Rumanzi klassiċi | Storja

Alessandro Manzoni
(Taljan, 1785-1873)
Madwar 7,200 kelma

Adattament għall-Malti:
Norman C. Borg
© Norman C. Borg

Qari tal-provi:
It-tim tal-Aġenzija Nazzjonali tal-Litteriżmu

Kapitli
1 | 2 | 3 | 4 | 5 | 6 | 7 | 8 | Noti

Aktar tagħrif f' Sagħtar
Ħarġa numru 385 (April 2024)

[ 1 ]

Fin‑natural tiegħu, Don Abbondio, il‑kappillan tar‑raħal żgħir ta’ Lecco, f’Como, fit‑Tramuntana tal‑Italja, ma kienx bniedem nervuż ħafna. Madankollu, f’dik il‑lejla tas‑sebgħa ta’ Novembru, 1628, qalbu bdiet tħabbat sitta sitta hekk kif għolla għajnejh mill‑brevjar tiegħu u lemaħ liż‑żewġt irġiel quddiemu fit‑triq. Kien jidher ċar li kienu qegħdin jistennew lilu. Mill‑imġiba u d‑dehra tagħhom seta’ jara li kienu żewġ bravi, nies ta’ qattagħni li kienu lesti li jwettqu kull tip ta’ delitt fuq il‑kmand tal‑imgħallem tagħhom jekk iħallashom kemxa sew. U malli Don Abbondio laħaqhom, ma qagħdux iduru mal‑lewża.

“Sinjur,” qabeż wieħed minnhom hekk kif il‑qassis qorob lejhom. “Nafu li għada biħsiebek iżżewweġ lil ċertu Renzo Tramaglino ma’ Luċija Mondella. Dak iż‑żwieġ mhu se jsir qatt.”

Il‑qassis kien se jaqbad jipprotesta meta l‑bravu l‑ieħor qatagħlu kliemu, “Mhu se jkun hemm l‑ebda żwieġ... inkella min iżewwiġhom jiddispjaċih bil‑kbir,” lissen b’leħen rozz.

Il‑bravu l‑ieħor kompla, bi ftit aktar ħlewwa, “M’aħniex se nagħmlulek ħsara jekk tirraġuna. U, bilħaqq, is‑sinjur tagħna, l‑Illustrissimu Sinjur Don Rodrigo, sella għalik.”

Malli sema’ dak l‑isem Don Abbondio ħass rogħda f’saqajh, u ħsibijietu kienu taqliba waħda hekk kif kompla triqtu lura d‑dar. Minn dejjem kien jagħmel l‑almu tiegħu biex jiskarta l‑inkwiet, u kulma kien jitlob f’ħajtu kienu l‑kwiet u l‑paċi, u jitbiegħed kemm jista’ minn kull kwistjoni billi jżomm qagħda newtrali. U issa nqala’ dan!

***** ***** ***** ***** *****

Ma’ l‑ewwel daqqa t’għajn, Perpetwa, is‑seftura tiegħu, minnufih intebħet li kien hemm xi ħaġa qed tinkwetah. Poġġietlu tazza nbid quddiemu u niżżilha f’belgħa waħda daqslikieku kienet mediċina.

Ma damx ma rrakkuntalha l‑istorja kollha, u wiċċha bjad karti malli semgħet l‑isem ta’ dak li kien bagħat lill‑bravi bil‑messaġġ.

“Ja brikkun!” lissnet. “Bulì! Ma jibżax minn Alla!” Tat parir lill‑kappillan biex jikteb fis lill‑arċisqof, imma l‑qassis ma qabilx.

“Iskot, trid?” weġibha. “Taħseb li dak huwa l‑parir li għandek tagħti lil bniedem bħali, bir‑riskju li naqla’ balla f’dahri!”

***** ***** ***** ***** *****

Dak il‑lejl il‑qassis ma għalaqx għajn ma’ għajn, imma filgħodu stenbaħ b’soluzzjoni għall‑problema. L‑istaġun tat‑tiġijiet kien se jispiċċa dalwaqt. Kulma kellu jagħmel kien li jikkonvinċi lil Renzo jipposponi ftit għall‑istaġun ta’ wara. Seta’ jinqala’ minn kollox f’dawk ix‑xahrejn.

Madankollu, kien jidher ftit beżgħan malli ġie wiċċ imb wiċċ maż‑żagħżugħ l‑għada filgħodu.

“Hemm xi kumplikazzjonijiet rigward iż‑żwieġ tiegħek,” qallu. “Sfortunatament iż‑żwieġ ma jistax isir illum. Għad hemm xi formalitajiet xi jsiru qabel.”

Renzo baqa’ jħares lejh miblugħ. Beda jsaqsi lil Don Abbondio x’kienu dawn il‑formalitajiet, iżda għal xi raġuni li Renzo ma setax jifhem, il‑qassis baqa’ sieket, sakemm fl‑aħħar Renzo ħareġ minn hemm irrabjat, mhux ftit. Malli ħareġ sab lil Perpetwa fil‑ġnien. Qabad jitkellem magħha biex jipprova jieħu xi ħaġa minnha. Għall‑ewwel Perpetwa żammet lura, imma fl‑aħħar semmietlu l‑laqgħa ta’ Don Abbondio mal‑bravi li bdew jhedduh.

Renzo dar lura, u reġa’ daħal fid‑dar tal‑qassis.

“Għidli kollox!” qabad jgħajjat mal‑kappillan. “Min hu dak li ma jridnix niżżewweġ lil Luċija? Għidli issa!” Waqt li kien qiegħed jgħid dan il‑kliem, id Renzo ħatfet il‑manku tas‑sejf li kellu mdendel ma’ ġenbu. Il‑qassis berraq għajnejh imwerwer, u trekken aktar fis‑siġġu fejn kien bilqiegħda. “Don Rodrigo! Don Rodrigo!” għajjat minnufih.

***** ***** ***** ***** *****

Renzo lebbet lura lejn daru, mitluf ma jarax art bir‑rabja li kellu fuqu. Għal mument ħaseb li jmur dritt għand Don Rodrigo, jaħtfu minn għonqu u... Imma mbagħad ftakar li l‑palazz ta’ Don Rodrigo kien imħares sew, u mdawwar b’dawk il‑bravi tiegħu. Kien jaf li ma kienx se jirnexxilu jgħaddi minn bejniethom biex jilħaq lin‑nobbli.

Mitluf f’dawn il‑ħsibijiet, wasal fir‑razzett ta’ Luċija, fejn sabha ma’ ħbiebha qegħdin jippreparaw għat‑tieġ. Malli Renzo daħal u Luċija lemħet il‑ħarsa mdallma fuq wiċċu, qalbha mill‑ewwel ħebritha li kien hemm xi problema serja.

Fis għarrafha b’dak li kien għadda minnu dik l‑għodwa, u minnufih bdiet titriegħed malli semgħet isem Don Rodrigo.

“Qatt ma bsart li kellu jasal għal dan,” lissnet bil‑mod.

“Jasal għal xiex?” ħatafha Renzo.

Hekk kif bdiet tolfoq, it‑tfajla spjegatlu kif, xi jumejn qabel, Don Rodrigo u ħabib tiegħu kienu waqqfuha fi triqitha d‑dar. Irnexxielha teħles minnhom, imma hekk kif kompliet tgħaġġel fi triqitha, semgħethom jidħqu warajha, u lil Rodrigo jgħid, “Trid nagħmlu mħatra?”

L‑għada, waqt li kienet fit‑triq ma’ xi ħbieb oħra, Don Rodrigo u l‑ħabib tiegħu reġgħu għaddew minn ħdejhom, u Don Rodrigo taha ħarsa twila u tbissima. “Issa naraw, issa naraw,” lissen biż‑żufjett.

“M’għidtlekx b’dan qabel,” kompliet tgħid lil Renzo, “għax bżajt li tagħmel xi xenata. Imma għidt lil Fra Kristoforo. Avżani biex inħaffu biż‑żwieġ mill‑aktar fis u biex ma noħroġx mid‑dar. Qalli li b’hekk forsi Don Rodrigo jinsieni jekk ma jibqax jarani.”

***** ***** ***** ***** *****

Fra Kristoforo kien patri Kapuċċin, stmat ħafna kemm qalb ħutu l‑patrijiet kif ukoll fil‑komunità tal‑inħawi. Qabel ma kien daħal patri, kien bin merkant sinjur, u f’żgħożitu kien għadda ħajja vvizzjata. Darba waħda kellu xi jgħid ma’ raġel nobbli, u qatlu fis‑saħna tal‑mument. Wara dan, il‑merkant żagħżugħ tant iddispjaċieh li qatagħha li jitlaq kulma kellu u jingħalaq f’monasteru. Minn dakinhar għamel minn kollox biex ipatti tal‑ħażen li kien wettaq. Mod kif jagħmel dan kien li jipprova jġib l‑għaqda kull fejn kien hemm xi tilwim u jaqbeż għal min kien dgħajjef jew qed ibati xi inġustizzja.

Għalhekk meta rċieva messaġġ li Renzo u Luċija xtaqu jkellmuh mill‑aktar fis, irħielha minnufih lejn dar it‑tfajla. Irrabja, mhux ftit, meta l‑għarajjes irrakkuntawlu x’kien inqala’ b’Don Rodrigo, imma għamel minn kollox biex jikkalma u jara kif isib soluzzjoni. Fl‑aħħar, dar lejn Renzo u Luċija.

