setgħetx tilħqu b’munqarha. Bdiet taħseb x’setgħet tagħmel.

“Naf,” qalet fl‑aħħar. “Nixħet xi ftit ċagħaq fil‑buqar ħalli l‑ilma jitla’ fil‑wiċċ.”

Tefgħet ċagħaqa, u rat li l‑ilma tela’ ftit. Għalhekk tefgħet oħra, u oħra, u oħra, sakemm l‑ilma kien għoli biżżejjed li setgħet tilħqu b’munqarha.

“Għall‑erwieħ! Issa nista’ nixrob,” qalet fl‑aħħar, u xorbot xarba twila.

Tagħlima: Jekk ma taqtax qalbek u tibqa’ tipprova, fl‑aħħar jirnexxilek tagħmel dak li qabel kien jidher diffiċli.

***** ***** stat_3 ***** *****

Il‑Kelb fil‑Maxtura

Ġurnata waħda kelb daħal fi stalla, ra l‑maxtura u ntefa’ jorqod fiha, għax kien hemm ftit tiben fiha u kien komdu.

Meta ż‑żiemel u l‑baqra ġew biex jieklu t‑tiben, il‑kelb ma ħallihomx.

“Imma inti ma tikolx tiben, allura m’għandekx bżonnu,” qalet il‑baqra.

“Għandna bżonn dak it‑tiben biex nieklu għax għandna l‑ġuħ,” kompla ż‑żiemel.

Imma l‑kelb wieġeb, “La ma niklux jien mhux se nħallikom tikluh.”

“Għala?” staqsewh il‑baqra u ż‑żiemel.

“Għax ma rridx narakom tikluh la ma nistax nieklu jien,” wieġeb il‑kelb. “Itilqu u ħalluni bi kwieti.”

Għalhekk il‑baqra u ż‑żiemel kellhom jitilqu u baqgħu bil‑ġuħ.

Tagħlima: Iżżommx lil ħaddieħor milli jagħmel dak li ma tistax tagħmel inti.

***** ***** stat_3 ***** *****

Il‑Volpi u l‑Għeneb

Darba volpi ra għanqud għeneb. “Jidhru tajbin,” qal il‑volpi, “imma qegħdin fil‑għoli wisq biex nilħaqhom. Ħa nipprova naqbeż u nara nilħaqhomx.”

Beda jaqbeż u jaqbeż, aktar u aktar, imma għalxejn. Ma setax jilħaqhom.

Allura beda jgħid, “Qed nara li huma ħodor. Dawk ma jkunux ħelwin. Jien ma jogħġbunix ħodor għax ikunu qarsin. Ma rridhomx.”

U telaq mingħajrhom. Fil‑verità kien jaf li kienu tajbin ħafna u li kienu jogħġbuh, imma qal hekk għax ma setax jeħodhom.

Tagħlima: Mhux sew li tgħid li xi ħaġa ma tridhiex sempliċement għax ma tistax teħodha.

***** ***** stat_3 ***** *****

L‑Ilpup u l‑Klieb

Darba xi lpup iltaqgħu ma’ xi klieb, u qalulhom, “Intom tixbhu lilna ħafna. Għax ma tiġux tgħixu magħna?”

U l‑klieb weġbuhom, “Aħna jkollna naħdmu għal sidna fir‑razzett. Huwa jafdana bin‑nagħaġ tiegħu biex nipproteġuhom mill‑ilpup.”

“Għaliex taħdmu għalih?” qal wieħed mill‑ilpup. “Iġiegħelkom taħdmu iebes wisq. Aħna m’għandniex għalfejn naħdmu, u xorta nsibu x’nieklu.”

“U ejjew magħna!” qal lupu ieħor.

Il‑klieb qagħdu jaħsbuha sew, u fl‑aħħar iddeċidew x’jagħmlu.

“Kollox sew,” qalu. “Ħa niġu magħkom.”

Għalhekk ħallew lin‑nagħaġ jirgħu waħidhom u telqu mal‑ilpup.

Meta kienu ’l bogħod sew mir‑razzett, l‑ilpup daru lejhom u qalulhom, “Issa li qegħdin hawn, nistgħu niklukom!”

U hekk għamlu.

Tagħlima: Lil min ma tistax tafda ma jixraqlux ħniena.

***** ***** stat_3 ***** *****

Il‑Volpi u l‑Iljun

Darba volpi ltaqa’ ma’ ljun. Kienet l‑ewwel darba li qatt ra ljun. L‑iljun tant kien kbir li l‑volpi ma kienx jaf x’jaqbad jagħmel, u lebbet ’l hemm b’kemm kellu saħħa.

Ftit żmien wara reġa’ ltaqa’ mal‑iljun. Did‑darba l‑volpi qallu, “Rajtek l‑aħħar darba. Ma togħġobnix għax int kbir wisq, u tista’ tikolni.”

