Emilio Salgari (1862‑1911)
Madwar 6,185 kelma
Adattament għall-Malti:
Norman C. Borg
© Norman C. Borg
Qari tal-Provi:
L-Aġenzija Nazzjonali tal-Litteriżmu
Kapitli
1: It‑Tigra tal‑Malasja
2: Il‑Perla ta’ Labuan
3: Ħarba u lura
4: Il‑pjan
5: Il‑Ħtif
6: L‑Aħħar battalja tat‑Tigra
Noti
Lejl minnhom, fil‑gżira ta’ Mompracem, li kienet il‑moħba tal‑eqqel pirati tax‑Xlokk tal‑Asja, kien hemm maltempata qalila. Riħ qawwi ġab miegħu sħab iswed, u l‑mewġ kien qiegħed iħabbat mal‑blat b’qawwa tal‑biża’. Kien hemm dlam ċappa fir‑raħal kollu, minbarra f’gabuba fil‑quċċata ta’ għolja, fejn kien hemm dawl baxx ħiereġ minn żewġt itwieqi. Fuq is‑saqaf, bandiera ħamra bir‑ras ta’ tigra fin‑nofs, kienet qed tperper mar‑riħ. Xi ħadd kien għadu mqajjem f’dak il‑ħin tal‑lejl.
Sandokan kien bilqiegħda fuq sufan antik u nofsu mkisser. Kien raġel kbir, b’xagħar twil iswed u għajnejn skuri. Dan kien il‑pirata l‑aktar feroċi tal‑inħawi tal‑Borneo. Mhux ta’ b’xejn kien imlaqqam it‑Tigra tal‑Malasja.
“Nofsillejl, u għadu ma ġiex lura,” kien qiegħed jgħid bejnu u bejn ruħu.
Qam u mar jittawwal minn waħda mit‑twieqi. Minkejja d‑dlam, seta’ xorta waħda jilmaħ dgħajsa żgħira qiegħda toqrob lejn ix‑xatt.
“Hu, żgur!”
Raġel twil, imgezzez f’kowt kollu għasra, qabeż minn fuq id‑dgħajsa u baqa’ tiela’ jiġri dritt lejn il‑gabuba jsejjaħ isem Sandokan.
“Yanez, ħabib tiegħi!” Sandokan wieġbu lura. “Fl‑aħħar wasalt! Mort Labuan? Rajtha, lit‑tfajla ta’ xagħarha dehbi, il‑Perla ta’ Labuan?” Sandokan kompla jsaqsi bla sabar.
“Le, perikoluż wisq għal nies bħalna ninżlu l‑art, hemmhekk. Imma sirt naf li hija tassew sabiħa!”
Sandokan ma weġibx għal dan, iżda f’għajnejh imberrqin kienet tidher sew il‑qlubija li kellu, il‑ħarsa ta’ furban li kulħadd kien jibża’ minnu, il‑ġellied li kien rebaħ bosta battalji, il‑mexxej tal‑pirati li kien iwerwer lill‑flotta Ingliża: hu kien it‑Tigra tal‑Malasja!
“Yanez, x’qegħdin jagħmlu l‑Ingliżi f’Labuan?”
“Qegħdin jippreparaw lis‑suldati tagħhom. Qed nissuspetta li biħsiebhom jaħbtu għalina.”
“Jobogħduni daqshekk?”
“Ħabib tiegħi,” lissen Yanez, “attakkajt bosta rħula Olandiżi, Spanjoli u Ingliżi, u qridt ħafna mix‑xwieni tagħhom. X’tistenna? L‑Ingliżi jridu jaqbduk darba għal dejjem.”
“Tassew,” kompla Sandokan, “Imma jien qiegħed niġġieled biex inpattilhom talli qatlu lill‑familja tiegħi u qabdu fil‑jasar lill‑poplu tiegħi. Imma f’qalbi m’hemmx mibegħda biss...”
“Għaliex, x’qed taħseb?” staqsa Yanez.
“Irrid immur Labuan!”
“Qed tiġġennen? Hemmhekk perikoluż wisq. Miżgħud bis‑suldati Ingliżi, kollha lesti biex jaqbduk!”
“Ma jimpurtanix. Irrid nara lit‑tfajla tax‑xagħar dehbi. Ma nibżax, la mill‑Ingliżi u lanqas mill‑mewt! Jiena t‑Tigra!”
“Dan kollu għal sempliċi tfajla?” kompla Yanez. “Nixtieq noqtol lil dak il‑pirata li semmihielek!”
“Tgħidx aktar. Inti ġej miegħi!” lissen Sandokan.
L‑għada filgħodu ż‑żewġt iħbieb niżlu fix‑xatt fejn kien hemm xi tliet mitt raġel qegħdin jistennewhom, u li Sandokan kien isejħilhom it‑Tigrotti tiegħu. Kollha bdew jgħajtu isem Sandokan malli rawhom joqorbu.
Sandakon sejjaħ lil wieħed minnhom. “Patan! Ersaq ’l hawn. Kemm għandek nies fil‑grupp tiegħek?”
“Madwar ħamsin,” wieġeb Patan.
“Tajjeb. Ġib lin‑nies tiegħek u itilgħu fuq żewġ praho flimkien ma’ Giro‑Batol. Lestu biex issalpaw.”
F’dak il‑mument wasal pirata, kollu eċċitat u b’nifsu maqtugħ. “Hemm xini kbir viċin il‑gżira ta’ Romades,” qal lil Sandokan, “Hemm xniegħa li huwa mimli teżori!”
“Tajjeb wisq,” wieġeb Sandokan. “Mela l‑ewwel nattakkaw ix‑xini u mbagħad nibqgħu sejrin sa Labuan.”
F’qasir żmien iż‑żewġ praho salpaw bil‑għan li jattakkaw ix‑xini mgħobbi bit‑teżori. Lejn nofsinhar, raw fuq ix‑xefaq il‑qlugħ ta’ mirkeb. Sandokan ħares ġo teleskopju biex jarah mill‑viċin. Yanez kien wieqaf ħdejh, ipejjep sigarru.
Sandokan niżżel it‑teleskopju u għaddieh lil Yanez. “Għandu l‑bandiera ta’ Brooke,” lissen bil‑mod. Yanez ħataf it‑teleskopju minn id Sandokan u ta titwila.
Għalkemm James Brooke kien Ingliż, kien qatta’ parti kbira minn ħajtu fl‑Asja, u issa kien gvernatur tal‑istat żgħir ta’ Sarawak. Fost in‑nies tal‑post kien magħruf bħala r‑Rajah l‑Abjad. Brooke kien ħalef li jeqred lill‑pirati kollha li kienu jbaħħru fix‑Xlokk tal‑Asja, għaldaqstant kien l‑akbar għadu ta’ Sandokan.
“Ippreparaw biex nattakkaw!” Sandokan għajjat lil niesu.
Il‑praho kienu ħafna iżgħar mix‑xini, imma kienu aktar għaġġelin ukoll, u f’qasir żmien laħqu lix‑xini u bdew jibbumbardjawh bil‑kanuni. Kull praho sab postu fuq naħa waħda tax‑xini, għalhekk attakkaw miż‑żewġt ibnadi. F’ħin minnhom, meta t‑tnejn kienu viċin biżżejjed tax‑xini, bdew jaqbżu għal fuqu. Sandokan, b’għajta qawwija, mexxa l‑attakk.
L‑għajta ta’ Sandokan kienet magħrufa, u meta kienet tidwi kulħadd kien jitwerwer minnha. Iċ‑ċorma ta’ fuq ix‑xini, malli semgħuha, intebħu ma’ min kienu qegħdin iħaqquha, u fil‑pront, ħafna minnhom telqu l‑armi u ċedew. Il‑battalja damet ftit minuti biss, u ħadd ma korra gravi fuq iż‑żewġ naħat.
“Min hu l‑kaptan?” staqsa Sandokan.
“Jien hu,” wieġeb wieħed Ċiniż.
“Int u ċ‑ċorma tiegħek tassew qalbenin, u ppruvajtu tiddefendu l‑merkanzija tagħkom b’ħila kbira,” qallu Sandokan. “Iżda rridek tfakkar lill‑imgħallem tiegħek li jien, Sandokan, it‑Tigra tal‑Malasja, qiegħed nistennieh biex niġġilidlu. Jien ma nibżax minnu.”
