Mitoloġija

Mill-antoloġija ta’ ħrejjef Griegi: L-Eroj,
ta’ Charles Kingsley
(Ingliż, 1819-1875) Madwar 3,800 kelma

Adattament għall-Malti:
Norman C. Borg
© Norman C. Borg

Qari tal-provi: It-tim tal-
Aġenzija Nazzjonali tal-Litteriżmu

Kapitli
1: Mitluqin f’senduq f’nofs ta’ baħar
2: Miġburin mill-baħar
3: Ħolma stramba
4: Wegħda għaġġelija
5: Persew jhedded lir-re
6: Persew jiftaħar
7: It-tfittxija għal Medusa
8: It-tlitt isħaħar
9: Persew u Atlas
10: Id-dwell ma’ Medusa
11. Atlas meħlus
12. Andromeda
13: Il-Kraken
14: Persew iżomm kelmtu
15: Persew lura lejn daru

Nota:

Dan huwa episodju wieħed mill‑ġabra ta’ stejjer mill‑mitoloġija Griega li Charles Kingsley ġabar taħt it‑titlu “Eroj”. Il‑ġabra fil‑fatt għandha ħafna stejjer oħra, u Kingsley kien kitibhom b’Ingliż sempliċi biex ikunu jistgħu jaqrawhom it‑tfal.

1: Mitluqin f’senduq f’nofs ta’ baħar

Darba waħda, kien hemm żewġ prinċpijiet li kienu tewmin, u kien jisimhom Akrisju u Proteu. Kienu jgħixu fil‑wied ta’ Argos, f’Ħellas. Hemmhekk kienu jgawdu għelieqi u ġonna sbieħ, mgħammra b’ħafna nagħaġ, barrin u żwiemel. Madankollu ma kinux kuntenti ħafna għaliex kienu jgħiru għal xulxin u qatt ma kienu jafdaw lil xulxin.

Meta kibru, kull wieħed ittanta jieħu s‑sehem tal‑pajjiż ta’ ħuh. Għalhekk Akrisju keċċa lil Proteu mill‑pajjiż. Sakemm kien bogħod minn pajjiżu, Proteu dar ħafna postijiet u ġab lura f’daru prinċipessa biex jiżżewwiġha. Ġab ukoll ħafna ġellieda miegħu, iċ‑Ċiklopi, u din id‑darba kien hu li keċċa lil ħuh Akrisju mill‑pajjiż. Damu jiġġieldu ħafna sakemm fl‑aħħar azzettaw u waslu għal ftehim.

Bil‑ftehim bejniethom, Akrisju żamm Argos u nofs il‑pajjiż, waqt li Proteu żamm in‑nofs l‑ieħor tal‑pajjiż u l‑belt ta’ Tirnis. Proteu bena ħajt enormi madwar Tirnis.

Imma ma kienx se jkun hemm paċi għall‑qalb iebsa ta’ Akrisju. Darba, profeta qallu, “Ladarba inti kont kattiv ma’ familtek, hekk se tkun ikkastigat minn familtek. Bintek Danej se jkollha tifel, u dan it‑tifel se jkun il‑kawża ta’ mewtek.”

Dan beżża’ lil Akrisju mhux ftit. U għalkemm kien kattiv mal‑familja tiegħu, din il‑profezija webbsitlu qalbu aktar. Minflok ma nidem, sar aktar kattiv. Lil Danej sakkarha f’għar mudlam magħluq b’kanċell tal‑bronż, ħalli ħadd ma jkun jista’ joqrob lejha. B’dan il‑mod ħaseb li seta’ jkun għaqli aktar mill‑allat.

Maż‑żmien Danej kellha tarbija; tifel tant sabiħ, li żgur kulħadd kienet tiġih ħnienu minnu, minbarra r‑Re Akrisju. Ordna lis‑suldati tiegħu jpoġġu lil Danej u ’l binha f’senduq u jitilquhom fil‑baħar.

L‑irjieħ tal‑Majjistral nefħu bil‑qawwi fuq il‑baħar, u l‑kurrent kaxkar lis‑senduq, b’Danej u binha b’kollox, aktar ’il bogħod mix‑xtut ta’ Argos, sakemm ma deherx aktar.

***** ***** stat_3 ***** *****

2: Miġburin mill‑baħar

Għal jumejn sħaħ, is‑senduq baqa’ f’wiċċ l‑ilma sakemm il‑mewġ beda jbandlu b’qawwa liema bħalha. Danej intebħet li l‑mewġ kien ressaqhom lejn art bi rdum għoli. L‑arja mtliet bil‑ħsejjes ta’ mewġ qawwi jħabbat mal‑blat u jtajjar ragħwa kullimkien. Danej bdiet tgħajjat imwerwra għall‑ajjut.

F’daqqa waħda tfaċċa raġel twil fuq il‑blat, b’lanza f’idu u xibka tas‑sajd fuq spalltu. Danej osservat li kien xi persuna importanti minħabba ż‑żewġ sefturi li kellu warajh, iġorru l‑basktijiet tas‑sajd.

