Avventura | Drama | Esplorazzjoni | Fantasija

Arthur Conan Doyle
(Ingliż, 1859-1930)
Madwar 5,600 kelma

Adattament għall-Malti:
Norman C. Borg
© Norman C. Borg

Qari tal-Provi:
Anabel Micallef

Kapitli
L-Ewwel Kapitlu
It-Tieni Kapitlu
It-Tielet Kapitlu
Ir-Raba’ Kapitlu
Il-Ħames Kapitlu
Is-Sitt Kapitlu
Is-Seba' Kapitlu
Noti

Aktar tagħrif f' Sagħtar
Ħarġa numru 372 (Novembru 2022)

L‑Ewwel Kapitlu

Jisimni Edward Malone, u kont għadni kemm nibda naħdem bħala ġurnalist mad‑Daily Gazette meta ltqajt għall‑ewwel darba ma’ persunaġġ straordinarju − il‑Professur Challenger. Kien xjenzat u esploratur li kien għadu kemm jasal lura minn spedizzjoni fuq ix‑xmara tal‑Amażonja, bi ħrafa dwar ħafna annimali strambi li kien ra hemmhekk. L‑editur tal‑gazzetta bagħatni biex nintervistah. Qatt ma bsart li dakinhar kien se jkun il‑bidu tal‑akbar avventura ta’ ħajti.

“Attent, għax huwa persuna vjolenti, perikoluża u pikuża,” kien wissieni l‑editur. “Kull min ikollu x’jaqsam miegħu ma jaħmlux.” Fil‑fatt smajt li kien saħansitra ġie fl‑idejn ma’ xi ġurnalisti li kienu merew dak li kien qed jirrakkonta! Imma dan ma kienx qed ibeżżagħni wisq. Jien kont żagħżugħ u b’saħħti. Kont nilgħab ir‑rugby, għalhekk ftit guffaġni ma kenitx tinkwetani. Barra minn hekk minn dejjem ridt li ninvestiga xi ħaġa mhux tas‑soltu biex nimpressjona lill‑għarusa tiegħi, għax kienet hedditni li ma tiżżewwiġnix jekk ma jkollix xi suċċess f’ħajti.

Il‑Professur kien raġel kbir u goff, kollu suf u b’daqna sewda faħma. Idejh kienu kbar u ħoxnin, kellu ħarsa penetranti u sidru kien goff qisu kartell tal‑inbid. Il‑vuċi tiegħu kienet qawwija u soda, u kienet faċilment iġġiblek suġġizzjoni. Madankollu deher li ħa grazzja miegħi mill‑ewwel għax beda jkellimni bil‑ħlewwa. Saħansitra spiċċa biex urieni pitazz kemxejn imkagħbar li qal kien ta’ artist Amerikan, ċertu Maple White, li kien iltaqa’ miegħu ftit qabel ma miet, f’villaġġ maġenb il‑foresta tal‑Amażonja.

Fl‑ewwel paġna tal‑pitazz kien hemm tpenġija ta’ art miksija bil‑ġungla, miżgħuda bi ħdura u b’siġar u għeruq goffi. L‑art fil‑bogħod kienet tagħti għal irdum għoli ta’ blat dritt ħamrani li kien qed jifforma ħajt solidu minn naħa tal‑istampa għal oħra. Fil‑parti l‑aktar imbiegħda l‑blat kien jieqaf ħesrem u warajh kien hemm blata daqstant għolja, imma maqtugħa għalkollox mill‑kumplament, qisha kolonna wieqfa. Fil‑quċċata ta’ din il‑blata kien hemm siġra waħda. Dan kollu kien fi sfond ta’ sema kaħlani tropikali. Fil‑quċċata tal‑blat ħamrani kien jidher sew li kien hemm ukoll ħafna ħdura.

L‑istampa ma kienet tfisser xejn għalija, għax il‑post m’għaraftux. “Interessanti,” lissint bil‑pulit.

“Interessanti?” għajjat il‑Professur, u għoddu ħasadni. “Dak il‑post huwa uniku fid‑dinja. M’hemm imkien bħalu! Tal‑għaġeb! Aqleb il‑paġna.”

Nammetti li stagħġibt malli dawwart il‑paġna kif qalli u rajt x’kien hemm. Kienet l‑istampa tal‑aktar ħlejqa straordinarja li qatt kont rajt sa dakinhar. Rasha kienet tidher qisha ta’ għasfur, iżda l‑kumplament tal‑ġisem kien qisu dak ta’ gremxula enormi. Minn denbu kienu ħerġin żewġ fillieri ta’ għadam ippuntati. Fuq dahru għoli u mgħawweġ, minn għonqu sal‑bidu ta’ denbu, kellu żewġ fillieri ta’ għadam oħra: kbar, ċatti, qishom imriewaħ. Quddiem il‑ħlejqa kien hemm xbieha ċkejkna ta’ bniedem iħares ’il fuq lejha.

“X’taħseb li ġiegħlu jpenġi annimal bħal dak?” staqsa Challenger.

“Forsi kien fis‑sakra,” weġibt jien. “Għaliex, x’inhi l‑opinjoni tiegħek?”

“Naturalment, ifisser li dak l‑annimal tassew jeżisti. Penġieh għax fil‑fatt rah.”

Kieku ma kontx avżat minn qabel dwar il‑karattru tal‑Professur, żgur li kont ninfaqa’ nidħaq quddiemu. Imma kkontrollajt lili nnifsi hekk kif beda jonfoħ u jipponta lejn it‑tpenġija b’dak is‑seba’ tiegħu oħxon daqs zalzetta.

“Qed taraha dik il‑pjanta wara l‑annimal? M’intix qed taħseb li hija xi ħassa, hux? Dik hija tip ta’ siġra tal‑palm, għolja madwar ħamsin pied. Penġa r‑raġel quddiemu biex jagħti idea tad‑daqs tal‑annimal. Kemm jista’ jkun twil ir‑raġel? Ħames jew sitt piedi. U s‑siġra hija madwar għaxar darbiet itwal. Mela kemm jista’ jkun kbir dak l‑annimal?”

“Żgur mhux se jkun jista’ jidħol f’vagun tal‑ferrovija,” lissint jien, imħasseb.

Il‑Professur qabad ktieb ieħor mill‑ixkafef tal‑librerija. “Ħa nurik stampa ta’ kif nobsru li seta’ kien jidher annimal preistoriku, skont għadam iffossilizzat li nstab. Dan huwa dinosawr ta’ żmien il‑Ġurassiku, li nsejħulu ‘stegosawr’.”

Issa kont aktar mistagħġeb. Tassew, l‑għadam li rajt fir‑ritratt kien simili ħafna fil‑forma għat‑tpenġija fil‑pitazz. Il‑formazzjoni ġeoloġika ta’ żmien il‑Ġurassiku kien maħsub li kienet iffurmat madwar 135 miljun sena ilu, qabel ma beda jeżisti l‑bniedem fid‑dinja. Kien f’dak iż‑żmien li kienu jeżistu l‑akbar dinosawri. Stegosawru kien wieħed minn dawk id‑dinosawri li kienu armati b’għadam iebes biex jiddefendu ruħhom. U l‑Professur riedni nemmen li wieħed minnhom kien għadu jeżisti f’dawn iż‑żminijiet, u li Maple White kien rah fl‑Amerka t’Isfel!

