Rumanzi klassiċi | Storja

Alexandre Dumas
(Franċiż, 1802-1870)
Madwar 10,180 kelma

Adattament għall-Malti:
Norman C. Borg
© Norman C. Borg

Kapitli
1: Ix-Xini jasal lura l-port
2: Missier u Iben
3: Mercedes
4: L-Imħallef
5: Il-Ħabs
6: Taħt l-art
7: In-Numru 27
8: Iċ-Ċella ta’ Faria
9: Il-Ġrajja tat-teżor
10: Il-Mewt ta’ Faria
11: Il-qabar ta’ Chateau d’If
12: L-Amelia ż-Żagħżugħa
13: Monte Kristo
14: Teżor
15: F’Marsilja

Aktar tagħrif f' Sagħtar
Ħarġa numru 383 (Frar 2024)

Kelmtejn qabel

Qabel ma tibda taqra din it‑taqsira tar‑rumanz, tajjeb li tkun taf ftit sfond storiku biex tifhem l‑istorja sew, speċjalment il‑parti tal‑bidu.

Fost ħafna karattri storiċi (li kienu jeżistu veru) imsemmija fir‑rumanz, hemm Napuljun Bonaparti, li kien ġeneral kbir Franċiż u mbagħad imperatur ta’ bosta pajjiżi fl‑Ewropa. Qabel Napuljun kien hemm rivoluzzjoni fi Franza fejn il‑poplu waqqa’ lir‑Re Louis XVI u saħansitra qatlu. Wara ħafna konfużjoni politika, Napuljun irnexxielu jagħmel minn Franza pajjiż kbir u sod.

Bosta pajjiżi Ewropej, li kienu mmexxijin minn rejiet u rġejjen, beżgħu li l‑popli tagħhom iqumu kontrihom bħalma ġara fi Franza, u għalhekk għamlu ħafna gwerer ma’ Franza. Bħala mexxej ta’ Franza, Napuljun rebaħ lil dawn il‑pajjiżi u ħakem ħafna minnhom, tant li ħatar lilu nnifsu Imperatur. Madankollu xorta kien għad kellu għedewwa kbar, fosthom ir‑Renju Unit, il‑Prussja (parti mill‑Ġermanja ta’ llum), ir‑Russja u l‑Isvezja. Fl‑aħħar, dawn il‑pajjiżi kollha rebħulu u lil Napuljun eżiljawh fil‑gżira żgħira ta’ Elba, viċin l‑Italja. Hemmhekk għex bħala priġunier, mgħasses mis‑suldati.

Sadanittant, il‑pajjiżi għedewwa tiegħu irranġaw biex itellgħu re ieħor biex jiggverna lil Franza. Madankollu kien għad hemm nies fi Franza li ma ridux li jkunu mmexxija minn re, u flimkien ma’ Napuljun bdew jikkonfoffaw biex iġibuh lura minn Elba u jerġa’ jmexxi l‑pajjiż hu. Billi issa kien hemm ir‑Re qed jiggverna l‑pajjiż, kull min kien jinqabad jgħin lil Napuljun kien meqjus kriminali u traditur. L‑istorja ta’ Il‑Konti ta’ Monte Kristo tibda waqt li kien hemm din is‑sitwazzjoni fil‑pajjiż.

Persunaġġ storiku ieħor li jissemma fl‑istorja kien Cesare Borgia, li kien politikant u suldat Taljan. Iġġieled u rebaħ ħafna battalji fl‑Italja, iżda kien magħruf għall‑qalb iebsa tiegħu.

Fl‑istorja jissemma wkoll il‑ħabs Chateau d’If. Dan il‑ħabs kien jeżisti tassew, u kienu jagħlqu fih priġunieri politiċi. Għalkemm illum m’għadux ħabs, ħafna turisti jżuruh għax sar popolari bir‑rumanz.

***** ***** stat_3 ***** *****

1: Ix‑Xini jasal lura l‑port

Nhar l‑24 ta’ Frar, 1815, ix‑xini Il‑Farawni daħal fil‑port ta’ Marsilja. Minn fuq ix‑xatt, raġel rikeb dgħajsa u qadef lejn ix‑xini. Żagħżugħ ta’ madwar għoxrin sena ttawwal minn fuq ix‑xini. Kien jidher qisu l‑kaptan tal‑mirkeb. Kien dik it‑tip ta’ persuna li ma kenitx tibża’ mill‑periklu.

“Ah! Hu int, Sur Dantes,” għajjat ir‑raġel fid‑dgħajsa. “X’inqala’?”

“Aħbar ħażina, Sinjur Morrel, wieġeb iż‑żagħżugħ, “Meta qrobna l‑port ta’ Civitavecchia, tlifna lill‑maħbub kaptan tagħna Leclerc.”

Dar lejn iċ‑ċorma u għadda xi ordni ta’ malajr. Reġa’ dar lejn Morrel. Il‑Farawni kien ix‑xini ta’ Morrel, u Dantes kien l‑Ewwel Uffiċjal, li issa kien qed imexxi wara l‑mewt ta’ Leclerc.

“Lil kulħadd tmiss, illum jew għada, Edmond,” lissen Morrel. “Xi tgħidli dwar it‑tagħbija?”

“Kollox qawwi u sħiħ, Sinjur Morrel. Iss’ itla’ abbord. Hawn is‑Sinjur Danglars, li jieħu ħsieb ix‑xiri u l‑bejgħ. Jien għandi x‑xini x’nieħu ħsieb.”

Minnufih Morrel tela’ abbord u ltaqa’ ma’ Danglars. Dan kellu madwar ħamsa u għoxrin sena, u ħadd miċ‑ċorma tal‑Farawni ma kien jaħmlu.

“Mela, Sinjur Morrel,” qal Danglars. “Smajt bil‑mewt tal‑Kaptan Leclerc?”

“Iva. Kien raġel twajjeb u qalbieni.”

“U baħħar tajjeb ukoll. Kien xiħ u għaqli, kaptan tajjeb għax‑xwieni ta’ Morrel u Iben,” kompla Danglars.

“Raġel żagħżugħ jista’ jkun kaptan tajjeb ukoll,” lissen Morrel. “Ħares lejn il‑ħabib tagħna Dantes. Huwa ħabrieki ħafna.”

“Iva,” wieġeb Danglars xott xott, hekk kif ta daqqa t’għajn lejn Dantes. Ma kienx jogħġbu ħafna. “Għadu żgħir u kunfidenti żżejjed. Meta miet il‑Kaptan kellna nobdu l‑ordnijiet tiegħu. Minħabba f’hekk tlifna ġurnata u nofs fuq il‑gżira ta’ Elba, meta suppost kellna niġu dritt Marsilja.”