Ir‑raġel telaq il‑lanza, u b’ħila kbira xeħet ix‑xibka madwar is‑senduq, u ġibdu lejn l‑art. Meta kienu fuq art soda, għen lil Danej u t‑tarbija joħorġu minn ġos‑senduq. “Kif sibt ruħek f’dan is‑senduq?” saqsieha. Tbissem lejn it‑tarbija hekk kif wiċċha xegħel bi tbissima. Imma Danej bdiet tolfoq.

“X’pajjiż hu dan?” saqsiet.

“Din hija l‑gżira ta’ Serifos,” weġibha r‑raġel. “Jiena ħu Polidektes, ir‑re. Jisimni Diktis.”

Danej irrakkontat il‑ġrajja tagħha.

Diktis sema’ l‑istorja tagħha b’interess, u meta spiċċat, lissen, “Jien m’għandix tfal tiegħi. Jiena u marti nistgħu nilqgħuk bħala bintna, u nqisu lit‑tarbija tiegħek bħala n‑neputi tagħna.”

U kien hekk li fl‑aħħar Danej sabet il‑paċi fid‑dar ta’ Diktis is‑sajjied u martu. Lit‑tarbija semmietha Persew.

***** ***** stat_3 ***** *****

3: Ħolma stramba

Meta Persew kellu ħmistax‑il sena, kulħadd seta’ jara li kien tifel speċjali, tant li laqqmuh Bin Żeus, ir‑re tal‑Immortali. Kien l‑itwal raġel fuq il‑gżira. Kien qalbu tajba u ġentili, u kien bniedem ta’ ħila f’kull arti u anki bħala baħri. Diktis kien għallmu sewwa.

Polidektes, mill‑banda l‑oħra, ma kienx bħal ħuh Diktis. Kien raġel xħiħ, stuż u ta’ qalb ħażina. L‑ewwel darba li kien ra lil Danej, kien xtaq jiżżewwiġha. Imma Danej kienet ċaħditu, għax kien ħsiebha biss f’binha u f’żewġha li kienet ħalliet warajha f’Argos u li qatt ma ttamat li se terġa’ tara. Polidektes irrabja ħafna.

Darba, waqt li Persew kien qed ibaħħar ’il bogħod mill‑gżira, Polidektes ħataf lil Danej. “La ma tridx tkun marti, se tkun l‑ilsira tiegħi.” Għalhekk Danej kellha ġġiblu l‑ilma, taħdem fil‑mitħna u tagħmel faċendi oħra għalih, dejjem marbuta fil‑ktajjen.

Sadattant, mingħajr ma kien jaf x’ġara lil ommu, Persew wasal fil‑gżira ta’ Samos. Ix‑xini tiegħu kien waqaf hemm biex iħott u jgħabbi. Persew niżel l‑art biex jistrieħ, qagħad bilqiegħda taħt siġra u għajnu marret bih.

Beda joħlom.

Kienet l‑aktar ħolma stramba li Persew qatt kellu. Resqet lejh mara sabiħa. Kienet liebsa elmu tal‑gwerra, u kellha lanza f’idha. Fuq spallitha kellha ġilda tal‑mogħoż, u magħha kien hemm imdendla tarka tonda tal‑bronż, tant tleqq li kienet qisha mera.

Il‑ħarsa tagħha tat lil Persew x’jifhem li kienet taf kollox dwaru, anki dak li minn dejjem kien jixxennaq għalih.

“Persew, hemm bżonn tmurli qadja,” qaltlu.

Mistagħġeb u fl‑istess ħin kemm kemm imbezza’, Persew staqsieha, “Min inti, u kif taf x’jisimni?”

***** ***** stat_3 ***** *****

4: Wegħda għaġġelija

“Jien Pallas Atena,” wiġbitu. “Jien naf ix‑xewqat tal‑bnedmin kollha, u ma jogħġbunix in‑nies li għandhom qalb xierfa. Lin‑nies tajbin nista’ nagħtihom qawwa akbar. Lil dawn nagħmilhom ulied l‑Immortali, nagħmilhom eroj. U nibgħathom madwar id‑dinja biex jiġġieldu kontra l‑għedewwa tal‑allat u tal‑bnedmin. Għidli, Persew, liema minn dawn iż‑żewġ tipi ta’ nies taħseb li huma l‑aktar maħbubin mill‑allat?”

U Persew wieġeb minnufih, “Aħjar li tmut waqt li qed twettaq xi ħaġa tajba u tibqa’ magħruf bħala eroj, milli tgħix ħajja ta’ ġwejjed bħal nagħġa u minsi minn kulħadd.”

Pallas Atena tbissmet malli semgħet dan, u għolliet it‑tarka. “Ħares ’l hawn, Persew. Inti lest tisfida u toqtol mostru bħal dan, ħalli nkun nista’ npoġġi rasu fuq it‑tarka tiegħi?”