Wara dan, il‑pirati ġarrew magħhom kemm felħu mit‑teżori li sabu fuq ix‑xini. Lill‑baħrin ta’ Brooke ħallewhom fuq ix‑xini tagħhom, u l‑praho rħewlha lejn Labuan.
Għaddew jum u lejl bejn sema u ilma qabel ma raw il‑gżira f’xi t‑tlieta ta’ filgħodu. Sandokan ordna li l‑praho jibqgħu telgħin tul xmara żgħira qrib il‑belt, ħalli l‑Ingliżi ma jarawhomx.
Sandokan u Patan niżlu l‑art u bdew jesploraw il‑gżira. F’ħin minnhom, jisimgħu kelb jinbaħ u jilmħu raġel.
“Min int, u fejn sejjer?” staqsa Sandokan.
“Qed nikkaċċja tigra,” wieġeb ir‑raġel.
“Tafha, lill‑Perla ta’ Labuan?”
“Iva,” wieġeb ir‑raġel. “Tgħix madwar żewġ kilometri bogħod minn hawn.”
“Mela nistennew sakemm jidlam,” Sandokan qal lil Patan. “Imbagħad immorru.”
Waqt li waqfu biex jistrieħu, semgħu kannunata ġejja min‑naħa tal‑baħar, u minnufih ġrew lura lejn fejn kienu telqu l‑praho.
“Qed jattakkawna, Kaptan!” għajjat Giro‑Batol malli lemaħ lil Sandokan ġej lura. “Vapur tal‑gwerra Ingliż!”
“Lestu għall‑ġlieda, Tigrotti tiegħi!” għajjat Sandokan.
“Viva t‑Tigra!” wieġbu l‑furbani.
Għalkemm il‑praho kienu tassew ċkejknin ħdejn il‑vapur tal‑gwerra Ingliż, xorta waħda resqu lejh bil‑ġirja, u bdiet battalja qalila bl‑isparar tal‑kanuni, li ma waqafx il‑lejl kollu. Iċ‑ċorma fuq il‑vapur tal‑gwerra Ingliż kienet tgħodd mill‑inqas tliet darbiet aktar min‑numru ta’ pirati fuq il‑praho, iżda t‑Tigrotti baqgħu jitqabdu b’kuraġġ liema bħalu sal‑aħħar, u fl‑aħħar iż‑żewġ praho kienu kważi meqrudin għalkollox.
Sandokan seta’ jara li kienu se jitilfu. Madankollu, baqa’ jqawwi qalb sħabu. “Nibqgħu niġġieldu, Tigrotti! Nibqgħu niġġieldu sal‑aħħar!”
Sandokan, bħal ħafna minn sħabu, kien mimli feriti, iżda baqa’ jagħti kemm jiflaħ. F’daqqa waħda, tir ta’ xkubetta laqtu f’sidru, u waqa’ għal tulu fl‑art. Għamel sforz u qam minn fejn kien, u bl‑aħħar saħħa li kien għad kellu f’ġismu, qabeż fil‑baħar. Fi ftit sekondi, inbela’ taħt il‑mewġ.
Fuq il‑vapur tal‑gwerra Ingliż, il‑baħrin xegħlu lampi kbar biex idawlu l‑ilma, biex jippruvaw jaraw ġisem Sandokan fl‑ilma. Ma deher xejn, u wara ftit il‑kaptan ordna li jitilqu minn hemm.
Għalkemm kien tilef ħafna demm, Sandokan baqa’ jżomm taħt l‑ilma kemm felaħ, sakemm kien ċert li l‑vapur tal‑gwerra kien telaq. Muġugħ u dgħajjef, ħareġ f’wiċċ l‑ilma u beda jgħum lejn Labuan. Waqt li kien qiegħed jgħum, idejh laqtu xi ħaġa iebsa f’wiċċ l‑ilma. Kienet biċċa tavla tal‑injam li kienet waqgħet minn wieħed mill‑praho waqt it‑taqbida. Kienet biżżejjed għalih biex iżomm magħha u jserraħ dirgħajh. Kif ħataf it‑tavla, intelaq, u ntilef minn sensih.
Ma kienx jaf kemm dam barra minn sensih, imma l‑ħoss qawwi tal‑mewġ iħabbat mal‑blat ġabu f’tiegħu, u ntebaħ li l‑mewġ kien kaxkru lejn l‑art. Kien sebaħ, u Sandokan sab ruħu minxur fuq bajja mrammla. Kien għadu muġugħ ħafna. Ittanta jqum u jimxi, imma wara żewġ passi reġa’ ntelaq fir‑ramel. Beda jħoss li x’aktarx kellu d‑deni wkoll, u reġa’ ntilef minn sensih.
Malli reġa’ qam, sab li kien dalam, u li kien baqa’ mitluq fil‑bajja għal jum sħiħ. Kien qiegħed iħossu kemm kemm aħjar, għalkemm l‑uġigħ tal‑ferita kien għadu qawwi. Reġa’ qam biex jipprova jimxi. Iżda għalfejn. L‑uġigħ beda jiżdied ma’ kull sforz li beda jagħmel, u fl‑aħħar ġismu ċeda, u reġa’ waqa’ għal tulu fl‑art, stordut.
Meta reġa’ ġie f’tiegħu u fetaħ għajnejh, sab li ma kienx għadu mixħut fuq ir‑ramel fil‑beraħ. Kien qiegħed mimdud komdu f’sodda, f’kamra mgħammra b’għamara nadifa u sabiħa. Għal mument ħaseb li kien qiegħed joħlom. Dawwar rasu u beda jifli l‑kamra sew.
Kienet kamra mdaqqsa, eleganti, b’tiżjin elaborat, purtieri bi drapp fin, ħitan imżejna b’inkwatri ta’ xeni u annimali differenti u żewġt itwieqi kbar miftuħin li minnhom kienet dieħla żiffa ħelwa u s‑sħana tax‑xemx. Fil‑kamra kien hemm ukoll pjanu, mejda u siġġu. Fuq il‑mejda kien hemm il‑kriss tiegħu, ħdejn ktieb miftuħ b’warda ċċattjata bejn il‑paġni. Seta’ jisma’ wkoll melodija ħelwa li kienet ġejja minn kamra oħra fil‑qrib, x’aktarx ta’ kitarra.
Fejn kien? Ta’ min kienet dik id‑dar?
Qam bilqiegħda fuq is‑sodda. Sab li kellu faxxa mdawra mal‑ferita tiegħu, li issa ma kinitx qed tuġgħu aktar. Xi ħadd kien sabu fil‑bajja u kien ħa ħsiebu. Ipprova jqum mis‑sodda, u ra li kellu saħħa biżżejjed biex jimxi wkoll. Resaq lejn il‑mejda u ħares lejn il‑ktieb. Kien isem miktub b’ittri tad‑deheb fuq il‑qoxra tal‑ktieb: Marianna.
Għal xi raġuni, malli qara dak l‑isem ħass għafsa f’qalbu. Qabad il‑warda u ressaqha lejn xofftejh. F’dak il‑mument, infetaħ il‑bieb tal‑kamra u daħal raġel. Sandokan mill‑ewwel basar li kien Ingliż, ġilda bajda, xagħar u mustaċċi ħomor u għajnejn żoroq. Kellu d‑dehra ta’ persuna awtorevoli, imdorrija tikkmanda.
“Aħħ, qed nieħu pjaċir li qomt u tħossok tajjeb,” lissen ir‑raġel. “Ilek tlitt ijiem stordut u thewden.”
“Tlitt ijiem?” tenna Sandokan. “Mela din mhix ħolma. M’iniex qed nhewden issa! Inti min int?”
“Jien Lord James Guillonk, kaptan tal‑marina Ingliża.”
Għal sekonda, Sandokan baqa’ sieket. Kien qiegħed fid‑dar ta’ wieħed mill‑akbar għedewwa tiegħu! Iżda ma ppanikjax. Baqa’ kalm, u rringrazzja lill‑kaptan talli kien ħa ħsiebu.
“X’ġaralek? Kif spiċċajt mitluq fil‑bajja?” staqsieh Lord Guillonk.
“Attakkaw ix‑xini tiegħi u qatlu lill‑baħrin kollha. Ma nafx min kienu...” lissen Sandokan.
“Kien Sandokan, żgur!” qabeż Lord Guillonk fil‑pront. “Fejn attakkaw ix‑xini tiegħek, eżatt?”