Wara dan urieni ritratt kemxejn imċajpar. Kien ritratt tal‑istess post, bil‑ħajt tal‑blat u l‑kolonna għolja bis‑siġra fil‑quċċata. Biss kien jidher li kien hemm xi ħaġa fuq is‑siġra. Għaddieli lenti żgħira.

“Hemm, għidli x’qed tara fuq dik is‑siġra,” qalli.

Ħarist bir‑reqqa. “Jidher qisu għasfur kbir, b’munqar twil,” għedtlu. “Naħseb huwa pellikan.”

“Jiddispjaċini m’għandekx vista tajba,” qalli biered biered. “Mhuwiex pellikan, u lanqas biss huwa għasfur. Dak sparajtlu jien u qtiltu, imma b’xorti ħażina tlift il‑karkassa f’inċident bid‑dgħajsa jien u nieżel ix‑xmara. Irnexxieli nsalva biċċa mill‑ġewnaħ biss.”

Urieni l‑biċċa mill‑ġewnaħ. Kienet biċċa ta’ għadma rqiqa u tawwalija, li magħha kellha biċċiet ta’ ġilda mqattgħa.

“Farfett il‑lejl ġgant?” lissint.

Il‑Professur sab paġna oħra fil‑ktieb. “Hawn, ara.” Urieni stampa oħra, din id‑darba ta’ mostru bil‑ġwienaħ. “Din hija riproduzzjoni tajba ħafna ta’ dak li nsejħulu ‘terodattilu’, li wkoll kien jgħix fi żmien il‑Ġurassiku. Fil‑paġna ta’ wara għandek disinn ta’ kif naħsbu li kien iħaddem il‑ġwienaħ. Ara kemm tixbah lil dik li għandek f’idek.”

It‑terodattili ma kinux ġodda għalija. Kont naf li l‑kelma kienet ġejja minn tero, li tfisser ġewnaħ, u dattilu, li tfisser seba’, jiġifieri ġwienaħ bis‑swaba’. Ma stajtx nimmaġina kreatura bħal dik tittajjar fis‑smewwiet illum il‑ġurnata, imma ma stajtx immeri dak il‑biċċa ġewnaħ li kelli f’idejja. Kienet inkredibbli, imma l‑Professur tassew kellu dawn il‑provi favur tiegħu.

Issa kont eċċitat jien ukoll. “Din hija l‑aktar ħaġa straordinarja li qatt smajt,” għajjatt jien b’entużjażmu. “Irnexxielek issib dinja mitlufa. Imma kif tista’ tispjega dan? Kif tista’ tispjega li dawn l‑annimali għadhom jeżistu wara daż‑żmien kollu?”

“Min jaf?” wieġeb Challenger. “Forsi żbroffa xi vulkan u tella’ biċċa kbira ta’ art ’il fuq, li nqatgħet mill‑kumplament tal‑ġungla madwarha. Maqtugħin mill‑kumplament tad‑dinja, l‑annimali t’hemm fuq baqgħu jgħixu u jkattru sal‑lum, waqt li fl‑imkejjen l‑oħra tad‑dinja spiċċaw għalkollox.”

Wiċċ Challenger xegħel f’daqqa waħda hekk kif deher li ġietu idea. “Għax ma tiġix miegħi fl‑ispedizzjoni li qed nipprepara biex nerġa’ mmur hemm?” staqsieni bil‑ħerqa. “Il‑Professur Summerlee, dak il‑ħmar li mhux qed jemminni, ġej ukoll biex jara b’għajnejh. U l‑kaċċatur famuż Lord John Roxton ġej magħna. Ikun perfett jekk tkun tista’ tiġi inti bħala ġurnalista ħalli tikteb fid‑dettall dak kollu li se naraw u tieħu r‑ritratti.”

Kif stajt nitlef opportunità bħal dik? Għedtlu iva mingħajr ma qgħadt naħsibha darbtejn.

***** ***** stat_3 ***** *****

It‑Tieni Kapitlu

Malli għarraft lill‑editur tiegħi dwar l‑ispedizzjoni, l‑idea għoġbitu mill‑ewwel għax kien jaf li kienet storja eċċellenti għal Gazette. Aktar tard iltqajt maż‑żewġ membri l‑oħra tal‑ispedizzjoni. Il‑Professur Summerlee kien raġel irqiq u serju li ma kien jaqbel assolutament xejn mat‑teoriji ta’ Challenger. Lord John Roxton kien l‑istampa perfetta tal‑avventurier. Kien kaċċatur famuż, b’karnaġġjon skur, xagħar ħamrani u għajnejn koħol dejjem attenti. Il‑karattru tiegħu malajr għoġobni. Jien kont se nkun l‑iżgħar membru fl‑ispedizzjoni u dak iż‑żmien li kieku kont naf x’kien hemm merfugħ għalina, ma kontx inkun daqshekk ħerqan biex nibdew il‑vjaġġ.

Irħejnielha għall‑Brażil fuq vapur li kellu joħodna sa Manao. Hemmhekk sibna lill‑Professur Challenger jistenniena.

Konna grupp tassew imħallat. Il‑Professur Summerlee kellu ħamsa u sittin sena imma pjuttost żvelt għal dik l‑età. Il‑ħin kollu jiġri minn post għal ieħor, b’xibka f’idu biex jaqbad kull farfett u insett li jara biex jistudjahom. Kien xempju perfett ta’ dak li jgħidulu ‘l‑Professur nofs ras’, traskurat fi ħwejġu u fi mġibtu, u l‑ħin kollu b’pipa żgħira f’ħalqu.

Lord John Roxton, mill‑banda l‑oħra, kien dejjem liebes pulit. Kien iħobb iqaxxar il‑leħja kuljum – anki f’nofs il‑ġungla – u kellu vuċi baxxa u kalma. L‑Indjani tal‑post kienu jirrispettawh, u kienu jsejħulu ‘l‑Mexxej l‑Aħmar’ minħabba l‑kulur ta’ xagħru. Darba kien salva tribù sħiħ tagħhom minn grupp ta’ skjavisti mill‑Perù, u kien saħansitra qatel personalment lill‑kap tal‑klikka, ċertu Pedro Lopez. Il‑fatt li kien jaf sew il‑lingwa tal‑inħawi u l‑pajjiż stess, kien ta’ għajnuna kbira għalina.

Għall‑ewwel parti tal‑vjaġġ użajna vapur, imma kif bdejna nidħlu aktar ’il ġewwa fix‑xmara użajna żewġ kenuri u qassamna l‑provvisti bejniethom. Magħna kellna żewġ aħwa jisimhom Gomez, li kienu nofs Portugiżi u nofs Indjani. Kellna wkoll raġel iswed jismu Żamba u żewġ Indjani. Dawn għenuna biex ninnavigaw tul ix‑xmara.