Persew ħares lejn it‑tarka u fiha feġġ wiċċ. Malli Persew rah, demmu kesaħ. Kien il‑wiċċ ta’ mara, imdaħħla fiż‑żmien, bi snien ippuntati u ġilda ħadranija. Għajnejha kienu jiddu b’dawl aħdar. Minflok xagħar, kellha gżuż ta’ sriep ħajjin, jitgħawġu ’l hawn u ’l hinn.

“Jekk jeżisti mostru bħal dan, tassew tkun ħaġa nobbli li wieħed joqtlu. Għidli, fejn nista’ nsib dan il‑mostru, ħalli nkun nista’ noqtlu?”

“Mhux għalissa, Persew, għax għadek żagħżugħ u m’għandekx il‑ħiliet kollha li għandek bżonn,” wieġbet Atena. “Din hija l‑gorgon Medusa, omm il‑gorgoni kollha. Mur lura darek, għax għad għandek xi xogħol x’tagħmel hemm qabel ma nara li tkun ippreparat biżżejjed biex tiffaċċja l‑gorgon.”

Bil‑mod il‑mod il‑viżjoni bdiet tgħib, u fl‑aħħar Persew stenbaħ. Imma fil‑jiem ta’ wara Persew baqa’ jġib quddiem għajnejh ix‑xbieha ta’ dik il‑ħlejqa bis‑sriep flok xagħar.

Għalhekk mar lura f’Serifos, u rrabja, mhux ftit, meta sar jaf x’kien sar minn ommu.

***** ***** stat_3 ***** *****

5: Persew jhedded lir‑re

Persew mar ifittixha u sabha taħdem fl‑għelieqi. Hekk kif qalilha biex titlaq miegħu, tfaċċaw Polidektes u Diktis. Malli lemaħ lil Polidektes, Persew għamel għalih qisu kelb imġewwaħ. “Viljakk u tirann!” beda jgħajjat. “M’għandek l‑ebda rispett lejn l‑allat? Bniedem bla ħniena! Se noqtlok għal dak li għamilt lil ommi!”

Persew ħataf ġebla mdaqqsa li kien hemm viċin, u għollieha fl‑arja bit‑tir li jixħetha fuq Polidektes, imma ommu qabdet twerżaq.

“Le, ibni! Aħna barranin f’dan il‑pajjiż. Jekk toqtol lir‑re tagħhom il‑poplu jagħmel għalina u joqtluna.”

F’dan il‑waqt qabeż Diktis ukoll. “Ftakar li huwa ħija, Persew. Jiena għallimtek u ħadt ħsiebek daqslikieku kont ibni. Eħilsu, imqar b’rispett tiegħi.”

Persew waqaf bħal statwa, għal mument, u mbagħad telaq il‑ġebla. Sadattant Polidektes kien qed jitriegħed bil‑biża’, għax kien jaf li wara kollox Persew kellu raġun. Malli Persew telaq il‑ġebla, hu telaq jiġri minn hemm.

Persew ħa lil ommu biex toqgħod fit‑tempju ta’ Atena. Hemmhekk kienet tkun imħarsa sew u mingħajr periklu. Polidektes żgur ma kienx ikollu l‑wiċċ jaħtafha minn taħt għajnejn Atena. Minn dak iż‑żmien, Persew, Diktis u martu marru jżuruha kuljum.

Imma issa li Polidektes kien qata’ jiesu li jkollu lil Danej, beda jfassal pjan waqt li Persew reġa’ mar ibaħħar. Għall‑ewwel għamel tabirruħu li nesa kollox, għalhekk fil‑bidu deher li kollox kien qisu kkalma.

***** ***** stat_3 ***** *****

6: Persew jiftaħar

Polidektes organizza festa fejn stieden lil kulħadd, Persew inkluż, biex jagħtuh ġieħ bħala r‑re tal‑pajjiż. Kif kienet id‑drawwa, kulħadd ġab rigal lir‑re – minbarra Persew li, bħala sajjied fqir, ma kellu xejn x’joffri. Billi staħa jmur il‑festa mingħajr rigal, Persew baqa’ barra, iħares lejn is‑sinjuri jidħlu fil‑palazz bir‑rigali tagħhom.

Wiċċu ħmar malli bdew iħarsu lejh u jgħidu minn taħt l‑ilsien, “X’għandu x’joffri dak il‑misjub?”

Dan kien eżatt dak li Polidektes ried li jiġri. Ordna li Persew jidħol fil‑palazz ħalli kulħadd ikun jista’ jżebilħu. “Fejn hu r‑rigal tiegħek?” staqsieh quddiem kulħadd. Persew ħmar u, sakemm ipprova jsib tweġiba, beda jlaqlaq. In‑nies ta’ madwaru bdew jidħqu minn taħt.

Dan kien wisq għal Persew, u f’daqqa waħda nfaqa’ f’rabja u beda jiftaħar, “Jien se nġib rigal ħafna aqwa mir‑rigali tagħkom kollha f’salt!”

“U x’inhu dan ir‑rigal?” staqsa Polidektes.

Mingħajr ma qagħad jaħsibha, Persew wieġeb fil‑pront, “Ir‑ras tal‑gorgon!”

Malli semgħu dan, kulħadd fis‑sala nfexx jidħaq, l‑aktar Polidektes.