“Hemm ħaġa waħda biss li nistgħu nagħmlu,” lissen. “Illum immur u nkellem lil Don Rodrigo personalment. Sadanittant, Renzo, wegħedni li tibqa’ kalm u ma tagħmilx xi ġennata, u narakom it‑tnejn għada filgħodu.”

B’dan il‑kliem telaqhom u rħielha lejn il‑palazz ta’ Don Rodrigo bit‑tama li jimmansa ljun.

***** ***** stat_3 ***** *****

[ 2 ]

Wieħed mill‑bravi ta’ Don Rodrigo kien għassa mal‑bieb ta’ barra, imma billi fl‑imgħoddi Fra Kristoforo kien għamlilhom ħafna pjaċiri, il‑bravu ħallieh jidħol mingħajr ma waqqfu, l‑ewwel fil‑bitħa, u mbagħad fil‑palazz.

Don Rodrigo ma kienx ċert għalfejn Fra Kristoforo kien ġie jżuru, għalkemm qalbu ħebritu li kien hemm xi għawġ. Madankollu, issa li l‑patri kien laħaq daħal, ma seta’ jagħmel xejn.

“Idħol, Fra, fiex nista’ naqdik?” laqgħu.

Fra Kristoforo ma xtaqx ikellmu b’mod żorr, għaldaqstant tkellem b’ton umli, “Nixtieq nitlob il‑karità tiegħek. Xi nies ta’ qattagħni qed jabbużaw minn ismek biex jheddu lil qassis ħalli ma jżewwiġx lil żewġ persuni innoċenti. Jiena ċert li b’kelma mingħandek...”

“Ma nafx fuqiex qed titkellem,” qatagħlu kliemu Don Rodrigo. “Qed nifhem li qed tinkwieta dwar xi tfajla, imma agħmilli pjaċir toqgħodx iddejjaqni bil‑problemi tiegħek.”

Il‑patri għamel minn kollox biex iżomm kalm. Kompla jitkellem f’isem iż‑żewġ għarajjes, imma kien kollu għalxejn. Don Rodrigo baqa’ jinsisti li ma kien jaf xejn dwar il‑biċċa.

Fl‑aħħar Fra Kristoforo tilef il‑kalma. “Qed nitħassar din id‑dar,” lissen b’għajnejn imberrqin. “Hawn saħta fuqha. Issa tara kif il‑ħaqq ta’ Alla mhux se jixxejjen minn erba’ għassiesa. U inti, isma’ x’se navżak...”

Għal mument Don Rodrigo baqa’ sieket bir‑rabja. Imma mument wara:

“Ja biċċa ta’ bniedem vulgari! Pastaż! Kif tazzarda tqisni tal‑livell baxx tiegħek! Irringrazzja liċ‑ċoqqa li inti liebes għax qed iżżommni milli nqabbad lil niesi jsawtuk kif jistħoqqlok. Issa itlaq minn dari!”

Fra Kristoforo ma seta’ jagħmel xejn aktar minn hekk. Baxxa rasu u ħareġ ’il barra.

***** ***** ***** ***** *****

Sadanittant, Agnese, omm Luċija, kienet qed tipprinzipja pjan għaliha, għax kienet ċerta li l‑isforzi ta’ Fra Kristoforo ma kienu se jwassluhom imkien.

“Isimgħu, uliedi,” kienet qed tispjega lil Renzo u lil Luċija. “Jekk tiżżewġu, ħafna mill‑problemi se jgħosfru, hux hekk?”

“Dażgur,” wieġeb Renzo. “Jien u Luċija nkunu nistgħu mmorru Bergamo. Ħajjat tal‑bizzilla bħali, żgur mhux forsi, jilqgħuh b’idejn miftuħin hemmhekk. U la nkunu miżżewġin Don Rodrigo ma jkunx jista’ jagħmel għalina aktar.”

“Mela isimgħu sew,” kompliet Agnese. “Biex żwieġ ikun legali, hemm bżonn li jkun hemm qassis – imma mhux bilfors li jkun jaqbel maż‑żwieġ! L‑importanti li jkun preżenti.

Hemm bżonn ukoll li jkun hemm żewġ xhieda magħkom. L‑erbgħa li intom morru għand il‑qassis u żommuh qabel ma jkun jista’ jiżgiċċalkom. L‑għarus irid jgħid, ‘Reverendu, din hija marti’, u l‑għarusa tgħid ‘Reverendu, dan huwa żewġi’. Importanti li kemm il‑qassis kif ukoll ix‑xhieda jisimgħu dan il‑kliem – u daqshekk, tkun fatta! Iż‑żwieġ ikun legali u validu daqslikieku bierku l‑Papa stess!”

“Imma ladarba dan jista’ jsir,” qabżet Luċija, “għaliex ma qalilniex nagħmlu hekk, Fra Kristoforo?”

“Għax bejnietna, il‑kleru ma jappruvax dan il‑metodu.”

“Mela jekk mhux sew,” kompliet Luċija, “m’għandniex nagħmluh.”

“Taħsbu li jekk mhux sew, jiena se ngħidilkom tagħmlu xi ħaġa kontra r‑rieda t’Alla? Naturalment, lill‑qassis ma tgħidulu xejn minn qabel, sakemm ikun tard wisq. U wara jkollu jgħid, ‘Ħeqq, issa la saret, saret!’ Imma f’qalbu jkun kuntent u moħħu mistrieħ.”

***** ***** ***** ***** *****

Dik l‑għaxija Renzo mar ir‑razzett ta’ ħabibu Tonio.

“Tonio,” qallu, “taf li inti mdejjen ħamsa u għoxrin lira mal‑qassis. Mela, jekk tagħmilli favur żgħir inħallashomlok jien.”

Kompla jispjegalu kif Don Abbondio ried itawwal iż‑żmien għaż‑żwieġ tiegħu ma’ Luċija, kif kienu qegħdin jippjanaw biex jingannawh u kif kellhom bżonn żewġ xhieda biex iż‑żwieġ ikun legali.

“U d‑dejn li għandi tħallsu int?” qal Tonio. “Dażgur li ngħinek! Irrid inkun ċuċ biex nirrifjuta!” Kompla billi offra li jġib lil kuġinuh bħala t‑tieni xhud.

Issa kien imiss lil Agnese tmur ukoll, biex issib lil Perpetwa u taljenaha bi ftit tqasqis, billi kienu ċerti li Don Abbondio kien wissieha biex ma ddaħħalx lil Renzo u ’l Luċija d‑dar.

***** ***** ***** ***** *****

Malli dalam, il‑ħamsa li kienu ħarġu nkiss inkiss mir‑razzett u qasmu l‑għelieqi lejn id‑dar ta’ Don Abbondio. Ħabat tajjeb li f’dak il‑waqt ma kinux qabdu t‑toroq tar‑raħal, għax f’dak l‑istess waqt sitta mill‑bravi ta’ Don Rodrigo kienu fi triqithom lejn ir‑razzett biex jaħtfu lil Luċija u jkaxkruha magħhom il‑palazz.

Il‑bravi raw dawl ipetpet mit‑twieqi tar‑razzett. Żgassaw il‑bieb, daħlu jiġru u fittxew f’kull kamra li kien hemm.

“Hawn m’hawn ħadd!” lissen wieħed minnhom.

“M’għandhomx idumu biex jiġu lura,” kompla ieħor. “Nistennewhom hawn.”

Sadanittant, Tonio u kuġinuh ħabbtu fuq bieb id‑dar ta’ Don Abbondio. Infetħet tieqa fis‑sular ta’ fuq u feġġet ras Perpetwa.

“Min hemm f’dan il‑ħin imqaddes?” staqsiet b’leħen nofsu rieqed u nofsu rrabjat.

“Jien, Tonio. Ġejt inrodd lura lir‑Reverendu l‑ħamsa u għoxrin lira.”

Għal żmien twil il‑qassis kien qata’ jiesu li jerġa’ jara dawk il‑flus, u ma kienx se jitlef l‑opportunità li joħodhom lura, anki jekk f’nofs ta’ lejl.

Perpetwa niżlet u fetħet il‑bieb. Hekk kif Tonio u kuġinuh daħlu ġewwa, feġġet warajhom Agnese.

“Bonswa, Perpetwa,” qabżet tgħidilha minnufih. “Ġejt biex ngħidlek b’xi għajdut li smajt fuqek. Naħseb tajjeb li tkun taf.”

Tbiegħdet mill‑bieb tad‑dar u ġibdet lil Perpetwa ’l barra warajha. Malli warrbu ’l bogħod biżżejjed biex ma jinstemgħux, Renzo u Luċija, li sadanittant kienu moħbijin wara xi siġar fil‑qrib, daħlu bil‑mod fid‑dar. Tonio u kuġinuh kienu diġà fil‑kamra tal‑qassis meta Renzo u Luċija daħlu jiġru.

Fil‑pront, Renzo qabad jgħajjat. “Reverendu, quddiem dawn ix‑xhieda, din hija marti!”

