James Fenimore Cooper
(Amerikan, 1789-1851)
Madwar 7,900 kelma
Adattament għall-Malti:
Norman C. Borg
© Norman C. Borg
Qari tal-Provi:
L-Aġenzija Nazzjonali tal-Litteriżmu
Biex tifhem l‑istorja sew, tajjeb li qabelxejn tkun taf ftit l‑isfond. Din il‑ġrajja sseħħ fi żmien il‑Gwerra tas‑Seba’ Snin bejn ir‑Renju Unit u Franza mill‑1756 sal‑1763. Għalkemm din il‑gwerra kienet miġġielda f’ħafna pajjiżi u kontinenti, kien żmien meta ż‑żewġ potenzi Ewropej riedu jaħkmu artijiet fl‑Amerka ta’ Fuq, fejn illum hemm il‑Kanada u l‑Istati Uniti tat‑Tramuntana.
F’dawn l‑artijiet kienu diġà jgħixu l‑ewwel nazzjonijiet tal‑Amerka (f’dawk iż‑żminijiet kienu jsejħulhom Indjani), u li kienu fi gwerra bejniethom. Għalhekk l‑Ingliżi u l‑Franċiżi kienu jużawhom biex jiġġieldu għalihom. L‑alleati tal‑Franċiżi kienu l‑poplu tal‑Uroni. L‑alleati tal‑Ingliżi kienu l‑poplu tal‑Moħikani, li kienu jagħmlu parti mill‑poplu akbar tad‑Delawer.
Darba waħda, messaġġier Indjan wasal fil‑Forti Edward, fl‑Amerka ta’ Fuq, wara ġirja twila. L‑Indjan għarraf lill‑Ġeneral Webb, il‑kap tal‑forzi armati Ingliżi, li l‑Ġeneral Montcalm, il‑kap tal‑forzi armati Franċiżi, kien riesaq lejn il‑forti b’armata mdaqqsa.
“Ġejjin suldati daqs kemm tara weraq fuq is‑siġar,” qal il‑messaġġier Indjan.
Minnufih, il‑Ġeneral Webb qabbad lis‑suldati biex jippreparaw għad‑difiża. Ħaseb ukoll biex jipprova jiltaqa’ mal‑Franċiżi nofs triq, ħalli ma jħallihomx jaslu sal‑forti. Bejn l‑armata Franċiża u l‑Forti Edward kien hemm fortizza oħra żgħira, il‑Forti William Henry. Il‑kmandant tal‑forti, il‑Kulunell Munro, kien diġà talab lil Webb biex jibgħatlu xi rinforzi. Għalhekk Webb qatagħha li jibgħat kontinġent suldati biex jilqgħu lill‑Franċiżi hemm. L‑għada sbiħ il‑jum għadd ta’ suldati Ingliżi telqu lejn il‑Forti William Henry. Kulħadd kien konxju tal‑fatt li jekk jaqa’ l‑Forti William Henry, il‑Forti Edward ma kienx idum wisq biex jaqa’ wkoll.
Ftit ħin wara li telqu t‑truppi mill‑Forti Edward, telqu wkoll żewġ tfajliet, Cora u Alice Munro, bl‑iskop li huma wkoll jingħaqdu ma’ missierhom, il‑Kulunell Munro, fil‑Forti William Henry. Magħhom kien hemm il‑Maġġur Duncan Heyward, suldat żagħżugħ, kuraġġuż u kemxejn kburi. Għalkemm kienu sejrin lejn il‑Forti William Henry bħas‑suldati, Heyward ma xtaqx li t‑tfajliet imorru mat‑truppi, għax ħass li hekk ikunu f’inqas periklu. Għalhekk qabdu rotta differenti mit‑truppi – rotta sigrieta.
Bħala gwida, qabbdu lill‑istess messaġġier Indjan li lejliet kien wassal l‑aħbar dwar l‑avvanz tal‑Franċiżi lil Webb. L‑Indjan mexxiehom tul passaġġ dejjaq qalb il‑foresta.
L‑iżgħar mill‑aħwa, Alice, m’għoġbithiex id‑dehra tal‑Indjan, kollu miżbugħ biż‑żebgħa tal‑gwerra, u armat sa snienu.
“Dak l‑Indjan min hu, Duncan?” saqsiet lil Heyward, “Tista’ tafdah?”
“Iva, Alice,” weġibha Heyward. “Huwa ta’ mintagħna, għalkemm niftakar li darba missierek kien ikkastigah għal xi mġieba ħażina tiegħu.”
Dawn il‑kummenti m’għamlu xejn biex inaqqsu l‑inkwiet ta’ Alice.
Ma laħqux imxew fit‑tul qabel ma semgħu warajhom il‑passi ta’ żiemel ieħor jiġri lejhom. Kien raġel kemxejn twil riekeb fuq żiemel tant irqiq li kien prattikament għadma u ġilda.
“Skużani, Maġġur,” lissen ir‑raġel. “Smajt li sejrin il‑Forti William Henry u ġejt nilħaqkom biex inkompli t‑triq magħkom. Jisimni David Gamut, u ngħallem lit‑tfal tal‑forti għanjiet reliġjużi.”
Heyward ma deherx li kellu problemi dwar dan. “Agħmel int,” wieġeb. “Magħna mhux se tkun f’periklu.”
Li l‑grupp ma kienx jaf, waqt li komplew fi treqithom, kien li ftit metri warajhom, qalb il‑friegħi tas‑siġar, Indjan, b’wiċċu kollu miżbugħ, kien qiegħed josservahom. Dan kien skawt mill‑poplu tal‑Uroni, li kienu alleati mal‑Franċiżi. Baqa’ josservahom għal ftit ħin sakemm għebu fil‑foresta. Malli ma setax jarahom aktar, għolla rasu u għamel il‑ħoss ta’ għasfur. Sħabu, moħbijin f’imkejjen oħra tal‑foresta, semgħuh u fehmu s‑sinjal.
Sadattant, aktar ’il ġewwa fil‑foresta, qrib nixxiegħa ta’ ilma ġieri, raġel liebes l‑ilbies tipiku ta’ kaċċatur tal‑foresta kien qiegħed miexi mal‑Indjan ħabib tiegħu.
“Inti ġej minn familja ta’ ġellieda qalbenin, Ċingaċkuk,” kien qiegħed jgħidlu.
“Tassew, għażiż Hawkeye, ħabib tiegħi,” wieġeb l‑Indjan. “Imma niesi issa kollha marru f’Art l‑Ispirti, u meta mmut jien, ibni Unkas se jibqa’ waħdu; l‑aħħar wieħed tal‑poplu tal‑Moħikani.”
Ma laħaqx temm kliemu li ma semgħux xi tħaxwix tal‑friegħi qrib u l‑leħen ta’ Unkas. “Unkas hawn qiegħed. Min qed jitkellem dwaru?” Unkas, ġellied żagħżugħ, tfaċċa minn qalb is‑siġar.
“Mela, Unkas,” kompla Hawkeye, “x’aħbarijiet għandek dwar l‑Uroni?”
“Kont qiegħed insegwihom bil‑moħbi,” wieġeb Unkas. “Qegħdin jimxu bil‑mod, sparpaljati fil‑foresta, bħallikieku qed ilestu biex jaqbżu fuq xi ħadd.”
Kien f’dak il‑waqt li t‑tlieta semgħu fil‑bogħod il‑passi ta’ żwiemel qed joqorbu. “Min huma dawn il‑ħmir li ġejjin ’l hawn?” lissen Hawkeye. “Żgur li xi Ingliżi, biex qed joqorbu b’dan l‑istorbju kollu f’foresta mimlija Uroni mġewħin għal xi qorriegħa!”
Il‑Maġġur Heyward qal lit‑tfajliet u lil Gamut biex jieqfu ħalli jistrieħu ftit sakemm hu jagħmel ronda qasira biex jara li ma kien hemm l‑ebda periklu qrib. F’ħin minnhom, waqt ir‑ronda, tfaċċa Hawkeye quddiemu.
“Maġġur, inti qed tiġġennen, timraħ fil‑foresta mimlija Indjani għedewwa?”
Heyward spjegalu li hu u grupp ta’ nies oħra ppruvaw jieħdu triq iqsar għall‑Forti William Henry, imma li l‑gwida tagħhom kien tilef it‑triq.
“Tilef it‑triq!” qabeż Hawkeye, “Dak qed joħodkom in‑naħa opposta! Urini min hu, dan l‑Indjan.”
Mingħajr ma għamlu ħsejjes, Heyward wassal bil‑moħbi lil Hawkeye fejn kien hemm il‑grupp qed jistrieħ. Daqqa t’għajn waħda kienet biżżejjed għal Hawkeye biex jagħraf lill‑Indjan gwida.
“Dak l‑Indjan huwa Uron, u qed idaħħalkom f’nasba! Hemm bżonn noqtluh qabel ma jaslu sħabu, imma mhux se jkun faċli!”
Waqt li Hawkeye baqa’ fil‑moħbi, qal lil Heyward kif jipprova jeħles mill‑Indjan. Heyward għamel tabirruħu li wasal lura mir‑ronda tiegħu, u qal lill‑Indjan li kien sab lil xi ħadd li seta’ jerġa’ jsibilhom it‑triq. L‑Indjan mall‑ewwel issuspetta xi ħaġa.
“Mela m’għadekx tafda lil Magwa!” qallu l‑Indjan bir‑rabja.
Heyward fis beda jmerih waqt li fl‑istess ħin ipprova jaqbad il‑pistola li kellu fl‑istoċċ tas‑sarġ. Fil‑pront l‑Indjan ħatfu u waqqgħu minn fuq iż‑żiemel. Hawkeye, li kien moħbi qalb is‑siġar viċin, spara tir lejn l‑Indjan, u dan lebbet jiġri qalb is‑siġar.
Issa li t‑trappola ta’ Magwa kienet inkixfet, seta’ jsejjaħ lil sħabu biex jinġabru madwar il‑grupp.
Sadattant, Hawkeye aċċertahom li seta’ jwassalhom sal‑forti qawwijin u sħaħ. Talab lill‑Moħikani biex jieħdu ħsieb iż‑żwiemel waqt li hu ħa lill‑grupp lejn ix‑xmara, fejn kellu kenura moħbija.
F’qasir żmien bdew niżlin tul ix‑xmara. L‑ilma kien ġieri ħafna, u mhux darba jew tnejn kważi tkissru mal‑blat. Imma Hawkeye kien qaddief tajjeb, u kien kapaċi jmexxi l‑kenura sew f’dak il‑kurrent qawwi.
