Alessandro Manzoni
(1785-1873)


Sors: wikipedia.org/GIMP

Ġeneri
Avventura | Rumanzi klassiċi | Storja

Alessandro Manzoni kien kittieb u poeta ċelebri Taljan li ta sehem kbir fl‑iżvilupp tal‑lingwa u l‑letteratura Taljana tad‑dsatax‑il seklu. Twieled f’Milano, nhar is‑7 ta’ Marzu, 1785 minn familja nobbli u importanti. Għaldaqstant tfulitu qattagħha mdawwar b’artisti u nies ta’ skola.

Manzoni beda jinteressa ruħu ħafna fil‑letteratura sa minn tfulitu. Beda jikteb ta’ età żgħira, u kien jesperimenta b’ħafna ġeneri. Kiteb anki poeżiji u artikli. Madankollu sar popolari mal‑pajjiż kollu bir‑rumanz tiegħu L‑Għarajjes (I Promessi Sposi), li ħareġ fl‑1827, u li poġġieh qalb l‑aqwa kittieba tal‑Italja. Ir‑rumanz huwa meqjus bħala wieħed mill‑aqwa xogħlijiet letterarji tal‑lingwa Taljana.

Barra mix‑xogħlijiet letterarji tiegħu, Manzoni kien magħruf għall‑attivitajiet politiċi u soċjali tiegħu. Għamel ħafna xogħol biex itejjeb is‑soċjetà fil‑pajjiż, u kien favur l‑unità tal‑Italja, li sa dak iż‑żmien kienet għadha magħmula minn stati żgħar maħkumin jew iggvernati minn pajjiżi oħra. Il‑kitbiet tiegħu kollha kienu juru l‑imħabba tiegħu lejn il‑valuri umani u lejn il‑qawwa tal‑kitba biex twassal għal bidla soċjali u ttejjeb il‑qagħda tal‑bniedem.

Matul ħajtu Manzoni kien metikoluż f’kitbietu, u kien jirrevedihom ta’ spiss. Irreveda L‑Għarajjes ħafna drabi, kull darba bil‑għan li jirrifletti l‑ideat tiegħu li kienu jitbiddlu jew jipperfezzjonaw maż‑żmien. Kien iddedikat ħafna lejn is‑sengħa tiegħu, tant li kitbietu huma meqjusin tal‑aqwa kwalità lingwistika.

Manzoni miet f’Milano nhar it‑22 ta’ Mejju, 1873. Ħalli warajh patrimonju letterarju liema bħalu. Ix‑xogħlijiet tiegħu għadhom apprezzati u studjati sal‑lum, speċjalment għall‑ħila tiegħu kif iżewweġ ġrajjiet storiċi mat‑tiġrib tal‑karattri mistħajla, il‑ħeġġa tiegħu favur il‑ġustizzja soċjali u s‑sehem tiegħu fl‑iżvilupp tal‑lingwa Taljana.

© Norman C. Borg

Kotba fil-Librerija
L-Għarajjes

***** ***** stat_3 ***** *****