“Qed twegħedni li ġġibli ras il‑gorgon?” tenna Polidektes, “Mela itlaq minn hawn u tiġix lura mingħajrha!”

B’hekk Polidektes sab mezz faċli biex jeħles minn Persew.

Persew mar fuq l‑għoljiet, u beda jitlob. “O, Pallas Atena, il‑ħolma tiegħi kienet vera? Se jirnexxili neqred lill‑gorgon?”

Sejjaħ tliet darbiet qabel ma tfaċċat sħaba stramba fis‑sema. Malli s‑sħaba bdiet tinfirex, dehret ix‑xbieha ta’ Pallas Atena. Magħha kien hemm żagħżugħ. Kien l‑alla Ermes. Għajnejh kienu qed jiddu bħan‑nar. Kien qed iżomm ximitarra miksija bid‑djamanti u kien liebes par sandli kollu deheb, bi ġwienaħ żgħar ħajjin.

***** ***** stat_3 ***** *****

7: It‑tfittxija għal Medusa

“Darb’oħra aħsibha sew qabel ma twiegħed li toqtol lill‑gorgon Medusa,” qaltlu Atena. “Għandek bżonn tkun ippreparat sew, u jkollok tibda vjaġġ ta’ seba’ snin li ma tistax tieqaf minnu. Jekk taqta’ qalbek, tmut fl‑Art tal‑Imkien, fejn ħadd ma jkun jista’ jsib l‑għadam tiegħek.”

Madankollu dawn it‑twissijiet ma beżżgħu xejn lil Persew, u baqa’ jinsisti ma’ Atena biex tgħidlu kif jagħmel biex isib lill‑gorgon.

“Mur lejn it‑Tramuntana,” qaltlu Atena. “Ibqa’ sejjer sakemm tiġi fil‑pajjiżi tal‑Iperboreani. Hemm se ssib l‑Aħwa l‑Griżi, it‑tlitt isħaħar li għandhom għajn waħda u sinna waħda bejniethom. Saqsihom it‑triq għal għand in‑Ninfi, li jiżfnu madwar siġra tad‑deheb lejn il‑Punent. In‑Ninfi mbagħad juruk it‑triq biex issib u toqtol lill‑gorgon.”

Atena kompliet, “Il‑ġilda tal‑gorgon magħmula minn qxur tal‑ħadid u tal‑bronż. Għajnejha tant huma terribbli li kull min iħares lejha, minnufih isir statwa tal‑ġebel. Għalhekk se nagħtik it‑tarka tiegħi biex meta tiltaqa’ ma’ Medusa ma tħarisx direttament lejha. Minflok, ħares lejn ir‑riflessjoni tagħha fil‑bronż tat‑tarka. Hekk, tkun tista’ toqtolha mingħajr periklu għalik, u ssib postok fost l‑eroj tal‑Immortali.”

“Imma jien m’għandix xini,” lissen Persew. “Kif nista’ naqsam l‑oċeani u nagħmel dawn il‑vjaġġi kollha? Min se jurini t‑triq? Jekk il‑ġilda tagħha hija bronż u ħadid, kif nista’ noqtolha?”

Ermes neża s‑sandli tiegħu u tah lil Persew. “Dan is‑sandli jgħinek ittir fuq l‑ibħra, u ma jitlef t‑triq qatt,” qallu. “Ħu wkoll ix‑xabla tiegħi. Din toqtol mal‑ewwel daqqa, għax għandha qawwa speċjali.”

Persew ħa t‑tarka, ix‑xabla, il‑ġilda tal‑mogħoż u libes is‑sandli. Atena kompliet, “Afda fl‑armi tal‑Immortali li tajniek, Persew. Issa, aqbeż!”

Hekk kif kien fuq il‑quċċata tal‑għolja, Persew qabeż. Minflok ma ħassu jaqa’ ’l isfel, baqa’ wieqaf fl‑arja. Mument wara, ħass is‑sandli jtajru lejn it‑Tramuntana...

***** ***** stat_3 ***** *****

8: It‑tlitt isħaħar

Persew tar għal sebat ijiem qabel ma wasal fil‑pajjiżi tal‑Iperboreani, f’xifer il‑Lejl Dejjiemi. Lill‑Aħwa l‑Griżi sabhom bilqiegħda fuq zokk ta’ siġra maġenb ix‑xatt tal‑baħar iffriżat. Kienu qed jgħaddu l‑għajn waħda li kellhom lil xulxin. Dawk li ma kinux qed iżommu l‑għajn kienu joħorġu jdejhom miftuħin, u l‑oħra kienet toħroġ idha bil‑għajn, u malli tħoss l‑id ta’ oħtha, kienet titlaq l‑għajn fiha.

“L‑allat ta’ Olimpu bagħtuni biex tgħiduli kif insib lill‑gorgon,” qalilhom Persew.

Waħda mis‑sħaħar lissnet, “U min hu dan il‑pastaż li ġie f’artna mingħajr ma stedinnieh?”

Qabżet oħra, “Newwilli l‑għajn ħalli nkun nista’ nara min hu.”