Dlonk waslu maġenb blata għolja fejn kien hemm kaskata. Hawkeye lemaħ lil Ċingaċkuk u lil Unkas. L‑Indjani qalulhom li kienu ħbew iż‑żwiemel, u li sakemm l‑Uroni kienu għadhom qed ifittxuhom, setgħu jistaħbew f’dak il‑post. Kien hemm għar eżattament wara l‑kaskata tal‑ilma, għalhekk il‑fetħa tal‑għar ma kenitx tidher. L‑għar kien kbir sew, mgħammar b’għamara sempliċi u oġġetti oħra, u kollha setgħu jistrieħu hemm, komdi.
“Dan huwa għar sigriet li nafu bih jien u sħabi l‑Moħikani biss,” spjega Hawkeye, “għalhekk nixtieqkom ma tgħidu qatt lil ħadd bih.”
Il‑Moħikani marru għall‑kaċċa biex isibu x’jieklu, waqt li Hawkeye qabbad ħuġġieġa fl‑għar. L‑Indjani malajr ġew lura b’ċerva u bdew isajruha. Wara li kielu Hawkeye qalilhom li kellhom jorqdu sew għax l‑għada filgħodu kellhom mixja twila x’jagħmlu.
Alice fetħet qalbha ma’ Cora hekk kif ħarset lejn Unkas. “Inħoss li dak huwa Indjan li nista’ nafda. Se norqod b’rasi mistrieħa, dal‑lejl.”
Cora qablet magħha. Fil‑fatt Unkas kellu d‑dehra ta’ ġellied żagħżugħ b’saħħtu u qalbieni, xempju sabiħ tal‑poplu tiegħu.
Ma’ tlugħ ix‑xemx qajmithom twerżiqa li dwiet mill‑foresta.
“Dik għajta tal‑gwerra tal‑Uroni,” qal Hawkeye. “Irnexxielhom isibuna, ja xjaten!”
Il‑Moħikani mexxew il‑grupp sa ħdejn il‑kenura. F’daqqa waħda nstemgħu il‑ħsejjes ta’ ħafna sparar ġej min‑naħa l‑oħra tax‑xmara, u ħafna balal bdew ifaqqgħu fuq il‑blat madwarhom. B’għajta maħnuqa, David Gamut waqa’ tulu fl‑art.
Hawkeye minnufih mar jiċċekkja lil Gamut, u ħa r‑ruħ meta ra li l‑għalliem kien għadu ħaj. Il‑balla kienet laqtitu f’rasu bi żbrixx. Sejjaħ lil Unkas biex jgħin lil Gamut jmur fil‑kenn tal‑għar, waqt li hu ngħaqad ma’ Ċingaċkuk u Heyward, li, moħbijin wara l‑blat, kienu qed jisparaw lura lejn l‑Indjani Uroni li kienu fuq ix‑xaqliba l‑oħra tax‑xmara.
“M’aħniex qegħdin f’post tajjeb hawn,” għajjat Hawkeye fuq l‑istorbju tal‑isparar. “Dawk mhux se jieqfu qabel ma jkunu qatluna kollha!”
Ftit wara, l‑isparar waqaf. Hawkeye ikkalkula li kien hemm mill‑anqas erbgħin Uron, għalhekk ma kinux se jdumu wisq ma jerġgħu jattakkawhom. Poġġa lil Heyward u lill‑Moħikani f’postijiet strateġiċi wara l‑blat, u wissiehom biex iżommu għajnejhom miftuħin għal xi sinjali ta’ attakk.
Madankollu, ħadd minnhom ma ra xi zkuk ta’ siġar ħoxnin li kienu niżlin mal‑kurrent tal‑ilma fix‑xmara. Moħbijin wara kull wieħed minnhom kien hemm Indjan Uron, u kienu bil‑qajla resqin lejn in‑naħa tagħhom tax‑xmara.
Malli raw li kienu qrib biżżejjed, l‑Indjani bdew iwerżqu l‑għajta tagħhom, qomsu minn wara z‑zkuk, u ġrew ’il fuq lejn il‑fetħa tal‑għar. Heyward kien se jaqbad iqum minn wara l‑blat u jibda jispara, imma żamm lura malli ra li Hawkeye u l‑Moħikani baqgħu ggrunċjati wara l‑blat. Kienu qed jistennew l‑aħjar mument biex jisparaw.
Malli ra li l‑Indjani kienu viċin biżżejjed, Hawkeye beda jispara, u dlonk sħabu għamlu l‑istess. L‑Uron li kien quddiem nett waqa’ fl‑art bl‑isparatura ta’ Hawkeye. Unkas waqqa’ Indjan ieħor. Hawkeye ħataf il‑mus tiegħu, u ħareġ minn wara l‑blat biex jilqa’ lill‑aktar Indjan li kien viċin.
Dan l‑Indjan inzerta wieħed twil u mibni sew, u mall‑ewwel xejjer il‑mannara tiegħu lejn Hawkeye. B’ħila liema bħalha, il‑kaċċatur evita l‑mannara u ħataf lill‑Indjan minn driegħu. L‑Indjan ħataf l‑id li biha Hawkeye kien qed iżomm il‑mus, u baqgħu jissaraw hekk għal xi minuta. Iżda l‑Indjan beda bil‑qajla jċedi taħt is‑saħħa ta’ Hawkeye, sakemm fl‑aħħar spiċċa għarkopptejh.
Sadattant Heyward sab ruħu f’qagħda ħażina hekk kif Indjan ħataflu għonqu minn wara. Ma setax jiddefendi ruħu sewwa għax il‑pistola kienet vojta u x‑xabla tilifha waqt it‑taqbid. Skoss wara skoss, l‑Indjan beda jkaxkru lejn ix‑xifer tal‑blat. Meta kien għoddu se jaqa’ għal isfel, xi ħadd ġibed lill‑Indjan lura b’daqqa qawwija u ħeles lil Heyward. Kien Unkas, li fajjar daqqa soda bil‑mannara tiegħu u xeħet lill‑Indjan għal isfel.
Fl‑istess ħin, Hawkeye waqqa’ lill‑avversarju tiegħu, u Ċingaċkuk qatel żewġ Indjani oħra. Il‑bqija tal‑Indjani qatgħu qalbhom ikomplu t‑taqtigħa, u waqt li baqgħu iwerżqu, reġgħu niżlu fix‑xmara u għamu sax‑xaqliba l‑oħra. Sadattant Hawkeye u sħabu baqgħu jisparawlhom. Għalissa il‑grupp sħiħ kien ħelisha mill‑periklu.
Bla nifs, l‑irġiel inxteħtu mal‑art biex jistrieħu. Duncan Heyward resaq lejn Unkas u ħadlu b’idu.
“Illum salvajtli ħajti, Unkas,” qallu. “Minn issa ’l quddiem għoddni bħala l‑ħabib tiegħek għal dejjem. Inkun nafulek għomri kollu.”
Hawkeye tbissem malli ra dan: kif tnejn min‑nies ġejjin minn pajjiżi u kulturi daqshekk differenti, issa kienu saru qishom aħwa.
Madankollu kienu għadhom ma ħarġux għal kollox mill‑periklu. maġenb ix‑xifer tax‑xmara, faċċata ta’ fejn kienu qed jistrieħu, kien hemm siġra kbira, u moħbi qalb il‑friegħi folti kien hemm Uron li kien qed jimmira l‑ixkubetta tiegħu. B’idejn sodi, immira lejn dahar Hawkeye. Ħa nifs twil, u spara.
Il‑balla ħabtet ma’ blata qrib ras Hawkeye. “Xjafek! Ma bsartx li l‑Uroni qegħdin daqshekk viċin!” lissen il‑kaċċatur. Ġabar il‑biċċa ċomb li kien baqa’ mill‑balla, u stagħġeb. “Kif inhi mgħaffġa din il‑balla qisha ġiet sparata mill‑għoli,” qal. Dawwar għajnejh lejn il‑quċċata tas‑siġar madwarhom, u lemaħ il‑ftit daħna li kienet baqgħet mill‑isparatura – eżatt malli faqqgħet sparatura oħra.
Issa kienu ċerti li kien hemm miratur Uron moħbi qalb il‑friegħi tas‑siġar, a minnufih kollha bdew jisparaw ’l hemm. Friegħi u weraq bdew jaqgħu kullimkien taħt dik il‑furja ta’ sparar. Imma semgħu biss daħqa u sparatura oħra minn qalb is‑siġar. Din l‑aħħar sparatura ma laqtet lil ħadd, imma Hawkeye lemaħ xi ċaqliq qalb is‑siġar, u dawwar l‑ixkubetta ’l hemm.
L‑ixkubetta ta’ Hawkeye kienet itwal minn tal‑oħrajn, għax minflok arma ta’ gwerra, tiegħu kienet arma tal‑kaċċa, u mibnija b’tali mod li tolqot fil‑bogħod b’aktar preċiżjoni. Mal‑isparatura tiegħu dwiet twerżiqa minn qalb is‑siġar, u l‑Indjan waqa’ fl‑ilma ġieri tax‑xmara.
Għal issa l‑periklu kien naqas. “Spiċċali l‑porvli kollu,” qal Hawkeye. “Unkas, tista’ tinżel sa ħdejn il‑kenura u ġġibilna l‑aħħar ftit porvli li baqa’?”
Hekk kif Unkas dar biex jagħmel dak li talbu Hawkeye, semgħu xi daħq ġej min‑naħa tax‑xmara.
“Issa x’qed jagħmlu, dawk ix‑xjaten?” lissen Hawkeye.
Lemħu l‑irjus ta’ xi Uroni f’wiċċ l‑ilma maġenb il‑kenura, li kienet qed titbiegħed minn max‑xatt.
“Ħadulna l‑kenura!” għajjat Hawkeye.
Awtomatikament, Hawkeye għolla l‑ixkubetta u mmiraha lejn l‑Indjani fl‑ilma, iżda kien għalxejn. Barra milli ma setax jispara mingħajr porvli, ma kienx hemm ċans kbir li jolqot lil xi wieħed mill‑Indjani hekk kif tbiegħdu, b’rashom moħbija wara l‑kenura.
“Dik il‑kenura kienet l‑uniku mezz biex nitilqu minn hawn – u spiċċalna l‑porvli wkoll!”
Ma setgħu jagħmlu xejn hekk kif raw il‑kenura ddur mal‑liwja tax‑xmara u tgħib minn quddiem għajnejhom.