“Qrib il‑gżejjer Romades. Kont sejjer nieħu xi rigali lis‑Sultan ta’ Varauni, f’isem ħija, is‑Sultan ta’ Shaja,” Sandokan kompla jħarref.
“Mela inti prinċep Malasjan! Qed nieħu pjaċir li qed nilqgħek f’dari.”
“Skużani... kurżità,” kompla Sandokan. “Min qed idoqq?” Kien għadu qiegħed jisma’ d‑daqq ġej mill‑kamra l‑oħra.
Lord Guillonk tbissem u ħareġ mill‑kamra. Minnufih, id‑daqq waqaf, u ftit wara reġa’ daħal, u miegħu daħlet tfajla ħelwa, żgħira, liebsa eleganti, b’ġilda ħamranija daqs il‑ward. Kellha għajnejha koħol bħall‑baħar u xagħarha isfar bħad‑deheb. Sandokan baqa’ jħares ċass lejha, imsaħħar. Tgħid din kienet il‑Perla ta’ Labuan?
Lord Guillonk osserva l‑bluha ta’ Sandokan. “Tħossok sew, sinjur? Din hija n‑neputija tiegħi, Lady Marianna Guillonk.”
Sandokan kien għadu mbellah. “Marianna Guillonk... Marianna Guillonk...” beda jtenni.
“Għalfejn qed tistagħġeb?” staqsiet it‑tfajla. “X’għandu stramb ismi?”
“Qrajt ismek fil‑qoxra ta’ dak il‑ktieb, u mill‑ewwel immaġinajt li huwa l‑isem ta’ tfajla sabiħa.”
Marianna tbissmet. “Qed tiċċajta. Tassew li l‑pirati attakkaw ix‑xini tiegħek? Il‑ferita għadha tweġġgħek?”
“Iva, imma issa li qed nara lilek m’għadnix inħoss uġigħ. Sinjorina, inti dik it‑tfajla li kulħadd isejjaħ il‑Perla ta’ Labuan?”
Issa kien Lord Guillonk li baqa’ mbellah, u Marianna dehret li kienet qiegħda tistħi.
“Għażiża neputija,” lissen Lord Guillonk, “saħħart anki lil dan il‑prinċep Malasjan!”
It‑tlieta komplew jitħaddtu għal ftit żmien, u wara, Lord Guillonk u Marianna ħallew lil Sandokan jistrieħ.
Iżda moħħ Sandokan issa ma setax jistrieħ. ‘Marianna! Kien sar iħobbha! Kien iħobbha b’qalbu kollha! Iżda kif seta’ jinsa li din kienet l‑għadu tiegħu? Dan kien id‑destin tat‑Tigra – li jtemm il‑battalji tiegħu minħabba tfajla?’
Iż‑żmien għadda malajr, u wara ġimagħtejn Sandokan kien fieq għalkollox. Darba waħda Lord Guillonk stieden lil Sandokan imur għall‑kaċċa magħhom biex jaqbdu tigra li raw tiġġerra fil‑ġungla ta’ Labuan.
Waqt il‑kaċċa kienet se tieħu sehem Marianna, kif ukoll uffiċjal Ingliż, il‑Barunett William Rosenthal, li kien kemxejn kurjuż dwar Sandokan. L‑uffiċjal kellem lil Lord Guillonk dwaru.
“Għandi ngħid li lil dak il‑prinċep diġà ltqajt miegħu,” qallu.
“Tassew? Fejn?”
“Ma niftakarx. Imma ċert li rajtu xi mkien ieħor.”
“Imbagħad naraw. Imm’issa kollox lest għall‑kaċċa. Ejja nitilqu!”
L‑uffiċjal qorob lejn Sandokan. “Illum hija ġurnata xxurtjata għalija,” qallu. “Se noqtol tigra u se noffri l‑ġilda tagħha lil Lady Marianna!”
“Qed nittama li noqtolha jien qablek,” wieġeb Sandokan. “Mhux bi xkubetta, imma bil‑kriss tiegħi.”
Il‑grupp telaq biex jibda l‑kaċċa, u tqassmu fi gruppi iżgħar. Uħud minnhom telqu għal rajhom. Ftit ħin wara, Sandokan sema’ sparatura, u lemaħ lil Lady Marianna wieqfa waħidha fil‑beraħ.
“X’qed tagħmel hawn waħdek?” staqsieha.
“Smajt il‑ħsejjes tat‑tigra fil‑viċin u sparajtilha, imma ħarbet,” wieġbet hi.
“Hawnhekk perikoluż wisq għalik!”
“Forsi hekk hu,” wieġbet Marianna. “Imma ma rridx li tattakka lilek. Inti ma tistax tiddefendi ruħek b’sempliċi stallett.”
“Għażiża Marianna! Nixtieq li tferini t‑tigra ħalli nkun nista’ nibqa’ ftit aktar f’darek! Ma niflaħx inkun ’il bogħod minnek! X’għamiltilha lil qalbi!”
It‑tfajla baqgħet imbellha b’dak il‑kliem, u qalbha bdiet tħabbat sitta sitta.
“Jien inħobbok, Marianna!” issokta Sandokan. “Ejja miegħi, u nagħmlek ir‑reġina ta’ dawn l‑ibħra!”
“Alla miegħi! Inti min int?” lissnet Marianna, li bdiet tħoss l‑imħabba lejn dan ir‑raġel misterjuż.
“Jiena... ”
Iżda Sandokan ma kellux ċans itemm it‑tweġiba tiegħu, għaliex f’daqqa waħda semgħu jidwu żewġ sparaturi.
“It‑tigra!” qal Sandokan. “Dik għalija!”
B’dan il‑kliem, mar jiġri qalb is‑siġar tal‑foresta.
Sandokan ma damx ma sab ruħu wiċċ imb wiċċ mat‑tigra. Bil‑kriss miżmum sod f’idu, ħebb għat‑tigra, u qatilha f’qasir żmien. In‑nies li raw it‑taqbida baqgħu mbellhin b’għemilu, u l‑kelma malajr ġriet fost il‑kaċċaturi.
Sandokan dar lejn Marianna. “Noffri l‑ġilda ta’ din it‑tigra lilek, Marianna!” lissen Sandokan.
Wara l‑kaċċa, Lord Guillonk organizza ikla kbira. Il‑mistednin kienu kollha bilqiegħda madwar mejda twila, imżejna b’ħafna arranġamenti ta’ fjuri u miżgħuda b’ikel bnin. Kollha kienu f’burdata tajba, u kien hemm ħafna għagħa hekk kif kulħadd kien qiegħed jitkellem dwar il‑kaċċa, it‑tigri u l‑pirati li kienu qegħdin fl‑ibħra f’dawk iż‑żminijiet. Rosenthal u Sandokan inzertaw bilqiegħda biswit xulxin.
F’daqqa waħda, Rosenthal għadda kumment lil Sandokan. “Smajtek tgħid li l‑pirati għamlu għax‑xini tiegħek qrib il‑gżejjer Romades. Stramba din, għax sirt naf li l‑flotta tal‑baħar Ingliża ma ltaqgħet mal‑ebda mirkeb f’dawk l‑inħawi.”
“M’intix qed temmen kliemi?” wieġeb Sandokan, hekk kif qam minn postu b’ħarsa serja.
Lord Guillonk qabeż fil‑pront, “Barunett William, ma rridx diskussjonijiet f’dari!”
Rosenthal baqa’ jħares ċass lejn Sandokan għal ftit sekondi, bl‑istess ħarsa serja. “Nitlobkom tiskużawni,” lissen bil‑mod.
Lord Guillonk ħass li kien hemm ċerta tensjoni fl‑arja, u minnufih ipprova jbiddel is‑suġġett. “Sinjuri, naħseb wasal il‑waqt li nagħmlu brindisi tal‑aħħar u nsellmu lil xulxin!” Ma’ dan il‑kliem għolla t‑tazza tiegħu. “Għas‑saħħa tagħkom, sinjuri, għas‑saħħa tal‑kaċċaturi qalbenin, u għas‑saħħa tagħna kollha!”
Wara l‑brindisi, kulħadd beda jirtira bil‑mod, iżda Rosenthal resaq lejn Lord Guillonk waqt li dan kien miexi lejn il‑kamra tiegħu. “Għandi bżonn nagħtik aħbar importanti ħafna,” qallu.
ooo
L‑għada filgħodu, Sandokan qam kmieni biex imur ikellem lil Lord Guillonk, iżda l‑qaddejja għarrfuh li kien telaq għal Victoria. Sandokan beda jitħasseb. ‘Jewwilla xi ħadd kien sar jaf bl‑identità vera tiegħu?’ F’dak il‑waqt, Marianna daħlet fil‑kamra, u hi wkoll kienet tidher inkwetata.