Qabżet it‑tielet, “Newwilli s‑sinna ħalli nkun nista’ nigdmu.”

Persew mill‑ewwel intebaħ li kienu ġejjin bil‑meraq. Qagħad għal ftit ħin josserva kif bdew jgħaddu l‑għajn u s‑sinna lil xulxin. Mument minnhom, poġġa idu ħdejn tagħhom, u s‑saħħara li kellha l‑għajn ħasset idu, ħasbet li kienet waħda ta’ ħutha, u telqet l‑għajn.

Persew minnufih għalaq idu, żamm l‑għajn u tbiegħed lura.

“Għajnejkom qed inżommha jien,” għajjat magħhom. “Għiduli x’nagħmel biex insib il‑gorgon, jew nixħet l‑għajn fil‑baħar!”

Għalxejn is‑sħaħar bdew jokorbu, jingħu u jitbikkmu; Persew ma ċċaqlaqx.

Fl‑aħħar, waħda mis‑sħaħar tkellmet, “Mur lejn in‑Nofsinhar u sib lill‑ġgant Atlas, li qed iżomm is‑smewwiet u l‑art mifrudin biex ma jaħbtux. Saqsi lill‑bniet tiegħu, l‑Esperidi. Jgħidulek huma.”

Issa li kien ħa t‑tagħrif li xtaq, Persew tahom l‑għajn lura.

Malli għamel hekk, it‑tlitt isħaħar intilfu f’raqda u saru tliet blokki tas‑silġ. U hekk għadhom sal‑lum, jiġġerrew mal‑kurrenti tal‑baħar, jingħu u jokorbu kull meta jħossu s‑sħana tax‑xemx fuqhom.

Sadattant Persew kompla jtir fi triqtu, u ħalla l‑kesħa u s‑silġ warajh.

***** ***** stat_3 ***** *****

9: Persew u Atlas

Persew baqa’ jtir sakemm ra quddiemu, fil‑bogħod, muntanja enormi, kollha ħamranija fid‑dawl baxx ta’ nżul ix‑xemx. Meta niżel hemm, seta’ jara ħafna widien, xmajjar u kaskati, u siġar, ħaxix u fjuri li qatt ma kien ra bħalhom f’għomru. Ma rax bnedmin, madankollu beda jisma’ għana ħelu, u fehem li kien wasal f’art in‑Ninfi.

Dawn kienu wlied Atlas u l‑Kewkba ta’ Filgħaxija, u kienu l‑ħin kollu jiżfnu madwar is‑siġra bil‑frott tad‑deheb. Meta lemħu ’l Persew, waqfu miż‑żfin u l‑għana tagħhom u staqsewh, “Inti Erakle, ġejt biex tisirqilna l‑frott tad‑deheb?”

“Le, jiena Persew,” wieġeb hu, u spjegalhom għalfejn kien wasal hemm.

In‑Ninfi qalulu li ma kinux jafu t‑triq għall‑gorgon, u għalhekk ħaduh għand missierhom, Atlas il‑Ġgant, li kien qed jerfa’ d‑dinja.

“Qatt ma tista’ tersaq lejn il‑gorgon,” qallu Atlas, “sakemm ma tilbisx l‑Elmu tad‑Dlam, li jagħmlek inviżibbli.”

“U fejn nista’ nsib dan l‑elmu?”

“Bħala bniedem ma tistax,” wieġeb Atlas, “għax jinsab f’qiegħ l‑Infern, u bnedmin ħajjin ma jistgħux imorru hemm. Uliedi jistgħu jmorru u jġibuhulek, imma trid twegħedni xi ħaġa. Meta toqtol lil Medusa, aqtgħalha rasha u ġibhieli ħalli nħares lejn għajnejha. B’hekk insir statwa, u neħles darba għal dejjem minn dan it‑toqol li jien misħut inġorr għall‑eternità. Huwa xogħol iebes wisq li nżomm l‑art u s‑smewwiet mifrudin.”

Persew wiegħed li jagħmel dan, u wlied Atlas ħaduh sad‑daħla ta’ għar li kien ħiereġ ħafna duħħan minnu. Kien wieħed mid‑daħliet għall‑Infern. Qalulu biex jistenna sakemm huma jidħlu fil‑għar.

U Persew qagħad jistenna għal sebat ijiem.

***** ***** stat_3 ***** *****

10: Id‑dwell ma’ Medusa

Malli Persew kiseb l‑Elmu tad‑Dlam mingħand in‑Ninfi, irħielha għall‑Art tal‑Imkien biex ifittex lil Medusa. Kienet art deżolata li fiha ma kien jgħix xejn, l‑ebda xini qatt ma resaq lejha, ma kienx hemm lejl u nhar, xejn ma kien f’postu u xejn ma kellu isem. Dlonk sema’ t‑tħaxwix tal‑ġwienaħ tal‑gorgoni, lemaħ id‑dwiefer ta’ saqajhom. Waqaf u qagħad attent li ma jħarisx dritt lejn wiċċhom. Suppost, kellu jrabbi l‑kuraġġ u jkompli miexi, madankollu xorta beda jħossu beżgħan.

