Emilio Salgari
(1862‑1911)

Sors: wikipedia.org/GIMP
Ġeneri
Avventura
Emilio Salgari twieled f’Verona, l‑Italja, fl‑1862; l‑iben ta’ familja ta’ negozjanti. Minn tfulitu kien iffissat bl‑avventuri u l‑vjaġġi fuq il‑baħar, u ta’ żagħżugħ daħal fl‑Istitut Tekniku u Nawtiku ta’ Venezja. Madankollu, telaq l‑istitut wara sentejn biss, u qatt ma sar kaptan tal‑baħar. Minflok, beda jagħmel xogħol ta’ ġurnalista, sengħa li baqa’ jipprattika sal‑aħħar ta’ ħajtu.
Barra mill‑artikli fil‑gazzetti, Salgari kiteb 80 rumanz (100, jekk ngħoddu n‑novelli). Beda meta fl‑1882 ippubblika storja f’erba’ episodji f’rivista f’Milano, bl‑isem ta’ Is‑Slavaġ tal‑Paupasia. Fl‑1883 kabbar il‑popolarità tiegħu meta ppubblika It‑Tigri ta’ Mompracem.
Meta, mal‑familja tiegħu, mar jgħix f’parti oħra tal‑Italja, beda jżur ta’ spiss il‑Biblioteca Civica Centrale, il‑librerija pubblika, u hemm sab ħafna mapep u kotba dwar vjaġġi avventurużi fl‑Asja u fl‑Amerka Ċentrali. Dak li sab użah bħala spunt għar‑rumanzi tiegħu. Bejn l‑1892 u l‑1898 ippubblika madwar tletin rumanz. Kien prolifiku ħafna fil‑kitba tiegħu, u kien jikteb għal żmien twil mingħajr ma jieqaf biex jistrieħ.
Fil‑fatt dan kien jagħmlu minħabba l‑inkwiet finanzjarju li kellu. Kien maqbud b’ħafna dejn, u, barra minn hekk, kellu wkoll problemi fil‑familja. Martu kellha kriżi, u kellhom jagħlquha fi sptar psikjatriku, u Salgari baqa’ waħdu biex jieħu ħsieb lil uliedu. Miet fl‑1911.
Xogħol Salgari kiseb suċċess enormi, speċjalment wara mewtu. Ir‑rumanzi tiegħu tant saru famużi, u tant kien hemm qarrejja li kienu għatxana għall‑avventuri tiegħu, li ħafna pubblikaturi bdew iqabbdu lil kittieba oħrajn jiktbu stejjer ġodda u jippubblikawhom taħt ismu.
Il‑ħafna rumanzi tiegħu wieħed jista’ jiġborhom f’bosta gruppi ewlenin: Is‑sensiela tal‑Pirati tal‑Malasja (li tagħha It‑Tigri ta’ Mompracem huwa l‑ewwel rumanz), dik tal‑Kursari ta’ Antille (tibda bir‑rumanz Il‑Kursar l‑Iswed), is‑sensiela tal‑Furbani tal‑Bermuda, ir‑rumanzi tal‑Punent Imbiegħed (il‑Far West), u l‑kullani ta’ avventuri fl‑Indja, dawk fl‑Afrika, u dawk fir‑Russja. Dawn l‑avventuri għadhom maħbubin sal‑lum, speċjalment qalb qarrejja żgħażagħ madwar id‑dinja kollha.
Qari tal-provi: L-Aġenzija Nazzjonali tal-Litteriżmu
© Norman C. Borg
Avventura | Drama | Esplorazzjoni | Fantasija | Fantaxjenza | Ħrejjef | Leġġendi | Letteratura għat-Tfal | Letteratura Maltija | Makabru | Misteru | Mitoloġija | Poeżija | Rumanzi Klassiċi | Storja