“La huwa l‑Ewwel Uffiċjal kellu jieħu hu post il‑Kaptan. Iżda m’għamilx sew li waqaf Elba. Kien hemm xi ħsara fuq ix‑xini? Kellkom tagħmlu xi tiswijiet?”

“Ma kien hemm xejn ħażin bix‑xini. Waqafna Elba u nżilna x‑xatt. Kienet btala, mhux xogħol!”

“Dantes,” sid ix‑xini għajjat. “Ejja ħa nkellmek, jekk jogħġbok.”

“Agħtini minuta, Sinjur Morrel,” wieġeb Dantes. Wara li ta xi ordnijiet oħra liċ‑ċorma u aċċerta ruħu li x‑xini kien marbut sew max‑xatt, mar ħdejn Morrel. “Issa x‑xini qiegħed f’postu,” qallu, “Kif nista’ naqdik, sinjur?” Danglars mexa ftit passi lura.

“Għalfejn waqaft fil‑gżira ta’ Elba?” staqsa Morrel.

“Ma nafx ngħidlek bl‑eżatt, Sinjur Morrel. Kien l‑aħħar ordni li tana l‑Kaptan Leclerc. Tani ittra biex ngħaddiha lill‑Marixxall Bertrand.”

Morrel ħatfu minn driegħu u ġibdu aktar lejh. “U kif inhu Napuljun?” staqsa minn taħt l‑ilsien.

“Deher li kien tajjeb ħafna.”

“Kellimtu?”

“Le, imma hu kellem lili. Staqsieni meta tlaqna minn Marsilja, u x’kienet it‑tagħbija li kellna. Deher ħafna interessat. Forsi kien biħsiebu jixtri x‑xini. Jien għidtlu li jien sempliċement l‑Ewwel Uffiċjal, u li x‑xini kien proprjetà tal‑kumpanija Morrel u Iben.”

“ ‘Ah,’ qalli hu. ‘Nafhom lil ta’ Morrel. Ilhom is‑snin iħaddmu x‑xwieni. Imma niftakar b’ċertu Morrel li kien suldat. Iġġieled miegħi f’Valensja.’”

“Tassew,” qabeż Morrel bi tbissima. “Dak jiġi Policar Morrel, zijuwi. Kien suldat tajjeb, kaptan. Dantes, iz‑ziju se jitla’ s‑seba’ sema meta jisma’ li Napuljun għadu jiftakru. Għamiltu sew li waqaftu Elba, Dantes. Imma toqgħodx tgħid dwar l‑ittra li tajt lil Bertrand u dwar Napuljun, għax tista’ tispiċċa fl‑inkwiet.”

“Għaliex?” staqsa Dantes. “Ma nafx x’kien hemm fl‑ittra. Napuljun saqsieni mistoqsijiet sempliċi. Kulħadd jista’ jwieġeb għal dak it‑tip ta’ mistoqsijiet.”

“Għażiż Dantes, għandek x’tagħmel issa?” staqsa sid ix‑xini.

“Le, Sinjur Morrel.”

“Trid tiġi tiekol għandi?”

“Grazzi, Sinjur Morrel,” wieġeb Dantes, “Imma l‑ewwel għandi bżonn inżur lil missieri.”

“Mela mur ara lil missierek, u mbagħad ejja għandi.”

“Grazzi mill‑ġdid, Sinjur Morrel. Imma hemm persuna oħra li hemm bżonn nara, wara.”

“Dażgur, Dantes. Insejt. Naturalment – is‑sbejħa Mercedes. Ġiet tarani tliet darbiet, ħerqana biex ikollha aħbarijiet dwar Il‑Farawni.”

“Wiegħditni li tiżżewwiġni,” lissen iż‑żagħżugħ.

“Għażiż Edmond, dik tassew aħbar sabiħa,” wieġeb Morrel. “Issa, mur iġri ara lil missierek.”

“Grazzi, Sinjur Morrel. Għandi xi ħaġa x’nitolbok. Nista’ nieħu btala ta’ erbatax‑il ġurnata?”

“Biex tiżżewweġ?” staqsa Morrel.

“Dik l‑ewwel ħaġa, u mbagħad irrid immur Pariġi.”

“Iva, mela le, Dantes? Imma ara li tiġi lura wara xahar. Il‑Farawni ma jistax isalpa mingħajr kaptan.”

“Kaptan!” lissen Dantes, b’għajnejh imberrqin bil‑ferħ. “Tassew se taħtarni kaptan tal‑Farawni? Sinjur Morrel, nirringrazzjak f’isem missieru u f’isem Mercedes!”

“Tajjeb, Edmond. Mela mur ara lil missierek, u mbagħad lil Mercedes, u wara ejja arani.”

“Tridni nwasslek sax‑xatt?” staqsa Dantes.

“Le, grazzi. Nixtieq l‑ewwel neħles xi faċendi ma’ Danglars. Kif kien waqt il‑vjaġġ? Għoġbok xogħlu?”

“Qed issaqsi huwiex ħabib tajjeb? Le, mhuwiex. Kellna xi ngħidu meta qrobna l‑gżira ta’ Monte Kristo, u lilu ma nogħġbu xejn. Imma jaħdem tajjeb, m’għandix x’ingerger minnu.”

Sid ix‑xini baqa’ jħares bi tbissima lejn Dantes hekk kif iż‑żagħżugħ qadef lura lejn ix‑xatt. Wieqaf wara Morrel, Danglars ukoll kien qed iħares lejn Dantes. Imma mhux bi tbissima.

***** ***** stat_3 ***** *****

2: Missier u Iben

Dantes daħal fi trejqa dejqa u f’dar żgħira. “Għażiż Edmond!” għajjat missieru. “Ibni! Fl‑aħħar wasalt lura f’Marsilja. Għidli kollox!”

“Għandi aħbar ħażina. It‑twajjeb Kaptan Leclerc ħalliena. Imma issa jien il‑Kaptan tal‑Farawni! Tista’ timmaġina? Għad għandi biss għoxrin sena u jien diġà l‑kaptan ta’ xini kbir! Issa se jkolli paga tajba u nkun nista’ nixtrilek dar sura ta’ nies. X’għandek, missier? M’intix tħossok sew?”

“Mhu xejn,” qal missieru.

“Għandek bżonn tistejqer ftit. Fejn għandek x’tiekol u x’tixrob?”

“M’għandna xejn fid‑dar,” wieġeb missieru. “Imma m’għandi bżonn xejn, ladarba hawn int.”