Ftakar fi kliem Atena, u għolla t‑tarka u ħares lejn il‑mera tagħha biex ikun jista’ jara x‑xbihat tal‑gorgoni minn fuqha. Kien hemm tlieta, u kienu jidhru reqdin. Huma ma setgħux jarawh għax kien liebes l‑Elmu tad‑Dlam.

Żewġ gorgoni kienu reqdin fil‑fond, imma waħda – Medusa – kienet qed titqalleb. Rixha kien imlewwen bħall‑qawsalla, u l‑abjad ta’ għonqha t‑twil tant kien qed jiddi fil‑mera tat‑tarka li Persew beda jaħsibha jattakkahiex jew le.

Imma, ħesrem, hekk kif kien qiegħed josserva mill‑mera, is‑sriep qamu jsefsfu minn fuq rasha u kixfu n‑nejbiet tagħhom. Ġwenħajha nfetħu u difrejha bdew ileqqu. Kienet dehra li tkexkex.

Persew rabba l‑kuraġġ, u hekk kif baqa’ jħares dritt lejn il‑mera, fajjar daqqa qawwija warajh bix‑ximitarra ta’ Ermes. Ras Medusa taret minn ma’ għonqha. B’ħeffa liema bħalha u mingħajr ma ħares lejha, geżwer ir‑ras fil‑ġilda tal‑mogħoż li kienet ipprovdietlu Atena.

Kien f’dak il‑waqt li l‑gorgoni l‑oħrajn stenbħu u ntebħu x’kien ġara. Bi twerżiqa li twaħħax, qomsu fl‑ajru biex jagħmlu għal Persew. Imma s‑sandli ta’ Ermes kien pront u minnufih tajru fil‑għoli tant li l‑gorgoni ma setgħux jilħquh.

***** ***** stat_3 ***** *****

11. Atlas meħlus

Kif wiegħdu, Persew mar lura għand Atlas, bir‑ras ta’ Medusa. Meta Atlas ħares lejha, minnufih sar blata waħda, u hekk straħ mix‑xogħol iebes tiegħu li jżomm is‑smewwiet u d‑dinja mifrudin.

Ulied Atlas talbu lil Persew biex jibqa’ magħhom għal dejjem, imma Persew ċaħad l‑istedina, għax kellu ħafna aktar xogħol x’jagħmel, u wara ried imur lura f’pajjiżu. Kontra qalbhom, it‑tfajliet urewh it‑triq li kellu jaqbad lura daru, u tawh ftit mill‑frott tas‑siġra msaħħra, frott li malli jieklu, kien jibqa’ mingħajr ġuħ għal sebat ijiem sħaħ.

Għalhekk Persew reġa’ ssokta t‑titjira tiegħu, l‑ewwel fid‑deżerti, u mbagħad fl‑għelieqi u fuq l‑għoljiet kollha ħodor, dejjem bit‑tama li fl‑aħħar jasal fuq il‑baħar fi triqtu lejn il‑gżira maħbuba tiegħu.

Imma, ħesrem, qam riħ qawwi li bagħtu lura fuq id‑deżert. Kellu jibqa’ fid‑deżert madwar sebat ijiem, jimxi kontra r‑riħ qawwi u t‑tempesti tar‑ramel. Kieku ma kienx jiġi mill‑Immortali, żgur li bħala bniedem normali kien imut f’dik il‑qilla tar‑ramel – imma hu kellu saħħa straordinarja.

F’disprament, wara d‑dawrien fil‑vojt fid‑deżert, għolla jdejh ’il fuq u talab lil Atena, “Ksibt ras il‑gorgon kif tlabtni. Issa se titlaqni hawn f’dan id‑deżert niexef?”

Kien f’dak il‑mument li fil‑bogħod sema’ ċ‑ċafċif ta’ ilma ġieri, u lemaħ nixxiegħa tal‑ilma fil‑qrib, imdawra b’ħaxix u siġar. Hemmhekk sab biżżejjed x’jiekol u x’jixrob biex jistejqer sew, u fl‑aħħar intelaq f’nagħsa ħelwa.

Hekk kif stenbaħ u ssokta l‑vjaġġ tiegħu, Persew sab ruħu f’art mudlama, il‑ħin kollu titheżżeż b’terremoti u miżgħuda b’vulkani jiżbruffaw bla waqfien. Kien wasal fl‑art ta’ Posejdun. Biex jiskarta n‑nirien tal‑vulkani, Persew irħielha lejn ix‑xatt tal‑pajjiż.

***** ***** stat_3 ***** *****

12. Andromeda

Tul ix‑xatt lemaħ tfajla, b’xagħar twil iswed tuta, marbuta bil‑ktajjen ma’ blata qrib il‑baħar. Kellha għajnejha mberrqin bil‑biża’ u kienet qed tgħajjat għall‑ajjut. Lil Persew ma ratux għax kien għadu liebes l‑Elmu tad‑Dlam. Għal Persew kienet l‑isbaħ mara li qatt ra, u qatagħha li jinżel u jeħlisha.