“Marianna!” lissen Sandokan, mistagħġeb.
“Kont qed infittxek,” wieġbet hi fil‑pront. “Ismagħni sew. Ilbieraħ inti għedt xi affarijiet li bdew iħassbu lil zijuwi, u issa qed jissuspetta fik. Għidli, int min tassew int?”
“Qalb ta’ qalbi, trid tkun taf min tassew jien? Imma mbagħad tibqa’ tħobbni? Ma nafx... ”
“Ma jimpurtax min int. Jien inħobbok. U nibqa’ nħobbok għal dejjem!”
“It‑Tigra ta’ Mompracem, il‑pirata... jien hu!”
Mingħajr ma riedet, għajta ħafifa ħarġet minn fomm it‑tfajla, u għattiet wiċċha b’idejha.
“La tibżax minni. Kienu ċ‑ċirkostanzi li għamluni pirata, mhux għax ridt. L‑Ingliżi qatlu lill‑familja tiegħi kollha, u jien ħlift li npattihielhom. Imm’issa li nħobbok tbiddel kollox!”
“Jien inħobbok ukoll, u issa aktar minn qabel!”
“Ejja miegħi,” lissen Sandokan. Nitilqu u mmorru fuq gżira mbiegħda, u nibdew ħajja ġdida hemm!”
“Iva, maħbub tiegħi. Imm’inti tinsab fil‑periklu hawn. Hemm bżonn li titlaq minn hawn minnufih. Aħrab. Zijuwi u l‑oħrajn fiehmu min int!”
“M’iniex nibża’! Jien it‑Tigra!”
“Aħrab! Ġej iz‑ziju!”
Marianna bilkemm spiċċat kliemha li ma daħalx Lord Guillonk, b’ħarsa rrabjata fuq wiċċu.
“X’wiċċ kellek, li tibqa’ dan iż‑żmien kollu fid‑dar tal‑għadu tiegħek?” għajjat Lord Guillonk. “Itlaq minn dari!”
Sandokan għall‑ewwel kien se jaqbad jgħid xi ħaġa, imma qatagħha li jżomm ħalqu magħluq u ħarab lejn il‑ġnien. Iżda hemm sab għadd ta’ suldati armati, lesti biex joqtluh. Għalhekk daħal lura fid‑dar, iżda sab lil Lord Guillonk li qabeż fuqu. Sandokan kien aktar b’saħħtu, u malajr sabbat lil Guillonk mal‑art.
“Nista’ noqtlok malajr, iżda ma rridx. Jien m’iniex qattiel!” qallu.
Sandokan ħares lejn Marianna.
“Stennieni, għażiża tiegħi. Ma ndumx ma niġi għalik u niżżewġek!”
“Nistenniek. Nistenniek! Inwiegħdek!” lissnet hi fil‑pront.
Sandokan qabeż minn waħda mit‑twieqi u staħba wara xi siġar fil‑ġnien, hekk kif is‑suldati nfirxu f’kull rokna jfittxuh. Qabeż fuq tnejn minnhom u qatilhom, ħareġ mill‑ġnien u ntilef qalb is‑siġar tal‑foresta qrib. Sema’ xi ħsejjes fil‑qrib, u lesta x‑xabla għall‑ġlied, iżda sab ruħu quddiem sieħbu.
“Giro‑Batol, ħabib! Mela għadek ħaj!”
“Iva, Tigra. Għadni ħaj. Imm’int x’qed tagħmel hawn?”
“L‑Ingliżi qed ifittxuni. Hemm bżonn immorru Mompracem u nerġgħu niġu hawn.”
“Niġu hawn?” tenna Giro‑Batol mistagħġeb. “Għalfejn?”
“Issaqsini xejn. Ejja nitilqu minn hawn.”
ooo
Għaddew ftit sigħat sakemm iż‑żewġt iħbieb sabu dgħajsa u waslu fil‑gżira. Sandokan lemaħ il‑bandiera tat‑Tigra. Mela sħabu kien għadhom hawn. Iżda qalb Sandokan kienet sewda. Marianna ma kinitx hawn.
F’qasir żmien sab lil Yanez, li kien imbellah u fl‑istess ħin fis‑seba’ sema meta rah. “Sandokan! Ġejt lura! Kont ċert li ma kontx mejjet!” qallu bi tbissima u dirgħajh miftuħin biex jilqgħu.
“Għandi bżonn immur lura Labuan, ħabib!” qallu Sandokan fil‑pront.
“Għalfejn? Qed tiġġennen?”
“Inħobbha, Yanez! Inħobbha u ma nistax noqgħod mingħajrha!”
“Għal min qed tgħid?”
“Il‑Perla ta’ Labuan!”
Malli azzettaw fil‑kamra tiegħu, Sandokan beda jirrakkonta kif iltaqa’ ma’ Marianna, il‑ftit żmien sabiħ li qatta’ magħha, u kif seħħlu jaħrab mid‑dar ta’ Lord Guillonk. Wara dan, baqa’ jħares lejn sieħbu, imħasseb. “Għidli. X’għandi nagħmel?”
“Insieha minn issa!”
“Ninsieha?! Qatt! Inħobbha!”
Sandokan qam minn postu b’sabta, resaq lejn il‑bieb u fetħu bil‑goff.
“Fejn sejjer?” għajjat Yanez, warajh.
“Sejjer Labuan. Se nitlaq din il‑gżira għalkollox! Se nħalli kollox f’idejk hawn: mexxi int! Kellem lill‑oħrajn u spjegalhom kollox. Ħajti hawn mingħajrha ma tfisser xejn aktar!”
“Mela tassew qed tiġġennen!” wieġeb Yanez. “Jekk trid tmur lura għaliha, kollox sew; ngħinuk. M’intix qed taħseb li se nħalluk tmur waħdek, hux?”
Wara ftit jiem, Sandokan, Yanez u madwar disgħin raġel salpaw lejn Labuan fuq tliet praho. Il‑baħar kien imqalleb ħafna u t‑temp kien tassew ikrah. Is‑sema kienet miksija bi sħab iswed, kollu ragħad u sajjetti.
“Bilkemm nistgħu naraw xejn f’dan is‑swied kollu,” qal Sandokan. “Imma qalbi tħoss li ninsabu qrib Labuan.”
“B’dan il‑maltemp diffiċli naslu s’hemm. Perikoluż wisq,” qal Yanez.
“Ma jimpurtanix. Taf tgħum, Yanez? Tigrotti, lestuli dgħajsa! Jien sejjer Labuan!”
“Kollox sew, niġi miegħek,” lissen Yanez. “Imma xorta waħda ngħid li hi ġennata!”
Minkejja l‑mewġ qawwi u t‑tempesta qalila li kienu fiha, iż‑żewġ pirati esperti rnexxielhom bis‑sewwa jew bid‑dnewwa jilħqu x‑xtut tal‑gżira. Malli niżlu f’bajja, ħbew id‑dgħajsa qalb is‑siġar taħt il‑ħaxix.
“Issa, x’nagħmlu?” staqsa Yanez.
“Immorru l‑villa, hux?”
“Imm’hekk perikoluż wisq. Qegħdin tnejn biss u l‑Ingliżi qegħdin kullimkien!”
“Ma nistax nistenna aktar! Irrid nara lil Marianna issa!” wieġeb Sandokan.
Iżda Yanez baqa’ jinsisti ma’ sieħbu, sakemm fl‑aħħar ikkonvinċieh jistrieħ imqar għal ftit sigħat u jistenna li jisbaħ, qabel ma jmorru fil‑villa ta’ Lord Guillonk. Malli sebaħ, bdew mixja twila qalb il‑ġungla, sakemm fl‑aħħar lemħu d‑dar kbira.
“Hemm hi, Yanez. Ejja mmorru!” lissen Sandokan.
“Iva stenna!” qabeż Yanez hekk kif ħatfu minn driegħu. “M’intix tara li hi miżgħuda bis‑suldati. Dawk kollha armati bis‑snieter u jistgħu joqtluna faċilment. Nieħdu ftit paċenzja. Nistennew għall‑waqt it‑tajjeb. U hemm bżonn li t‑tfajla tkun taf li ġejna għaliha. F’liema parti tal‑ġnien tħobb tmur, Marianna?”