“Meta tlaqt tliet xhur ilu, ħallejtlek kemxa flus.”

“Iva, imma kelli nonfoq ftit minnhom biex inħallas lura lill‑ħabib tagħna Fernand. Talabni għalihom.”

“X’għamilt? Tajtu aktar minn nofs il‑flus! Hawn, ħa, missier. Ħu dawn u ibgħat għal ftit ikel.” Edmond poġġa l‑flus kollha li kellu fuq il‑mejda.

“Le, le, ibni, m’għandix bżonn dawk il‑flus kollha. Imm’ ara, ġej Fernand. Kien jaf li kellek tasal illum, u ġie biex jilqgħek.”

“Merħba lura, Edmond!” għajjat Fernand.

“Grazzi,” lissen Dantes bil‑pulit, biex ma jurix x’kien qiegħed iħoss tassew dak il‑waqt. “Tridni ngħinek f’xi ħaġa?”

“Inti sinjur, issa,” lissen Fernand, hekk kif berraq għajnejh lejn il‑flus fuq il‑mejda.

“Dawk?” kompla Dantes, “Dawk huma l‑flus ta’ missieri. Imma naturalment, inti l‑ġar tagħna. Jekk ikollok bżonn xi flus, nistgħu nisilfuk.”

“Grazzi, imma m’għandix bżonn. Għadni kemm nara lil sieħbi, Danglars. Qalli li kont hawn u ġejt narak.”

“Tajjeb Fernand,” lissen ix‑xiħ. “Fernand huwa ħabib kbir tagħna.”

Kien hemm ħarsa f’wiċċ Fernand li lil Dantes m’għoġbitux. “Mela, Morrel huwa kuntent bik,” kien qiegħed jgħid. “Qed tittama li tkun il‑kaptan il‑ġdid tal‑Farawni?”

“Iva, naħseb li se nkun il‑kaptan il‑ġdid. Imma missier, se jkolli nħallik. Irrid immur nara lil persuna oħra fil‑belt.”

“Mur, għażiż ibni, u Alla jbierek lil martek.”

“Martu!” qabeż Fernand. “Għadha mhix martu. Mercedes hija tfajla sabiħa, u tfajliet sbieħ għandhom ħafna ġuvintur jiġru warajhom. Imma, la inti se tkun il‑kaptan tal‑Farawni, mela – ”

“L‑opinjoni tiegħi dwar in‑nisa – u dwar Mercedes – huma ħafna aqwa minn tiegħek,” qal Dantes. “Jien naf li dejjem se tħobb lili.”

Edmond telaq mid‑dar, u Fernand mar jingħaqad ma’ Danglars, li kien qiegħed jistennieh f’kantuniera qrib.

“Għadu mhuwiex il‑kaptan,” lissen Danglars minn taħt l‑ilsien. “Għad hemm ċans inwaqqfuh. Ħalli mmorru f’La Reserve għal tazza nbid.”

“Tajjeb,” wieġeb Fernand. “Imma tħallas int.”

***** ***** stat_3 ***** *****

3: Mercedes

Danglars u Fernand qagħdu bilqiegħda madwar mejda taħt id‑dell ta’ siġra. F’dar xi mitt metru ’l bogħod minnhom, kien hemm tfajla f’tieqa. Xagħarha kien iswed tuta u għajnejha kienu skuri u sbieħ daqs id‑dellijiet ta’ foresta.

Dewa leħen jgħajjat ferħan minn barra d‑dar. “Mercedes! Mercedes!”

“Hawn!” wieġbet tgħajjat it‑tfajla, hekk kif niżlet u marret tiftaħ il‑bieb ta’ barra. “Hawn jien, Edmond!”

Dantes dlonk għannaqha miegħu hekk kif ix‑xemx sħuna ta’ Marsilja straħet fuqhom. Fl‑aħħar kienu flimkien – l‑uniċi żewġ persuni fid‑dinja kollha. Irħewlha tul it‑triq lejn La Reserve. Danglars u Fernand kienu għadhom hemm. Malli l‑koppja għaddiet minn ħdejhom, Fernand qam u għajjat, “Hawn, Edmond! Kburi wisq biex tkellem lil sħabek?”

“Mhux kburi, ħabib tiegħi,” wieġeb Dantes, “imma ferħan se ntir. Għandi ’l Mercedes biss f’moħħi bħalissa!”

“Meta t‑tieġ?” staqsa Danglars.

“Dalwaqt – għada jew pitgħada, hawn f’La Reserve. Qed nittamaw li inti u Fernand tkunu tistgħu tiġu.”

“Għada jew pitgħada,” tenna Danglars. “Kemm inti mgħaġġel, Kaptan!”

“Għadni m’iniex kaptan, Danglars,” kompla Dantes, “Imma tassew, mgħaġġlin għax għandi qadja x’nagħmel f’Pariġi.”

“Pariġi? Għandek xi xogħol hemmhekk?”

“Mhux xogħli. Fil‑fatt, il‑Kaptan Leclerc kien talabni biex nispiċċa xi xogħol tiegħu.”

“Iva, iva,” kompla Danglars, u bejnu u bejn ruħu kompla, “Pariġi – biħsiebu jieħu l‑ittra tal‑Marixxall Bertrand. Iva, għandi idea. Dantes, ħabib tiegħi, tabilħaqq għadek m’intix kaptan.” U reġa’ dar lejn Dantes u b’leħen għoli għajjat, “Il‑vjaġġ it‑tajjeb, mela!”

“Grazzi, ħabib!” qal Edmond, hekk kif hu u Mercedes komplew mixjin tul it‑triq.

Danglars dar fuq wieħed mis‑sefturi ż‑żgħar tat‑taverna. “Tifel,” qallu, “mur ġibli pinna u karta.”

“Fiha x’taħseb,” lissen Fernand. “Tista’ toqtol bniedem b’mus, imma tista’ toqtlu anki b’dik il‑pinna!”

“Ħa ngħidlek x’se nagħmel,” kompla Danglars. “Dantes għadu kemm ġej minn vjaġġ. Tul il‑vjaġġ waqaf fil‑gżira ta’ Elba. Se nibgħat ittra lil uffiċjal tal‑gvern u ngħidlu li Dantes qed jaħdem għal Napuljun. Irid iġib lil Napuljun lura biex jerġa’ jaħkem fi Franza.”

Danglars kiteb hekk, b’idu x‑xellugija:

“Ħabib tar‑Re għandu xi tagħrif għall‑uffiċjali tiegħu. Edmond Dantes, tal‑mirkeb Il‑Farawni, ġab ittra minn Elba għas‑segwaċi ta’ Napuljun f’Pariġi. Tistgħu issibu l‑ittra jew fil‑but tal‑ġlekk tiegħu, jew għand dar missieru, jew fil‑kabina tiegħu fuq ix‑xini.”