Marru lura lejn l‑għar moħbi wara l‑kaskata biex jingħaqdu mat‑tfajliet u ma’ David Gamut – li issa kien jidher ġie f’tiegħu – biex jiddiskutu s‑sitwazzjoni.
Hawkeye ma qgħadx jilgħab bil‑kliem. “Ninsabu f’qagħda mwiegħera,” qal. “Jekk nagħmlu pass barra mill‑għar l‑Uroni jdawruna mall‑ewwel. Naturalment, hemm ix‑xmara, imma ma nafx kemm intom it‑tfajliet tkunu tistgħu tgħumu fit‑tul fil‑kurrent qawwi.
Kien f’dan il‑waqt li Cora wriet il‑kuraġġ tagħha. “Mel’ itilquna hawn,” lissnet. “Nibqgħu hawn sakemm inti u l‑Moħikani tmorru l‑Forti William Henry u ġġibu l‑għajnuna.”
Hawkeye m’għoġbitux l‑idea, imma Cora baqgħet tinsisti.
Wieħed wara l‑ieħor, Ċingaċkuk u Unkas niżlu fl‑ilma bis‑skiet. Hawkeye baqa’ wara biex jagħti l‑aħħar parir lil Duncan Heyward. “Jekk tinqabdu priġunieri, ara li tkisser friegħi taħt saqajk kemm tiflaħ waqt li l‑Uroni jeħdukom magħhom. B’hekk inkunu nistgħu narawhom u nsibukom malajr.”
Heyward qallu li fehem, u Hawkeye mar jilħaq lil sħabu l‑Moħikani fix‑xmara. Ftit mumenti wara, intelqu u ħallew il‑kurrent ikaxkarhom miegħu.
Malli daru l‑liwja tax‑xmara, l‑ilma tbaxxa, imma l‑kurrent issa kien aktar mgħaġġel. Madankollu t‑tlieta kellhom ħila biżżejjed biex jevitaw li jitkissru mal‑blat. Kien hemm ħafna biċċiet taz‑zkuk f’wiċċ l‑ilma jiġġerrew mal‑kurrent, u nħbew wara tliet biċċiet kbar biex ma jilmħuhomx l‑Uroni li kienu għassa tul ix‑xatt. Fil‑fatt ftit ħin wara dwiet waħda mit‑twerżiq tagħhom, u tfaċċat filliera ta’ Indjani, telgħin maġenb ix‑xmara.
Hawkeye beda jinkwieta. Issa kien ċert li Magwa kien ġab aktar nies biex jattakka l‑għar. Hu u l‑Moħikani kienu qed jgħumu lil hinn mill‑periklu waqt li t‑tfajliet, Heyward u Gamut kienu se jkunu f’sogru akbar.
X’jagħmlu? Ikompli fi treqithom lejn il‑Forti William Henry, jew jerġgħu lura biex jaqbżu għal sħabhom, mgħammra biss b’mannara waħda u mus tal‑kaċċa? F’għomru kollu, Hawkeye qatt ma kien sab ma’ wiċċu dilemma daqshekk kbira.
Meta Hawkeye u l‑Moħikani telqu, Heyward mexxa lill‑grupp aktar ’il ġewwa fil‑għar, u poġġa ħafna zkuk żgħar u friegħi mejta barra biex jaħbi dik il‑parti mill‑kumplament tal‑għar. Issa ma kellhom xejn x’jagħmlu għajr li jistennew u jittamaw li l‑Uroni ma jsibuhomx. David Gamut issa kien iħossu aħjar billi l‑balla kienet laqtitu f’rasu bi żbrixx, u beda jkanta bil‑mod xi ftit salmi. Għaddew ftit ħin fil‑kwiet, imma ħesrem semgħu t‑twerżiqa tal‑Indjan ftit lil hinn mid‑daħla.
“L‑Uroni reġgħu ġew! Waslet tagħna!” għajtet Alice, hekk kif inxteħtet f’dirgħajn oħtha l‑kbira.
Bdew jisimgħu aktar twerżiq – aktar qrib. Grupp ta’ Uroni kienu waqfu ħdejn ix‑xmara eżatt quddiem id‑daħla tal‑għar. Wieħed minnhom lemaħ l‑ixkubetta li Hawkeye kien ħalla warajh meta niżel fix‑xmara. L‑Uroni mall‑ewwel għarfu li kienet l‑arma tal‑akbar għadu tagħhom.
“L‑ixkubetta t‑twila!” bdew jgħajtu. “Mela Hawkeye mejjet. Kieku għadu ħaj żgur ma kienx jitlaq l‑arma hawn.”
Ma damux ma daħlu fil‑parti ta’ barra tal‑għar. Heyward ittawwal minn qalb il‑friegħi li kien poġġa biex jaħbi l‑parti ta’ ġewwa, u dak li ra m’għoġbux.
L‑Uroni kienu sabu l‑affarijiet li kienu fil‑għar. Bdew jixħtu l‑affarijiet kullimkien, ikissru l‑għamara u jqattgħu bil‑mannari dak kollu li setgħu, daqslikieku kienu Hawkeye innifsu. Malli ra dan Heyward ġieh ħsieb f’rasu li qawwielu ftit qalbu: forsi jekk l‑Uroni jkomplu jinfexxu f’dawk il‑ħwejjeġ, kienu fl‑aħħar jiddejqu u jitilqu, u hu u sħabu kienu jsalvaw.
Fil‑fatt, ftit wara waqa’ skiet perfett. Heyward dar fuq sħabu. “Telqu fl‑aħħar,” lissen.
Alice intefgħet għarkopptejha u bdiet talba ta’ ringrazzjament. Iżda bilkemm leħqet lissnet it‑talba kollha meta l‑friegħi li kienu qed jaħbuhom infirdu u tfaċċa warajhom il‑wiċċ ta’ Magwa, b’għajnejh imberrqin. It‑tfajliet qabdu jwerżqu malli lemħuh. Bil‑fixla Heyward spara l‑aħħar balla li kellu mingħajr ma qagħad jimmira. Meta d‑daħna naqset, wiċċ Magwa kien għeb.
Imma ma kienx mejjet! Semgħuh jgħajjat lil sħabu biex jinġabru madwaru, u f’qasir żmien l‑Indjani sabu ruħhom fil‑parti ta’ ġewwa tal‑għar. Ħatfu lill‑erba’ Ingliżi bil‑goff u ġibduhom barra mill‑għar. Heyward issara ħafna magħhom, iżda ma kienx armat u huma kienu ħafna. Għal mument ħasbu li l‑Uroni kienu se joqtluhom fil‑post u jeħdulhom il‑qorriegħat, imma Magwa waqqaf lil sħabu. Kellu pjanijiet oħra għall‑priġunieri.
Magwa waqaf quddiem Heyward. “Fejn marru Hawkeye u l‑Moħikani?” staqsieh. “Tassew li mietu waqt l‑attakk? Jekk iva, fejn huma l‑iġsma tagħhom?”
Heyward ma żammx lura. “Telqu fix‑xmara u sejrin lejn il‑Forti William Henry. Dalwaqt ikunu hawn b’aktar suldati u jsalvawna minnkom!”
Magwa ma deherx ħosbien dwar dan, imma ġabar lil sħabu biex jiddiskutu x’jagħmlu. Ftit ħin wara, il‑parti l‑kbira tal‑grupp telaq għal rasu, waqt li tużżana oħra baqgħu ma’ Magwa u l‑priġunieri. Sadattant l‑Uroni kienu sabu wkoll iż‑żwiemel li l‑Moħikani kienu ħbew. Għalhekk issa ordnaw lill‑priġunieri jirkbuhom. Magwa mexxa l‑grupp fid‑direzzjoni opposta ta’ dik li ħa l‑grupp l‑ieħor tal‑Uroni.
Heyward issa qata’ qalbu hekk kif intebaħ li b’dan il‑mod kienu qed jitbiegħdu mill‑Forti William Henry, u kienu deħlin aktar ’il ġewwa fil‑foresta.
Huma u mixjin, Cora ftakret fil‑parir li kien tahom Hawkeye, u bil‑moħbi bdiet tgħawweġ xi friegħi tul it‑triq. F’ħin minnhom ġietha idea aħjar, u ħalliet taqa’ waħda mill‑ingwanti li kellha. B’xorti ħażina, wieħed mill‑Indjani kien qed josserva x’kienet qed tagħmel. Baqa’ warajha u bil‑mod beda jirranġa l‑friegħi li kienet qed tgħawweġ hi. Malli waqqgħet l‑ingwanta, l‑Indjan ġabarha fil‑pront u tahielha lura, b’ħarsa li kexkxet lil Cora tant li qatgħetha li ma tkomplix tipprova tqarraq.
Bix‑xemx bħala gwida, Magwa mexxa lill‑grupp aktar ’il ġewwa fil‑foresta, sakemm waslu taħt għolja bil‑quċċata ċatta. Hemmhekk ordna biex jieqfu ħalli jistrieħu. Magwa qagħad bilqiegħda għalih, mitluf fi ħsibijietu.
Sakemm Heyward qagħad josservah, għadda ħsieb minn moħħu. Qam, u resaq lejn il‑mexxej tal‑Uroni.
“Il‑Kulunell Munro lest li jħallas sew lil min iwassallu lil uliedu qawwijin u sħaħ. X’taħseb?” staqsieh.
Magwa ħares lejh biċ‑ċiera. “Għid lill‑bint ta’ xagħarha iswed tiġi hawn ħa nkellimha,” wieġbu.
Heyward resaq lejn Cora, u kellimha minn taħt l‑ilsien. “Forsi hemm ċans neħilsuha ħafif,” qalilha. “Naħseb li nistgħu nikkonvinċu lil Magwa jeħliskom it‑tnejn jekk jitħallas sew. Mur u kellmu. Imma oqgħod attenta. Jista’ jkun li jitlob kutri u porvli mingħand missierek. Jitlob x’jitlob, aċċetta. Jiena ċert li l‑Kulunell jaħsibha sew qabel ma jaċċetta t‑talbiet tiegħu.”
“U x’se jsir minnek, Duncan?” lissnet Cora.
“Ħajti diġà mibjugħa lir‑Re tiegħi,” wieġeb l‑uffiċjal.