U reġa’ telaq jiġri. Hekk kif beda jiġri qal bejnu u bejn ruħu, “L‑aħħar darba l‑iljun ma kilnix.”

Għalhekk ma bediex jiġri b’għaġla kbira.

Għat‑tielet darba, il‑volpi u l‑iljun reġgħu ltaqgħu. Din id‑darba, il‑volpi lanqas ittanta jaħrab.

“Bonġu, Sur Iljun,” qallu. “Rajtek darb’oħra. Illum ma tidhirx daqshekk kbir. M’għadnix nibża’ minnek.”

Għalhekk qagħad bilqiegħda u baqgħu jitkellmu fit‑tul.

Tagħlima: L‑affarijiet mhux dejjem ikunu kif taħsibhom mal‑ewwel daqqa t’għajn.

***** ***** stat_3 ***** *****

L‑Ors u l‑Vjaġġaturi

Darba, waqt li kienu qed jivvjaġġaw, żewġt irġiel lemħu ors. Għall‑ewwel l‑ors ma ndunax bihom. Raġel minnhom tela’ bilġri fuq siġra. Ir‑raġel l‑ieħor ma kienx daqshekk ħafif.

“Nitolbok, għinni nitla’ s‑siġra,” qal lill‑ieħor.

Imma r‑raġel l‑ieħor baqa’ tiela’ aktar ’il fuq, u ħalla lil sieħbu isfel waħdu.

“X’nista’ nagħmel?” ħaseb ir‑raġel li baqa’ isfel. “Jekk naqbad niġri l‑ors se jarani u jagħmel għalija.”

Għalhekk qatagħha li jimtedd fl‑art u ma jiċċaqlaqx.

L‑ors wasal fuqu, u beda jdur madwaru. Fl‑aħħar tilef l‑interess u telaq.

Ir‑raġel fuq is‑siġra niżel, u qal lill‑ieħor, “L‑ors kien viċin ħafna. Qallek xi ħaġa?”

“Iva,” wieġeb l‑ieħor, “Qalli qatt m’għandi nivvjaġġa ma’ persuna li tabbandunani meta nkun fil‑periklu.”

Tagħlima: Ħabib tassew qatt ma jitilqek waħdek meta tkun fl‑inkwiet.

***** ***** stat_3 ***** *****

Il‑Volpi u l‑Għarnuq

Darba waħda l‑volpi qal lill‑għarnuq, “Trid tiġi tiekol għandi?”

“Iva, mela le,” qal l‑għarnuq. “Grazzi tal‑istedina.”

Imma meta marru għand il‑volpi, l‑għarnuq ra li l‑volpi kien ipprepara l‑ikel f’żewġ platti ċatti. Minħabba munqaru twil, l‑għarnuq ma setax jiekol sew.

Il‑volpi malajr kiel il‑platt tiegħu, u qal lill‑għarnuq, “M’għoġbokx l‑ikel? Jekk ma tridux nista’ nieklu jien.” U kiel il‑platt tiegħu u dak tal‑għarnuq.

Ftit żmien wara kien imiss lill‑għarnuq jistieden lill‑volpi għandu. L‑għarnuq ipprepara l‑ikel f’żewġ buqari b’għenuq twal ħafna, tant li l‑volpi ma setax idaħħal geddumu fil‑fond tal‑buqari, u ma setax jilħaq l‑ikel. Baqa’ jħares sakemm l‑għarnuq kiel l‑ikel tiegħu u tal‑volpi.

Tagħlima: Jekk tidħaq b’ħaddieħor, jistgħu jagħmlu l‑istess lilek.

***** ***** stat_3 ***** *****

In‑Nassab u l‑Ħaġla

Darba waħda, ħaġla ħoxna li kienet imġewħa ħafna spiċċat f’nasba tal‑għasafar. Belgħet l‑ikel kollu li kien hemm fin‑nasba, iżda mbagħad intebħet li ma setgħetx toħroġ min‑nasba.

Ftit wara wasal in‑nassab. Ħa pjaċir meta ra l‑għasfur oħxon fin‑nasba.

Naturalment il‑ħaġla ma kinitx kuntenta, u talbitu jitlaqha.

“Nitolbok, sinjur,” bdiet tgħidlu. “Jekk titlaqni, inġiblek lill‑ħbieb kollha tiegħi fin‑nasba. Hekk ikollok ħafna aktar għasafar x’tiekol.”

In‑nassab ħareġ lill‑ħaġla min‑nasba. “Jekk tassew tagħmel hekk mela veru jixraqlek il‑mewt. Kemm inti għasfur ħażin biex tagħmel xi ħaġa daqshekk vili!”

B’dan il‑kliem in‑nassab ħa l‑ħaġla daru għall‑ikel.

Tagħlima: Ħadd ma jħobb traditur.

***** ***** TMIEM ***** *****

***** ***** stat_3 ***** *****