“Tħobb tmur toqgħod tirrakkma fil‑kjosk Ċiniż,” wieġeb Sandokan.
“Tajjeb. Mela mmorru hemm. Inħallulha messaġġ.”
Iż‑żewġt iħbieb resqu lejn il‑kjosk bil‑moħbi. Yanez ħarbex malajr malajr messaġġ qasir fuq biċċa karta, u ħallieh fuq il‑mejda hemm.
“Għada filgħaxija, f’nofsillejl, se nkunu taħt it‑twieqi ta’ kamartek. Sib ħabel biex tgħin lil Sandokan jitla’.”
Il‑maltemp kien għadu sejjer ġmielu, ix‑xita kienet nieżla aktar bil‑qliel. Permezz ta’ ftit bambù u weraq kbir li setgħu jaqtgħu mill‑foresta, iż‑żewġt iħbieb bnew speċi ta’ tinda żgħira fejn setgħu jistkennu matul il‑lejl sakemm kellu jasal il‑waqt li jiltaqgħu ma’ Marianna. Minn fejn kienu, kellhom ukoll veduta tal‑baħar.
“Għad ma nistax nara l‑praho tagħna,” qal Sandokan.
“Tinkwetax, Sandokan. Tassew li l‑maltemp huwa qalil, imma taf li sħabna huma baħrin eċċellenti.”
Imma Sandokan xorta waħda sab x’jinkwetah. “U jekk Marianna ma ratx il‑messaġġ tagħna?”
“Ratu, tinkwetax!” wieġeb Yanez. “Biss x’aktarx Lord Guillonk iżomm għajnejh fuqha sew u jikkontrollaha, u ma tkunx tista’ tiġi fil‑kjosk meta trid.”
“Għandek raġun... naħseb hekk hu.”
“Hemm bżonn noqogħdu attenti ħafna. Fil‑bitħa tal‑villa hemm ħafna suldati. Għalhekk irridek tibqa’ kalm, u nibqgħu moħbijin. Qed tifhimni, Sandokan?” staqsa Yanez.
“Iva,” wieġeb Sandokan.
Bil‑qajla u mingħajr ħoss, it‑tnejn qorbu lejn il‑villa, u lemħu għassies qiegħed eżatt fil‑post fejn kellhom jiltaqgħu.
“Se jkollna nagħmlu għalih u norbtulu ħalqu biex ma jsejjaħx lil sħabu,” lissen Sandokan, “Jekk jiġu iżjed suldati jkollna problema.”
Sandokan stenna l‑mument meta s‑suldat kien qrib sew ta’ fejn kien qiegħed mistoħbi. Ħareġ minn qalb il‑ħaxix u minn wara s‑suldat. Tah daqqa wara rasu biex jisturdih, u kaxkru lura qalb il‑ħaxix. Hemmhekk, rabatlu driegħu wara dahru u biċċa drapp ma’ ħalqu.
“Tippruvax taħrab biex tavża lil sħabek jekk ma tridnix noqtlok,” qal b’leħen baxx, hekk kif poġġielu l‑ponta tal‑kriss ma’ mnieħru.
Is‑suldat, imwerwer u b’għajnejh imberrqin, mejjel rasu darba darbtejn.
Wara dan, Sandokan ħares ’il fuq lejn waħda mit‑twieqi tal‑kamra ta’ Marianna.
“It‑twieqi msakkrin bi grilja tal‑ħadid. Mhux se nkun nista’ nidħol.”
Ħataf ftit żrar minn mal‑art, u beda jissuttahom lejn il‑ħġieġ tat‑tieqa, bit‑tama li jiġbed l‑attenzjoni ta’ Marianna—jekk kienet hemm ġew.
F’daqqa waħda, infetħet it‑tieqa u fid‑dawl tal‑qamar lemaħ ifeġġ il‑wiċċ tal‑maħbuba tiegħu.
Sandokan ħa r‑ruħ. “Marianna!” ipprova jgħajjat bil‑mod, hekk kif qabeż iċ‑ċint tal‑ġnien biex jersaq lejn it‑tieqa.
“Għadek ħaj!” lissnet Marianna, minn fuq.
“It‑Tigra b’saħħitha wisq biex tmut!” wieġeb Sandokan. “Għadni ħaj, u ġejt biex insalvak!”
“Ma tistax issalvani. Hawn wisq suldati. Itlaq minn hawn, għax iridu joqtluk!” Marianna lissnet dan b’leħen miksur, u Sandokan intebaħ li kienet qiegħda tibki.
“La tibkix, maħbuba tiegħi.” qalilha. “Id‑dmugħ tiegħek qishom stalletti ġo qalbi. In‑nies tiegħi mhumiex ’il bogħod minn hawn... ”
“Itlaq, ħanini! Qed nisma’ xi ħadd ġej mill‑kurutur. Iġri, iġri!” lissnet Marianna b’leħen inkwetat.
“Ma nistax nitilqek, qalbi. Jien ma nibża’ minn ħadd, Marianna!”
Kien f’dak il‑waqt li Lord Guillonk daħal fil‑kamra ta’ Marianna u lemaħha ħdejn it‑tieqa. Mexa erba’ passi mgħaġġlin lejha u mill‑ewwel intebaħ min kien hemm isfel fil‑bitħa. Fil‑pront għajjat lis‑suldati.
Sandokan u Yanez minnufih ġrew lejn in‑naħa l‑oħra tal‑bitħa u ġewwa l‑ġnien. Is‑suldati, malli semgħu l‑allarm ta’ Lord Guillonk, bdew ifittxu madwar il‑villa kollha, fil‑bitħa u fil‑ġnien.
Malli l‑pirati waslu fit‑tarf l‑ieħor tal‑ġnien, semgħu żewġ suldati qegħdin jitkellmu bejniethom.
“Ninqasmu tliet suldati kull mitt metru,” wieħed minnhom kien qiegħed jgħid. “B’dan il‑mod ma jkunux jistgħu jaħarbulna.”
“Issa tassew magħluqin,” lissen Yanez. “Is‑suldati qegħdin kullimkien.”
“Ejja miegħi. Għandi idea,” qabeż Sandokan. “Ħalli mmorru f’post ta’ kenn.”
Billi Sandokan kien qatta’ xi żmien fil‑villa ta’ Lord Guillonk, kien sar jaf il‑post sewwa. Fuq naħa tal‑ġonna kien hemm serra u bojler magħha.
“Nistaħbew ġewwa l‑bojler,” qal Sandokan. “Ħadd mhu se jissuspetta li nkunu qalb il‑ħmieġ u n‑nugrufun.”
U l‑bojler kien tassew kollu nugrufun u ħmieġ, u kien dlam ċappa. Kien hemm ftit li xejn arja, u t‑tnejn bilkemm setgħu jieħdu n‑nifs. Ir‑riħa tan‑nugrufun kienet qawwija wisq. Iżda Sandokan u Yanez kienu lesti li jissaportuha sakemm jibqgħu moħbijin.
Ftit ħin wara, semgħu xi suldati joqorbu lejn is‑serra.
“Fejn mar dak ix‑xifajk ta’ pirata?!” wieħed minnhom kien qiegħed igerger. “Għosfor għalkollox!”
“Hawn mhuwiex,” wieġeb suldat ieħor, hekk kif ittawwal fis‑serra.
“Stenna!” qabeż ieħor. “Ħarsu lejn dak il‑bojler. Forsi qiegħed hemm ġew. Ħalli naraw.”
Suldat minnhom fetaħ il‑bieb tal‑bojler, iżda reġa’ għalqu minnufih malli xamm ir‑riħa qawwija tan‑nugrufun.
“Kemm nugrufun! Ma jistax ikun qiegħed hawn ġew!”
Is‑suldati warrbu minn ħdejn is‑serra, u l‑pirati ħadu r‑ruħ. Madankollu, ma setgħux joħorġu mill‑bojler minnufih. Kien għad hemm xi suldati fis‑serra. Sandokan ma felaħx jistenna aktar. Bil‑kriss f’id waħda u pistola fl‑oħra, ħareġ jiġri jgħajjat u għamel għalihom. Yanez ma kellux ċans iwaqqfu, u kellu joħroġ jiġri warajh.