Dan il‑kliem minnufih ħakem lill‑qassis b’enerġija liema bħalha. Kien hemm sarvetta fuq tavolina fil‑qrib. F’leħħa ta’ berqa ħatafha u poġġieha quddiem ħalq Luċija biex ma jħallihiex tgħid il‑kumplament. Leħqet qalet biss “U dan huwa...” qabel ma s‑sarvetta ħanqitha. Wara dan il‑qassis tajjar il‑lampa minn fuq it‑tavolina u waqa’ dlam ċappa fil‑kamra. Semgħu l‑passi tiegħu jiġru f’kamra oħra aktar ’il ġewwa, bieb jinstabat magħluq warajh u ċavetta ddur fis‑serratura. Il‑pjan kien falla.

Don Abbondio tant kien beżgħan li seta’ jisma’ lil Renzo u lil Luċija jgħajtu l‑kliem minn wara l‑bieb, li qasam il‑kamra, u mar jissakkar f’kamra oħra. Minn hemm, fetaħ it‑tieqa beraħ, u qabad jgħajjat qalb is‑skiet tal‑lejl.

“Ajjut! Ajjut!”

Dan qajjem lis‑sagristan li kien rieqed f’kamartu, maġenb il‑kamra ta’ Don Abbondio, u mingħajr ma qagħad jiskopri x’kien qed jiġri, lebbet lejn il‑kampnar u beda jiġbed il‑ħabel tal‑qanpiena b’kemm kellu saħħa. F’qasir żmien ir‑raħal kollu qam. Dwal bdew ifeġġu fit‑twieqi, irjus bdew jittawlu, u xi ftit raħħala kemxejn kuraġġużi rħewlha barra fit‑toroq armati b’furkettuni jew snieter biex jaraw x’kien inqala’.

B’xorti tajba għalihom, Renzo u Luċija kienu diġà laħqu lebbtu mill‑post malli waslu l‑ewwel raħħala. Kienu fi triqithom lejn ir‑razzett ta’ Luċija meta tfaċċa tifel quddiemhom, bla nifs.

“Iġru lura! Iġru lura!” beda jgħajjat. “Hemm ix‑xjaten fir‑razzett. Rajthom u ppruvaw joqtluni! Fra Kristoforo bagħatni nwissikom li nies Don Rodrigo ġew biex jaħtfu lil Luċija! Iġru l‑monasteru issa!”

U tabilħaqq sabu lil Fra Kristoforo qiegħed jistenniehom hemm fuq ix‑xwiek. “Ir‑raħal huwa post perikoluż għalikom issa,” qalilhom. “Hemm bżonn titilqu minn hawn mill‑aktar fis possibbli. Se nirranġa biex inti, Luċija, tmur fil‑kunvent ta’ Monza biex jieħdu ħsiebek hemm. Inti, Renzo, hemm bżonn li taħrab mill‑qilla tal‑għedewwa tiegħek – u anki tiegħek stess. Ħu din l‑ittra lil Fra Bonaventura fil‑monasteru ta’ Milan. Hemmhekk isiblek ix‑xogħol.”

Filgħodu kmieni sabu dgħajsa lesta għalihom, u f’qasir żmien Renzo u Luċija qasmu l‑lag. Malli Renzo aċċerta ruħu li Luċija kienet milqugħa fil‑kunvent, irħielha lejn Milan.

Meta wasal il‑monasteru, il‑purtinar qallu li dak il‑ħin Fra Bonaventura ma kienx hemm, u li ma setax iħallih jidħol. Tah parir biex imur jistenna fil‑knisja.

***** ***** stat_3 ***** *****

[ 3 ]

Renzo kien se jagħmel kif qallu l‑purtinar meta lemaħ ġemgħa kemxejn storbjuża riesqa min‑naħa l‑oħra tal‑pjazza. Għelbitu l‑kurżità u mar jara x’kien qed jiġri.

Għalkemm ma kienx jaf, dakinhar Renzo kien sab ruħu fil‑qalba ta’ dawk li fl‑istorja bdew jissejħu r‑“rewwixti tal‑ħobż”. F’dawk l‑inħawi tal‑Italja kienu għadhom kemm jgħaddu minn sentejn ta’ gwerra qalila, bit‑taqlib u l‑kaos kollu li kienet ġabet magħha. Armati sħaħ ta’ suldati barranin kienu daħlu l‑Italja, u ħafna minnhom kienu neżżgħu l‑għelieqi u l‑irziezet minn kulma kellhom biex jitimgħu lis‑suldati tagħhom. Dan ġab għaks kbir, u l‑għelieqi baqgħu mitluqin għal żmien twil. Il‑ħobż naqas f’dawk l‑inħawi, il‑prezz ta’ dak il‑ftit li kien għad baqa’ għola mas‑sema u ħafna bdiewa u l‑familji tagħhom kienu qed ibatu l‑ġuħ.

Għaldaqstant kienet qed tinġama’ tensjoni liema bħalha qalb il‑poplu, sakemm fl‑aħħar splodiet f’rewwixta sewwasew dakinhar li Renzo kien wasal Milan. Il‑ġemgħa kienet għadha kemm attakkat furnar, u n‑nies sabu ħafna dqiq maħżun hemmhekk – u dan meta s‑Superviżur tal‑Imħażen Pubbliċi kien stqarr li d‑dqiq fil‑belt kien spiċċa. Meta lemaħhom Renzo, il‑folla kienet fi triqitha lejn dar is‑Superviżur. Renzo sab ruħu f’nofs il‑folla li kaxkritu magħha.

Malli waslu fejn dar is‑Superviżur, Renzo nnota li raġel kellu ħabel f’idu, u fis intebaħ li kienu biħsiebhom joqtlu lis‑Superviżur. Dan werwer lil Renzo.

“Imisskom tistħu!” qabad jgħajjat. “Ma tistgħux taqbdu u toqtlu lil persuna mingħajr ma ttellgħuha l‑qorti!”

Wieħed li kien qrib ta’ Renzo dar fuqu bir‑rabja.

“Kelb traditur!” qabad jgħajru. “Jewwilla inti xi spija tas‑Superviżur?”

Qalb il‑għagħa u l‑istorbju tal‑folla, kien hemm min sema’ l‑kelma ‘spija’.

“Spija? Fejn hu? Oqtluh! Oqtluh!”

***** ***** ***** ***** *****

Dak il‑ħin Renzo xtaq l‑art tibilgħu, imma ma kienx jaf kif seta’ jaħrab minn qalb dik il‑folla indimunjata. B’xorti tajba għalih, dwiet għajta oħra li aljenat lill‑folla u minnufih insietu.

“Ferrer! Ferrer!”

Il‑Kanċillier Ferrer, li kien kemxejn popolari qalb in‑nies, kien laħaq wasal fil‑karozzin tiegħu biex jarresta lis‑Superviżur. Il‑folla malajr infirdet biex jgħaddi l‑karozzin. Bil‑għajnuna tas‑suldati tiegħu, il‑Kanċillier daħal f’dar is‑Superviżur. Lil dan, f’qasir żmien, ħarġuh minn daru mwerwer, u xeħtuh fil‑karozzin, li fis telaq mill‑pjazza. Il‑folla issa bdiet tikkalma, u ma dametx ma bdiet tisparpalja bil‑mod. Issa kien għad baqa’ biss gruppi żgħar ta’ nies li baqgħu jiddiskutu u jitkellmu dwar dak li kien ġara u x’kienu biħsiebhom jagħmlu l‑għada. Renzo baqa’ jissemma’ maġenb qaqoċċa żgħira ta’ rġiel.

Minkejja li l‑konfużjoni kienet battiet, l‑irjus kienu għadhom sħan. Renzo malajr daħal fl‑ispirtu, u dlonk kompla magħhom, u tant beda jikkritika u jikkundanna s‑sistema bil‑qalb li beda jiġbed l‑attenzjoni ta’ xi wħud min‑nies.

Meta ftit ħin wara n‑nies bdew jitilqu għal rajhom, Renzo staqsa fejn seta’ jsib lukanda biex jistrieħ matul il‑lejl.

“Ejja miegħi. Nurik waħda,” qallu wieħed minn dawk l‑irġiel li kien qagħad jisma’ b’interess liema bħalu ftit ħin qabel.

Malli waslu fil‑lukanda, qasmu flixkun inbid bejniethom, u r‑raġel ordna flixkun ieħor. F’dak il‑waqt sid il‑lukanda tfaċċa b’folja u pinna, u talab lil Renzo jagħtih ismu.

“Bil‑liġi hemm bżonn nieħu isem kull min joqgħod fil‑lukanda.”

“Kif, issa jkolli noqgħod inxandar affarija lil kulħadd ukoll?” qabad igerger Renzo, b’moħħ kemxejn ħafif minħabba l‑inbid li kien xorob. “Jekk ġejt Milan biex nistqarr dnubieti, dak nagħmlu ma’ patri Kapuċċin, mhux ma’ xi sid ta’ lukanda. Warrab minn hawn.”

“Kif trid. Doveri għamiltu,” lissen sid il‑lukanda. “La ma tridx tiffirma, tiffirmax.”

Renzo kompla jitkellem mar‑raġel li kien ħadu hemm, u f’qasir żmien qal x’kien jismu, li ma kienx miżżewweġ, u li kien wasal f’Milan f’dik l‑istess ġurnata. Ftit ħin wara, ir‑raġel telaq għal rasu, u Renzo, kemm kemm jixxengel, tela’ f’kamartu.

***** ***** ***** ***** *****

L‑għada filgħodu, waqt li kien għadu jonħor fis‑sodda, xi ħadd qajmu bil‑goff. Sema’ leħen rozz jikkmandah, “Renzo Tramaglino, qum minn hemm u ejja magħna.”