Kien hemm ħinijiet meta kellna nġorru l‑kenuri magħna fuq l‑art biex nevitaw il‑kurrent ġieri fix‑xmara. Il‑kobor tal‑foresta madwarna kien tal‑għaġeb. Konna mdawrin b’siġar enormi li kienu jitilgħu sas‑sema, qishom kolonni. Il‑friegħi tagħhom tant kienu magħqudin li bilkemm stajna naraw raġġ wieħed ta’ xemx. Imxejna siekta qalb il‑ħaxix f’ħemda liema bħalha. Stajna naraw orkidej u fjuri oħra ta’ kull lewn kull fejn konna mmiddu għajnejna. Il‑ħsejjes ta’ ħajja oħra madwarna konna stajna nisimgħuhom biss fi nżul u tlugħ ix‑xemx – it‑twerżiq tax‑xadini qalb il‑ħxejjex u tal‑pappagalli qalb il‑friegħi fil‑għoli. F’ħin minnhom smajna l‑ħsejjes ta’ tnabar fil‑bogħod.

“Tnabar tal‑gwerra,” lissen Lord John.

“Iva,” kompla Gomez il‑kbir, “Indjani slavaġ. Ilhom josservawna minn mindu dħalna fil‑foresta, u ma jridu xejn biex jattakkawna.”

Mill‑ġdid fil‑kenuri konna qed noqorbu lejn il‑post minn fejn il‑Professur Challenger kien sab triqtu lejn l‑art l‑għolja l‑ewwel darba li kien mar hemm. F’ħin minnhom waqqaf il‑kenura u tela’ fuq l‑art, u aħna għamilna bħalu. Kien hemm nixxiegħa żgħira ta’ ilma ċar li kienet twassal għal speċi ta’ mina taħt is‑siġar għoljin li kienu qed jiffurmaw saqaf fuq rasna. Għaddejna minn qalbhom u sibna ruħna f’pajsaġġ aktar meraviljuż minn ta’ qablu. Il‑ħsejjes tan‑natura hawn kienu aktar qawwija, imma t‑tnabar ma smajniehomx aktar.

“M’hawnx Indjani hawn,” lissen Gomez. “Jibżgħu jersqu ’l hawn minħabba l‑Kurupuri.”

“Il‑Kurupuri huwa l‑ispirtu tal‑foresta,” spjega Lord John minn taħt l‑ilsien.

Wara tlitt ijiem kellna nitilqu l‑kenuri u nimxu fl‑ilma baxx infestat bin‑nemus. Ftit ftit l‑art bdiet tagħti għat‑telgħa. Stajt nosserva wkoll li l‑ħaxix u s‑siġar kienu qed jonqsu. Matul dawn il‑jiem iż‑żewġ professuri baqgħu jillitikaw bejniethom il‑ħin kollu dwar min minnhom kien qed imexxi l‑ispedizzjoni.

U komplejna sejrin għal disat ijiem oħra. Kellna nużaw is‑skieken biex inqattgħu l‑foresta ta’ bambù li sibna ma’ wiċċna. Stajna nisimgħu wkoll ħsejjes ta’ annimali goffi madwarna, għalkemm ma rnexxielna nilmħu l‑ebda. F’ħin minnhom wasalna ħdejn sensiela ta’ għoljiet żgħar, u madwar mil ’il bogħod feġġ speċi ta’ għasfur kbir, griż. Fetaħ il‑ġwienaħ malajr, tar ’il fuq u għeb qalb is‑siġar għoljin.

“Rajtu, Summerlee, rajtu?” qabad jgħajjat Challenger. “Temminni issa?”

“Għaliex, x’taħseb li kien?”

“Ċertissimu li dak kien terodattilu!”

“Terobużnannuk!” qabad jidħaq Summerlee. “Dak kien għarnuq, xejn aktar!”

Lord John qabad it‑tromba u pprova jsegwi t‑tajra. “Qatt ma rajt għasfur bħal dak f’ħajti,” lissen imħasseb.

Konna qed noqorbu lejn id‑destinazzjoni tagħna, u konna deħlin f’art li qatt ma kienet esplorata qabel.

Fl‑aħħar wasalna taħt l‑irdum imponenti tal‑blat l‑aħmar. Stajna naraw il‑ħaxix imdendel fil‑quċċata, imma ma kienx hemm mod li nilħquh minn hemm isfel. Wiċċ l‑irdum kien lixx wisq biex inkunu nistgħu nixxabbtu miegħu. Il‑blata kolonna kienet tidher aktar faċli biex nitilgħuha, imma mbagħad kien hemm il‑problema li kienet maqtugħa wisq mill‑quċċata tal‑irdum.

“Bilfors li hemm xi mod kif naslu hemm fuq!” qal Challenger. “Għax, allura, kif seta’ Maple White jitla’ u jpinġi dak l‑annimal?”

“Għad m’għandna l‑ebda prova li hemm annimali hemm fuq,” lissen Summerlee b’ton ta’ disprezz.

***** ***** stat_3 ***** *****

It‑Tielet Kapitlu

Bdejna mixjin tul il‑bażi tal‑irdum, qalb blat u għadajjar kollha tajn, u bqajna sejrin għal ġranet sħaħ. Darba waħda sibna l‑fdalijiet ta’ kamp u ħuġġieġa nar. Rajna wkoll sinjali forma ta’ vleġeġ fuq il‑ħitan. Stħajjilna li kien għamilhom Maple White, u bdejna nsegwuhom. Dawn wassluna f’għar fil‑blat. Dħalna fih u rajna li l‑art bdiet bil‑qajla tielgħa ’l fuq, imma ma stajniex inkomplu deħlin għax l‑għar kien imblukkat minn ħafna blat li kien waqa’ mis‑saqaf. Għalhekk ħriġna u komplejna l‑mixja madwar l‑irdum. L‑aktar sejba makabra li kellna kienet l‑għadma ta’ ras ta’ bniedem, bajda karti, qalb iz‑zkuk ta’ bambù qrib l‑għar. Qrib tagħha kien hemm il‑kumplament tal‑iskeletru. Maġenbu sibna kaxxa tas‑sigaretti tal‑fidda, u Challenger qal li x’aktarx dak l‑iskeletru kien ta’ xi ħadd mill‑grupp ta’ White.

“Naħseb li waqa’ mill‑quċċata tal‑irdum, imsejken,” lissen Lord John.

Imma lili ġieni suspett ikrah. Waqa’, jew imbuttah xi ħadd?

Malli beda jidlam iddeċidejna li nieqfu u nagħmlu kamp biex nieklu. Lord John qatel qażquż żgħir, u għamilna ħuġġieġa biex nixwuh. Issa kien dalam sewwa, u għalkemm ma kienx hemm qamar, xorta stajna naraw ftit ’il bogħod bid‑dawl tal‑kwiekeb. F’daqqa waħda, minn qalb id‑dalma, tfaċċat xi ħaġa kbira li niżlet fuqna b’ħeffa qisha ta’ ajruplan. Għal mument għattiet il‑kwiekeb fis‑smewwiet, imma xorta stajt nara xi ħaġa bid‑dawl tal‑ħuġġieġa – għonq twil, par għajnejn daqsiex imġewħin u munqar twil. Mument wara għeb għalkollox, u miegħu telaq l‑ikel tagħna!

Għal ftit sekondi bqajna kollha siekta, sakemm ma tkellimx il‑Professur Summerlee.

“Professur Challenger,” lissen bl‑akbar serjetà, “kellek raġun. Nagħtik apoloġija.”

Ħadt pjaċir nara liż‑żewġ professuri jieħdu b’id xulxin u fl‑aħħar jagħmlu paċi.