Billi s‑suldati ma kinux qed jistennew attakk dirett, inħasdu għal ftit sekondi, u dan il‑ħin kien biżżejjed biex il‑pirati waqqgħu tnejn minnhom. Qalb il‑konfużjoni, Sandokan u Yanez għosfru qalb il‑ħaxix u dritt għal ġol‑foresta.
“Naħseb li sħabna issa niżlu fuq il‑gżira,” qal Sandokan. “Hemm bżonn insibuhom mill‑aktar fis.”
“Għandi idea oħra... ” qabeż Yanez. Imma waqaf hekk kif sema’ l‑għajjat ta’ xi annimali feroċi fil‑qrib. Beda jħares lejn is‑siġar madwaru. “Naħseb li qegħdin fil‑periklu hawn,” kompla. “Mill‑ħsejjes qed naħseb li orangutan qed jiġġieled ma’ pantera. Ma jaqblilniex inkunu viċin tagħhom meta jkunu daqshekk imdagħdin.”
Yanez bilkemm laħaq spiċċa kliemu meta l‑ħaxix ftit metri ’l bogħod minnhom sploda, u friegħi, biċċiet tal‑bambù u weraq taru madwarhom, hekk kif iż‑żewġ annimali tfaċċaw qalb it‑tifrik, jgħajtu u jiggranfaw ma’ xulxin. Sandokan u Yanez baqgħu moħbijin wara s‑siġar, u għal ftit ħin waqfu jħarsu lejn dak l‑ispettaklu terribbli tan‑natura.
F’daqqa waħda, Yanez qabad jgħajjat. “Ħares ’l hemm, Sandokan! Hemm raġel fil‑foresta qiegħed joqrob lejn l‑annimali. L‑orangutan rah u se jagħmel għalih. Sparalu!”
Sandokan spara l‑pistola tiegħu, u l‑orangutan waqa’ fl‑art.
“Kaptan! Sur Yanez!” għajjat ir‑raġel, mistagħġeb.
“Paranao! Huwa int! X’inti tagħmel hawn? L‑oħrajn niżlu wkoll?”
“Iva. Ġejna biex ngħinukom,” wieġeb Paranao.
“Tajjeb wisq. Uruna fejn inżiltu.”
It‑tlieta f’qasir żmien waslu fil‑bajja. Ftit ’il barra fil‑baħar setgħu jaraw iż‑żewġ praho. Fuq ir‑ramel kien hemm il‑pirati kollha qegħdin jistennewhom. Sandokan u Yanez kienu għajjenin, u ħadu xi ħaġa x’jieklu. Wara, ħadu raqda żgħira. Qamu wara ftit sigħat u minnufih bdew jiddiskutu kif jisirqu lil Marianna minn taħt idejn zijuha.
Yanez spjega l‑idea li kienet ġiet f’rasu ftit ħin qabel. “Naħseb nista’ nilbes ta’ suldat Ingliż u nipprova nikkonvinċi lil Lord Guillonk biex jitilqu l‑villa u jmur jistkenn Victoria għax hawn il‑praho tal‑pirati fil‑qrib. Intom staħbew fil‑foresta tul it‑triq, u attakkawhom meta jgħaddu minn ħdejkom. B’hekk inkunu nistgħu naħtfu lil Marianna u nilħqu l‑praho malajr.”
“Iva, Yanez,” lissen Sandokan. “Dak huwa pjan perfett!”
Tassew li l‑pjan ta’ Yanez kien wieħed qalbieni, iżda kien ukoll kemxejn diffiċli. Imqar suspett żgħir kien ikun biżżejjed biex l‑Ingliżi jintebħu min kien tassew u joqtluh fil‑post. Iżda Yanez baqa’ kalm u biered: kien ċert li kien bniedem ixxurtjat! Għalhekk, libes l‑uniformi ta’ suldat Ingliż, rikeb iż‑żiemel u telaq.
Wara xi sagħtejn wasal fil‑villa ta’ Lord Guillonk, li kienet għadha mdawra mis‑suldati Ingliżi. Wieħed minnhom waqqfu minnufih.
“Int min int?” staqsieh.
“Għadni kemm nasal minn Victoria fuq l‑ordni tal‑Barunett Rosenthal,” wieġeb Yanez fil‑pront.
“Mela tista’ tgħaddi.”
“Għandi bżonn inkellem lil Lord urġentement,” kompla Yanez.
“Ħalli navża lil Lord li wasal,” wieġeb is‑suldat. Telaq għal ftit mumenti u ġie lura.
“Il‑Lord qed jistenniek.”
Kien issa li Yanez beda jħossu nervuż, u għal mument ħass bruda nieżla ma dahru. Madankollu żamm kalm hekk kif daħal fl‑istudju ta’ Lord Guillonk. Sabu bilqiegħda ma’ skrivanija f’rokna tal‑kamra.
“Qaluli li ġej minn Victoria,” ikkummenta Lord Guillonk, ftit suspettuż.
“Iva, Sinjur,” wieġeb Yanez b’leħen sod.
“Għandek xi messaġġ għalija m’għand il‑Baruni Rosenthal?”
“Iva, Milord. Il‑Barunett jixtieq javżak li t‑Tigra tal‑Malasja jinsab fi trappola, imdawwar mit‑truppi Ingliżi, f’bajja fin‑Nofsinhar tal‑gżira.”
“It‑Tigra fi trappola! Għandek xi aħbarijiet oħra?”
“Il‑Barunett jixtieq jagħtik parir biex titilqu l‑villa u tmorru Victoria. Għalkemm qiegħed imdawwar mit‑truppi, it‑Tigra jista’ xorta waħda jirnexxilu jiżgiċċalna, jaqsam il‑foresta u jasal hawn.”
“Dażgur! Sewwa qed jaħseb il‑Barunett. Dak il‑bniedem intelliġenti. Huwa tassew ir‑raġel xieraq għal Marianna, anki jekk hi tħobb lil dak il‑mingħul ta’ pirata, se jkollha tiżżewweġ lil min irrid jien!”
“Sinjur,” kompla Yanez, “nista’ nitkellem man‑neputija tiegħek. Għandi messaġġ għaliha wkoll mingħand il‑Barunett Rosenthal.”
“Mela le,” wieġeb Lord Guillonk. “U sadattant ara jirnexxilekx tbiddlilha dawk l‑ideat imġienen tagħha!”
Yanez daħal f’kamra kollha fwejjaħ tal‑fjuri. It‑tfajla kienet bilqiegħda f’rokna, b’ħarsa ta’ dwejjaq. Meta raha, Yanez baqa’ mbellah bis‑sbuħija tagħha. Resaq lejha, qalilha min kien, u spjegalha l‑pjan biex iħarrabha minn hemm u joħodha Mompracem.
“Grazzi! Grazzi mill‑qalb! Nittama li nista’ nara lill‑maħbub tiegħi f’qasir żmien!” lissnet Marianna, hekk kif wiċċha xegħel bil‑ferħ sakemm Yanez taha l‑aħbar.
ooo
Marianna u Lord Guillonk, armat b’pistola u b’xabla, rikbu ż‑żwiemel tagħhom u, flimkien ma’ tnejn u għoxrin suldat, fosthom Yanez, irħewlha fi triqithom lejn Victoria. Għaddew minn mogħdija ġewwa l‑foresta. F’ħin minnhom dwiet tisfira żgħira. Kien is‑sinjal li Yanez kien qiegħed jistenna. Ħareġ ix‑xabla tiegħu, u ressaq iż‑żiemel bejn dak ta’ Lord Guillonk u dak ta’ Marianna.
“Dak is‑sinjal ifisser li intom imdawrin minn sħabi,” qal b’leħen sod.
“Traditur!” għajjat Lord Guillonk, hekk kif għolla x‑xabla tiegħu lejn Yanez.
F’dak il‑waqt, tletin pirata feġġew minn qalb is‑siġar, immexxija minn Sandokan, u attakkaw lis‑suldati.
Ifferoċjat, Lord Guillonk dar fuq wieħed mis‑suldati tiegħu. “Oqtol lil Lady Marianna! Oqtolha!”
Iżda t‑Tigra kien viċin, u b’daqqa waħda tax‑xabla, waqqa’ lis‑suldat minn fuq iż‑żiemel u qatlu. Dar fuq Marianna, u ħatafha mill‑qadd.
“Inti tiegħi! Tiegħi!”
Waqt it‑taqbid, il‑pirati ferew lil Lord Guillonk, u dan staħba wara siġra. Sadanittant, Sandokan ħarab fil‑foresta ma’ Marianna.