Poġġa l‑ittra f’envelop u kiteb isem fuqu:

Villefort

“Lesta,” lissen Danglars.

“Iva, lesta,” tenna Fernand. “Imma mhix ħaġa sabiħa li qed tagħmel.” Ħareġ idu biex jieħu l‑ittra.

***** ***** ***** ***** *****

Il‑kokijiet ta’ La Reserve ippreparaw ikla liema bħalha għat‑tieġ. Bosta miċ‑ċorma tal‑Farawni kienu hemm flimkien ma’ ħbieb oħrajn ta’ Dantes.

“Nibdew?” saqsiet il‑vuċi l‑ħelwa ta’ Mercedes.

“L‑ewwel immorru l‑knisja.”

Kulħadd qam u f’filliera waħda kienu se jibdew joħorġu mis‑sala. Imma ħesrem, dewa ħoss qawwi minn barra. Raġel beda jsabbat mal‑bieb u jgħajjat, “Iftħu dan il‑bieb, f’isem il‑Ġustizzja!”

Dlonk daħlu uffiċjal u erba’ suldati miegħu. “Fejn hu Edmond Dantes?”

“Jien hu,” wieġeb Edmond. “Għalfejn triduni?”

“Ma nafx ngħidlek. Ejja magħna. Xi ħadd jispjegalek sew fil‑għassa.”

“La tibżgħux, ħbieb,” lissen Dantes, kemxejn mistagħġeb. “Hemm xi żball, żgur.”

Dantes ħareġ fil‑bitħa mas‑suldati.

“Alla miegħek, maħbub tiegħi!” għajtet Mercedes.

“U miegħek ukoll, qalbi,” wieġeb Dantes, “Ma ndumux ma nerġgħu naraw lil xulxin.”

***** ***** stat_3 ***** *****

4: L‑Imħallef

L‑imħallef Villefort ħa folja mingħand wieħed mis‑suldati u flieha sew.

“Ġibuli lill‑priġunier,” ordna.

Daħħlu lil Dantes fl‑uffiċju.

“Min int u x’inhu xogħlok?” staqsa Villefort.

“Jisimni Edmond Dantes, Jiena l‑Ewwel Uffiċjal tal‑mirkeb Il‑Farawni tal‑kumpanija tas‑Sinjur Morrel.”

“Kemm għandek żmien?”

“Għoxrin sena.”

“Fejn kont meta s‑suldati ġew għalik?”

“Kont waqt il‑festa tat‑tieġ tiegħi,” wieġeb Dantes, imbikkem u b’leħen miksur. Kien daqshekk ferħan sa ftit mumenti qabel, u issa...

“Ħasra li dan il‑ġuvnott tħassarlu t‑tieġ,” qal Villefort bejnu u bejn ruħu. Imma kompla, “Inti qed taħdem għal Napuljun?”

“Darba xtaqt inkun fuq wieħed mix‑xwieni tiegħu, imma wara tilef il‑poter.”

“Hemm xi nies li jaħsbu li inti bniedem perikoluż. Jaħsbu li tixtieq terġa’ ttella’ lil Napuljun fil‑gvern.”

“Jien? Perikoluż? Jien għad għandi għoxrin sena. X’nista’ nkun naf jien dwar affarijiet bħall‑poter. Jien inħobb biss lil missieri, lis‑Sinjur Morrel u l‑ewwel u qabel kollox lil Mercedes. Dan kollu li nista’ ngħidlek.”

“Għandek għedewwa?”

“Għedewwa?” tenna Dantes. “Nies importanti għandhom għedewwa. Jien m’iniex bniedem importanti.”

“Tassew, għad għandek biss għoxrin sena,” kompla Villefort. “Imma dalwaqt se tkun il‑kaptan ta’ xini. Se tiżżewweġ tfajla sabiħa. Taħseb li xi ħadd jobogħdok għax inti daqshekk ixxurtjat?”

“Forsi. Ma nafx. Inti taf taqra lin‑nies ħafna aħjar minni.”

“Tawni din l‑ittra. Il‑kitba tagħrafha?”

Villefort newwel l‑ittra lil Dantes, u dan beda jaqraha. Dalma niżlet fuq wiċċu.

“Le, ma nistax nagħraf ta’ min hi l‑kitba. Imma hu min hu huwa għadu tassew.”

“Issa, weġibni sew,” kompla l‑imħallef. “Dan il‑kliem huwa veru?”

“Le,” qabeż Dantes fil‑pront. “Ħallini ngħidlek kif inhuma l‑fatti. Il‑Kaptan Leclerc marad ftit wara li salpajna minn Napli. Mat‑tielet jum kien qaleb ħafna għall‑agħar. Sejjaħli, u qalli, ‘Wiegħedni xi ħaġa. Hija importanti ħafna.’ Jien wegħidtu. ‘Wara li mmut, int se tkun il‑kaptan. Mur Elba u sib lill‑Marixxall Bertrand. Newwillu din l‑ittra, u hu għandu jagħtik ittra oħra. Jgħidlek hu fejn għandek toħodha.’ Dak kollu li qalli l‑Kaptan Leclerc.”

“U wara, x’għamilt?” staqsa Villefort.

“Jiena wegħidtu li nagħmel hekk. Kien fl‑aħħar nifs ta’ ħajtu. Bħalma taf, l‑aħħar kliem ta’ kaptan fuq xini huma bħal ordni. Malli wasalna Elba, inżilt l‑art waħdi. Tajt l‑ittra lill‑Marixxall Bertrand. Tani ittra oħra biex ngħaddiha lil xi ħadd f’Pariġi. Malli wasalt hawn, mort nara lil Mercedes u ppreparajna t‑tieġ. Se nitlaq għal Pariġi għada.”

“Ah,” lissen Villefort, “forsi ma kontx għaqli biżżejjed, imma kellek tobdi l‑aħħar ordnijiet tal‑kaptan tiegħek. Agħtini l‑ittra li ġibt minn Elba. Wiegħedni li tiġi minnufih jekk nibgħat għalik. Tista’ tmur lura ma’ sħabek, issa.”

“Mela jien ħieles?” staqsa Dantes kollu ħerqan.

“Iva, imma l‑ewwel agħtini l‑ittra.”

“Diġà qiegħda għandek. Is‑suldati ħaduhieli ma’ xi dokumenti oħra li kelli fuqi. Qiegħda fuq il‑mejda.”