L‑għada filgħodu stajna naraw biċ‑ċar li l‑uniku mod li kellna biex naslu fuq il‑quċċata tal‑irdum kien li nixxabbtu mal‑kolonna t‑twila. Challenger kien ġab l‑apparat meħtieġ, fosthom ħabel twil oħxon u sod biex inkunu nistgħu nitilgħu. Hu kien l‑ewwel wieħed li beda tiela’. Malli wasal fil‑quċċata, rabat il‑ħabel sew mal‑unika siġra li kien hemm, u b’hekk stajna nitilgħu lkoll. Hemm fuq sibna ruħna fuq biċċa art ċatta ta’ madwar ħames metri kwadri. Fuq in‑naħa l‑oħra tal‑preċipizju stajna naraw il‑plateau – art tal‑għaġeb, miksija b’foresta b’kull għamla ta’ ħxejjex u siġar. Minn dak l‑għoli kellna wkoll veduta liema bħalha tal‑art kollha madwarna. Imma ma domniex wisq nammiraw ix‑xena, għaliex Challenger kien fuq ix‑xwiek biex ifittex imur in‑naħa l‑oħra, fuq il‑plateau. Iżda l‑preċipizju bejnna u bejn il‑plateau kien wiesa’ wisq. Kif stajna naqsmu għan‑naħa l‑oħra?

“Din is‑siġra hija s‑soluzzjoni,” lissen Challenger waqt li taptap fuq is‑siġra. “Hija twila biżżejjed biex isservi ta’ pont minn hawn għan‑naħa l‑oħra.”

Kienet idea brillanti. Is‑siġra kienet diġà mxaqilba lejn il‑preċipizju, u jekk wieħed kien jaqtagħha bi preċiżjoni, setgħet faċilment taqa’ lejn il‑plateau, u l‑quċċata tagħha tistrieħ fuq xifer il‑plateau. Billi jien u Lord John konna l‑aktar b’saħħitna, Challenger talab lilna biex nibdew naqtgħu z‑zokk tas‑siġra. Domna siegħa naqtgħu, sakemm fl‑aħħar b’ħoss qawwi z‑zokk ċeda. Is‑siġra nqalbet lejn il‑preċipizju, u l‑friegħi fil‑quċċata tagħha straħu fuq in‑naħa l‑oħra, eżatt kif ridna.

Naturalment, il‑Professur Challenger ried li jkun l‑ewwel wieħed li jaqsam għan‑naħa l‑oħra. Qabeż fuq iz‑zokk bil‑ħeffa u qomos lejn in‑naħa l‑oħra qisu mhux hu. Aħna morna warajh, u sakemm imxejt fuq iz‑zokk għamilt minn kollox biex ma nħarisx ’l isfel. Lord John mexa kalm kalm b’kunfidenza liema bħalha.

Bilkemm imxejna madwar ħamsin pass ’il ġewwa fil‑ġungla li ma smajniex ħoss qawwi warajna. Ħarisna lura u rajna li s‑siġra li konna għadna kemm naqsmu minn fuqha kienet għebet, imwaqqgħa fil‑preċipizju. Kif setgħet waqgħet?

Malajr intbaħna x’kien ġara. Fuq in‑naħa l‑oħra rajna wieħed mill‑aħwa Gomez bi tbissima makakka fuq wiċċu. Hu u ħuh kien irnexxielhom iċaqalqu s‑siġra u waqqgħuha għal isfel.

“Hemm int, ja kelb Ingliż!” għajjat lil Lord John. “U hemm se tibqa’! M’hemm l‑ebda mod kif tinżlu minn hemm issa. Dan talli qtilt lil Pedro Lopez ħames snin ilu!”

B’dan il‑kliem beda nieżel imxabbat mal‑kolonna permezz tal‑ħabel li konna ħallejna warajna. Bil‑ġirja, Lord John resaq lejn xifer l‑irdum u mmira s‑senter tiegħu. Dwiet sparatura u għajta hekk kif Gomez waqa’ għal isfel.

“Dan kollu tort tiegħi,” qal Lord John. “Imissni bsart kemm dawn in‑nies jibqgħu jiftakru u jżommu fil‑komma.”

Rajna lil ħu Gomez jinżel s’isfel nett, imma hekk kif wasal ħatfu Żamba, il‑ħabib l‑iswed tagħna, li rabtu sew ma’ siġra qabel ma tela’ sal‑quċċata tal‑kolonna. Kif wasal fuq, xejrilna. “Jien mhux se nitlaqkom,” għajtilna. “Se nibqa’ nistenniekom hawn. Imma l‑Indjani lebbtu għax jibżgħu mill‑Kurupuri!”

Ħall il‑ħabel minn madwar is‑siġra u b’ħila kbira tefagħhulna. Permezz tiegħu stajna nġorru xi provvisti oħra lejn in‑naħa tagħna, iżda ma stajniex nagħmlu aktar minn hekk. Issa konna kompletament maqtugħin mill‑bqija tad‑dinja daqslikieku konna fuq il‑qamar.

Hekk kif dħalna aktar ’il ġewwa fuq il‑plateau sibna fetħa żgħira mdawra b’arbuxxelli kollha xewk, li ħsibna kienu tajbin biex iħarsuna mill‑annimali, u stivajna l‑provvisti tagħna hemmhekk. Kien hemm ukoll siġra kbira li kienet qed tagħti kenn mill‑għoli, u kellna wkoll nixxiegħa ilma frisk fil‑qrib. Is‑sħana fil‑post ma kenitx qawwija ħafna. Għalhekk ħassejna li hemmhekk konna protetti biżżejjed, sakemm ma nagħmlux ħafna storbju.

Iddeċidejna li nsemmu l‑plateau ‘Art Maple White’, f’ġieħ l‑esploratur li sabha.

***** ***** stat_3 ***** *****

Ir‑Raba’ Kapitlu

L‑ewwel sinjal ta’ ħajja li sibna fuq il‑plateau kienu l‑forom ta’ pass ta’ annimal kbir bi tlitt iswaba’ fit‑tajn maġenb in‑nixxiegħa.

“Illaħwa!” lissen Lord John mistagħġeb. “Dan huwa tassew għasfur enormi!”

Imma qalb dawn il‑passi rajna wkoll il‑marka ta’ id tixbah dik ta’ bniedem, b’ħamest iswaba’.

“Din il‑forma diġà rajt bħalha f’marki ffossilizzati fit‑tafal,” qal Challenger eċċitat. “Dan huwa annimal li jimxi wieqaf fuq saqajh ta’ wara, li għandhom tlitt iswaba’, imma xi kultant iserraħ mal‑art saqajh ta’ quddiem, li għandhom ħamest iswaba’. Dan mhux għasfur, ħabib tiegħi. Dan rettilu! Dan dinosawr!”

Imxejna wara l‑passi fit‑tajn u f’daqqa waħda ġejna f’fetħa mdaqqsa qalb is‑siġar... u ħames kreaturi straordinarji li bellhuni. Staħbejna wara l‑ħaxix u qgħadna nosservawhom.

