Robert Louis Stevenson
(1850-1894)
Sors: wikipedia.org/GIMP
Ġeneri
Avventura |
Letteratura għat-tfal |
Rumanzi klassiċi
Robert Louis Stevenson twieled f’Edinburgh, l‑Iskozja, fl‑1850, iben inġinier. Ma kienx tifel b’saħħtu ħafna, u għal ħafna żmien f’ħajtu kien marid. Fl‑1867 Stevenson beda jistudja l‑inġinerija, imma s‑suġġett ma kienx jogħġbu ħafna, għalhekk beda jistudja l‑liġi minflok. Madankollu, l‑aktar ħaġa li kienet tinteressah kienet il‑letteratura.
Fl‑1876 spiċċa l‑università u siefer Franza u l‑Belġju. Hemmhekk iltaqa’ mas‑Sinjura Fanny Osbourne, armla Amerikana li kienet omm ta’ żewġt itfal. Fl‑1879 mar California, u sena wara żżewweġ lis‑Sinjura Osbourne f’San Francisco. Matul is‑snin 1881 u 1882 kiteb Il‑Gżira tat‑Teżor għat‑tifel tas‑Sinjura Osbourne, Lloyd. Il‑ktieb kien suċċess kbir. Aktar tard f’ħajtu mar lura l‑Ingilterra fejn kiteb bosta xogħlijiet oħra ta’ suċċess, fosthom Il‑Każ Misterjuż tat‑Tabib Jekyll u s‑Sur Hyde (1886), Il‑Maħtuf (1886) u Il‑Vleġġa s‑Sewda (1888).
Fl‑1888 beda jbati bit‑tuberkolożi, u għalhekk kellu jitlaq mill‑Ingilterra biex isib pajjiż bi klima aktar sħuna. Wara li dam sentejn isiefer, sab il‑gżira ta’ Samoa, fl‑Ibħra tan‑Nofsinhar, u qatagħha li jibqa’ hemm.
Stevenson miet ħesrem fl‑1894 b’emorraġija ċerebrali. F’ħajtu, l‑aktar opra popolari tiegħu kienet Il‑Gżira tat‑Teżor, u hekk għadha sa llum.
Qari tal‑provi: Therese Vella
© Norman C. Borg
Avventura | Drama | Esplorazzjoni | Fantasija | Fantaxjenza | Ħrejjef | Leġġendi | Letteratura għat-Tfal | Letteratura Maltija | Makabru | Misteru | Mitoloġija | Rumanzi Klassiċi | Storja