Meta niżel ħdejha u neħħa l‑elmu minn rasu, it‑tfajla ħadet qatgħa, imma kkalmat malli kellimha.

“La tibżax. Jien Persew u nista’ ngħinek taħrab minn hawn. Inti min int?

“Jiena Andromeda,” wieġbet. “Qiegħda hawn għax darba ommi ftaħret li jien isbaħ minn Atergatis, ir‑Reġina tal‑Ħut. Tant irrabjat li bagħtet dulluvju wara l‑ieħor f’artna. Issa l‑allat tal‑Baħar ħatfuni u rabtuni hawn biex jiġi għalija l‑mostru Kraken, maħluq mit‑tajn li ġab miegħu l‑għargħar.”

“Jien għandi l‑armi tal‑Immortali, li bla dubju huma aktar setgħana minn dak kollu li jistgħu jixħtuli l‑allat tal‑Baħar. Iġġilidt ma’ ħlejjaq aktar perikolużi minn mostru tal‑baħar. Bil‑għajnuna tal‑allat ta’ Olimpu kelli l‑ħila neqred lill‑gorgon Medusa, u għandi rasha hawn. Nista’ nużaha kontra l‑mostru tal‑baħar, imma għalaq għajnejk meta nużaha, għax inkella tbiddlek fi statwa tal‑ġebel.”

Bil‑biża’ li kellha fuqha, Andromeda ma emmnitx lil Persew. Bdiet twerżaq hekk kif lemħet il‑mostru jitfaċċa qalb il‑mewġ, riesaq lejhom. “Hemm hu! Wasal! Se joqtolni! Għalxejn tibqa’ hawn, għax joqtol lilek ukoll! Itlaq minn hawn!”

***** ***** stat_3 ***** *****

13: Il‑Kraken

Persew fis kisser il‑ktajjen ta’ Andromeda bix‑ximitarra tiegħu, u dar biex jiffaċċja ’l‑mostru. Is‑sandli tajru ’il fuq, biex ikun jista’ josserva l‑mostru sew. Il‑mostru enormi lemaħ lil Andromeda, u beda jersaq lejha.

Minnufih, Persew tar ’l isfel u waqaf bejn il‑mostru u t‑tfajla. Malli ra li Andromeda ħbiet għajnejha bħalma qalilha biex tagħmel, dar fuq il‑mostru, li kien għadu riesaq bil‑ħeffa lejhom, ħareġ ras il‑Medusa minn taħt il‑ġilda tal‑mogħoż, u għollieha fl‑arja quddiem il‑Kraken. F’daqqa waħda, waqa’ skiet perfett.

Andromeda kixfet għajnejha, u rat li issa, f’post il‑Kraken, kien hemm blata oħra enormi ħdejn il‑baħar fejn qabel ma kenitx.

Andromeda qaltlu li kienet bint ir‑Re Ċefesu u r‑Reġina Kassjopea, u kienet ċerta li l‑ġenituri tagħha kienu se jirringrazzjawh bil‑kbir talli kien salvalha ħajjitha. Persew talabha ħaġa waħda biss – li jiżżewwiġha. Andromeda ma qalitx le. U l‑ġenituri tagħha kienu kuntenti b’dan ukoll, iżda talbu lil Persew jibqa’ magħhom għal sena, qabel ma jiżżewweġ lil Andromeda u jitilqu lura f’pajjiżu.

Għalhekk Persew baqa’ sena f’pajjiż Ċefesu, fejn bena tliet tempji, wieħed għal Atena, wieħed għal Ermes u ieħor għal Żeus. Imma malajr qam l‑inkwiet meta Finew, ħu Ċefesu, baqa’ jsostni li Andromeda kienet għarusa lil ibnu, u ma ridhiex tiżżewweġ lil Persew.

Persew malajr sab argument biex jisfida lil Finew. “Fejn kien ibnek meta Andromeda kienet fil‑periklu? Jien salvajtha. Ibnek jista’ jmur isib tfajla oħra xi jsalva!”

Dan il‑kliem inkorla lil ħafna mis‑suldati li kienu ħbieb ta’ Finew, u meta ħarġu x‑xwabel u għamlu għal Persew, dan ħareġ ras il‑Medusa u għamilhom kollha tal‑ġebel!

***** ***** stat_3 ***** *****

14: Persew iżomm kelmtu

Ftit żmien wara li Persew iżżewweġ lil Andromeda, Atena reġgħet dehritlu f’ħolma, fejn qaltlu li kellu jrodd lura l‑armi tal‑Immortali li kienet tagħtu: it‑tarka tal‑bronż, l‑Elmu tad‑Dlam, ix‑ximitarra u s‑sandli ta’ Ermes, li bis‑saħħa tagħhom kien irnexxielu jwettaq dawk l‑għemejjel straordinarji kollha. Madankollu, qaltlu li ras Medusa seta’ jżommha, għax dalwaqt kien se jerġa’ jkollu bżonnha. U minnufih, Persew radd kollox lura lill‑Immortali.