Hekk kif Dantes kien se jaqbad il‑kappell biex jitlaq, Villefort lissen, “Ieqaf. Ta’ min huma l‑isem u l‑indirizz fuq l‑ittra?”

“Noirtier, Triq Heron, Pariġi.”

Wiċċ Villefort bjad, u deher imbeżża’. “Noirtier!” lissen b’leħen dgħajjef. “Noirtier!”

“Iva. Taf min hu?” staqsa Dantes.

“Le,” wieġeb Villefort bil‑ħatfa. “Jien qaddej fidil tar‑Re. M’għandix x’naqsam ma’ nies li jridu jippruvaw jeqirduh.”

“Noirtier irid jeqred lir‑Re?” Issa anki Dantes beda jħossu ftit imbeżża’. “Kif għidtlek, jien ma qrajtx l‑ittra. Ma kontx naf x’kien hemm fiha.”

“Iva, imma rajt l‑isem fuq l‑envelop.”

“Dażgur li qrajt l‑isem. Kelli bżonn inkun naf lil min nagħtiha.”

“Din l‑ittra, urejtha lil xi ħadd ieħor?”

“Le, m’urejtha lil ħadd. Naħliflek,” wieġeb Dantes hekk kif ħares dritt lejn għajnejn Villefort u beda jħossu aktar imbeżża’.

Villefort intefa’ bilqiegħda fuq is‑siġġu u qara l‑ittra. Wara, għatta wiċċu b’idejh. “Oh!” beda jaħseb. “Jaf x’hemm f’din l‑ittra? Jaf min jien tassew? Jaf li Noitier huwa missieri? Jekk jaf dan, mela jien fil‑periklu!”

Ħares fit‑tul lejn Dantes, u qal, “Ma tistax titlaq issa. Se jkollok tibqa’ hawn għal ftit żmien. Nipprova ma nżommokx ħafna. L‑unika ħaġa li hemm kontrik hija din l‑ittra.” Ħataf l‑ittra minn fuq il‑mejda u resaq lejn il‑fuklar. “Ara, se naħraqha.”

“Ah, Niżżik ħajr, Sinjur”

“Isma’ sew,” qal Villefort. “Taf li nista’ ngħinek. Ibqa’ hawn sa filgħaxija. Twieġeb l‑ebda mistoqsija li jsaqsuk u tgħid xejn dwar l‑ittra, u ssemix l‑isem ta’ Noirtier.”

“Naħliflek.”

Villefort sejjaħ lil wieħed mis‑suldati li kienu barra l‑uffiċju. “Mur wara dan is‑suldat,” qal lil Dantes.

Malli Dantes telaq u l‑bieb ingħalaq warajh, Villefort inxteħet fuq is‑siġġu. “Missier, missier! Jekk xi ħadd isir jaf b’dik l‑ittra se nispiċċa ħażin. Hemm bżonn li ħadd ma jkun jaf biha.”

***** ***** stat_3 ***** *****

5: Il‑Ħabs

Is‑suldat ħa lil Dantes f’kamra żgħira. Lejn xi l‑għaxra ta’ filgħaxija, uffiċjal u erba’ suldati ħaduh tul it‑toroq sal‑port. Tellgħuh fuq dgħajsa u baqgħu josservawh mix‑xatt hekk kif id‑dgħajsa tbiegħdet bih.

“X’qed jiġri?” beda jaħseb, kemxejn allarmat. “L‑imħallef kien tajjeb miegħi. Qalli li ma kellix minn xiex nibża’ sakemm ma nsemmix l‑isem Noirtier. U l‑ittra ħaraqha quddiem għajnejja.”

Dantes baqa’ jħares fid‑dalma tal‑lejl. Seta’ jara li kienu ħerġin ’il barra fil‑baħar, lil hinn mill‑kosta. Kienu qegħdin jitbiegħdu minn dak kollu li kien għal qalbu. Dar lejn l‑eqreb suldat li kien fuq id‑dgħajsa miegħu.

“Ħabib,” qallu, “Nitolbok, għidli ftit fejn sejrin. Jien jisimni Edmond Dantes, baħħar, bniedem li jibża’ minn Alla u mir‑Re. Għidli fejn sejrin.”

“Kif? Twelidt f’Marsilja u inti baħħar, u ma tafx fejn sejrin? Ħares!”

Dantes qam bilwieqfa u ħares ’il quddiem. Madwar mitt metru ’l bogħod seta’ jara x‑xbiha sewda, enormi, tal‑blata li fuqha kien hemm ix‑Chateau d’If. Dan kien ħabs tal‑biża’ li kien inbena xi tlitt mitt sena qabel. Dantes kien sema’ ħafna għajdut dwar dak il‑ħabs. Ħadd qatt ma kien ħarab minnu. Nies li kienu jispiċċaw hemm ħadd qatt ma kien jarahom aktar. Kif, hekk kellha tintemm it‑tama għalih?

“Ma jistax ikun li titfgħuni ħabsi hemm!” beda jgħajjat. “Hemmhekk jixħtu biss priġunieri importanti, għedewwa tar‑Re. L‑Imħallef Villefort wiegħedni –”

“Kien l‑Imħallef Villefort li tagħna l‑ordni neħduk fix‑Chateau d’If,” qatagħlu kliemu s‑suldat.

Id‑dgħajsa waslet ħdejn ix‑xatt. Suldat minnhom qabeż fuq l‑art, ħataf driegħ Dantes, u ħadu ħdejn xi turġien fil‑blat. Minn hemm għaddew minn bieb, u l‑bieb ingħalaq warajhom. Issa Dantes sab ruħu f’bitħa mdawra b’ħitan għoljin. Seta’ jisma’ l‑passi tas‑suldati jagħmlu r‑ronda barra.

“Fejn hu l‑priġunier?” sema’ leħen jgħajjat. “Imxi warajja.”

Dantes mexa wara l‑gwardjan. Il‑gwardjan, b’fanal f’idu, ħadu fi kmajra li kienet kważi taħt l‑art.

“Għal dan il‑lejl oqgħod hawn,” lissen il‑gwardjan. “Issa tard u l‑Gvernatur rieqed. Forsi għada filgħodu jieħdok f’lok ieħor. Għandek ftit ħobż u ilma, u ftit tiben fejn tkun tista’ torqod. Il‑lejl it‑tajjeb.”

Il‑gwardjan dlonk telaq b’pass mgħaġġel. Ħa l‑fanal miegħu, u ħalla lil Dantes waħdu, fi skiet taqtgħu b’sikkina u dlam ċappa.