Renzo pprova jiftaħ għajnejh, u lemaħ żewġ suldati armati. “Xi tridu? Kif tafu ismi?” staqsa bil‑mod.

“Dalwaqt tkun taf,” wieġbu wieħed mis‑suldati. “Isa, qum minn hemm. Il‑Kummissarju jrid ikellmek.”

***** ***** stat_3 ***** *****

[ 4 ]

“Xi tridu minni? Jiena ċittadin onest, m’għamilt xejn ħażin,” Renzo beda jipprotesta waqt li kien għadu qed jogħrok għajnejh mir‑raqda.

“Issa narawh dak. Isa, fittex ilbes. Il‑Kummissarju qed jistenna.”

Malli lesta rabtulu jdejh wara dahru u ħarġuh bil‑goff barra fit‑triq. Renzo ma kellu l‑ebda ħjiel il‑għala kienu arrestawh – imma kien ċert minn ħaġa waħda: bl‑ebda mod ma kien sejjer quddiem il‑Kummissarju jekk kellu l‑ħila jiskartah.

Għalkemm filgħodu t‑toroq ma kinux iffullati ħafna Renzo seta’ jilmaħ uħud min‑nies li kien iltaqa’ magħhom lejliet waqt ir‑rewwixta. Ftit minnhom waqfu hekk kif raw lis‑suldati u lil Renzo, u bdew mixjin warajhom. Renzo sab ix‑xoqqa f’moxtha.

“Ħbieb!” qabad jgħajjat. “Qed jarrestawni għax ilbieraħ bdejt ngħajjat ‘Ħobż u ġustizzja’. M’għamilt xejn ħażin. Titilqunix waħdi, ħbieb!”

F’qasir żmien inġabret ġemgħa, u ż‑żewġ suldati li kienu ma’ Renzo bdew jidhru kemxejn nervużi. Il‑kotra bdiet tinġabar madwarhom, tgħajjat u xxejjer il‑ponnijiet. Minnufih, iż‑żewġ suldati ħallew il‑ħabel li kien qed jorbot idejn Renzo, u ttantaw jgħosfru qalb il‑folla, u dlonk Renzo sparixxa wkoll.

Issa li l‑uffiċjali tal‑belt kellhom ismu, Renzo kien ċert li ma kinux se jħalluh fil‑paċi, u qatagħha li l‑aħjar soluzzjoni għalih issa kienet li jitlaq minn Milan. Għaldaqstant irħielha lejn Bergamo, li ma kenitx taħt il‑gvern ta’ Milan; u barra minn hekk ħabtet ukoll il‑belt fejn kien joqgħod kuġinuh, u li ta’ spiss fl‑imgħoddi kien stiednu jżuru.

***** ***** ***** ***** *****

Baqa’ miexi l‑jum kollu, hekk kif qabad it‑toroq imwarrbin u qasam l‑għelieqi, għax beża’ li kieku kellu jaqbad it‑toroq prinċipali, xi proxxmu seta’ jwaqqfu. Ħabat tajjeb li għamel dan, għax fil‑fatt ma ltaqa’ ma’ ħadd. Ma’ nżul ix‑xemx wasal fejn lukanda. Daħal u ordna x’jiekol. Xi nies talbuh jagħtihom aħbarijiet dwar l‑inkwiet f’Milan, iżda qalilhom li ma kien jaf xejn għax ma kienx ġej minn hemm.

Ftit ħin wara wasal negozjant minn Milan. In‑nies ma baqgħux jiffittaw lil Renzo, hekk kif, kollha fuq ix‑xwiek, inġabru madwar in‑negozjant u bdew jisimgħu dwar ir‑rewwixti li kienu qamu.

“Iżda lbieraħ filgħaxija u kmieni filgħodu,” kompla n‑negozjant, “arrestaw ħafna nies, u lil dawk li qajmu r‑rewwixta biħsiebhom jikkundannawhom għall‑mewt. Malli xterdet l‑aħbar kulħadd mar jingħalaq f’daru. Meta tlaqt jien minn hemm Milan kienet siekta daqs monasteru.”

“Sewwa, jixirqilhom il‑mewt,” kompla. “Din il‑biċċa kienet kollha konfoffa ta’ nies minn barra Milan. Pereżempju, kmieni dalgħodu arrestaw wieħed f’lukanda, u għalkemm ma jafux minn fejn kien ġej, huma ċerti li kien wieħed mill‑perċimes. Imma hekk kif kienu qed jeħduh lejn il‑ħabs sħabu ħelsuh. Madankollu mhux se jdumu qabel ma jaqbduh.”

Renzo ma felaħx jisma’ aktar. Ħallas il‑kont minnufih, ħareġ ’il barra fid‑dlam tal‑lejl u rħielha lejn id‑direzzjoni opposta ta’ dik li kien ġie minnha.

Kien biss l‑għada filgħodu kmieni, wara li qasam ix‑xmara Adda u wasal għand kuġinuh, li ħassu tassew ħieles mill‑periklu.

***** ***** ***** ***** *****

Mid‑dokumenti li s‑suldati kienu ħadulu, l‑awtoritajiet malajr kisbu l‑informazzjoni kollha dwar Renzo, u ma damux wisq ma ħarġu mandat għall‑arrest tiegħu. Daħlu f’daru f’Lecco, u qallbuha ta’ taħt fuq biex jaraw isibux aktar tagħrif dwaru. Avżaw ukoll lil kulħadd fir‑raħal biex jirrappurtawh jekk jilmħuh f’dawk l‑inħawi.

Issa ħafna nies bdew jaħsbu li din il‑biċċa kienet kollha xi pjan ta’ Don Rodrigo biex jeħles mill‑avversarju tiegħu. Madankollu Don Rodrigo ma kellux x’jaqsam mal‑iżventuri ta’ Renzo, għalkemm ħa pjaċir, mhux ftit, malli sar jaf x’kien ġara liż‑żagħżugħ. Fil‑fatt, in‑nobbli kien aktar interessat ikun jaf x’kien għadda mit‑tfajla Luċija, u f’qasir żmien sar jaf li kienet marret tistkenn f’kunvent. Għaldaqstant beda jfassal il‑pjanijiet tiegħu.

L‑ewwel ħaġa li kellu jagħmel kien li jeħles mill‑patri, Fra Kristoforo, li kien diġà fixklu darba meta għen lill‑għarajjes jaħarbu. Kuġinuh kien ħabib qrib ta’ xi nies għolja fil‑Kurja, u ma kellu l‑ebda problema biex jeħles mill‑Fra. Permezz ta’ kelma hawn u favur hemm, ra kif irranġa biex lil Fra Kristoforo jittrasferuh f’Rimini, ’il bogħod minn Milan.

Għat‑tieni parti tal‑pjan tiegħu, Don Rodrigo kellu bżonn alleat kiefer. Ma hemmx għalfejn inkunu nafu min kien. Huwa biżżejjed li wieħed ikun jaf li kien nobbli setgħan, tirann li kien ħakkiem fuq żewġ stati, li kellu l‑bravi tiegħu li kienu jwerwru lill‑pajjiż, u li kellu spiji u qattelin imħallsin kullimkien.

Ħalli nsejħulu l‑“Innominat”.

***** ***** ***** ***** *****

Ftit jiem wara li Don Rodrigo kellem lill‑Innominat, Luċija rċeviet messaġġ biex tmur f’monasteru qrib. Fi triqitha, għaddiet viċin karozzin li kien wieqaf fil‑ġenb tat‑triq. Semgħet xi ħadd mill‑passiġġieri jgħid, “Ħalli nsaqsu lil din it‑tfajla, forsi taf.”

Dlonk, ras ta’ raġel tfaċċat fit‑tieqa tal‑karozzin, u bi tbissima saqsieha, “Sinjorina, tista’ turina t‑triq għal Monza, jekk jogħġbok?”

“Sejrin in‑naħa l‑oħra,” wieġbet Luċija, hekk kif ippuntat lejn id‑direzzjoni opposta. “Tridu taqbdu dik it‑triq.”

Malli lissnet dan il‑kliem il‑bieba tal‑karozzin infetħet ħesrem, u par idejn b’saħħithom ħatfuha. Id oħra poġġiet maktur ma’ ħalqha. Fi ftit sekondi sabet ruħha fil‑karozzin, mingħajr ma setgħet tiċċaqlaq jew tgħajjat għall‑ajjut. Malli l‑kuċċier aċċerta ruħu li ma kien hemm ħadd qed jara x’ġara, fajjar il‑frosta għal fuq iż‑żwiemel u dawn lebbtu minn hemm b’kemm kellhom saħħa.

Malli kienu ’l bogħod biżżejjed mir‑raħal, neħħewlha l‑maktur minn ma’ ħalqha.

“Ħalluni!” bdiet tgħajjat imwerwra. “Min intom? Xi tridu minni?”

“Iskot,” lissen wieħed mill‑irġiel. “M’għandekx minn xiex tibża’.”

“Ma rridux nagħmlulek ħsara,” qabeż it‑tieni raġel. “Dalwaqt se tkun taf fejn sejrin malli naslu hemm, mela ssaqsi xejn aktar.”