Sakemm dalam, il‑pirati laħqu l‑praho fid‑dawl tal‑qamar. Issa kien hemm skiet perfett, u ma kienx hemm periklu. Il‑praho beda jbaħħar lejn Mompracem. Marianna fl‑aħħar kienet mal‑maħbub tagħha, iżda xorta kienet imbikkma.
“Għażiża tiegħi, la tibkix,” qalilha Sandokan. “Miegħi se tkun kuntenta bla qies. Jien tiegħek biss. Ħalli nitilqu ’l bogħod minn dawn il‑gżejjer, ninsew l‑imgħoddi tagħna, lill‑pirati tiegħi u lil Mompracem. Issa m’għadnix it‑Tigra tal‑biża’ li kont darba.”
“Iva, Sandokan. Jien inħobbok ukoll. Nitilqu minn dawn il‑gżejjer, u ngħixu flimkien ’il bogħod minn dan kollu!”
Iżda Yanez resaq lejhom. “L‑għadu ġej warajna, Sandokan.”
“Allura? Nippreparaw biex niġġieldu!”
Tassew, ftit minuti wara, vapur Ingliż qorob lejn il‑praho, u beda jispara xi kannunati lejh. Fis qam għagħa kbir u għajjat hekk kif bdiet il‑battalja. B’xi mod, il‑kanuni tal‑praho laqtu parti mill‑vapur Ingliż, u dan deher li kellu l‑problemi jlaħħaq mal‑praho għaġġiel, li beda jitbiegħed aktar u aktar ma’ kull minuta li tgħaddi.
“Viva t‑Tigra!” bdew jgħajtu l‑pirati wara l‑aħħar sparatura tal‑kanun.
Lejn nofsinhar, wieħed mill‑pirati avżahom li kienu waslu qrib il‑gżira ta’ Mompracem.
Madankollu, Sandokan deher imħasseb hekk kif lemaħ dħaħen twal jitilgħu minn qalb il‑foresta. “Ġara xi ħaġa f’Mompracem,” lissen bil‑mod.
Dlonk il‑praho daħal fil‑bajja tar‑raħal ta’ Sandokan, u l‑pirati setgħu jaraw x’kien ġara eżatt. Kullimkien kien meqrud: il‑fortifikazzjonijiet, id‑djar, u l‑praho kollha li kienu trakkati fil‑bajja.
“L‑għadu attakka Mompracem sakemm aħna ma konniex hawn!” Sandokan qabad jokrob, iddisprat.
Malli Sandokan u niesu niżlu mill‑praho, dawk fil‑gżira li kienu għadhom ħajjin marru jilqgħuhom, ferħanin li kienu waslu lura u fl‑istess ħin ħerqana biex ipattuha lill‑Ingliżi. Madankollu, Sandokan ma weġibx għal dan. Minflok, ħa lil Marianna quddiem il‑poplu kollu tal‑gżira.
“Din hija Marianna, il‑mara tiegħi! Din hija r‑reġina tagħkom! Ir‑reġina ta’ Mompracem!”
B’leħen wieħed, il‑poplu nfexx jgħajjat, “Viva l‑Perla ta’ Labuan! Viva r‑reġina ta’ Mompracem!”
Marianna bdiet tibki bil‑ferħ u bi kburija. “Issa dan huwa pajjiżi!” wieġbet lura.
L‑għada, bdew jippreparaw u jiffortifikaw il‑gżira għal xi attakk ieħor tal‑Ingliżi: poġġew il‑kanuni f’posthom, lestew il‑praho u rranġaw dak il‑bini li ma kienx inqered għalkollox. Sandokan ma tax l‑ordnijiet biss, imma medd idejh għax‑xogħol daqs sħabu, waqt li r‑reġina ta’ Mompracem tat daqqa t’id fejn setgħet u qawwet qalb in‑nies bi kliemha. Il‑vapuri tal‑Ingliżi kienu qrib ix‑xtut, u minn fuqhom bdew josservaw ix‑xogħol fuq il‑gżira.
“Nissuspetta,” Sandokan qal lil Yanez, “li qed jistennew sakemm jaslu vapuri oħra ħalli jattakkaw lill‑gżira b’qawwa akbar.”
“Qed taħseb li jġibu l‑Olandiżi u l‑Ispanjoli wkoll?” staqsa Yanez.
“Hekk naħseb. Imm’aħna lesti li nibqgħu niġġieldu!”
L‑għada filgħodu, Sandokan, Marianna u Yanez stenbħu hekk kif bdew jisimgħu ħafna għagħa.
“L‑għadu! L‑għadu ġej!” xi ħadd fir‑raħal kien qiegħed jgħajjat.
Sandokan ħares lejn il‑baħar: kien miżgħud b’vapuri u xwieni!
“Fejn sabu dawn il‑vapuri kollha?” lissen mistagħġeb.
“Kemm hemm!” kompla Yanez.
“Sandokan, taħseb li nirbħu?” staqsiet Marianna, imħassba.
“Nittama, maħbuba tiegħi! Il‑poplu tiegħi huwa poplu qalbieni,” wieġeb Sandokan, hekk kif ġera lejn ir‑raħal biex jingħaqad ma’ sħabu.
“Kuraġġ, Tigrotti! It‑Tigra huwa magħkom! Forsi l‑għadu huwa akbar minna, imm’aħna t‑tigri feroċi ta’ Mompracem!”
“Viva Sandokan! Viva r‑reġina tagħna! Irridu d‑demm! Irridu l‑vendetta!” bdew jgħajtu l‑pirati.
F’qasir żmien, il‑praho kollha li kien hemm fil‑port salpaw biex jiffaċċjaw il‑vapuri Ingliżi. Dawn minnufih bdew jisparaw il‑kanuni fuqhom. Il‑pirati bdew jisparaw lura. Iżda f’daqqa waħda, Sandokan lemaħ vapuri oħrajn ġejjin biex jgħinu lil dawk Ingliżi, u għal mument ħassu jinkwieta ftit. Madankollu, baqa’ jixpruna lil niesu. Imma f’qalbu kien qiegħed iħoss li din id‑darba, l‑għadu kien kbir wisq, anki għat‑Tigra.
“Sandokan! Huwa impossibbli!” għajjat Yanez. “Ma nistgħux inżommuhom kollha! Hemm bżonn nirtiraw!”
Sandokan beda jiddispra hekk kif beda jara lill‑praho u lir‑raħal tiegħu jinqerdu. B’qalbu miksura ta l‑ordni biex jibdew jirtiraw. Sadanittant, it‑truppi Ingliżi bdew niżlin fuq il‑gżira. Mompracem kienet spiċċat!
Sandokan, Marianna, Yanez u għadd żgħir ta’ pirati oħra ttantaw jaħarbu mill‑gżira fuq praho, iżda minnufih, mirkeb tal‑għadu beda jiġri warajhom.
“Għadkom ġejjin!” għajjat Sandokan, hekk kif għannaq lil Marianna. “Għadkom ma xbajtux! Jiena lest għalikom!”
Kien l‑aħħar att iddisprat. Hekk Sandokan ordna lil sħabu jattakkaw il‑vapur.
“Jien it‑Tigra!” beda jgħajjat, qisu miġnun.
Malli l‑praho u l‑vapur kienu viċin, Sandokan qabeż għal fuq il‑mirkeb tal‑għadu, u beda jfajjar ix‑xabla ’l hawn u ’l hinn. Kien f’dak il‑mument li waqt il‑konfużjoni, lemaħ lill‑Barunett Rosenthal, u ħebb għalih fil‑pront.
Iżda f’daqqa waħda ħass xi ħaġa tolqtu fuq rasu, u waqa’ stendut mal‑art, barra minn sensih. Malli reġa’ ġie f’tiegħu, sab ruħu fl‑istiva mudlama, taħt il‑gverta tal‑vapur, marbut bil‑ktajjen. Ħafna ħsibijiet bdew ileħħu f’rasu. ‘Ninsab priġunier! Fejn qiegħed kulħadd? Marianna? Yanez? It‑Tigrotti? Fejn qegħdin? Qiegħed waħdi, hawn! L‑Ingliżi reġgħu rebħu! Irrid immut!’
Iżda f’dak id‑dlam dewa leħen. “Kaptan! Il‑Kaptan tiegħi!”
“Tkellem!” wieġeb Sandokan bil‑ħatfa. “X’sar minn niesi?”