***** ***** ***** ***** *****

Il‑gwardjan ġie lura malli beda jbexbex. Dantes kien għadu wieqaf fl‑istess post, wara l‑bieb. Il‑gwardjan qabdu minn driegħu, u staqsieh, “Ma rqadt xejn?”

“Ma nafx,” lissen Dantes b’leħen dgħajjef.

“Bil‑ġuħ?”

“Ma nafx.”

“Għandek bżonn xi ħaġa?”

“Għandi bżonn nara lill‑Gvernatur.”

Il‑gwardjan daħaq daħqa żgħira u ħareġ mill‑kamra. Għalaq il‑bieb warajh.

Dantes intefa’ tulu fl‑art. “X’qed jiġri?” qabad jgħajjat. “Għalfejn ġibtuni hawn?”

Għadda l‑jum. Dantes ma kiel xejn. Beda jdur u jdur madwar il‑kmajra.

L‑għada filgħodu reġa’ tfaċċa l‑gwardjan. “Priġunier, tħossok aħjar illum?” staqsieh. Dantes ma tniffissx. “Rabbi l‑kuraġġ, sieħeb. Tridni nġiblek xi ħaġa?”

“Irrid inkellem lill‑Gvernatur.”

“Dak impossibbli,” wieġeb il‑gwardjan.

“Mela x’nista’ nagħmel?” staqsa Dantes.

“Tista’ titlob għal ikel aħjar – jekk għandek biex tħallas għalih. U nistgħu nġibulek xi kotba. U tista’ tippassiġġa fil‑bitħa.”

“Ma rridx kotba. L‑ikel tajjeb. Ma rridx nippassiġġa. Irrid nara lill‑Gvernatur.”

“Ma tistax. Tibqax titlobni biex tarah. Dejjem se ngħidlek le. Tispiċċa biex tiġġennen.”

“Taħseb?”

“Naf. Hawn raġel f’dan il‑ħabs – kien f’din l‑istess kamra qablek. ‘Jekk tgħinni, nagħtik teżor kbir,’ kien qal lill‑Gvernatur. Issa xeħtuh f’ċella taħt l‑art. Ilu hemm sentejn.”

“Ismagħni sew,” qal Dantes, “Jien m’iniex qed niġġennen. Hemm bżonn li nkellem lill‑Gvernatur.”

“Ħa ħa!” il‑gwardjan qabad jidħaq. “Tassew qiegħed tiġġennen. Nissuspetta li se jkollna l‑inkwiet bik. Mhix problema. Għandna gzuz ta’ ċelel taħt l‑art.”

Il‑gwardjan telaq u ġie lura ftit minuti wara, ma’ erba’ suldati. “Il‑Gvernatur ta l‑ordnijiet tiegħu,” qal lis‑suldati. “Dan il‑priġunier miġnun. Itfgħuh taħt l‑art.”

Is‑suldati ħatfu lil Dantes minn driegħu, u Dantes ma ssarax hekk kif mexa magħhom. Niżżluh xi ħmistax‑il tarġa, fetħu l‑bieb ta’ ċella, u xeħtuh hemm.

Il‑bieb ingħalaq, u Dantes beda jdur madwar iċ‑ċella. Kien dlam ċappa, u ħareġ idu quddiemu sakemm mess wieħed mill‑ħitan. Inxteħet bilqiegħda f’rokna. Ma seta’ jara xejn.

“Dak il‑gwardjan għandu raġun,” qal bejnu u bejn ruħu. “Hawn ġew se nispiċċa biex niġġennen.”

***** ***** stat_3 ***** *****

6: Taħt l‑art

Iż‑żmien għadda. Ta’ spiss, l‑uffiċjal tas‑suldati kien iżur lill‑priġunieri. “L‑ikel tajjeb?” kien isaqsihom. “Għandkom bżonn xi ħaġa?”

“L‑ikel tal‑qamel u rridu nitilqu minn hawn,” kienu jwiġbuh.

L‑uffiċjal kien jaqbad jidħaq. “Għalfejn noqogħdu ninżlu hawn?” kien jgħid lill‑gwardjan. “Dejjem nisimgħu l‑istess kantaliena. ‘L‑ikel tal‑qamel. M’għamilt xejn ħażin. Irrid nitlaq minn hawn.’”

Din id‑darba żied, “Hemm xi priġunieri oħra?”

“Iva. Hemm il‑priġunieri l‑imġienen. Dawk inżommuhom taħt l‑art, għax perikolużi għall‑priġunieri l‑oħra.”

“Ħa narahom. Irrid nara lil kulħadd.” Żewġ suldati ħadu lill‑uffiċjal isfel. Kien hemm intiena qawwija fl‑arja, intiena tal‑mewt.

“Uff,” lissen l‑uffiċjal. “Min jista’ jgħix hawn?”

“Nies ħżiena ħafna. Irridu noqogħdu b’seba’ għajnejn magħhom.”

Din kienet l‑ewwel żjara tal‑uffiċjal fiċ‑ċelel taħt l‑art.

“Priġunier Numru 34. Ħa nibdew b’dan,” qal.

Dantes kien mixħut bilqiegħda f’rokna malli daħal l‑uffiċjal ma’ żewġ suldati.

“Dan huwa persuna importanti,” qal Dantes bejnu u bejn ruħu, u minnufih qomos bilwieqfa, imma s‑suldati mbuttawh lura mal‑art.

“Dan se jaħseb li jien miġnun,” ħaseb Dantes. Ħares dritt lejn għajnejn l‑uffiċjal hekk kif ipprova jitkellem bil‑kalma kemm jista’ jkun. “Kulma rrid naf huwa x’se jsir minni. Għalfejn qiegħed hawn? Agħtini l‑permess inkellem li xi mħallef.”

“Forsi,” wieġeb l‑uffiċjal. Dar lejn il‑Gvernatur. “Urini r‑reġistri. X’inhi l‑ħtija ta’ dan il‑priġunier.”

“Naf li ma tistax teħlisni minn hawn,” lissen Dantes, “iżda għall‑inqas għidli li hemm xi tama.”

“Dak ma nistax ngħidulek. Li nista’ nwiegħdek huwa li ninvestiga l‑każ tiegħek. Min kien ta l‑ordni biex jixħtuk il‑ħabs?”

“L‑Imħallef Villefort.”

“Għandu xi raġuni biex ikun l‑għadu tiegħek?”

“Le. Anzi, mexa sewwa ħafna miegħi,” wieġeb Dantes.

“Mela nista’ nemmen dak li kiteb dwarek fir‑reġistru tal‑ħabs?”

“Iva.”

L‑uffiċjal ħareġ miċ‑ċella u l‑bieb ingħalaq warajh. Imma kien ħalla xi ħaġa f’dik il‑kmajra – it‑tama.