Malli Cora resqet lejh, l‑Uron qam bil‑wieqfa. “Magwa bata ħafna inġustizzji f’idejn missierek,” qalilha. “Ordna lil Magwa jiġi ffrustat bl‑akkuża li Magwa seraq. Uron ma jinsa qatt. Dan huwa l‑ħlas li qed nitlob. Il‑bint ta’ xagħarha dehbieni hija ħielsa, u tista’ titlaq. Imma inti se jkollok tiżżewweġ lil Magwa! Inti ġġiblu l‑ilma, taħrat l‑għelieqi tiegħu u ssajjarlu l‑ikel. Inti se tkun ilsira ta’ Magwa sakemm tmut!”
Malli semgħet dan, Cora żammet rasha ’l fuq bi sfida. “Qatt!” għajtet bi kburija. “L‑ebda bint ta’ Munro ma hi qatt se tkun il‑mara ta’ salvaġġ bħalek!”
B’dan il‑kliem telqet lura f’postha maġenb oħtha, li kienet imwerwra u mbikkma. Biex ma tallarmax lil Alice aktar, iddeċidiet li ma tgħid xejn li Heyward dwar x’għadda bejnha u bejn Magwa.
Sadattant Magwa kien dar lejn niesu, u kien qed ikellimhom. “Aħna poplu qawwi,” qalilhom. “Irbaħna ħafna qorriegħat u ħafna gwerer. Minħabba dawn in‑nies il‑bojod li qed taraw hawn, ħafna minn sħabna mietu llum – u l‑ispirti tagħhom qed jokorbu għat‑tpattija. Mela noqtlu lill‑priġunieri l‑bojod – issa!”
Imħeġġin b’dan il‑kliem, l‑Uroni qamu bis‑skieken u l‑imnanar f’idejhom.
Żewġ ġellieda qabżu fuq Heyward, waqt li ieħor dar fuq l‑għalliem il‑batut. Lit‑tfajliet firduhom bil‑goff, ħaduhom fejn siġra u rabtuhom magħha. Heyward beda jissara b’saħħa qawwija li ġietu sforz tad‑disprament li ħakmu, bit‑tama li joqtol mill‑inqas wieħed mill‑għedewwa tiegħu qabel ma joqtluh. Imma kien għalxejn. Qala’ daqqa bil‑parti ċ‑ċatta ta’ mannara, li minnufih tellfitu minn sensieh. Kaxkruh lejn siġra oħra, u rabtuh magħha. Lil Gamut għamlulu l‑istess.
“Issa se tmutu ... bil‑mod,” lissen Magwa.
Malli Heyward ġie f’sensieh, sema’ lil Magwa jirrepeti dak li kien qal lil Cora qabel. Imma din id‑darba Cora ma tniffsitx hekk kif Alice qabdet tgħajjat minflokha. “Le, Cora, le! Nippreferi mmut elf darba milli narak tiżżewweġ lil dan id‑dimonju minħabba fija!”
Meta Magwa ra kif dik it‑tfajla kienet lesta li tagħti ħajjitha b’dan il‑mod, infexx f’rabja ikbar. B’għajta ffrustrata gara l‑mannara tiegħu dritt lejn Alice. Ix‑xafra tal‑mannara weħlet mas‑siġra maġenb ras Alice, u qatgħetilha nokkla minn xagħarha.
Dan kien sinjal għall‑Uroni l‑oħra biex jibdew jittorturaw lill‑priġunieri tagħhom. Magwa beda jmexxihom f’żifna madwar il‑priġunieri marbutin, waqt li bdew ikantaw l‑għanja tal‑mewt. Bil‑mod il‑mod iż‑żifna bdiet tqanqal lill‑Indjani aktar u aktar, sakemm intilfu f’ferneżija u wieħed wieħed bdew jixħtu l‑imnanar u s‑skieken tagħhom lejn il‑priġunieri. L‑armi bdew jeħlu kollha mas‑siġar madwar il‑priġunieri, imma ħadd minnhom kien għadu ma ntlaqat.
L‑Uroni kienu għadhom mhux lesti biex joqtluhom – l‑ewwel riedu jwerwruhom u jbatu bil‑biża’ li d‑daqqa li jmiss kienet se toqtolhom.
Għal aktar minn siegħa, l‑Uroni baqgħu jitfgħu mnanar u skieken lejn l‑erba’ priġunieri, il‑ħin kollu ma jolqtuhomx bi ftit. Fl‑aħħar Magwa xeba bil‑logħob, u ordna lil niesu biex jimmiraw biex joqtlu. Wieħed mill‑Uroni minnufih għolla l‑mannara fil‑għoli quddiem Heyward.
Imma l‑mannara qatt ma taret lejn il‑Maġġur, hekk kif dwiet sparatura u l‑Uron instabat mal‑art. Dwiet sparatura oħra – u oħra. Ħesrem, Hawkeye, Ċingaċkuk u Unkas tfaċċaw minn qalb is‑siġar, jgħajtu kemm jifilħu waqt li bdew jiġru lejn l‑Uroni u jxejru s‑skieken u l‑imnanar tagħhom. Hawkeye beda jxejjer l‑ixkubetta t‑twila tiegħu bħal bastun. L‑Uroni baqgħu mbellhin hekk kif raw lill‑kaċċatur u ’l Moħikani, li mingħalihom kienu ’l bogħod minn hemm, fi treqithom lejn il‑Forti William Henry, u għal xi sekondi ffriżaw fil‑post.
Dawk is‑sekondi kienu biżżejjed għal Hawkeye u sħabu biex jilħqu lill‑Uroni u jwaqqgħu mall‑ewwel tlieta minnhom. Unkas laħaq lil Heyward u qatagħlu l‑ħbula li kienu qed iżommuh marbut mas‑siġra. Heyward minnufih ħataf il‑mannara ta’ wieħed mill‑Uroni li kien waqa’, u beda jfajjar lejn l‑Indjani hu wkoll. Bil‑qawwa tal‑attakk mhux mistenni l‑Uroni bdew jirtiraw qalb il‑ħsejjes tas‑skieken u l‑imnanar u l‑għajjat irrabjat miż‑żewġ naħat. Cora, Alice u Gamut sadattant ma setgħu jagħmlu xejn għajr iħarsu mistagħġbin lejn it‑taqbida qalila li kienet qed isseħħ quddiemhom.
Darba wara l‑oħra l‑Uroni ttantaw jilħqu lill‑priġunieri li kienu għadhom marbutin, iżda Hawkeye u sħabu baqgħu jimbuttawhom lura, sakemm fl‑aħħar l‑Uroni kollha kienu mixħutin mal‑art, mejtin jew feruti sew.
Malli ra lil niesu kollha mal‑art, Magwa kien se jaqbad jaħrab, iżda dak il‑mument ta ħarsa lejn Cora, ftakar fil‑mod kif kienet kellmitu b’disprezz, u għolla idu bil‑mannara biex jittanta jwaddabha lejha.
Id soda żammitlu driegħu fl‑arja, u Ċingaċkuk irnexxielu jsalva lit‑tfajla. Madankollu Magwa kien ħafif, u malajr għawweġ driegħu biex jaħrab mill‑morsa tal‑Moħikan. F’qasir żmien iż‑żewġ Indjani ntilfu fi dwell qalil, hekk kif huma biss kienu għadhom qed jitqabdu. Il‑kumplament tal‑Uroni li kienu għadhom ħajjin lebbtu qalb is‑siġar.
Baqgħu jissaraw bejniethom, ras‑imb‑ras, maġenb xifer il‑għolja, bis‑skieken tagħhom ileqqu fir‑raġġi tax‑xemx. Mument minnhom Magwa spiċċa mal‑art u Ċingaċkuk għolla l‑mannara tiegħu għad‑daqqa tal‑aħħar. Magwa fil‑pront tkaxkar minn taħtu lejn xifer il‑għolja u baqa’ jitgerbeb sa isfel. Qam fuq saqajh u għeb qalb is‑siġar.
“Ħallih jitlaq,” lissen Hawkeye. “Issa qisu lupu bla snien – ma jista’ jagħmlilna xejn.”
“Kif sibtuna?” Heyward staqsa lil Hawkeye.
“Ma konniex ilħaqna morna ’l bogħod, meta rajna aktar Uroni jiġru d‑direzzjoni tagħkom,” wieġbu Hawkeye. “Għalhekk erġajna lura. Imma malli lħaqna l‑għar kontu diġà tlaqtu. Jien sibt l‑ixkubetta tiegħi fejn kienu telquha l‑Uroni. Sadattant il‑Moħikani kellhom il‑ħila jsibu s‑sinjali mal‑art tat‑triq li qbadtu. Il‑kumplament tafuh.”
Hawkeye issa talabhom jerġgħu jirkbu ż‑żwiemel tagħhom biex ikomplu l‑vjaġġ. Kien għad fadal ħafna x’jimxu sakemm jaslu fil‑Forti William Henry, u għalkemm Hawkeye ma qal xejn, kien hemm ħsieb ieħor li kien qed ibegħren f’moħħu.
Dlonk komplew il‑vjaġġ lejn il‑forti.
“Kuraġġ, sinjorini,” qal Heyward hekk kif dar lejn it‑tfajliet. “Għada filgħodu se nkunu wasalna qawwijin u sħaħ fil‑Forti. Hux hekk, Hawkeye?”
“Iva,” wieġeb il‑kaċċatur, u bejnu u bejn ruħu kompla, “Sakemm il‑Franċiżi ma jaslux qabilna...”
L‑għada ma’ tlugħ ix‑xemx il‑grupp wasal fuq il‑quċċata ta’ għolja. Setgħu jaraw taħthom il‑Forti William Henry ma’ xatt l‑lag. Kien hawn li Hawkeye ra li dak li kien qed jibża’ minnu fil‑fatt seħħ. Armata sħiħa kienet qed iddawwar il‑forti. Minn fejn kienu weqfin setgħu jaraw ċar il‑bnadar u l‑uniformijiet tas‑suldati Franċiżi, li issa kienu qed jassedjaw il‑forti. L‑armata tal‑Ġeneral Montcalm kienet waslet qabilhom, u issa ma kellhomx mod kif setgħu jidħlu fil‑forti. Id‑dewmien minħabba l‑Uroni kien swielhom bl‑ikrah.
“Qatt mhu se jirnexxilna ngħaddu minn qalb il‑kamp ta’ Montcalm,” Heyward beda jgerger. Madankollu, Hawkeye kien diġà sab mezz kif dan setgħu jagħmluh.
“Qed taraw kif tlugħ ix‑xemx qed itella’ ċ‑ċpar fuq l‑ilma tal‑lag?” qalilhom. “Fis‑siegħa li ġejja dak iċ‑ċpar se tkun għattiet il‑bajja kollha tal‑lag. Jekk noqogħdu attenti għandna nkunu kapaċi niżgiċċaw bejn il‑linji l‑Franċiżi u nilħqu bieb il‑forti.”