Kien l‑Innominat li kien organizza l‑ħtif ta’ Luċija, u kien qed jistennieha fil‑kastell tiegħu. Madankollu, din il‑biċċa ma kenitx qed togħġbu għalkollox. Hu; bniedem li ma kellu l‑ebda skrupli, li kien għamel daqshekk ħsara lil daqstant nies, li kien il‑kaġun tal‑mewt ta’ ħafna oħrajn; issa kien qed iħoss sentiment differenti, kważi tal‑biża’, hekk kif ġabulu lil din it‑tfajla innoċenti, li lanqas biss kien jaf.

Ittawwal minn waħda mit‑twieqi fl‑ogħla sular tal‑kastell hekk kif ra l‑karozzin jieqaf quddiem il‑bieb ewlieni. Għal mument ħaseb li jibgħat il‑karozzin dritt lil Don Rodrigo, imma dak il‑ħsieb malajr għeb minn moħħu. Minflok, ordna lil waħda mill‑qaddejja tiegħu biex tmur tilqa’ lit‑tfajla.

“Kun ħanina magħha,” qalilha. “Ħudha f’kamartek u kkunslaha xi ftit. Bħalissa għandha bżonn min idur ftit biha.”

***** ***** stat_3 ***** *****

[ 5 ]

Ftit ħin wara l‑Innominat mar jara lil Luċija fil‑kmajra fejn il‑qaddejja kienet azzettatha. Malli fetaħ il‑bieb, fid‑dawl baxx tal‑lampa, lemaħ lit‑tfajla mgeddsa mal‑art f’rokna tal‑kamra. Il‑qaddejja kienet bilwieqfa maġenb il‑bieb.

“Qum minn hemm,” lissen b’leħen sod, “M’iniex se nweġġgħek.”

Iż‑żagħżugħa qamet fuq irkopptejha u poġġiet idejha flimkien qisha qiegħda titlob. “Hawn jien,” lissnet imbikkma. “Tista’ toqtolni issa.”

“Għidtlek m’iniex se nweġġgħek!”

“Mela għalfejn ħtaftni mill‑kunvent? Dana x’post hu? Għalfejn qiegħda hawn? X’għamiltlek? F’isem Alla...”

“Alla!” qabeż l‑Innominat bil‑ħatfa. “Dejjem Alla! Dawk li ma jistgħux jiddefendu ruħhom dejjem idaħħlu lil Alla fin‑nofs! X’qed tippretendi b’daqshekk? Tridni...”

“Sinjur, x’tista’ tistenna minn tfajla sempliċi bħali? L‑unika ħaġa li nista’ nagħmel hija li nitolbok li jkollok ħniena minni. Alla jista’ jaħfer ħafna dnubiet imqar għal att wieħed biss ta’ ħniena. Nitolbok, ħallini nitlaq. Nibqa’ nitlob għalik għomri kollu.”

“Mank kienet bint wieħed mill‑għedewwa tiegħi,” beda jgħid l‑Innominat bejnu u bejn ruħu. “Kieku ma kontx niskrupla daqshekk u ma kontx niddejjaq naħqarha. Imma din it‑tfajla innoċenti...”

Luċija setgħet tilmaħ dik il‑ħarsa dubjuża fuq wiċċu, u kompliet tisħaq, “Titlifx dan iċ‑ċans. Jiena nibqa’ nitlob għalik biex il‑Mulej iħarsek minn kull għawġ.”

“Isa, rabbi l‑kuraġġ,” lissen l‑Innominat, b’ċerta ħlewwa fit‑ton tiegħu li saħansitra l‑qaddejja ħarset lejh mistagħġba. “Għada filgħodu nerġa’ niġi narak. Sadanittant, kul l‑ikel li se jġibulek u strieħ.”

Luċija ma tniffsetx għal xi mumenti wara li n‑nobbli ħareġ mill‑kamra. Imbagħad bdiet titlob:

“Marija Verġni, inti li minn dejjem sibtek ta’ faraġ fi żminijiet imwiegħra, għinni issa. Eħlisni minn dan il‑jasar ħalli nkun nista’ mmur lura għand ommi, u nwiegħdek li ma niżżewweġ qatt; niċħad lill‑povru Renzo tiegħi u ħajti tkun għal dejjem tiegħek.”

***** ***** ***** ***** *****

Dak il‑lejl l‑Innominat ma setax jorqod. Għall‑ewwel darba fi żmien twil, kien qiegħed iħoss ċerta sogħba. L‑ebda talba ta’ ħniena, f’għomru kollu, ma kienet qatt messet qalbu daqs dik ta’ din it‑tfajla...

Ftakar fi kliemha: “Alla jista’ jaħfer ħafna dnubiet imqar għal att wieħed biss ta’ ħniena.” U dan il‑bniedem, li kien wettaq daqstant azzjonijiet ħżiena, kriminali, li kien qatel daqstant nies, issa beda jara nitfa ta’ tama. Dak il‑lejl qattgħu jhewden dwar għemilu, jissara mal‑memorji u l‑kuxjenza tiegħu. Tant li sa sbieħ il‑jum, kien qatagħha li jeħles lit‑tfajla u joħodha lura għand ommha.

Filgħodu kmieni nstema’ d‑daqq tal‑qniepen fil‑bogħod; daqq li bil‑qajla beda joqrob hekk kif bdew jinstemgħu dawk tal‑knejjes aktar qrib, sakemm fl‑aħħar bdew idoqqu l‑qniepen tar‑raħal. L‑Innominat saqsa lil wieħed mill‑qaddejja tiegħu x’kien inqala’, u sar jaf li l‑Kardinal Federigo Borromeo, l‑Arċisqof ta’ Milan, kien se jżur ir‑raħal dik il‑għodwa.

L‑Innominat iddeċieda x’jagħmel. “Immur narah. Nixtieq inkellmu.”

Mar jara lil Luċija f’kamritha. Sabha għadha mixħuta fir‑rokna, imma issa kienet rieqda. Il‑qaddejja qaltlu li t‑tfajla ma riditx tmur torqod, u ma ħaditx gidma mill‑ikel li kienu ġabulha.

“Ħalliha torqod,” lissen l‑Innominat. “Imma meta tqum għidilha li lest nagħmel kulma tixtieq.”

***** ***** ***** ***** *****

Meta l‑Innominat mar jara lill‑Kardinal u introduċa ruħu lill‑patrijiet, dawn twerwru għax kienu jafu sew min kien. Madankollu, malli avżaw lill‑Kardinal, dan insista li jarah minnufih.

“Qiegħed nieħu pjaċir ħafna b’din iż‑żjara tiegħek,” qal il‑Kardinal bl‑akbar ħerqa hekk kif l‑Innominat daħal fis‑sala. “U nitolbok taħfirli għax kelli nkun jien li niġi nżurek fil‑kastell tiegħek. Imma għidli, x’aħbar sabiħa għandek għalija?”

“Aħbar sabiħa? Minni, li għandi qalb iebsa daqs ta’ xitan? X’aħbar sabiħa tista’ tistenna mingħandi?”

“Li Alla fl‑aħħar messlek qalbek u għamlek tiegħU,” wieġeb il‑Kardinal fil‑pront.

“Alla! Alla! Mhux li kieku nista’ naraH! U jekk Huwa veru dak li jgħidu, x’użu jista’ jkollu minni?”

“Tista’ sservi ta’ sinjal tal‑kobor tiegħU. Għal ħafna żmien id‑dinja kkundannatek għall‑għemejjel ħżiena tiegħek. Imma jekk tqum u tiċħad il‑ħajja tal‑imgħoddi tiegħek, Alla jkun bierkek tassew. X’użu jista’ jkollu Alla minnek? Jewwilla ma jistax jaħfirlek? Isalvak? Ikattar ix‑xogħol ta’ redenzjoni permezz tiegħek?”

Il‑Kardinal ħareġ idu lejn l‑Innominat.

In‑nobbli resaq lura. “Le!” għajjat. “La tħammeġx idejk b’tiegħi. M’għandekx idea tal‑ħażen li wettqu dawn l‑idejn.”

“Mela ħallini nżomm dawk l‑idejn li se jsewwu dak il‑ħażen kollu, li se jfarrġu daqstant nies sogħbinin, u li se joffru daqstant paċi lill‑għedewwa.”

L‑Innominat ma felaħx għal dan il‑kliem. Għatta wiċċu b’idejh, u beda jolfoq.

“Nitkexkex meta naħseb f’dak kollu li għamilt. Madankollu qed inħoss bħallikieku piż kbir għeb minn fuq qalbi, ċertu ferħ li qatt ma ħassejt f’għomri kollu. Hemm wisq affarijiet li ma nista’ nagħmel xejn għajr li nħoss dispjaċir kbir li wettaqthom. Imma hemm ħaġa waħda li naħseb nista’ nirranġa.”

Lill‑Kardinal irrakkuntalu l‑istorja ta’ Luċija, kif kien firidha mill‑familja tagħha, u kif f’dak l‑istess waqt kienet magħluqa fil‑kastell tiegħu.

“Mela ma nitilfux aktar ħin,” lissen il‑Kardinal. “Dan huwa sinjal tal‑maħfra t’Alla għalik biex tkun strument ta’ ħelsien fejn qabel kont se tkun strument ta’ jasar.”