Kienu qishom żwiemel enormi. Twal madwar għoxrin pied, b’ġilda iebsa bħal dik ta’ kukkudrill. Kienu qishom bilqiegħda jistrieħu fuq denbhom waqt li bdew jieklu l‑friegħi għoljin tas‑siġar. Kienu jidhru b’saħħithom sew, hekk kif bdew iċarrtu l‑friegħi mis‑siġar mingħajr tqanżiħ ta’ xejn. Osservajna li tnejn minnhom kienu koppja ġenituri bil‑ferħ tagħhom. Minkejja l‑kobor tagħhom, kienu jidhru kemxejn mansi u jimxu bil‑lajma. Bil‑mod tbiegħdu minna hekk kif komplew ifittxu aktar x’jieklu.

“X’inhuma?” staqsa Lord John minn taħt l‑ilsien.

Igwanodonti,” wieġeb Summerlee. “Huma dinosawri veġetarjani. Jieklu ħaxix biss. Tista’ ssib fdalijiet tagħhom kullimkien fin‑nofsinhar tal‑Ingilterra. Naturalment, issa m’għadhomx jeżistu hemm, imma hawn jidher li l‑ambjent iffavuriehom.”

Dawn l‑annimali kienu jidhru mansi u mhux perikolużi, imma ma konniex nafu kienx hemm annimali oħrajn li setgħu kienu perikolużi għalina.

Bdejna mixjin bil‑mod qalb il‑foresta, b’Lord John fuq quddiem. Xi kultant il‑professuri kienu jieqfu biex jammiraw xi fjura jew insett ġdid li kienu jilmħu. F’ħin minnhom smajna speċi ta’ tisfira. Mingħajr kliem, Lord John għamlilna sinjal biex nistaħbew wara xi blat. Minn warajhom stajna naraw fetħa tonda quddiemna. Kienet x’aktarx ħofra kbira.

F’qiegħ il‑ħofra kien hemm għadira kbira ta’ ilma qiegħed. Kien jidher post stramb, imma żgur mhux daqs l‑annimali li kien hemm fih. Stajna naraw mijiet ta’ terodattili kbar u żgħar, u milli jidher il‑post kien speċi ta’ bejta komuni, b’ħafna bajd kbir isfar miġbur fiċ‑ċentru tal‑ħofra, imdawwar b’dawk li stajna nifhmu kienu l‑ommijiet. It‑terodattili maskili kienu kollha fuq il‑blat ta’ madwar il‑ħofra, qishom għassiesa. Kienu kollha weqfin bħal statwi, ma jiċċaqilqu xejn għajr meta kienu jippruvaw jaqbdu b’munqarhom xi insett kbir li kien jittajjar qribhom. L‑ewwel ħsieb li ġieni f’rasi malli rajthom kien li dehru qishom xi nisa xjuħ koroh, iggrunċjati u mgeżwrin f’mantar oħxon imkemmex, li fil‑fatt kienu ġwenħajhom. Mill‑fdalijiet ta’ għadam u biċċiet tal‑laħam li stajna naraw madwarhom immaġinajna li kienu jieklu ħut u għasafar. M’għandniex xi ngħidu, l‑intiena tal‑post kienet taqsam.

F’daqqa waħda xi wħud minnhom lemħuna, u numru kbir minnhom qomsu fl‑arja u bdew jittajru madwarna. Wieħed minnhom laqat lil Summerlee b’munqaru. Il‑ġewnaħ ta’ ieħor laqat lil Challenger u sabbtu mal‑art. Lord John beda jissara ma’ ieħor li kien qisu xifajk, b’munqar miftuħ u għajnejn imberrqin. Bdejna niġru lejn il‑kenn tas‑siġar għaliex ma setgħux jidħlu bi ġwenħajhom miftuħin. Malli raw li ma setgħux jilħquna, tilfu l‑interess u taru lura f’posthom madwar il‑ħofra. Imkexkxin kif konna, morna lura lejn il‑kamp.

Dak il‑lejl ma stajtx norqod. Kelli s‑sensazzjoni li xi ħadd kien qed josservana, imma ma stajt nara xejn f’dak id‑dlam. F’daqqa waħda smajna ħoss terribbli: twerżiqa li twaħħax, qisha t‑tisfira ta’ ferrovija, imma aktar baxxa. Hekk kif waqaf il‑ħoss smajna qishom passi tqal jirbumbjaw maġenb il‑kamp, u għalkemm kien id‑dlam stajna nilmħu dell iswed kbir wara s‑siġar.

Lord John kellu l‑kuraġġ jaħtaf fergħa minn ġol‑ħuġġieġa nar u jxejjirha lejn id‑dell. Għal ftit sekondi rajt wiċċ ikrah enormi. Stħajjiltu qisu wiċċ ta’ żrinġ, miksi ħotob żgħar, b’ħalq imċarrat u snien imdemmija. Ħesrem, il‑ħlejqa għebet għalkollox. Iddeċidejna li kull wieħed minna jieħu r‑ronda u jibqa’ għassa sakemm jgħaddi l‑lejl.

L‑għada filgħodu sibna l‑kawża tal‑istorbju kollu li konna smajna lejlit. Il‑post fejn kienu qed jimirħu l‑igwanodonti kien qisu l‑kamp ta’ battalja. Kien hemm demm imxerred kullimkien qalb biċċiet ta’ laħam imċarrat. Xi ħaġa kienet qattgħet f’biċċiet wieħed mill‑igwanodonti. Il‑professuri ħasbu li x’aktarx attakkahom wieħed mid‑dinosawri karnivori, dawk li kienu jieklu l‑laħam... forsi xi megalosawr.

Konna għadna ma nafux kemm kien kbir il‑plateau. Jien offrejt li nitla’ s‑siġra l‑kbira li kellna fejn il‑kamp biex ikolli veduta mill‑għoli u jkollna idea tal‑kobor tal‑art. L‑idea għoġbot lil kulħadd, għalhekk għenuni nitla’ fuq is‑siġra. Ippruvajt nitla’ ’l fuq kemm jista’ jkun u ssarajt ftit biex ngħaddi minn bejn il‑friegħi ħoxnin. Mument minnhom demmi kesaħ hekk kif f’daqqa waħda ġejt wiċċ imb wiċċ ma’ par għajnejn imberrqin. Ma kontx naf kinux ta’ bniedem jew ta’ xadina kbira. Kien wiċċ ikrah feroċi bi mnieħer ċatt, daqna folta, u snien ippuntati bħal ta’ kelb. Dan kollu dam ftit sekondi biss, għax il‑ħlejqa minnufih tgerrxet u qabżet ’l isfel minn fuq is‑siġra, u għebet qalb il‑ħaxix.

***** ***** stat_3 ***** *****

Il‑Ħames Kapitlu

Wara l‑qatgħa tal‑mument, insejt lill‑ħlejqa għalkollox hekk kif komplejt tiela’ biex nasal sal‑quċċata tas‑siġra. Minn hemm stajt nara l‑veduta tal‑għaġeb ta’ dik l‑art stramba madwarna.

Il‑plateau kellu forma ovali, b’madwar tletin kilometru tul u għoxrin wisa’. Kien jidher qisu forma ta’ lembut, għax il‑ġnub tiegħu kienu jagħtu ’l isfel lejn għadira mdaqqsa fiċ‑ċentru. L‑art fejn konna aħna kienet kollha ħdura u foresta. Minn hemm fuq stajt nara l‑mergħa fejn kienu jgħixu l‑igwanodonti u l‑ħofra tat‑terodattili. Fuq in‑naħa l‑oħra, fil‑bogħod, stajt nara blat għoli b’ħafna toqob kbar, li x’aktarx kienu għerien. Penġejt skeċċ bil‑ġirja u nżilt lura lejn sħabi biex nispjegalhom x’rajt.