Kien pjan kemxejn perikoluż, imma sħab Hawkeye kienu tgħallmu jafdaw l‑esperjenza tiegħu, għalhekk qablu mal‑idea minnufih.
Niżlu bil‑qajla minn fuq l‑għolja, moħbijin qalb is‑siġar, u rħewlha lejn il‑forti. Kif basar Hawkeye, in‑nida bdiet tgeżwirhom tant li kważi lanqas setgħu jaraw lil xulxin. F’qasir żmien bdew jisimgħu ilħna jitkellmu bil‑Franċiż, u ntebħu li l‑għadu kien tassew qrib.
F’daqqa waħda ħoss bħal sajjetta kiser il‑kalma tal‑għodwa, u balla ta’ kanun qomsot mal‑art viċin, sakemm ħabtet u tajret siġra fil‑qrib.
“Dik ġiet mill‑forti,” lissen Hawkeye minn taħt l‑ilsien. “Se turina r‑rotta.”
B’xorti tajba l‑balla tal‑kanun naqqxet radda fl‑art, u l‑grupp seta’ jimxi magħha. Imma sadattant qamet żiffa ħafifa li bdiet traqqaq in‑nida. Grupp ta’ suldati bdew resqin lejhom. Hawkeye għamel sinjal lill‑oħrajn biex jinħbew wara s‑siġar, u tella’ l‑grillu tal‑ixkubetta bil‑lest.
Instema’ leħen jgħajjat bil‑Franċiż: “Ieqfu! Min intom?”
Heyward kien pront iwieġeb bil‑Franċiż: “Aħna ħbieb ta’ Franza!”
“Aktar tidhru għedewwa ta’ Franza!” ġiet it‑tweġiba, u ftit sekondi wara nstemgħu l‑isparaturi ta’ ħafna xkubetti. Hawkeye u sħabu semgħu il‑balal ivenvnu ma’ widnejhom.
“Itilqu iġru!” għajjat Hawkeye. “Morru lejn il‑forti sakemm jien u l‑Moħikani nżommuhom!”
Heyward ħataf idejn it‑tfajliet u rħielha jiġri lejn fejn kien jaħseb li kien hemm il‑forti. L‑għalliem tal‑mużika żamm il‑ġirja warajhom.
Hawkeye u l‑Indjani bdew jiġru wkoll, imma aktar bil‑mod, u jisparaw warajhom biex iżommu lis‑suldati Franċiżi lura. L‑unika ħaġa li kienet f’moħħ il‑kaċċatur dak il‑ħin kienet li t‑tfajliet jaslu l‑forti qawwijin u sħaħ.
Heyward, Cora, Alice u Gamut baqgħu sejrin jiġru fin‑nida. Warajhom kien għadu qed jidwi għajjat u sparar, u Heyward fehem li Hawkeye u l‑Moħikani kienu għadhom qed iżommu lis‑suldati Franċiżi lura. F’daqqa waħda dehret quddiemhom filliera ta’ dellijiet. Heyward ħa r‑ruħ meta għaraf il‑kpiepel ta’ suldati Ingliżi.
“Tisparawx!” għajjat. “Jien il‑Maġġur Heyward u miegħi għandi t‑tfal tal‑Kulunell Munro!”
“Uliedi!” instemgħet għajta minn qalb il‑filliera suldati. “Għal grazzja t’Alla wasaltu qawwijin u sħaħ. Waqqfu l‑isparar!”
Fl‑aħħar deher il‑Kulunell Munro, u minnufih it‑tfajliet marru jgħannquh. Dlonk, il‑bieb tal‑forti ngħalaq warajhom. Madankollu kienu għadhom qed jisimgħu l‑isparar barra. Hawkeye u l‑Moħikani issa kienu f’idejn il‑Franċiżi u l‑Uroni alleati tagħhom.
Tul il‑ġranet ta’ wara Duncan Heyward kellu ċ‑ċans jistudja sew id‑difiżi tal‑forti, u dak li ra m’għoġbux. L‑ewwelnett in‑numru ta’ suldati Franċiżi li kienu qed jassedjaw il‑forti kien wisq ikbar mis‑suldati Ingliżi. Barra minn hekk il‑bastjuni tal‑forti kien qed jaqgħu biċċiet, kemm minħabba żmienhom kif ukoll minħabba l‑kannunati li kienu qed jaqalgħu. Ir‑rinforzi li l‑Ġeneral Webb kien bagħat ma kinux biżżejjed. Heyward seta’ jara li sakemm ma jkollhomx aktar rinforzi, il‑forti kien se jaqa’ żgur mhux forsi.
Għodwa waħda, il‑Maġġur kien qed josserva l‑kamp Franċiż permezz ta’ teleskopju, u lemaħ figura familjari. Kien Hawkeye il kaċċatur! Kien jidher maħmuġ u żdingat, kellu jdejh marbutin wara dahru u kien imdawwar b’għassiesa. Mela kien għadu ħaj u milli jidher priġunier tal‑gwerra. Heyward beda jfittex madwar Hawkeye biex jara jilmaħx lil Ċingaċkuk u lil Unkas ukoll, imma ma rahom imkien. X’aktarx kienu ħarbu jew kienu mejtin. B’qalbu sewda, Heyward mar biex jirrapporta lill‑Ġeneral Munro.
Meta wasal fil‑kamp tiegħu, sabu qed jilbes ix‑xabla. Kien irċieva messaġġ m’għand il‑Franċiżi biex jgħidulu li l‑Ġeneral Montcalm xtaq ikellmu.
Il‑Kulunell Munro kien jaf li l‑Ġeneral Montcalm kien raġel tal‑affari tiegħu u onest, u kien lest li jitkellem miegħu. Kien qed jittama li setgħu jiddiskutu xi kundizzjonijiet biex jieqaf l‑assedju.
Min‑naħa Franċiża nstemgħet trumbetta tagħti s‑sinjal tal‑waqfien tal‑ġlied, u l‑grupp tal‑Franċiżi deher miexi lejn il‑parti l‑vojta quddiem bieb il‑forti.
Duncan ħareġ mal‑Kulunell Munro hekk kif, b’bandiera bajda, marru jilqgħu lill‑grupp Franċiż.
Montcalm kellu miegħu uffiċjali Franċiżi, kif ukoll il‑kapijiet tal‑popli Indjani li kienu alleati mal‑Franċiżi. Heyward ma ħax gost meta ntebaħ li Magwa kien fosthom.
Montcalm baxxa rasu quddiem Munro. “Inti u niesek iġġilidtu b’kuraġġ kbir,” qallu. “Iżda jiena ċert li inti konxju li ma jagħmilx sens tkomplu tiġġieldu. Biex nevitaw li jmutu aktar nies, nissuġġerilek taċċetta t‑telfa bl‑unuri kollha.”
Għaddew ftit sekondi ta’ tensjoni hekk kif Munro beda jikkunsidra x’jiddeċiedi jagħmel.
Fl‑aħħar, wieġeb. “Se nibqgħu nirreżistu sakemm il‑Ġeneral Webb jasal bir‑rinforzi.”
Ma’ dan il‑kliem Montcalm tbissem tbissima żgħira u għadda ittra lil Munro.
“Skawt tiegħi qabad messaġġier Ingliż li kellu din l‑ittra,” lissen Montcalm.
Malli qara l‑ittra Munro ħass għafsa ta’ qalb. L‑ittra kienet mingħand Webb, li qallu li ma setax jibgħat aktar rinforzi, u għalhekk kien qed jordnalu jċedi u jħalli lill‑Franċiżi jieħdu l‑forti.
“Mela kollox mitluf, sinjur,” lissen bi swied il‑qalb. “Jiena lest li nċedi l‑forti bil‑patt li ma tagħmlu l‑ebda ħsara lil niesi.”
Fil‑fatt il‑kundizzjonijiet ta’ Montcalm kienu ġenerużi ħafna. Lis‑suldati Ingliżi kien lest li jħallihom imorru lura fil‑Forti Edward bl‑armi kollha, bil‑bnadar u bl‑unuri kollha li kien jistħoqqilhom. Il‑Kulunell Munro iffirma t‑trattat.
Magwa kien qed josserva kollox, u kien hemm leħħa ta’ sodisfazzjon fil‑ħarsa tiegħu.
“Ħalli l‑Franċiż jagħmel il‑wegħdiet tiegħu,” qal bejnu u bejn ruħu. “Imma malli jisbaħ għada, l‑imnanar tal‑Uroni se jiċċappsu kollha b’demm l‑Ingliżi!”
L‑għada filgħodu l‑Maġġur Heyward mar iżur il‑kmamar tal‑Kulunell Munro biex ikellem lil Cora u ’l Alice waqt li kienu qed jippakkjaw biex jitilqu. “Sinjorina Munro,” qal lil Cora, “Jien u missierkom se nkunu quddiem il‑filliera tas‑suldati. Intom se tkunu mal‑grupp ta’ nisa u tfal. Qed ninkwieta għal saħħitkom. Xtaqt li kien hemm xi ħadd biex jipproteġikom aktar.”
“Tibżax, Maġġur,” qabeż David Gamut. “Jien se nibqa’ magħhom il‑ħin kollu.”
Xi siegħa wara, bil‑mużika tal‑fifri u t‑tnabar, id‑difensuri tal‑Forti William Henry ħarġu għall‑aħħar darba, u qabdu t‑triq lejn il‑Forti Edward, immexxija mill‑Kulunell Munro u l‑Maġġur Heyward. Għaddew minn bejn żewġ fillieri ta’ suldati Franċiżi li sellmulhom huma u ħerġin. Wara s‑suldati kien hemm karettuni u vaguni mimlija nisa, tfal, morda u feruti. Il‑Franċiżi ma refgħux id waħda kontriehom.
Hekk kif il‑kolonna twil bdiet għaddejja minn ġo l‑foresta, eluf ta’ Indjani bdew josservaw mill‑qċaċet tal‑għoljiet madwarhom. Għalkemm il‑Ġeneral Montcalm kien ta ordni ċar lill‑alleati Uroni tiegħu biex jirrispettaw il‑ftehim, u jħallu lill‑Ingliżi jgħaddu fil‑paċi, fil‑qalb ta’ ħafna minn dawk l‑Indjani xorta waħda kien għad hemm il‑kilba li jattakkaw. Kienu armati sa snienhom bl‑imnanar u s‑skieken tagħhom, u kelma waħda biss kien jonqoshom biex jaqbżu fuq il‑kolonna.