Wara din il‑laqgħa, l‑Innominat ħa lill‑kappillan tar‑raħal sal‑kastell biex jieħu lil Luċija miegħu. Kienu qegħdin jassumu li għalkemm Don Rodrigo kien telaq mir‑raħal, ma kellux idum sa ma jiġi lura, u żgur mhux forsi, kien ikun irid ipattiha malli jsir jaf li Luċija kienet inħelset. Għaldaqstant il‑kappillan ħa lil Luċija f’dar ta’ familja sinjura fejn kien jaf li ma kenitx se tkun fil‑periklu. Ommha marret magħha.

“M’għandekx iddum ħafna, hawn,” qaltilha. “Bil‑flus li tana s‑sinjur li kien ħatfek se nkunu nistgħu mmorru Milan u nsibu lil Renzo.”

Għal mument Luċija ħarset ċassa lejn ommha, u f’daqqa waħda nfaqgħet tibki.

“Ma nistax niżżewġu,” bdiet tolfoq. “Sakemm kont magħluqa fil‑palazz għamilt wegħda lil Marija Verġni. Lil Renzo ma nista’ narah qatt aktar.”

***** ***** stat_3 ***** *****

[ 6 ]

Għadda żmien twil qabel ma Renzo rċieva l‑aħbar. Għalkemm kien jidher li ma kienx f’periklu kbir waqt li baqa’ jaħdem għal kuġinuh f’Bergamo, sar jaf li kien ħareġ mandat għall‑arrest tiegħu minħabba sehmu fir‑rewwixta tal‑ħobż f’Milan. Kien aħjar għalih jekk jitlaq minn hemm, jieħu isem ieħor, u jibqa’ fil‑moħbi sakemm tibred is‑sitwazzjoni, qabel ma jkun jista’ jibgħat messaġġ lil Luċija biex tingħaqad miegħu.

Kien hemm żewġ raġunijiet oħra għad‑dewmien: l‑ewwel nett ma kienx jaf jikteb, għalhekk kellu bżonn isib skrivan li fl‑istess ħin seta’ jafda li jżomm is‑sitwazzjoni tiegħu mistura; u t‑tieni nett, wara li jkunu kitbulu l‑ittra kellu bżonn messaġġier li jkun jista’ joħodha lil Luċija mingħajr ma jikxef lil ħadd min kien bagħatha.

Wara ħafna żmien irnexxielu fil‑pjanijiet tiegħu: sab min jiktiblu l‑ittra u ma’ min jibgħatha. Iżda qalbu waqfet malli rċieva t‑tweġiba li bagħtitlu Agnese. Fl‑ittra qaltlu li Luċija ma setgħetx tiżżewġu. Ma kienx hemm aktar spjegazzjoni. Agnese ma kitbet xejn dwar il‑ħtif ta’ bintha u l‑wegħda li kienet għamlet biex tinħeles, għaldaqstant Renzo ma setax jifhem il‑għala din il‑bidla fi ħsieb Luċija.

Xtaq imur u jkellimha, imma kien għadu qed jibża’ li jagħrfu xi ħadd u jarrestawh; u aktar ma beda jgħaddi ż‑żmien aktar bdew jitkattru fih il‑frustrazzjoni u d‑disprament. Forsi xi darba kien ikollu l‑kuraġġ imur lura r‑raħal, iżda waqqfuh żewġ ġrajjiet oħra fil‑pajjiż: il‑gwerra u l‑pesta.

***** ***** ***** ***** *****

Qabelxejn il‑gwerra. Hawnhekk ma jinteressaniex kif bdiet u għaliex, għax il‑poplu ta’ Milan u l‑madwar ma kinux involuti direttament fil‑ġlied, imma l‑pajjiż kien eżatt fi triq l‑armata Ġermaniża li kienet qed timmarċja f’Mantova, fejn kien hemm l‑eqqel taqbid. L‑armata li qasmet it‑territorju ta’ Milan kienet magħmula minn 27,000 merċenarju, suldati li kienu jiġġieldu għal min seta’ jħallashom l‑aktar. Madankollu ma kinux jikkuntentaw biss bil‑paga ta’ min kien jimpjegahom. Ħafna drabi kienu jispiċċaw jgħixu minn fuq l‑art li kienu jgħaddu minnha, billi jattakkaw l‑irħula, ikissru u jieħdu dak li kien jogħġobhom, u ma jħallu xejn warajhom ħlief qirda u mewt.

Għaddew mill‑pajjiż bħal qatgħa ġrad li kienu jikinsu kollox minn fejn kienu jgħaddu. Ma ħallew xejn warajhom. Dak li setgħu jġorru magħhom kienu jaħtfuh. Il‑bqija, kienu jeqirduh. Dawk ir‑raħħala li setgħu, ħarbu qalb il‑muntanji u ġarrew magħhom dak kollu li setgħu, u staħbew hemm, jistennew sakemm is‑suldati jitilqu.

Dawk li baqgħu l‑art, jew biex jieħdu ħsieb lill‑morda jew biex jipproteġu djarhom, għamlu dan b’qalbhom ittaqtaq. Xi wħud ħbew flushom fl‑għelieqi, imma s‑suldati, li kienu rabbew ħila liema bħalha biex isibu dak li kien moħbi, sabu u ħatfu kollox.

Għaldaqstant wieħed seta’ jimmaġina x’kienu qed iħossu n‑nies ta’ Lecco meta semgħu l‑armata toqrob, u wieħed seta’ jifhem ukoll il‑paniku li qabadhom, għax kienu jafu eżatt x’kien merfugħ għalihom.

Iżda dak li qabeż għalihom ma kien ħadd għajr l‑Innominat, dak it‑tirann aħrax li kien ħataf lil Luċija. Kien biddel ħajtu ta’ taħt fuq wara l‑laqgħa li kellu mal‑Kardinal Borromeo, u kkonverta għall‑Kristjaneżmu. Għen lill‑foqra u għamel il‑ġid fejn seta’ biex ipatti għall‑ħażen kollu li kien għamel fis‑snin ta’ qabel.

Għaldaqstant ma ħasibhiex darbtejn biex joffri kenn lir‑raħħala fil‑kastell sod tiegħu. Dan il‑kastell kien wieqaf fuq il‑quċċata ta’ għolja minn fejn seta’ jidher il‑pajjiż kollu, u b’saħħtu biżżejjed biex iżomm kontra kull armata ta’ merċenarji li kienet tagħmel għalih.

Madankollu l‑Innominat ma kkuntentax biss billi joffri kenn lir‑raħħala. Malli l‑armata ta’ merċenarji kienet qorbot biżżejjed, ħareġ imexxi armata żgħira tiegħu. Għalkemm is‑suldati tiegħu kienu armati sa snienhom, hu stess ma refa’ l‑ebda arma.

Dawk li ttantaw jattakkaw ir‑raħal kienu biss gruppi żgħar li kienu nqatgħu mill‑armata ewlenija tal‑merċenarji, u għalhekk ħarbu minnufih malli raw is‑suldati tal‑Innominat resqin lejhom flimkien ma’ xi raħħala li rabbew il‑kuraġġ u ngħaqdu ma’ nies l‑Innominat.

Fl‑aħħar il‑ftit merċenarji li kien baqa’ għosfru wkoll, iżda barra mill‑qirda, ħallew warajhom xi ħaġa aktar terribbli: il‑pesta.

***** ***** ***** ***** *****

Il‑pesta faqqgħet fil‑ħarifa tal‑1629, u f’qasir żmien inxterdet mal‑artijiet kollha tal‑Italja ta’ Fuq. Hawnhekk m’hemmx għalfejn noqogħdu nidħlu fid‑dettalji terribbli tat‑traġedja, li fiha mietu mijiet ta’ eluf ta’ nies, imma hemm bżonn naraw kif dan id‑diżastru ħalla l‑effett tiegħu fuq l‑istorja tagħna.

Don Rodrigo kien ħarab u mar joqgħod f’Milan wara li nkixef is‑sehem tiegħu fil‑ħtif ta’ Luċija. Lejla minnhom, hekk kif wasal lura d‑dar, ħassu dgħajjef ħafna, bi ħruq kbir ma’ ġismu kollu. Għall‑ewwel ipprova jikkonvinċi ruħu li kien kiel u xorob iżżejjed, imma f’qasir żmien seta’ jara sew is‑sintomi tal‑marda. Sejjaħ lis‑seftur tiegħu.

“Griso, minn dejjem ittrattajtek sewwa,” qallu. “Issa rridek tagħmilli pjaċir żgħir. Qed inħossni ma niflaħx. Irridek tmur iġġib lit‑tabib. Imma tgħid lil ħadd aktar dwar dan.”

Griso telaq, imma meta ġie lura ftit ħin wara, ma ġiex ma’ tabib, imma ma’ żewġ monatti, irġiel li kienu jmorru jiġbru lill‑mejtin mid‑djar.

Waqt li ħatfu lil Don Rodrigo u kaxkruh ’il barra minn daru, Griso dar kullimkien u ħataf dak kollu li seta’. Iżda dak li seraq ma gawdiehx ħafna, għax l‑għada miet.

Il‑pesta laħqet ukoll ir‑raħal ta’ Renzo u Luċija, u familji sħaħ mietu. B’xorti tajba għal Don Abbondio, il‑kappillan, għalkemm marad bil‑pesta, għaddietlu u baqa’ ħaj.