Meta ddeskrivejt il‑ħlejqa stramba li ltqajt magħha qalb il‑friegħi tas‑siġra, Challenger spjega li x’aktarx kienet dik li kienet magħrufa fost ix‑xjenzati bħala ‘l‑ħolqa n‑nieqsa’, nies preistoriċi, bnedmin li fid‑dehra tagħhom kienu jixbhu wkoll lix‑xadini l‑kbar, imma fil‑fatt kienu bnedmin mhux xadini.

Dak il‑lejl tant kont eċċitat li, għal darb’oħra, ma stajtx norqod. Tant kont fuq ix‑xwiek biex infittex niskopri aktar dwar dak il‑plateau li qtajtha li nitlaq waħdi, mingħajr ma navża lil sħabi.

Segwejt in‑nixxiegħa sakemm wasalt ħdejn l‑għadira l‑kbira, fejn l‑annimali kienu jieqfu biex jixorbu. Hemmhekk tlajt fuq blata għolja biex nosserva lill‑annimali. Fl‑għadira stajt nara l‑ilma jleqq taħt ir‑raġġi tax‑xemx, imċaqlaq mill‑annimali li kienu taħtu. Ilmaħt ħut joqmos f’wiċċ l‑ilma, u xi kultant l‑għonq tawwali ta’ xi mostru jgħum taħt il‑wiċċ.

Annimal li kien qisu ċerva kbira resaq lejn l‑ilma biex jixrob. Imma l‑isbaħ xena li rajt kien l‑istegosawr, dak l‑annimal li Maple White kien penġa fil‑pitazz li kien urieni Challenger. Tant resaq viċin tiegħi li, billi kont f'pożizzjoni għolja, stajt saħansitra mmiss l‑għadam ċatt ta’ fuq dahru hekk kif għadda minn taħti.

Wara ftit ħarist lejn il‑blat li kien faċċata, ’il bogħod, fuq in‑naħa l‑oħra tal‑għadira, u stagħġibt malli ntbaħt li kien hemm xi dwal. F’dawk l‑għerien kien hemm ħuġġieġ, li bilfors qabbduhom xi bnedmin. Mela kien hemm in‑nies qed jgħixu fuq dan il‑plateau! Malli ħsibt dan, dort mill‑ewwel biex immur ngħid lil sħabi.

Jien u sejjer, għal daqsxejn ma spiċċajtx f’ħalq dak il‑mostru karnivoru li rajna billejl − il‑megalosawr. Beda miexi warajja jxomm l‑arja, u bdejt niġri bħal miġnun. Bil‑fixla waqajt f’ħofra fonda. Ma rajthiex għax kienet miksija b’ħafna friegħi. F’qiegħ il‑ħofra, fiċ‑ċentru, intbaħt li kien hemm zokk tal‑bambù msammar mal‑art. Kellu ponta twila, miksija b’dak li stajt nimmaġina kien demm niexef. Bix‑xokk ersaqt lura minnu biex inżomm mal‑ħajt tal‑ħofra, u ħassejt xi ħaġa titkisser taħt saqajja. Hekk kif ħarist ’l isfel rajt li l‑art kienet kollha miksija b’għadam ta’ annimali. Tkexkixt hekk kif indunajt li dik li kont fiha kienet x’aktarx xi nasba għall‑annimali li kienu ppreparaw in‑nies tal‑plateau. F’paniku liema bħalu xxabbatt mal‑ħajt tal‑ħofra u rnexxieli noħroġ minn dak il‑post misħut.

Malli qrobt il‑kamp tagħna bdejt ngħajjat biex navża lil sħabi li kont ġejt lura, iżda ma smajt l‑ebda tweġiba. Qalbi għamlet tikk, u fil‑fatt tbellaht bix‑xena li rajt quddiemi malli wasalt fil‑post. Ħwejjiġna kienu kollha mixħutin bl‑addoċċ, sparpaljati madwar il‑kamp kollu. Il‑ħuġġieġa kienet mitfija, u maġenbha kien hemm għadira demm.

Hekk kif ħarist madwari mistagħġeb, ħassejt xi ħadd jaħtafni minn driegħi. Ħadt ir‑ruħ malli ntbaħt li kien Lord John. Wiċċu kien kollu migruf u mdemmi, imma ma kienx jidher li kellu feriti oħra.

“Iġri, ħabib! Aqbad is‑snieter u l‑iskrataċ. Imla l‑bwiet kollha bihom. Ġib xi laned tal‑ikel ukoll. M’hemmx paroli! Fittex agħmel li għedtlek għax se nispiċċaw ħażin!”

Mingħajr ma tniffist, għamilt dak li qalli u ġrejt warajh sakemm wasalna f’post fil‑foresta fejn ma konniex aktar f’periklu.

“X’ġara?” għedtlu fl‑aħħar b’nifsi maqtugħ. “Min qed jiġri warajna?”

“In‑nies preistoriċi,” qalli. “Slavaġ! Fejn kont dal‑ħin kollu?”

Fuq fuq irrakkuntajtlu dak li għaddejt minnu, u hu qalli x’kien ġara fil‑kamp. In‑nies preistoriċi kienu attakkaw il‑kamp kmieni filgħodu.

“Bdew niżlin minn qalb is‑siġar. Ħatfuna u rabtuna. Challenger qabżitlu u beda jgħajjat magħhom.”

“U huma x’għamlu?” staqsejt.

“Issa ġej l‑istramb!” wieġeb Lord John. “Il‑mexxej tagħhom huwa fula maqsuma ma’ Challenger! Qasir u mbaċċaċ, spallejn kbar, għonq qasir, daqna daqsiex u xagħar folt fuq għajnejh! Ħassejtu kien qed jaħseb li Challenger huwa ħuh tewmi! Malli raw dan, in‑nies preistoriċi kollha qabdu jidħqu u ħaduna magħhom fil‑foresta. Lil Challenger għollewh fuq spallejhom daqslikieku kien xi imperatur Ruman. Ħaduna fil‑villaġġ tagħhom qrib l‑irdum.

“Qed tgħid li rajt sinjali li hawn nies jgħixu fuq il‑plateau? Naħseb li nies oħra għandhom f’idejhom il‑parti l‑oħra ta’ din l‑art, fejn hemm il‑blat bl‑għerien, waqt li n‑nies preistoriċi għandhom din il‑parti. Naħseb li hemm gwerra bejniethom. Qabdu tnejn min‑nies l‑oħra u qatluhom mill‑ewwel.

“Tiftakar dik ir‑roqgħa ta’ bambù fejn sibna l‑iskeletru f’qiegħ il‑plateau? Dik tiġi eżatt taħt il‑villaġġ tagħhom, u lill‑priġunieri tagħhom jitfgħuhom minn hawn għal isfel. Għal daqsxejn ma kienx se jmiss lilna! B’xorti tajba rnexxieli niżgiċċa minn taħt idejhom u naħtaf is‑senter. In‑nies preistoriċi ma jiġrux ħafna, u naħseb m’għandhomx idea x’inhu senter. Naħseb li għandna ċans inġibuha żewġ.”