U Magwa tahom dik il‑kelma! Il‑mexxej tal‑Uroni kien baqa’ l‑lejl kollu jhewden bil‑mibegħda lejn il‑Kulunell Munro, li darba kien ħaqru. U lanqas ma seta’ jinsa kif bintu ta’ xagħarha iswed, Cora Munro, kienet ittrattatu b’disprezz ftit jiem qabel. L‑ebda trattat bejn l‑Ewropej ma kien se jżomm lil Magwa milli jieħu l‑vendetta tiegħu.
Għolla rasu u b’leħen qawwi għajjat “Eqirdu!”, u l‑Indjani ntefgħu b’qilla kbira fuq il‑kolonna bħal mewġa waħda.
Il‑vaguni fuq wara tal‑kolonna, billi kienu qed jimxu aktar bil‑mod, kienu tbiegħdu xi ftit mis‑suldati li kienu qed jimmarċjaw quddiem, u magħhom kellhom biss ponn ta’ għassiesa. Dawn minnufih bdew jisparaw lejn l‑Uroni, imma ma kellhomx ċans kbir kontra n‑numru akbar tal‑għadu. Malli waqgħu l‑għassiesa, l‑Indjani ħabtu għall‑vaguni, u bdew joqtlu u jkissru bl‑addoċċ.
Magwa sadattant baqa’ lura, bl‑iskop waħdieni li jsib lil Cora u ’l Alice Munro. Ma damx ma lemaħhom, flimkien ma’ David Gamut. Qalb il‑konfużjoni u d‑dħaħen tal‑ixkubetti, kienu qed jittantaw jersqu lejn is‑siġar fil‑qrib għall‑kenn.
“Mingħalihom li se jiskappawli!” lissen Magwa b’daħqa, hekk kif ġera warajhom.
Kif kien wiegħed, David Gamut ittanta jaqbeż għat‑tfajliet. Malli ra lill‑Uroni qed jiċċarġjaw, kien qabad lil Cora u ’l Alice minn dirgħajhom u mexxiehom lejn il‑kenn tal‑foresta. Bdew jiġru qalb is‑siġar bl‑istorbju tat‑taqbida warajhom. Imma kien għalxejn. Figura twila tfaċċat ħesrem quddiemhom. Magwa kien laħaqhom!
Alice ma felħitx id‑dehra ta’ dak il‑bniedem, u dlonk waqgħet mal‑art b’ħass ħażin. Minnufih, Magwa resaq lejha u b’saħħa kbira refagħha u telaq jiġri biha. Billi la Cora u lanqas Gamut ma kienu armati, ma setgħu jagħmlu xejn għajr li jiġru warajhom.
“Fejn se toħodha lil oħti!” bdiet tgħajjat Cora wara Magwa.
Magwa ma weġibx hekk kif baqa’ sejjer jiġri ’l quddiem qalb is‑siġar.
Magwa baqa’ jġorr lill‑istorduta Alice sakemm wasal fejn żewġt iżwiemel li kien rabat ma’ siġra qabel ma beda l‑attakk. Tella’ lil Alice fuq is‑sarġ ta’ wieħed minnhom, u ordna lil Cora titla’ warajha. Meta kienu t‑tnejn fuq iż‑żiemel, Magwa qabad ir‑riedni u beda jiġbed liż‑żiemel warajh hekk kif kompla miexi. David Gamut kien batut wisq biex ikompli jiġri warajhom, iżda malli ra li Magwa ħalla liż‑żiemel l‑ieħor ħieles, rikeb fuqu, u mexa warajhom. Ma setax iħalli lit‑tfajliet waħedhom mal‑Indjan. B’hekk komplew il‑mixja tagħhom fil‑foresta.
Tlitt ijiem wara, ħamest irġiel marru fil‑Forti William Henry. Wara li l‑Franċiżi kienu ħallew lill‑Ingliżi jitilqu minn hemm, kienu tawha n‑nar, u issa l‑forti ma kienet xejn għajr tifrik ta’ njam iswed maħruq. Kienu l‑Kulunell Munro u l‑Maġġur Heyward, flimkien ma’ Hawkeye, Ċingaċkuk u Unkas. Kienu ġew biex jaraw isibux xi sinjali tat‑tfajliet li kienu neqsin.
Munro u Heyward kien irnexxielhom jibqgħu ħajjin wara l‑attakk tal‑Uroni fil foresta. It‑tnejn li kienu kellhom ħwejjiġhom imqattgħin u maħmuġin wara dik it‑taqbida u ż‑żmien li għamlu fil‑foresta jfittxu lil Cora u ’l Alice. Bilkemm kienu jingħarfu bħala uffiċjali nodfa u puliti fl‑armata Ingliża.
Hawkeye kien irnexxielu jiżgiċċa minn taħt idejn il‑Franċiżi u kien reġa’ ngħaqad ma’ ħbiebu l‑Moħikani.
Meta raw li ma setgħu jsibu xejn qalb it‑tifrik tal‑forti, imxew lejn il‑lok fejn kien sar l‑attakk tal‑Uroni. Damu qatigħ jgħarblu qalb il‑ħaxix, imma ma qatgħux qalbhom. Fl‑aħħar Unkas sejjaħ lil sħabu, u wriehom biċċa drapp maqbuda ma’ xi friegħi. Munro minnufih għarafha bħala parti mil‑libsa ta’ Cora. Unkas sab ukoll il‑marki ta’ mokassin, u mill‑forma seta’ jgħid li kien tal‑Uroni. Aktar lil hinn, sabu biċċiet oħra mid‑drapp ta’ lbies it‑tfajliet.
“Hemm ċans li nsibu lil uliedek ħajjin, Kulunell,” qal Hawkeye lil Munro. “Milli jidher Magwa ħadhom fil‑kamp tiegħu.”
Hawkeye u l‑Moħikani kienu jafu t‑triq lejn l‑art tal‑Uroni, imma kien se jkun vjaġġ kemxejn twil. L‑aktar mod biex jaslu malajr kien billi jmorru fuq il‑lag. Wara li sabu kenura, bdew jaqdfu lejn id‑direzzjoni t’art l‑Uroni.
L‑għada filgħodu kienu għadhom qed jivvjaġġaw. Hekk kif għaddew maġenb gżira żgħira f’nofs il‑lag, dwiet għajta ta’ gwerra minn qalb is‑siġar u minn wara l‑gżira tfaċċaw tliet kenuri kbar imballati bl‑Uroni resqin jiġru lejhom.
“Aqdfu bis‑saħħa kollha li għandkom, Moħikani!” għajjat Hawkeye. “Jien nipprova nżommhom lura.” B’dan il‑kliem qabad l‑ixkubetta t‑twila tiegħu u lesta għat‑taqbida.
Il‑Moħikani dawru l‑kenura lejn l‑eqreb xatt waqt li Hawkeye ħa l‑mira. Spara darba, u wieħed mill‑Uroni fl‑eqreb kenura waqa’ fl‑ilma. L‑Indjani l‑oħra mall‑ewwel telqu l‑imqadef u ħatfu l‑ixkubetti tagħhom biex jisparaw lura, u f’qasir żmien balal bdew itiru madwar il‑kenura ż‑żgħira.
L‑Uroni ma kellhomx mira preċiża daqs dik li kellu l‑kaċċatur. Mhux ta’ b’xejn kemm Ewropej kif ukoll Indjani kienu jafuh bħala Hawkeye (għajn is‑seqer). Bil‑kalma kollha, baqa’ jispara, jikkarga u jerġa’ jispara, u kull darba jolqot. Sadattant il‑Moħikani baqgħu jaqdfu b’kemm kellhom saħħa.
Irnexxielhom jaslu max‑xatt, u minnufih ġrew fil‑kenn tal‑foresta. Issoktaw jiġru ’l ġewwa sakemm ma baqgħux jisimgħu l‑istorbju tal‑Indjani jiġru warajhom.
“Suppost qegħdin qrib il‑kamp tal‑Uroni,” lissen Hawkeye. “Minn issa ’l quddiem nimxu bil‑mod u bil‑kwiet.”
Għalhekk issa bdew jitkaxkru għarkopptejhom qalb il‑ħaxix. F’ħin minnhom Heyward lemaħ figura stramba maġenb nixxiegħa fil‑qrib. “Dak għassies Uron, Hawkeye?” staqsa lill‑kaċċatur. Il‑persuna li raw kienet liebsa ftit stramb, imma kienet daharha lejhom.
Hawkeye qagħad josserva sew qabel ma xejjer rasu. Bil‑mod‑il‑mod, beda joqrob lejn il‑persuna mingħajr ma jagħmel ħoss. F’ħin minnhom qam bil‑wieqfa jidħaq.
“Kif int, ħabib? Qed nara li biddilt id‑dehra tiegħek sew mill‑aħħar darba li rajtek!” qal bi tbissima.
Ir‑raġel dar b’ħasda malli sema’ ’l Hawkeye, imma wiċċu xegħel hekk kif għarfu u lemaħ lill‑oħrajn warajh. Kien l‑għalliem, David Gamut, li kien baqa’ priġunier tal‑Indjani flimkien mat‑tfajliet. Rasu kienet marbuta u mżejna bir‑rix. Wiċċu kien kollu miżbugħ, u kien liebes ħwejjeġ tal‑Uroni.
Il‑ħbieb kellhom miljun mistoqsija x’isaqsu lil David Gamut. Gamut qalilhom li Cora u Alice kienu għadhom ħajjin. Alice kienet priġuniera fil‑kamp tal‑Uroni. Lil Cora kienu ħaduha fil‑kamp tad‑Delawer, Indjani li dan l‑aħħar kienu saru alleati tal‑Uroni. Din il‑biċċa m’għoġbitx lill‑Moħikani. Id‑Delawer kienu ġejjin mill‑Moħikani mill‑bogħod, u ma xtaqux li issa d‑Delawer kellu x’jaqsmu mal‑Uroni.
Gamut spjegalhom ukoll għalfejn kien liebes b’dak il‑mod. Billi ma kienx bniedem b’saħħtu bħalhom, l‑Indjani kienu jwaqqgħuh għaż‑żufjett. Qatgħuha li ma kienx ta’ periklu għalihom, għalhekk ħallewh jiġġerra mal‑kamp u libbsuh b’dak il‑mod biex jirridikolawh.