Renzo wkoll kien vittma tal‑pesta. Għal jiem twal kien qrib il‑mewt, iżda kien għadu żagħżugħ b’saħħtu, u ġismu żamm sod kontra l‑marda. Ftit jiem wara, reġa’ ġie f’tiegħu. Madankollu ma kienx kuntent għalkollox. Hekk kif reġa’ ġabar saħħtu, beda jiftakar f’Luċija, u l‑pjanijiet li kienu fasslu flimkien. Ma kellu l‑ebda aħbar dwarha, kinitx ħajja jew mejta, imma b’xi mod ried ikun jaf, speċjalment biex jara kif jagħmel u jiżżewwiġha. Għaldaqstant irħielha lura lejn ir‑raħal tagħhom.

L‑ewwel persuna li ltaqa’ magħha kien Don Abbondio.

“Int? Hawn?” lissen mistagħġeb il‑kappillan.

“Kif qed tara. Għidli x’taf dwar Luċija.”

“Ħadd ma jaf xejn dwarha, apparti li tinsab f’Milan. Imma, hix ħajja jew mejta...”

“U Fra Kristoforo?”

“Ilu ftit żmien li telaq. U jien tal‑parir li inti wkoll għandek titlaq. Ma tafx li hemm mandat għall‑arrest tiegħek? Ġew ifittxuk hawn. Qallbu l‑post ta’ taħt fuq. Jaqbillek tmur lura minn fejn ġejt.”

Renzo ma tahx widen. Kbir kemm kien kbir il‑periklu għalih, kien determinat li jsib lit‑tfajla li kien iħobb.

***** ***** stat_3 ***** *****

[ 7 ]

Kien hemm ordnijiet stretti li ħadd ma seta’ jidħol Milan mingħajr ċertifikat li kien juri li kienu b’saħħithom u ħielsa mill‑pesta. Madankollu, ma’ wieħed mill‑bibien ewlenin tal‑belt, Renzo sab gwardjan li ħallieh jidħol malli offrielu ftit flus.

X’belt kien daħal fiha! Kull triq u pjazza kienu vojta għalkollox, għaliex hawnhekk il‑pesta kienet għamlet ħerba sħiħa. Żewġ terzi tan‑nies kienu mietu. Il‑kumplament kienu jew magħluqin fi djarhom morda, jew kienu telqu mill‑belt. Xi kultant kien jilmaħ karettun għaddej, immexxi mill‑monatti, imballat bl‑iġsma tal‑mejtin.

Madankollu ma qatax qalbu u baqa’ jdur it‑toroq, sakemm f’ħin minnhom lemaħ raġel riesaq lejh, miexi bil‑qajla fuq bastun. Ħaseb li jekk iwaqqfu u jsaqsih seta’ jindikalu d‑dar fejn kienet qiegħda Luċija.

Renzo neħħa l‑kappell minn fuq rasu b’sinjal ta’ rispett, iżda malli ttanta jersaq lejn ir‑raġel, dan għolla l‑bastun u beda jxejru quddiemu. “Ibqa’ lura! Ibqa’ lura!” beda jgħajjat.

Għalkemm Renzo ma kienx jaf b’dan, kien hemm għajdut fil‑belt li l‑pesta kienu ġabuha xi barranin, billi kienu dellku xi ingwent velenuż mal‑bibien u l‑ħitan tad‑djar. Malli r‑raġel rah jinża’ l‑kappell, ħaseb li Renzo kellu l‑ingwent moħbi fil‑kappell, u li kien xi wieħed minn dawk id‑‘dellieka’.

B’xorti tajba għal Renzo ma kien hemm ħadd aktar fit‑triq, għax kieku żgur li kien jispiċċa ħażin. Ir‑raġel tbiegħed minnu u telaq jiġri, mingħalih kien ħeles minn xi periklu kbir.

***** ***** ***** ***** *****

Fil‑fatt Renzo ma ġitux f’rasu li hu wkoll kien ħeles minn periklu kbir, u baqa’ mbellah bl‑imġiba tar‑raġel. Fl‑aħħar Renzo qatagħha li jwaqqaf lil wieħed mill‑monatti li kienu qed iġorru lill‑mejtin barra mill‑belt biex jidfnuhom f’oqbra komuni fl‑għelieqi. Ir‑raġel spjegalu kif seta’ jsib it‑triq li kien qiegħed ifittex.

Renzo waqaf quddiem il‑bieb fejn suppost kienet qed tgħix Luċija, u beda jħabbat bil‑goff. Il‑wiċċ suspettuż ta’ mara tfaċċa fit‑tieqa maġenb il‑bieb.

“Hawnhekk toqgħod tfajla mill‑kampanja jisimha Luċija?” staqsieha.

“M’għadhiex toqgħod hawn,” wieġbet il‑mara. “Iss’itlaq.”

“Fejn marret?” staqsa Renzo. “Jekk jogħġbok, importanti ħafna li nsibha.”

“Għandha l‑pesta,” wieġbet il‑mara hekk kif bdiet tagħlaq it‑tieqa. “Ħaduha l‑lazzarett.”

Il‑lazzarett kien bini kbir qalb l‑għelieqi barra mill‑belt. Kellu madwar 288 kamra qishom ċelel tal‑ħabs, u qabel ma faqqgħet il‑pesta kien il‑post fejn kienu joqogħdu l‑foqra bla saqaf. Bit‑tama li jevitaw il‑pesta kemm jista’ jkun, il‑gvern kien xeħet hemm lil dawk kollha li kellhom il‑marda.

Issa kien iffullat b’madwar 16,000 ruħ, u kienu qed imutu mijiet kuljum. Hawnhekk kienu ġabu lil Luċija!

***** ***** ***** ***** *****

Għal mument Renzo ħassu kompletament bla saħħa, u ntefa’ mal‑ħajt maġenb il‑bieb, qalbu maqtugħa. Ma felaħx jidħol. F’daqqa waħda lemaħ mara li kienet qed tħares ċassa lejh. Fuq wiċċha kellha l‑ħarsa ta’ waħda mwerwra, ħarsa kollha mibegħda. Qabdet twerżaq ħesrem hekk kif ippuntat lejh.

“Id‑dellieki! Dak hu! Aqbduh!”

“X’qed tgħid?!” għajjat Renzo. “Jien ġejt biex nara lil xi ħadd.”

Imma l‑mara baqgħet tipponta lejh u twerżaq bi tħanxira daqsiex, u t‑twieqi ta’ madwarhom bdew jinfetħu, u tfaċċaw nies iħarsu mbellhin lejhom.

“Iskot!” lissen Renzo, b’vuċi aktar baxxa.

Iżda kien tard wisq. In‑nies bdew ħerġin mill‑bini u jersqu lejh. F’qasir żmien kien imdawwar minn kull naħa.

Issa ma kienx hemm lok għal argumenti. Dawn in‑nies kienu ċerti li Renzo kien wieħed minn dawk il‑barranin li kienu qed ixerrdu l‑pesta bl‑ingwenti, u issa kien hawn wieħed quddiemhom. Renzo malajr fehem li jekk jibqa’ hemm kienu se jispiċċaw biex ibiċċruh. Ħares madwaru lejn dik il‑parti fejn kien hemm l‑inqas nies, u nxteħet fuqhom.

Beda jimbotta bl‑addoċċ, sakemm sab il‑beraħ u lebbet lil hinn minn hemm, bil‑folla tiġri warajh. Kienu għadhom qegħdin jgħajtu, “Id‑dellieki! Aqbduh! Żommuh!”

Renzo ntebaħ li ma setax jaħrab minnhom kif ġieb u laħaq. B’disprament, ħataf is‑sejf f’idu, u dar biex jiffaċċja l‑folla. F’daqqa waħda l‑folla waqfet tersaq lejh. Renzo baqa’ mbellah imma fl‑istess ħin ħa r‑ruħ. In‑nies bdew jgħajtu lejn ġemgħa oħra li kienet tfaċċat wara Renzo. Għal ftit ħin iż‑żewġ gruppi baqgħu weqfin, iħarsu lejn xulxin. F’daqqa waħda Renzo ntebaħ għalfejn.

Kienet riesqa ringiela ta’ karettuni tal‑mejtin, immexxija mill‑monatti, u ħadd ma ried jersaq lejhom.

Renzo sab ix‑xoqqa f’moxtha. Warrab is‑sejf, ġera lejn il‑karettuni u qabeż għal fuq it‑tieni wieħed fil‑filliera.

“Merħba abbord, ħabib!” għajjat wieħed mill‑monatti. “Jidher li m’intix popolari ħafna hawn. X’għamilt?”

Renzo gergirlu xi ħaġa bilkemm tiftiehem minn taħt l‑ilsien, u beda jħares warajh biex jara l‑kotra kinitx għadha qed tiġri warajh.

“Tagħtix kashom,” kompla l‑monatt. “Hawnhekk inti mħares daqslikieku kont fi knisja.”

Tabilħaqq, ħadd mill‑folla ma ried jittieħed bil‑pesta, u n‑nies żammew ’il bogħod mill‑karettuni, għalkemm xi wħud baqgħu jċanfru u jgħajtu kontra Renzo. Hekk kif il‑folla għosfrot, Renzo qabeż mill‑karettun u rħielha lejn il‑lazzarett.

***** ***** ***** ***** *****

Din id‑darba daħal mill‑ewwel, imma waqaf ħesrem hekk kif beda jixrob id‑dehra ta’ quddiemu. Il‑fetħa l‑kbira wara l‑bieb kienet miżgħuda b’tined, kabini żgħar u karrijiet, b’ħafna iġsma u moribondi mitluqin mal‑art, fuq saqqijiet jew fuq it‑tiben.