Lord John irrakkuntali dan kollu waqt li konna qed niġru fil‑foresta, u issa konna wasalna qrib l‑irdum, fejn kien hemm ringiela ta’ siġar f’għamla ta’ nofs ċirku. Hemmhekk rajna ħafna djar tat‑tiben bin‑nisa u t‑tfal tan‑nies preistoriċi. L‑irġiel kienu kollha miġburin qrib xifer l‑irdum. Quddiemhom kien hemm grupp ta’ nies li stajna nifhmu kienu min‑naħa l‑oħra tal‑plateau – nies qosra b’ġilda ħamranija skura bħall‑Indjani tal‑Amerka. Challenger u l‑mexxej tan‑nies preistoriċi kienu għalihom, fuq naħa oħra. Kif qal Lord John, kienu jidhru eżatt l‑istess, minbarra l‑fatt li waqt li xagħar Challenger kien iswed, xagħar il‑mexxej preistoriku kien aħmar skur.

Żewġt irġiel preistoriċi ħatfu lil wieħed mill‑Indjani minn dirgħajh u minn saqajh, u mingħajr ebda ċerimonji tefgħuh mill‑irdum għal isfel. L‑irġiel preistoriċi l‑oħra bdew jgħajtu bil‑ferħ hekk kif ixxabbtu ma’ xifer l‑irdum biex jaraw lill‑imsejken jispiċċa minfud mill‑bambù f’qiegħ l‑irdum. Ħadna qatgħa kif intbaħna li issa kien imiss lill‑Professur Summerlee. Hekk kif ħatfuh, beda jissara u jfajjar b’idejh u b’saqajh, imma kien dgħajjef wisq għal dawk il‑ħlejjaq kbar u mibrumin.

***** ***** stat_3 ***** *****

Is‑Sitt Kapitlu

Minnufih, is‑snieter tiegħi u ta’ Lord John bdew jidwu, u l‑mexxej waqa’ għal tulu fl‑art. Bil‑qatgħa, l‑irġiel preistoriċi li kienu qed iżommu lil Summerlee telquh mill‑ewwel, u lebbtu għall‑kenn tas‑siġar ma’ sħabhom kollha tal‑villaġġ. Challenger u Summerlee mill‑ewwel intebħu x’kien qed jiġri, u resqu bilġri lejna. Mingħajr ebda kliem, l‑erbgħa li aħna bdejna niġru lejn il‑kamp tagħna waqt li bqajna nisparaw lil kull min kien qed jiġri warajna.

Malli wasalna smajna passi ħfief warajna u ħafna għajjat iddisprat. Kienu l‑Indjani, li kienu priġunieri fil‑villaġġ tan‑nies preistoriċi. Malli laħquna, wieħed minnhom inxteħet quddiem saqajn Lord John. Bdew jgħajtu u jokorbu, u għalkemm ma stajniex nifhmu x’kienu qed jgħidu, immaġinajna li kienu qed jitolbuh jipproteġihom min‑nies preistoriċi.

“Qum minn hemm, ħabib, għax se tħammiġli l‑buz!” lissen Lord John.

“Jgħixu f’għerien fuq in‑naħa l‑oħra tal‑għadira,” spjegajtilhom. “Naħseb tajjeb li neħduhom hemm fejn hemm nieshom.”

Raġel żagħżugħ kien jidher il‑mexxej tagħhom. Mexa quddiemna bħala gwida hekk kif irħejnielha lejn il‑villaġġ ta’ għerien, u wasalna ħdejn l‑għadira tard waranofsinhar.

Stagħġibna hekk kif rajna flotta sħiħa ta’ kenuri riesqa lejna. Smajna ħafna għajjat ta’ ferħ hekk kif lemħuna. Bdew ixejru l‑lanez u l‑moqdief lejna hekk kif serrħu l‑kenuri fil‑bajja u ntefgħu għarkopptejhom quddiemna. Dawn kienu ġellieda li kienu ġew biex jeħilsu lil sħabhom min‑nies preistoriċi.

Qattajna l‑isbaħ lejl u nhar fejn dik l‑għadira meraviljuża, imdawra b’veduti tal‑għaġeb. Kien hemm fjuri eżotiċi ta’ kull lewn, u s‑siġar kienu mgħobbija bi frott bnin ta’ kull daqs u kulur. Iż‑żewġ professuri kienu fis‑seba’ sema josservaw dak il‑ħut, għasafar u rettili fl‑ilma, jew fl‑art madwar. Ma’ xtut l‑għadira kien hemm fkieren ta’ kull daqs. Xi kultant konna nilmħu xi għonq twil, qisu ta’ xi serp, ħiereġ minn wiċċ l‑ilma. Wieħed minn dawn fettillu joħroġ kollu mill‑ilma u jitkaxkar mal‑art. Waqt li għonqu u denbu kienu twal u rqaq, il‑kumplament ta’ ġismu kien tond u goff qisu kartell tal‑inbid, u riġlejh kienu qishom moqdief kbar.

“Dak plesjosawr!” lissen Summerlee mistagħġeb. “Challenger, jien u int l‑aktar żoologi xxurtjati fid‑dinja, biex qed naraw dan l‑ispettaklu kollu!”

***** ***** ***** ***** *****

Wara ftit jiem bdejna naħsbu li konna domna biżżejjed fuq il‑plateau. Konna rajna ħafna għeġubijiet u qbilna li kien wasal iż‑żmien li nitilqu. Madankollu ma kienx faċli ninżlu minn dak il‑plateau. L‑Indjani ma xtaquniex nitilqu, u saħansitra offrewlna l‑għerien personali tagħna biex nibqgħu ngħixu hemm. Urewna t‑tpenġijiet li kienu għamlu fl‑għerien. Kienu ħafna aktar avvanzati min‑nies preistoriċi, u kienu saħansitra jirgħu l‑igwanodonti bħalma aħna nirgħu n‑nagħaġ u l‑baqar.

Qattajna ftit aktar jiem nesploraw u niġbru xempji ta’ annimali, speċjalment annimali li l‑professuri kienu jafu li ma kinux jeżistu... imkien ieħor fid‑dinja, għall‑inqas f’dawn iż‑żminijiet. Darba minnhom tbellaht hekk kif ilmaħt lil Lord John jimraħ bil‑kwiet ġewwa qafas tal‑bambù kbir. Il‑qafas kien forma ta' qanpiena u kien jgħattih minn rasu sa saqajh. Kien qisu f'gaġġa.

“Xi x‑xjafek qed tagħmel?” staqsejtu.

“Se mmur inżur lil ħbiebna t‑terodattili. Ħlejjaq interessanti, imma kemxejn aggressivi. Għamilt dan il‑qafas ħa nistaħba fih u ma jarawnix noqrob lejhom.”

“Imma x’se tagħmel hemm?”

“Biħsiebni naqbad wieħed mill‑frieħ għal Challenger. U biħsiebni nfittex għal xi ħaġ’oħra wkoll. Tinkwetax. Dalwaqt inkun lura magħkom!”