Meta sema’ dan Heyward ġietu idea. “Nista’ nilbes ta’ Indjan bħalhom u mmur fil‑kamp ma’ David,” spjega lill‑oħrajn. “B’hekk inkun nista’ nistħarreġ ftit aktar u nara kif inkun nista’ nħarrab lil Alice minn hemm.”
L‑idea għoġbot lill‑oħrajn, għalhekk il‑Moħikani bdew jgħinu lil Heyward jilbes ħwejjeġ tal‑Indjani u jiżbogħ wiċċu u l‑ġilda bħalhom, biex jidher bħala tabib saħħar ġerrej.
Il‑grupp inqasam fi tnejn. Hawkeye, il‑Moħikani u Munro rħewlha lejn il‑kamp tad‑Delawer, waqt li Gamut u Heyward marru lejn il‑kamp tal‑Uroni. Kien qed jidlam malli waslu. L‑Uroni kienu għadhom kemm qatlu ċerv u kienu qed jippreparaw l‑ikel għal dik il‑lejla. Hekk kif l‑Ingliżi mxew qalb l‑Uroni, ħadd ma ta kashom. Lil Gamut kienu jafuh u kienu jiddisprezzawh, u ma kenitx l‑ewwel darba li xi tabib saħħar kien jiġġerra minn kamp għal kamp.
Ma’ nżul ix‑xemx inxtegħlu aktar ħġejjeġ. L‑Uroni bdew ikantaw u jiżfnu ż‑żifna tar‑rebħ tal‑gwerra waqt li jduru madwar in‑nar. Ftit ħin wara, grupp ta’ ġellieda daħal fil‑kamp. Kienu qed ikaxkru magħhom priġunier, u Heyward u Gamut nħasdu malli d‑dawl tan‑nar waqa’ fuq wiċċ il‑priġunier u ntebħu li kien Unkas! Dan kien diżastru għalihom. Jekk Unkas kien inqabad, x’kien ġara mill‑oħrajn?
Għall‑ewwel l‑Ingliżi ħasbu li l‑Uroni kienu se joqtlu lil Unkas fuq il‑post. Iżda Magwa ħareġ fin‑nofs. Minn wiċċu kien jidher sodisfatt bil‑qabda ta’ Unkas. Ipponta lejn il‑Moħikan, u b’ton iebes beda jagħti lista ta’ għemejjel li Unkas u missieru Ċingaċkuk kienu wettqu kontra l‑poplu tal‑Uroni. Malli kien lest, Magwa dar fuq Unkas u qallu li kien jonqsu biss lejl ieħor x’jgħix, għax l‑għada filgħodu kienu se joqtluh.
Wara dan, żewġ ġellieda ħatfu lil Unkas u kaxkruh għal ġo waħda mit‑tined tal‑kamp, u qagħdu għassa madwarha.
Gamut ħataf driegħ Heyward. “Ejja ħa nurik fejn qed iżommu lil Alice priġuniera,” qallu.
Heyward mexa warajh sakemm l‑għalliem ħadu ħdejn għar li kien jidher kemxejn fond. “Alice qegħda ġewwa nett ta’ dak il‑għar,” kompla Gamut. “L‑Uroni l‑anqas jagħmlu għassa hawn għax jafu li Alice m’għandhiex il‑ħila tiġġerra ’l bogħod waħidha. Idħol u araha, Duncan, waqt li noqgħod għassa hawn barra.”
Heyward daħal fil‑għar u beda miexi ’l ġewwa bil‑mod. Ftit aktar ’il ġewwa, sab torċa mixgħula. Qabadha biex ikun jista’ jara aħjar hekk kif baqa’ dieħel. L‑għar fil‑fatt kien jagħti għal ħafna għerien oħra. Ħesrem sema’ ħoss qawwi u stramb, u minn għar minnhom tfaċċat quddiemu figura kbira sewda. Malli xejjer it‑torċa quddiemu, Heyward inħasad hekk kif ra li kien ors!
Heyward lanqas kellu ċans jagħmel mossa oħra, għaliex issammar fuq il‑post mistagħġeb hekk kif l‑ors kellmu! “Mela... erġajna ltqajna, Duncan!”
Ras l‑ors għoliet ’il fuq u Heyward lemaħ wiċċ Hawkeye taħtha, jitbissem. Fil‑qosor Hawkeye spjega li kien infired mill‑grupp l‑ieħor wara li ssuspettaw li Unkas kien inqabad, u ġie jfittxu fil‑kamp tal‑Uroni moħbi taħt dik il‑ġilda ta’ ors. Heyward malajr ikkonfermalu li Unkas tassew kien inqabad.
“Mela inti mur eħles lil Alice, sakemm jien inħarrab lil Unkas,” lissen Hawkeye.
Malli nfirdu, Heyward qabad passaġġ ieħor fl‑għerien sakemm sab lil Alice. Għalkemm inħasdet għal ftit sekondi, Alice ħadet ir‑ruħ meta ntebħet li kien Heyward taħt dik iż‑żebgħa tal‑Indjani.
Madankollu bilkemm kellha ċans titkellem għax Magwa tfaċċa f'daqqa waħda minn passaġġ ieħor, u kellu l‑mannara mtella’ ’l fuq lest biex jaħbat għal Heyward. Il‑Maġġur ħataf id Alice biex jiżgiċċaw minn taħt l‑Uron. Heyward ma kienx armat, u kien jaf li ma kienx ikollu l‑ħila jegħleb lil Magwa kieku kellhom jiġġilidlu.
Iżda l‑folja reġgħet inqalbet fi ftit sekondi. Dwiet għajta qawwija wara Magwa, hekk kif l‑‘ors’ qabeż fuqu minn wara. L‑Indjan dar minnufih, imma Hawkeye qabdu f’morsa li ma setax jinħeles malajr minnha. Magwa baqa’ jissara kemm jiflaħ, imma fl‑aħħar Hawkeye qalbu mal‑art. Bl‑għajnuna ta’ Heyward, rabat lill‑Indjan bi strixxi tal‑ġild minn dirgħajh u minn riġlejh, u poġġewlu wkoll waħda ma’ ħalqu.
It‑tlitt iħbieb ħallew lil Magwa warajhom hekk kif ħarġu mill‑għar taħt id‑dawl tal‑qamar, fejn David Gamut kien qed jistenniehom. Issa li Alice kienet ħielsa, kien imisshom imorru jeħilsu lil Unkas u mbagħad jiġru lejn il‑kamp tad‑Delawer ħalli jsibu lil Cora.
Kien Gamut li ġie l‑ewwel bl‑idea x’kellhom jagħmlu.
“Jiena l‑uniku wieħed minna li jista’ jmur fil‑kamp tal‑Uroni mingħajr ma jagħmluli xejn. Nidħol jien fil‑kamp tal‑Uroni u nipprova neħles lil Unkas. Nidħol fil‑moħbi fit‑tinda fejn qiegħed miżmum u npartu l‑ħwejjeġ. Kif ikun liebes ħwejġi, l‑Indjani ma jagħtux kasu u ma jwaqqfuhx. U meta jindunaw bl‑ingann tant jiddisprezzawni bħala bniedem li lanqas biss tiġi f’rashom li joqtluh.”
L‑oħrajn m’għoġbithomx l‑idea li jitilqu lil Gamut waħdu, imma fl‑istess ħin kienu jafu li dak kien l‑uniku mod li setgħu jevitaw aktar inkwiet.
Għalhekk l‑għada filgħodu, meta l‑Uroni daħlu fit‑tinda ta’ Unkas, sabu lil Gamut minfloku. Sadanittant Magwa wkoll kien irnexxielu jinħeles u sab triqtu lura mill‑għar, b’rabja ma jarax art. Rabja li żdiedet malli ntebaħ li issa l‑priġunieri kollha kienu tarulu. Madankollu l‑moħħ stuż tiegħu kien diġà beda jaħseb fi pjan ieħor.
“Mela mmorru fil‑kamp tad‑Delawer u nieħdu lura lit‑tfajla tax‑xagħar iswed,” qal lil sħabu.
Mad‑Delawer Magwa kien għamel ftehim. Billi kienu għadhom kemm iwaqqfu alleanza bejniethom, Magwa kien ħaseb li jagħti lil Cora lid‑Delawer bħala sinjal ta’ ħbiberija. Issa Magwa kien qatagħha li jġib skuża biex jieħu lit‑tfajla lura.
Minkejja l‑ftehim bejn iż‑żewġ tribujiet, il‑mexxej tad‑Delawer ma kienx jafda ħafna f’Magwa, u meta l‑Uron u sħabu waslu fil‑kamp, id‑Delawer kien kemxejn suspettuż.
Magwa pprova jkun diplomatiku għax ma riedx jidher arroganti quddiem id‑Delawer. Beda billi jsaqsi dwar saħħet Cora, u staqsa kinux raw nies bojod oħrajn fl‑inħawi. Magwa stagħġeb meta l‑mexxej tad‑Delawer għarrfu li fil‑fatt Hawkeye u sħabu kienu nqabdu dik il‑għodwa stess u issa kienu priġunieri wkoll.
Madankollu ma kienx se jkun faċli għal Magwa li jaqbad u jieħu lill‑priġunieri minn taħt idejn id‑Delawer. Il‑mexxej għamel sinjal u l‑Indjani ġabu l‑priġunieri quddiemu. Ftit ħin wara tfaċċa Indjan ieħor, b’ilbies aktar imżejjen, u li kien jagħti x’jifhem li kien persuna mlaħħqa qalb il‑poplu tad‑Delawer.
Fil‑fatt, minn ħalq għal ħalq, dewa isem minn taħt l‑ilsna – Tamenund. Magwa kien sema’ dwar dan ir‑raġel anzjan, meqjus bħala l‑aktar għaref fost id‑Delawer.
Il‑mexxej tad‑Delawer laqgħu b’għajta solenni: “O Tamenund, Missier il‑poplu tagħna, inti l‑egħref tal‑għorrief, għidilna x’għandna nagħmlu.”
Tamenund ħares dritt lejn Magua, u staqsieh, “Għidli, mexxej tal‑Uroni, x’ġabek fil‑kamp tad‑Delawer?”
Magwa wieġeb b’mod rispettuż hekk kif ipponta lejn il‑priġunieri. “O Mexxej Kbir, dawn in‑nies huma għedewwa tal‑Uroni, u jixirqilhom il‑mewt. Nitolbok, agħtihom f’idi ħalli jieħdu dak li ħaqqhom!”