L‑uffiċjal żamm kelmtu, u fittex il‑każ ta’ Dantes fir‑reġistri, u sab:

“EDMOND DANTES: Raġel perikoluż ħafna. Għen lil Napuljun jaħrab minn Elba. Żommuh sew taħt għajnejkom.”

“Ma nistax ngħinu, lil dan il‑priġunier,” ħaseb l‑uffiċjal. Fir‑reġistru kiteb:

“Tagħmlu xejn.”

***** ***** stat_3 ***** *****

7: In‑Numru 27

Għaddew jiem u ġimgħat, u Dantes beda jissuspetta li ż‑żjara tal‑uffiċjal kienet biss ħolma.

F’daqqa waħda, lejla minnhom, madwar id‑disgħa ta’ filgħaxija, sema’ ħoss ġej minn wara l‑ħajt maġenb is‑sodda. Baqa’ jisma’. “Naħseb li din xi ħolma wkoll,” qal bejnu u bejn ruħu. Imma ftit wara reġa’ semgħu. Sema’ xi ħaġa taqa’ – u mbagħad skiet perfett.

Ftit sigħat wara, reġa’ sema’ l‑ħoss – din id‑darba aktar viċin u aktar ċar. Kompla jisma’. “Dak naf x’ħoss hu,” ħaseb fl‑aħħar. “Hemm xi priġunier qed jittanta jaħrab.”

Edmond xtaq jgħin b’xi mod jew ieħor. Ressaq is‑sodda lil hinn mill‑ħajt, u ħares madwar iċ‑ċella biex jara jsibx xi ħaġa ppuntata. L‑uniċi affarijiet li kien hemm fiċ‑ċella kienu s‑sodda, siġġu, mejda u l‑iskutella tal‑ilma. “Inkisser l‑iskutella u nuża biċċa miċ‑ċaqquf bħala xafra,” ħaseb. Sabbat l‑iskutella mal‑art u din splodiet f’biċċiet. Ħataf ftit mill‑biċċiet u ħbiehom fis‑sodda. L‑għada filgħodu l‑gwardjan daħal fiċ‑ċella. “L‑iskutella waqgħetli minn idi waqt li kont qed nixrob,” spjega Dantes. Il‑gwardjan ma ħax pjaċir bit‑traskuraġni tiegħu, iżda dlonk ġablu oħra. Ma ġabarx il‑biċċiet tal‑imkissra.

Dantes beda jaħdem. Il‑ġebla tal‑ħajt kienet qadima u ratba, u malajr seta’ jfarrakha f’biċċiet żgħar. Fl‑aħħar seta’ jiġbed ċangun ’il barra mill‑ħajt, u bil‑mod‑il‑mod ħaffer ħofra madwar nofs metru wiesgħa. Bil‑qajla, poġġa t‑trab tal‑ġebel fl‑erbat irkejjen taċ‑ċella ħalli ma jagħtux fil‑għajn, u reġa’ poġġa ċ‑ċangun lura f’postu u mexxa s‑sodda mal‑ħajt biex jaħbiha. B’hekk it‑toqba fil‑ħajt ma kenitx tidher.

Stenna lill‑gwardjan jiġi bl‑ikel ta’ filgħaxija, u wara li telaq, kompla x‑xogħol fuq il‑ħofra. Baqa’ sejjer il‑lejl kollu, sakemm kellu toqba fonda. Imma f’daqqa waħda kellu jieqaf.

Ma setax ikompli jħaffer biċ‑ċaqquf għax sab travu tal‑injam, u ma setax iċaqalqu. Tilef kull tama li seta’ jsib mod biex jaħrab. “Alla tiegħi! Nixtieq immut! Issa m’għandi l‑ebda tama!” qabad jgħajjat.

“Min hu dan li qed isemmi lil Alla u nuqqas ta’ tama fl‑istess nifs?” qabeż jgħid leħen minn wara l‑ħajt.

Edmond qomos għarkopptejh. “Leħen! Qed nisma’ leħen? Il‑leħen ta’ raġel! Nitolbok erġa’ tkellem!”

“Min inti?” staqsa l‑leħen.

“Priġunier qalbu sewda.”

“Għaliex qiegħed il‑ħabs?”

“M’għamilt xejn ħażin,” qabeż Dantes. “Qed jgħidu li ppruvajt ngħin lil Napuljun. Ried jerġa’ jmur lura Franza.”

“Lura Franza?” tenna l‑leħen. “Mel’ issa fejn qiegħed?”

“Eżiljawh fuq il‑gżira ta’ Elba fl‑1814. Ma tafux dan? Mela meta ġabuk hawn?”

“Fl‑1811.”

“Erba’ snin qabli, mela!”

“Tkomplix tħaffer,” lissen il‑leħen. “Għidli – kemm qiegħed fil‑għoli?”

“Bħalissa qiegħed mimdud mal‑art taċ‑ċella,” wieġeb Dantes.

“X’hemm wara l‑bieb taċ‑ċella tiegħek?”

“Kmajra dejqa, u warajha l‑bitħa.”

“Le, dak ħażin,” kompla l‑leħen. “Ippjanajt ħażin. Kont biħsiebni nħaffer għan‑naħa ta’ barra tal‑ħajt ewlieni tal‑ħabs.”

“U mbagħad?”

“U mbagħad naqbeż fil‑baħar u ngħum lejn waħda mill‑gżejjer li hawn fil‑qrib. Għatti t‑toqba li għamilt fil‑ħajt bil‑mod. Tibqax taħdem fuqha sakemm ma terġax tisma’ mingħandi.”

“Għidli min inti,” qabeż Dantes bil‑ħerqa.

“Jien – jiena n‑Numru 27.”

“Għax ma tgħidlix ismek?” staqsa Edmond. Sema’ daħqa baxxa min‑naħa l‑oħra, u ddispra. “Nitolbok, titlaqnix. Naħlef li ma ngħid xejn lill‑gwardjani!”

“Nerġa’ nkellmek,” wieġeb il‑leħen. “Għada.”

Edmond reġa’ għalaq il‑fetħa fil‑ħajt, ħeba l‑biċċiet tal‑ġebel, u ressaq is‑sodda mal‑ħajt. L‑għada filgħodu, meta reġa’ ressaq is‑sodda biex jikxef it‑toqba, sema’ ħoss. Niżel għarkopptejh.

“Dak inti?” staqsa minn taħt l‑ilsien, “Jien hawn qiegħed.”