“Mejtin! Kollha mejtin!”
“U Marianna? U Yanez?” staqsa Sandokan.
“Forsi huma għadhom ħajjin,” wieġeb ir‑raġel.
F’dak il‑waqt daħlu tliet suldati Ingliżi armati: uffiċjal u żewġ baħrin.
“Xi tridu minni?” lissen Sandokan b’leħen sod.
“Bagħtitna Lady Guillonk,” wieġeb l‑uffiċjal.
“Marianna! Mela għadha ħajja!”
“Insieha lit‑tfajla. M’għandekx tama.”
“U għaliex? Ikkundannajtuni għall‑mewt, hux?”
“Iva. Se tkun mgħallaq minn għonqok sakemm tmut,” wieġeb l‑uffiċjal.
“Nippreferi mmut bħala suldat. Irridkom tiffuċillawni!” qal Sandokan.
Dak li qal l‑uffiċjal wara għaġġeb lil Sandokan. “Mhux sabiħ tara bniedem kuraġġuż imut hekk, anki jekk huwa l‑għadu.”
“Nixtieq nagħmel l‑aħħar talba. Irrid nara lil Marianna għall‑aħħar darba.”
“Mhux suppost nagħmel hekk,” wieġeb l‑uffiċjal, “iżda nixtieq nurik li nammira l‑qlubija tiegħek, u nsejħilha kif tixtieq.”
Wara xi għoxrin minuta, l‑uffiċjal ġie lura, u Marianna kienet miegħu. Sandokan kien eċċitat hekk kif għannaq lill‑maħbuba tiegħu. It‑tfajla kienet imbikkma.
“Maħbuba tiegħi, la tibkix. Għad hemm ċans li nsalva,” lissen Sandokan b’vuċi baxxa. “Qed tara dan iċ‑ċurkett li għandi? Fih għandi velenu qawwi li jista’ jraqqadni għal madwar sitt sigħat u nidher qisni mejjet. Jekk jaħsbu li nkun mejjet jixħtuni fil‑baħar. Malli nkun fil‑baħar, niġi f’tiegħi u nkun nista’ ngħum u naħrab. Wara nkun nista’ nsib lil sħabi li għadhom ħajjin u niġi lura neħilsek. Inħobbok Marianna. Hemm bżonn li tafda fija.”
It‑tfajla baqgħet tibki ddisprata, sakemm ġie lura l‑uffiċjal li qalilha biex titlaq. Meta kien waħdu, Sandokan fetaħ iċ‑ċurkett, u bela’ l‑velenu li kien hemm fih. Wara ftit, għajjat tnejn, u ntelaq mal‑art qisu mejjet.
Xi suldati, flimkien mal‑uffiċjal, semgħu l‑għajjat minn barra u daħlu jiġru biex jaraw x’kien ġara.
“Mejjet,” lissen l‑uffiċjal wara li eżamina lil Sandokan. “Se jkollna nagħmlulu funeral fil‑baħar.”
Skont il‑liġi tal‑baħar, persuna li tmut fuq vapur bejn sema u ilma kellha dritt tindifen fil‑baħar, anki jekk din kienet għadu jew pirata. Għaldaqstant, geżwru l‑ġisem ta’ Sandokan f’liżar, poġġewh fuq tavla, u minn fuqha ħallewh jiżloq għal ġol‑baħar. Wara dan, il‑vapur kompla l‑vjaġġ tiegħu.
Dan ma sarx minnufih wara li Sandokan kien ħa l‑velenu, u fil‑fatt ma damx ħafna fl‑ilma qabel ma reġa’ ġie f’sensih. Marianna, sogħbiena, kienet talbet lill‑uffiċjal toqgħod ftit waħidha mal‑ġisem imgeżwer tal‑maħbub tagħha. Sakemm kienet waħidha, żellqitlu stallett fit‑tinja tal‑liżar li kien imgeżwer fih.
Kien b’dan l‑istallett li Sandokan seta’ joħroġ mil‑liżar, jitla’ f’wiċċ l‑ilma, u jibda jgħum lejn l‑eqreb art li seta’ jsib. Madankollu, kien bejn sema u ilma, u ma seta’ jara l‑ebda art fix‑xefaq, kull fejn ħares. Ma qatax qalbu. Agħżel direzzjoni u beda jgħum. Għaddew xi sagħtejn, qabel ma wieħed mill‑praho tiegħu sabu fl‑ilma. Kien qiegħed imexxih Yanez, li ma kienx qata’ qalbu li jsib lil Sandokan ħaj, bis‑sewwa jew bid‑dnewwa.
Lura f’Mompracem, ġabru l‑praho l‑oħra u salpaw minnufih. F’qasir żmien, raw joqorbu l‑gżejjer ta’ Labuan, bil‑vapuri Ingliżi ankrati fil‑port.
Sandokan ġabar madwaru lit‑Tigrotti tiegħu.
“Ħbieb,” qalilhom. “Din x’aktarx se tkun l‑aħħar battalja tagħna, għaliex hawnhekk l‑Ingliżi huma l‑aktar b’saħħithom u armati sa snienhom. Madankollu rridkom tiftakru min aħna u kemm aħna qalbenin. Hemmhekk, abbord xi wieħed minn dawk il‑vapuri, hemm ir‑reġina ta’ Mompracem. Ħalli mmorru nsalvawha!”
“Viva t‑Tigra! Viva r‑reġina ta’ Mompracem!” il‑pirati bdew jgħajtu għalenija.
Malli l‑praho kienu qrib biżżejjed il‑vapuri Ingliżi, reġgħet bdiet battalja oħra. Kien hemm kannunati minn kull naħa, u dħaħen bojod u suwed malajr belgħu l‑port. Sandokan qatagħha li jmur dritt għall‑akbar vapur li kien hemm għax basar li kellu jsib lil Marianna fuqu. Ma marx żball, għaliex fil‑fatt sabha hemm, priġuniera ta’ niesha stess. Wara taqbida qalila mas‑suldati, Sandokan u Yanez irnexxielhom isibu fejn kienet miżmuma.
“Marianna, fl‑aħħar ninsabu flimkien!” qal Sandokan hekk kif tgħannqu ma’ xulxin. “Ħalli nfittxu nitilqu minn hawn u mmorru ’l bogħod minn dan kollu!”
Telqu minn fuq il‑vapur u telgħu lura fuq il‑praho. Sadanittant, Sandokan lemaħ żewġ vapuri oħra Ingliżi jbaħħru ’l bogħod mill‑gżejjer. Kienu għadhom qrib biżżejjed biex Sandokan jara lil xi nies fuq il‑gverta ta’ wieħed minnhom.
Ipponta lejn wieħed minnhom. “Marianna, qed tara lil dak ir‑raġel fuq dak il‑vapur?”
“Dak iz‑ziju!” lissnet Marianna.
“Se tkun l‑aħħar darba li qed tarah,” kompla Sandokan. F’daqqa waħda, kien qisu waqa’ dell fuq wiċċu, hekk kif ħares b’diqa lejn it‑tifrik ta’ dik il‑battalja bil‑mejtin u l‑feruti kollha li ħalla warajh.
Imma l‑praho tiegħu ma mexxiehx lejn l‑oħrajn, u minflok, qabad rotta oħra.
“Addio, Tigri ta’ Mompracem! It‑Tigra hija mejta għal dejjem.” U hekk kif għannaq lil Marianna, Sandokan infexx jibki għall‑ewwel darba f’ħajtu.
TMIEM
Barunett: Titlu ta’ nobbli, bħal prinċep, imma inqas importanti. [Lura]
Furban: Pirata, kursar. [Lura]
Kriss: Speċi ta’ stallett użat fil‑pajjiżi tal‑Asja. [Lura]
Milord: Sejħa ta’ rispett, bħal “Sinjur tiegħi”. [Lura]
Praho: Speċi ta’ mirkeb żgħir tal‑baħar, bħal xini, popolari ħafna fl‑ibħra tal‑Asja. [Lura]
Victoria: Il‑belt kapitali ta’ Labuan, il‑Malasja. [Lura]
Żoroq: Blu, koħol, lewn is‑sema. [Lura]
Avventura | Drama | Esplorazzjoni | Fantasija | Fantaxjenza | Ħrejjef | Leġġendi | Letteratura għat-Tfal | Letteratura Maltija | Makabru | Misteru | Mitoloġija | Poeżija | Rumanzi Klassiċi | Storja