Tamenund baqa’ sieket sakemm qagħad jiżen is‑sitwazzjoni sew. F’dak il‑mument Hawkeye u sħabu kienu konxji tal‑fatt li ħajjithom kienet qed tiddependi fuq id‑deċiżjoni tal‑Mexxej il‑Kbir tad‑Delawer.
Imma qabel ma Tamenund ta t‑tweġiba tiegħu, Cora Munro ħarġet fin‑nofs. “Aħna nitolbuk ħniena, O Mexxej tal‑Mexxejja, għaref u setgħan. Nitolbuk ma tismax il‑kliem ta’ dan il‑bniedem qarrieqi.”
Tamenund wieġeb, “Għalkemm il‑poplu l‑abjad sikwit ġab ruħu inġustament mal‑poplu tiegħi, jiena ma nġarrab l‑ebda mibegħda lejkom.”
Cora kompliet. “Jekk jidhirlek li m’għandux ikollok ħniena lejna, għall‑inqas eħles lill‑Unkas, ġellied qalbieni tal‑poplu tiegħek stess, wieħed mill‑uniċi żewġ ġellieda ħajjin mill‑poplu Moħikan, li darba kien daqshekk kbir u qawwi!”
Malli Cora semmiet l‑isem Moħikan, għagħa kbira qamet qalb id‑Delawer. Kif spiċċat titkellem Cora, Unkas resaq quddiem u għolla idu.
“Tassew, O Tamenund, jiena Unkas, bin Ċingaċkuk, ħukom fid‑demm u kap onorarju tad‑Delawer.” Kif qal hekk, ressaq fil‑ġenb il‑ġiżirajjen li kellu ma’ għonqu, u kixef it‑tattwaġġ bix‑xbiha ta’ fekruna kaħlanija li kellu fuq sidru. L‑Indjani kollha għarfuha bħala s‑simbolu li l‑kapijiet mexxejja l‑kbar tat‑tribujiet kellhom fl‑antik, u kienet turi li Unkas kien ġej minn familja ta’ kapijiet.
Dan ħasad lil Magwa, u fl‑istess ħin inkorlah aktar. Imma żamm il‑kalma hekk kif reġa’ dar fuq Tamenund. “Kollox sew,” lissen. “Mela tistgħu iżommu lill‑mexxej żagħżugħ tagħkom. Lill‑Ingliżi l‑oħra kollha wkoll – minbarra dik!” Ipponta lejn Cora. “Dik ġibthielkom hawn biex tieħdu ħsiebha, imma dik hija tiegħi bi dritt!”
“Tassew,” wieġeb Tamenund. “Hekk tgħid il‑liġi tagħna. Magwa, għandek id‑dritt titlaq bil‑priġuniera tiegħek. Ħadd mhu se jwaqqfek.”
Mingħajr aktar kliem, Magwa ħataf lil Cora u mexxieha warajh, u ħarġu mill‑kamp tad‑Delawer flimkien mal‑Uroni l‑oħra. Għalkemm Hawkeye u sħabu għamlu biex iwaqqfuh, Tamenund għolla idu b’sinjal biex jieqfu, u l‑ġellieda Delawer waqqfuhom.
Tamenund stenna sakemm l‑Uroni kienu telqu għal kollox mill‑kamp, u mbagħad dar fuq Unkas. “Ħu miegħek ftit ġellieda Delawer, u mur eħles lill‑priġuniera minn idejn l‑Uroni,” ordnalu.
Hekk kif il‑grupp telaq mill‑kamp, Hawkeye u Heyward marru magħhom.
Magwa bla dubju ta’ xejn basar li ma kinux se jħalluh jitlaq daqshekk faċilment, iżda kellu l‑pjanijiet tiegħu. Qabbad lil ftit minn niesu jitilgħu fis‑siġar u jinħbew qalb il‑friegħi ħalli jisparaw lil kull minn kien se jiġri warajhom, u malli tfaċċaw id‑Delawer u l‑Ingliżi, bdew jisparaw fuqhom.
Id‑Delawer li kien maġenb Heyward waqa’ mall‑ewwel.
“Ibqgħu sejrin!” għajjat Hawkeye, “Tiqfux għalihom! Ibqgħu sejrin wara Magwa! Hemm bżonn naqbdu lil dak ix‑xifajk u noqtluh darba għal dejjem!”
Qalb l‑isparar tal‑Uroni fuq is‑siġar, baqgħu sejrin wara Magwa u l‑grupp tiegħu. Setgħu jarawhom jiġru qalb is‑siġar sakemm f’daqqa waħda ġew wiċċ‑imb‑wiċċ ma’ blata għolja, wieqfa.
Unkas ipponta ’l fuq. “Hemm arhom!” għajjat.
Fuq ix‑xifer tal‑blata fil‑għoli lemħu lil Magwa, tiela’ aktar ’il fuq u jiġbed warajh lil Cora. Hawkeye iddispra. Minn dak il‑bogħod beża’ jispara għax seta’ jolqot lil Cora, u Magwa seta’ jimbuttaha għal isfel.
Malli waslu fil‑quċċata tal‑għolja Cora rnexxielha tiżgiċċa minn id Magwa. Hekk kif kienet maġenb xifer l‑irdum, daret u ħarset dritt lejn l‑Uron.
“M’iniex se nimxi aktar miegħek!” qaltlu b’ton ta’ sfida. “Oqtolni, jekk trid, imma jien m’iniex se nimxi pass ieħor!”
Magwa ħataf is‑sikkina f’idu. “Agħmel int!” wieġeb. “Jew issir marti jew tmut – issa!”
B’dan il‑kliem beda riesaq bil‑qajla lejha.
F’daqqa waħda dwiet l‑għajta tal‑gwerra tal‑Moħikani, u tfaċċa Unkas jiġri lejn Magwa. Magwa dar lejh u pponta s‑sikkina. Iż‑żewġ ġellieda, it‑tnejn b’ġisem mibni sew u muskoluż, ħabtu b’qawwa kbira, hekk kif Cora baqgħet tħares b’għajnejha mberrqin.
L‑Indjani bdew jissaraw, tant indaqs f’saħħithom li kien diffiċli li wieħed jegħleb lill‑ieħor. Imma l‑qilla tagħhom tant kienet kbira li bilfors li t‑taqbida kienet se tintemm bil‑mewt ta’ wieħed minnhom.
Il‑ħabta tat‑tnejn kienet ressqithom qrib ħafna ta’ xifer l‑irdum. Magwa fl‑aħħar irnexxielu jeħles l‑id li biha kien qed iżomm is‑sikkina. Ittanta jinfed lil Unkas, imma dan tbaxxa bil‑ħeffa. Malli għamel hekk, tilef il‑bilanċ fl‑istess ħin li reġa’ ħataf lil Magwa minn dirgħajh. Hekk kif kienu mqabbdin ma’ xulxin, waqgħu it‑tnejn mill‑irdum għal isfel.
Hekk miet Magwa tal‑Uroni. U hekk, ukoll, miet l‑eroj Unkas tal‑Moħikani. Dak il‑lejl il‑kamp tal‑Moħikani kien fil‑luttu, hekk kif ġisem Unkas kien merfugħ minn missieru Ċingaċkuk u t‑tliet iħbieb tiegħu Hawkeye, Heyward u Gamut, li ġarrewh fil‑foresta għall‑aħħar mistrieħ. In‑nisa Delawer bdew jgħannu l‑għanja tal‑mejtin mal‑ħoss solenni tat‑tnabar.
L‑għada filgħodu kien wasal iż‑żmien tal‑firda, hekk kif kulħadd kellu jitlaq għal rasu. Cora u Alice kellhom jitilqu ma’ missierhom u l‑Maġġur Heyward għall‑Forti Edward, flimkien ma’ grupp ta’ Delawer biex iħarsuhom tul il‑vjaġġ. Hawkeye u Ċingaċkuk kellhom imorru lejn it‑Tramuntana, biex ikomplu l‑ġlieda tagħhom kontra l‑Franċiżi. David Gamut qatagħha li jibqa’ jgħix fil‑kamp tad‑Delawer.
Qabel ma nfirdu, Heyward qal lil Hawkeye u ’l Ċingaċkuk, “Sa l‑aħħar ta’ ħajti, qatt ma jien se ninsa l‑unur li kelli li naqsam dan iż‑żmien magħkom!”
Malli telqu, Hawkeye u Ċingaċkuk telgħu fuq il‑quċċata tal‑għoljiet fejn setgħu jaraw taħthom il‑lag u x‑xemx tielgħa quddiemhom. Kien hemm skiet perfett għajr it‑tvenvin ħelu ħelu tar‑riħ qalb is‑siġar taħthom.
Ċingaċkuk ħa nifs qawwi u għolla jdejh lejn ix‑xemx. “Issa inti tlaqtna, Unkas!” għajjat. “Inti, li kont l‑aħħar tama għall‑poplu tagħna. Mitt mewta ta’ ġellied qalbieni. U jien issa – jiena l‑aħħar Moħikan li baqa’!”
Art l‑Ispirti (jew Art il‑Mejtin): Fil‑mitoloġija tal‑ewwel nazzjonijiet tal‑Amerka, kien il‑post fejn kienu jmorru l‑erwieħ tal‑mejtin; speċi ta’ Ġenna. [Lura]
Kenura: Speċi ta’ dgħajsa żgħira dejqa u ppuntata fuq quddiem u fuq wara. [Lura]
Mokassin: Żarbun ħafif tal‑ġild, kważi qisu papoċċ, tipiku tal‑ewwel nazzjonijiet tal‑Amerka tat‑Tramuntana. [Lura]
Qorriegħa: l‑iskutella tar‑ras. Kienet drawwa fost ħafna mill‑ewwel nazzjonijiet tal‑Amerka li jqaxxru l‑ġilda tal‑qorriegħa, bix‑xagħar b’kollox, tal‑għedewwa li kienu joqtlu, u jżommuha bħala trofew. [Lura]
Sarġ: Jitpoġġa fuq dahar iż‑żiemel biex tirkeb fuqu. [Lura]
Stoċċ: Speċi ta’ but fejn il‑persuna żżomm pistola fuq ġenbha. [Lura]
Tabib saħħar: Raġel spiritwali, tipiku tal‑ewwel nazzjonijiet tal‑Amerka, li kien idewwi lill‑morda jew lill‑feriti. [Lura]
Avventura | Drama | Esplorazzjoni | Fantasija | Fantaxjenza | Ħrejjef | Leġġendi | Letteratura għat-Tfal | Letteratura Maltija | Makabru | Misteru | Mitoloġija | Rumanzi Klassiċi | Storja