Sena wara ż‑żwieġ, kif miftiehem, Persew u Andromeda rħewlha lejn il‑Baħar Eġew, lura lejn daru, il‑gżira ta’ Serifos, fejn seba’ snin qabel kien wiegħed lil Polidektes li jġiblu ras il‑gorgon, Medusa. Malli waslu laqgħuhom ommu, Danej, u Diktis. Issa Persew kien imissu jżomm kelmtu u jieħu ras Medusa lil Polidektes.

Meta daħal fil‑palazz b’ras Medusa fi xkora, ħadd ma għarfu daqskemm kien tbiddel f’seba’ snin. Kien telaq minn hemm bħala ġuvnott timidu u f’qoxortu. Issa kien hemm raġel matur quddiemhom, b’għajnejn ta’ seqer, twil u mibni sew, u b’daqna folta daqs ta’ ljun li kienet taħbilu nofs wiċċu. Madankollu, Polidektes kien l‑uniku wieħed li għarfu.

“Ara l‑misjub!” għajjat malli lemħu. “Irnexxielek tagħmel dak li wegħidt?”

“Dawk li jgħinu lilhom infushom, l‑allat jgħinuhom,” wieġeb Persew.

Kif qal hekk, ħareġ ras Medusa mill‑ixkora u għollieha quddiem in‑nies fis‑sala. Hekk kif ir‑re u l‑mistednin tiegħu ttantaw iqumu, waqfu kollha ħesrem u saru statwi.

Issa Persew kien jonqsu ħaġ’oħra x’jagħmel. Baħħar lejn Argos biex isib lil nannuh Akrisju. Sadattant Akrisju kien mar f’eżilju f’pajjiż ieħor, mal‑poplu tal‑Pelasgi, u Persew sabu hemm, xiħ u xipli, waqt li kien qiegħed isegwi festa ta’ logħob atletiku.

Persew kien qed jittama li issa Akrisju jilqgħu bl‑unuri wara dak kollu li kien għadda minnu, madankollu ma riedx jikxef min kien mill‑ewwel. Għalhekk daħal bħala kompetitur fil‑logħob atletiku. Minħabba l‑esperjenza li kien ġabar u t‑tbatija li ġarrab fl‑avventuri tiegħu, Persew kien sar raġel b’saħħtu u ħafif, u minn ħames logħbiet malajr rebaħ erbgħa.

In‑nies baqgħet mistagħġba bil‑ħila tiegħu. “Dan bilfors li huwa xi eroj, xi wieħed minn ulied l‑Immortali!” bdew jgħidu.

Imma Persew baqa’ sieket, u kkonċentra biex jirbaħ il‑ħames logħba, il‑logħba tad‑diskus.

***** ***** stat_3 ***** *****

15: Persew lura lejn daru

Meta kien imissu, waddab id‑diskus ħafna aktar ’il bogħod mill‑kompetituri l‑oħrajn, u n‑nies bdiet tħeġġu biex jagħmel aħjar minn hekk it‑tieni darba.

Mat‑tieni xeħta, qamet buffura riħ qawwija, tajret id‑diskus lejn Akrisju u laqtitu f’siequ. Bid‑daqqa, Akrisju waqa’ mal‑art. Persew mar jiġri lejn nannuh biex jara kienx weġġa’. Akrisju kien xiħ u dgħajjef, u malli Persew u nies oħra daru miegħu biex jerfgħuh, sabu li kien miet.

Persew sogħobbih ta’ dan. Dar fuq in‑nies ta’ madwaru, “Jiena Persew, in‑neputi ta’ Akrisju, u dak li qatel lill‑gorgon Medusa.”

Wara dan qalilhom li skont profezija kellu jkun hu li joqtol lil nannuh, u kompla jirrakkuntalhom l‑istorja ta’ ħajtu.

Minn dak iż‑żmien, hu u Andromeda saru r‑re u r‑reġina ta’ Argos, u maż‑żmien kellhom erba’ subien u tlitt ibniet, u għexu għal ħafna snin f’paċi u hena.

Skont il‑leġġenda, wara mewthom, Atena tellgħethom fis‑smewwiet, flimkien mal‑ġenituri t’Andromeda, ir‑Re Ċefesu u r‑Reġina Kassjopea, u biddlithom fi kwiekeb, biex kulħadd ikun jista’ jarahom mid‑dinja.

U fi ljieli ċari, mingħajr sħab, fl‑isfond tas‑sema iswed, għad tista’ tarahom jiddu: Persew, Andromeda, Ċefesu bil‑kuruna tiegħu, Kassjopea bilqiegħda fuq it‑tron tagħha tal‑avorju, tirranġa n‑nokkli tagħha f’malji. Jibqgħu jiddu l‑lejl kollu biex jiggwidaw lill‑baħħara fil‑vjaġġi tagħhom, bħalma kien għamel Persew f’żgħożitu, filwaqt li matul il‑jum jgħixu mal‑allat l‑oħra fuq il‑muntanja Olimpu.

***** ***** TMIEM ***** *****

***** ***** stat_3 ***** *****