Rabba ftit kuraġġ u beda jimraħ fil‑post, jittawwal fil‑kmamar, josserva n‑nies mixħutin fuq is‑saqqijiet, il‑ħin kollu bix‑xenqa li jilmaħ wiċċ Luċija, u fl‑istess ħin bix‑xewqa li ma jsibhiex hemm. F’daqqa waħda, lemaħ wiċċ li kien jaf, dak ta’ Fra Kristoforo.

Meta l‑patri kien intbagħat Rimini, għax kien ipprova jeħles lil Renzo u ’l Luċija minn Don Rodrigo, kien baqa’ hemm sakemm faqqgħet il‑pesta. Għalhekk kien talab lis‑superjuri tiegħu biex jibagħtuh il‑lazzarett, kuntent li seta’ joffri ħajtu għal dawk li kienu qegħdin isofru hemm. Kien ilu f’dak il‑lok terribbli, fuq it‑tliet xhur, u dan kien jidher sew fuq wiċċu. Wiċċu kien abjad karti, u ċ‑ċoqqa kollha maħmuġa. Dahru kien mgħawweġ bil‑għeja. Kienet ir‑rieda qawwija tiegħu biss li għenitu jkompli xogħlu.

Madankollu għajnejh xegħlu malli lemaħ lil Renzo. Ma kien jaf xejn dwar il‑ħtif ta’ Luċija u dak li kien għadda minnu Renzo; iżda l‑akbar diżappunt għal Renzo kien li l‑patri ma kellu l‑ebda idea fejn setgħet kienet Luċija.

“Forsi tinsab fit‑taqsima tan‑nisa,” lissen Fra Kristoforo, “imma ma tistax tmur hemm. Dawk li għandhom il‑permess uffiċjali biss jistgħu jidħlu.”

***** ***** stat_3 ***** *****

[ 8 ]

“Madankollu,” kompla l‑patri, “hemm barriera li tifred iż‑żewġ taqsimiet, u naf li f’xi partijiet hija mkissra. Naħseb m’għandekx issib problema tgħaddi minn xi waħda minnhom. Fittex lil Luċija hemm. Fittex bil‑ħerqa imma tippretendi xejn. Wara kollox, mhux faċli ssib lil xi ħadd ħaj fil‑lazzarett!”

Renzo qagħad attent li ħadd ma jarah sakemm resaq lejn il‑barriera. Sab fetħa kif kien qallu l‑patri, iżda f’daqqa waħda sema’ leħen żorr warajh.

“Haw, int! Ejja ’l hawn!”

Mejjel rasu taparsi biex jobdi, imma ħesrem lebbet bejn żewġ tined u ma waqafx qabel ma kien ċert li ħadd ma kien qed jiġri warajh.

Waqaf għal ftit sekondi biex jieħu nifs, u f’daqqa waħda lemaħha. Bieb ta’ waħda mill‑kmamar kien miftuħ beraħ, u raha maġenb sodda, qed iddur b’wieħed mill‑morda.

“Luċija!”

Daret minnufih malli semgħet isimha, u għal mument ħasbet li kienet qed tara fantażma. “Ħanin Alla! Huwa int!”

“Sibtek fl‑aħħar! Għadek ħajja!” beda jlaqlaq Renzo. “Kemm inti bajda! Fiqt mill‑pesta!”

“Alla għoġbu li jħallini hawn,” wieġbet hi. “Imma Renzo, inti għalfejn qiegħed hawn?”

“Kif? M’għadnix Renzo jien? Inti m’għadekx Luċija?”

“X’qed tgħid?” wieġbet hi. “Ommi ma bagħtitlekx ittra biex tgħidlek li ma nistax niżżewweġ aktar? Għamilt wegħda lill‑Madonna.”

“L‑idea tiegħi tal‑Madonna hija aħjar minn tiegħek!” lissen Renzo jitmasħan. “Għax jidhirli li ma tridx wegħdiet li jagħmlu ħsara lil ħaddieħor. Inti jekk trid twegħedha xi ħaġa, wegħedha li l‑ewwel tifla li jkollna ssemmiha Marija!”

“Tgħidx dan il‑kliem. Itlaq u taħsibx aktar fija!”

Renzo minnufih spjegalha li hemm kien iltaqa’ ma’ Fra Kristoforo u li l‑patri qallu li għamel sew li ġie jfittixha, u li Alla kien lest li jbierek l‑għaqda tagħhom.

“Imma qallek hekk għax ma jafx...”

“Dażgur li ma jafx, jekk qbadt u għamilt fattik mingħajr ma tlabt parir lil ħadd qabel!” ħatafha Renzo. “Raġel tajjeb bħalu żgur li qatt ma kien jaħseb ħwejjeġ bħal dawn! Qalli biex immur infittxu jekk insibek. U hekk se mmur nagħmel. Imma se niġi lura, oqgħod fuqi. Niġi lura anki jekk tkun l‑aħħar tad‑dinja!”

Mingħajr aktar paroli, Renzo ġera ’l barra mill‑kamra.

***** ***** ***** ***** *****

Dlonk ġie lura ma’ Fra Kristoforo.

“Binti,” qal il‑patri lil Luċija. “Renzo għarrafni dwar il‑wegħda li għamilt. Imma meta għamilt dik il‑wegħda, insejt li kont diġà marbuta b’wegħda oħra? Il‑Mulej lest li jaċċetta wegħda li ġejja minnek, imma ma tistax twiegħed għal rasek meta inti marbuta ma’ xi ħadd ieħor. Inti l‑għarusa ta’ Renzo, u lilu għamiltlu wegħda wkoll.”

“Allura għamilt ħażin?”

“Le, binti. Imma għidli, hemm xi raġuni oħra l‑għala ma tridx iżżomm il‑wegħda tiegħek lil Renzo?”

“Le, xejn,” lissnet hi minn taħt l‑ilsien.

“Mela l‑Knisja tista’ tħollok mir‑rabta tiegħek. Jekk tridni, nista’ nagħmel dan issa stess bil‑qalb kollha. Fil‑fatt nixtieqek titlobni nagħmel dan.”

“Mela... mela... Iva! Nitolbok!”

Waqt din it‑taħdita Renzo kien warrab u qagħad jistenna ftit ’il bogħod. Fra Kristoforo għamillu sinjal biex jiġi maġenbhom.

“Bl‑awtorità mogħtija lili mill‑Knisja, jiena nħollok mill‑wegħda tiegħek u neħilsek minn kull obbligazzjoni li torbtok magħha.”

***** ***** ***** ***** *****

Luċija ma riditx titlaq mil‑lazzarett qabel ma l‑pazjent tagħha jfiq, għaldaqstant Renzo telaq waħdu biex ikun jista’ jfassal il‑pjanijiet biex imorru lura darhom. Hekk kif telaq mil‑lazzarett bdiet tqattar ix‑xita li bil‑qajla bdiet tiżdied.

Għalkemm Renzo ma kienx konxju ta’ dan, fil‑fatt kien il‑bidu ta’ tmiem il‑pesta. Dik ix‑xita bdiet tiffriska u tnaddaf l‑arja u taħsel kollox mill‑marda. Fi żmien ġimgħa, il‑ħwienet reġgħu fetħu, u kulħadd beda jmur lura għal xogħlu. Ftit li xejn kien baqa’ ħjiel ta’ dak iż‑żmien terribbli.

***** ***** ***** ***** *****

Ftit jiem wara, Renzo mar iżur lill‑kappillan Don Abbondio.

“Reverendu, l‑aħħar darba li ġejt hawn kellek uġigħ ta’ ras kbira li żammitek milli żżewweġ lili u ’l Luċija. Qiegħed nassumi li llum dak l‑uġigħ ta’ ras għaddielek. Nixtiequ nkunu nafu meta jkun konvenjenti għalik.”

Din id‑darba Don Abbondio ma kellu l‑ebda raġuni biex ma jiċċelebrax iż‑żwieġ, speċjalment minħabba l‑aħbar li l‑Markiż li kien wiret il‑patrimonju ta’ Don Rodrigo, li kien miet bil‑pesta, ħassar il‑mandat tal‑arrest ta’ Renzo.

“Barra minn dan,” kompla l‑Markiż, “se nagħmel minn kollox biex il‑koppja tirċievi somma flus bħala kumpens, biżżejjed biex ikunu jistgħu jiftħu negozju tagħhom.”

***** ***** ***** ***** *****

U hawnhekk nistgħu nħallu lil Renzo u ’l Luċija, f’jum it‑tieġ tagħhom, imdawrin mill‑qraba u l‑ħbieb. U Renzo żamm kelmtu. F’qasir żmien il‑maħbubin kellhom tarbija. Kienet tifla. Semmewha Marija.

***** ***** TMIEM ***** *****

***** ***** stat_3 ***** *****

Noti

Brevjar: Ktieb tal‑qassisin bit‑talb għal kull siegħa tal‑jum. [Lura]

Ċoqqa: Libsa twila tal‑patrijiet. [Lura]

Ġrad: Tip ta’ insetti qishom ġurati kbar. [Lura]

Innominat: Mit‑Taljan ‘innominato’, li tfisser ‘dak li m’għandux isem’. [Lura]

***** ***** stat_3 ***** *****