***** ***** ***** ***** *****

Fl‑aħħar, wara ħafna talb u negozjar, ikkonvinċejna lill‑mexxej tal‑Indjani li kellna bżonn nitilqu minn hemm u mmorru lura lejn djarna. Hu wriena liema mill‑għerien kien jinfed għal passaġġ li seta’ jeħodna isfel fil‑ġungla taħt il‑plateau. Il‑vjaġġ kellu l‑problemi tiegħu wkoll. Il‑passaġġi taħt l‑art kienu miżgħuda bi friefet il‑lejl jittajru l‑ħin kollu madwar rasna, u mhux darba jew tnejn spiċċajna fi sqaq u kellna nimxu lura u nieħdu rotta oħra. Fl‑aħħar ilmaħna xaqq ta’ dawl abjad jiddi. Kien il‑qamar. “Wasalna, ħbieb!” għajjat Lord John.

Hekk kif ħriġna mill‑għar stajna nisimgħu fil‑għoli l‑krib u l‑ħsejjes strambi ta’ dawk l‑annimali straordinarji, li issa konna midħla tagħhom sew. Kien bħallikieku kienu qed isellmulna għall‑aħħar darba.

F’qasir żmien sibna lil Żamba, li kien baqa’ jistenniena hemm isfel, kif kien wegħedna.

***** ***** stat_3 ***** *****

Is‑Seba’ Kapitlu

Malli wasalna lura Londra, l‑aħbar tal‑avventuri tagħna malajr ġriet. Organizzajna laqgħa għal xjenzati magħrufin fi Queen’s Hall, Regent Street, biex nippreżentaw is‑sejbiet tagħna. Is‑sala kienet miżgħuda.

L‑erbgħa li konna tajna sehemna fil‑preżentazzjoni. Il‑Professur Summerlee beda billi għamel diskors ġenerali fuq il‑vjaġġ tagħna lejn il‑plateau. Hekk kif beda jitkellem dwar l‑annimali li rajna fuq il‑plateau, Dr James Illingworth, xjenzat minn Edinburgh, waqqfu fi kliemu. Beda jeżiġi li nagħtuh provi konkreti ta’ dak li konna qed ngħidu. Malajr qamet għagħa fis‑sala; min jaqbel ma’ Challenger, min jaqbel ma’ Illingworth, u kien hemm xi nies li saħansitra kienu se jiġu fl‑idejn.

Hawnhekk il‑Professur Challenger sikket lill‑udjenza billi offra li juri xi ritratti li kont ħadt jien, iżda Dr Illingworth ma kienx kuntent b’dan.

“Kif? Trid li tara l‑oġġett innifsu?” qabeż Challenger, hekk kif ta ħarsa lejja u lejn Lord John.

Jien u Lord fis morna fuq in‑naħa ta’ wara tas‑sala u ġibna kaxxa tal‑injam goffa. Minnufih Challenger għolla l‑għatu, u twerżiqa qawwija dwiet mas‑sala kollha. Fl‑istess ħin, tfaċċa annimal ikrah minn ġol‑kaxxa u xxabbat ma’ xifer il‑kaxxa. Kellu għajnejn ħomor nar u geddum twil b’fillieri ta’ snien ippuntati bħal dawk ta’ kelb il‑baħar. Spallejh kienu ggrunċjati ’l quddiem u kien imgeżwer f’qisu mantar griż imkemmex. Lanqas toħolmu ma kont trid!

In‑nies bdiet twerżaq bil‑biża’ u x‑xokk. Uħud ħasshom ħażin. Ħafna oħrajn lebbtu lejn il‑bieb ta’ barra. Bl‑istorbju li qam l‑annimal tgerrex u fetaħ dak li kien jidher qisu mantar f’par ġwienaħ tal‑ġild, qomos lejn is‑saqaf u beda jtir madwar is‑sala bħal miġnun, biex jipprova jsib minn fejn joħroġ. Imbeżża’ kif kien, beda jagħti b’munqaru mal‑ħitan u anki lil xi nies imwerwrin, f’ferħ ta’ ġenn.

“Agħlqu t‑twieqi!” beda jgħajjat Challenger. Iżda kien tard wisq. L‑annimal kompla jagħti mal‑ħitan sakemm fl‑aħħar sab fetħa, żgiċċa ’l barra mis‑sala u għeb fid‑dalma ta’ filgħaxija!

Imma issa l‑Professur Challenger kien ġabar ġieħu għax kulħadd kien emmnu. In‑nies fl‑udjenza, li kienu għadhom fis‑sala, issa daru kollha madwaru, għollewh fuq idejhom, ħarġu mis‑sala u ġarrewh lejn il‑pjazza ta’ Piccadilly, il‑ħin kollu jkantaw ‘For he’s a jolly good fellow!’

U t‑terodattilu? Suldat għassa lemħu jittajjar lejn Marlborough House u kważi miet bil‑biża’. Aktar tard xi nies rawh jittajjar tul il‑kosta ta’ Devon u ’l barra fuq il‑baħar Atlantiku. Jidher li x’aktarx l‑istint tiegħu kien qed jiġbdu lura lejn daru f’Art Maple White.

***** ***** ***** ***** *****

Ftit żmien wara, Lord John Roxton stedinna fil‑villa tiegħu biex niċċelebraw. “Minn dak il‑plateau ma ġibtx biss it‑terodattilu,” qalilna f’ħin minnhom. “Araw dawn,” kompla. Uriena kaxxa żgħira mimlija b’dawk li ħsibt kienu ħafna ċagħaq żgħir. Imbagħad minn butu ħareġ djamant kbir.

“Ħadt dan il‑wieħed għand ġojjellier biex jaqtgħu u jagħtih valur,” spjegalna. Ipponta lejn dawk li kien hemm fil‑kaxxa. “U ma’ dawk, malli rraffinati, għandhom jiswew b’kollox madwar mitejn elf lira sterlina, jiġifieri għandna ħamsin elf il‑wieħed. X’biħsiebek tagħmel bil‑ħamsin elf tiegħek, Challenger?”

“Inwaqqaf mużew privat. Dik minn dejjem kienet il‑ħolma tiegħi,” lissen Challenger pront pront.

“U inti, Summerlee?”

“Nirtira, u noqgħod norganizza u nikklassifika l‑ġabra kbira ta’ fossili li għandi d‑dar.”

“Jien se nuża tiegħi biex norganizza spedizzjoni oħra u nkompli nesplora dak il‑plateau. U inti, Malone? Qed nimmaġina li issa tipprepara biex tiżżewweġ?”

“Mhux għalissa,” qbiżt ngħidlu jien. “Fil‑fatt kont qed naħseb niġix fl‑ispedizzjoni tiegħek, jekk mhix problema għalik.”

“Lanqas xejn, ħabib! Anzi jkun ta’ pjaċir kbir għalija!” wieġeb Lord John hekk kif ħadli b’idi.

***** ***** TMIEM ***** *****

***** ***** stat_3 ***** *****

NOTI

Ġurassiku: Perjodu ta' żmien bejn 200 u 140 miljun sena ilu. [Lura]

‘Il‑ħolqa n‑nieqsa’ (the missing link): Din kienet teorija tax‑xjenzati fiż‑żmien meta Conan Doyle kiteb dan ir‑rumanz u li issa m’għadhiex popolari max‑xjenzati tal‑lum. [Lura]

***** ***** stat_3 ***** *****