Dlonk parti mill‑art taċ‑ċella ta’ Dantes sfrundat ’l isfel. Biċċiet ta’ madum u ġebel ieħor waqgħu fil‑ħofra, u ftit wara Edmond lemaħ żewġ dirgħajn u r‑ras ta’ raġel. Ir‑raġel għamel sforz biex jitla’ fiċ‑ċella ta’ Edmond.

Dantes ħareġ idejh biex jgħin lill‑ħabib il‑ġdid tiegħu. Kien raġel żgħir u xipli, u xagħru kien kollu abjad. Kellu għajnejh skuri u daqna twila, folta.

“Tidher kuntent ħafna li qed tarani,” qal lil Dantes. “Il‑ferħ tiegħek qed imissli qalbi!”

Imma Dantes xorta waħda fehem li r‑raġel kien imdejjaq ħafna. “Ħdimt ħafna u għamilt ħiltek kollha, imma xorta waħda ma lħaqtx il‑parti ta’ barra tal‑ħabs, u sibt biss ċella oħra. Imma għandna tliet ħitan oħra x’nippruvaw. Taf x’hemm lil hinn minn dawn il‑ħitan?”

“Ħajt minnhom huwa mibni mal‑blat. Naħa oħra tinsab maġenb id‑dar tal‑Gvernatur. Jekk noħorġu minn hemm il‑gwardjani jaqbduna żgur. U n‑naħa l‑oħra – ’il fejn?”

It‑tnejn ħarsu lejn dak it‑tielet ħajt. Fil‑għoli kien hemm tieqa żgħira, bi tliet żbarri tal‑ħadid.

Ir‑raġel mexxa l‑mejda sa ħdejn il‑ħajt. “Itla’ fuq il‑mejda u poġġi dahrek mal‑ħajt. Għaqqad idejk quddiemek.”

Malli Dantes għamel hekk, ir‑raġel Numru 27 tela’ fuq il‑mejda, wara fuq idejn Dantes, u wara bilwieqfa fuq spallejh. Issa li seta’ jilħaq it‑tieqa, ħareġ rasu minn bejn l‑iżbarri, u reġa’ daħħalha minnufih.

“Kif bsart,” lissen, hekk kif niżel fuq il‑mejda u mbagħad mal‑art.

“Jidher xiħ, imma għad għandu l‑ħeffa ta’ żagħżugħ,” qal Dantes bejnu u bejn ruħu.

“Din in‑naħa taċ‑ċella,” qal in‑Numru 27, “tagħti għal passaġġ dejjaq taħt il‑ħitan. Hemm gwardjan stazzjonat hemm lejl u nhar. M’hemm l‑ebda mod li nistgħu naħarbu minn dawn l‑erba’ ħitan.”

Dantes ħares lejn ir‑raġel. “Tassew trid taħrab,” beda jaħseb. “U issa qed tara li m’hemm l‑ebda mod, u xorta waħda qed iżżomm kalm.”

“Għidli ftit, x’jismek?” staqsieh.

“Jisimni Faria,” wieġeb ir‑raġel. “Ġejt fix‑Chateau d’If fl‑1811. Qabel kont priġunier fil‑ħabs ta’ Fenestrelle għal tliet snin.”

“Imma għalfejn qiegħed hawn?” kompla jistaqsi Dantes.

“Bħalma taf, l‑Italja hija maqsuma f’ħafna stati żgħar, u kull stat għandu l‑ħakkiem tiegħu. Jiena xtaqt ngħaqqad l‑Italja f’pajjiż wieħed taħt re wieħed. Imma r‑re li għażilt għal dan ipprova jeqridni, u issa l‑Italja qatt m’hi se tkun magħquda. Napuljun ipprova jgħaqqadha, imma ma kompliex xogħlu. Povra l‑Italja!” Leħen ix‑xwejjaħ kien miksur bid‑dispjaċir.

“Nista’ nara l‑passaġġ sigriet li ħaffirt taħt l‑art?” staqsa Dantes.

“Ejja warajja,” wieġeb Faria, hekk kif beda dieħel fit‑toqba fl‑art. Dantes mar warajh.

***** ***** stat_3 ***** *****

8: Iċ‑Ċella ta’ Faria

Iż‑żewġt iħbieb malajr għaddew mill‑passaġġ taħt l‑art. Faria ġibed ġebla ’l fuq minn mal‑art u t‑tnejn niżlu fiċ‑ċella tiegħu. Dantes ħares madwar iċ‑ċella.

“Għad hemm ħaġa waħda li ma nistax nifhem,” qal. “Kif irnexxielek tagħmel dan ix‑xogħol kollu?”

“Naħdem il‑lejl kollu.”

“Bil‑lejl? Mela għandek l‑għajnejn ta’ qattus? Kif tista’ tara fid‑dlam?”

“Dażgur li le. Imma Alla lill‑bniedem tah il‑moħħ. B’dak, nistgħu nagħmlu kull ma għandna bżonn. Għamilt speċi ta’ lampa għalija. Iż‑żejt ġibtu mill‑ikel, u jagħmel dawl sew.”

It‑tnejn qagħdu bilqiegħda u bdew jiċċaċċraw. Dantes osserva li Faria kien bravu u intelliġenti. Xi kultant lanqas biss beda jifhem kliemu.

“Inti bravu ħafna,” qallu. “Tkun tista’ tgħallimni? Ma rridekx tiddejjaq bija. Raġel intelliġenti bħalek ma jħobbx jitkellem ma wieħed injorant bħali. Ibda għallimni, u l‑ħin jgħaddi malajr għalina t‑tnejn.”

Kien hekk li Dantes beda jitgħallem ħafna affarijiet ġodda, malajr u faċilment. Tgħallem dwar l‑istorja tad‑dinja, tgħallem jifhem u jitkellem l‑Ingliż, u ħafna ħiliet oħra.

***** ***** ***** ***** *****

Iż‑żmien għadda. Dantes issa kien ħafna aktar kuntent, imma beda jara li saħħet Faria kienet sejra lura. Darba, Faria kien fiċ‑ċella ta’ Edmond waqt li kienu qegħdin jaħdmu fuq il‑passaġġ sigriet ta’ bejn kamrithom. F’daqqa waħda, Edmond sema’ lil Faria jokrob bl‑uġigħ. Dlonk sabu mixħut mal‑art f’nofs il‑kamra. Wiċċu kien abjad karti.

“X’inqala’?” għajjat Dantes.

“Isa,” wieġeb Faria. “Ismagħni sew.”

Wiċċ Faria m’għoġobx lil Dantes. Għajnejh kienu skuri, bi ċrieki fondi, kaħlana, madwarhom. Il‑ġilda tiegħu kienet tilfet il‑kulur.

“Isma’,” lissen Faria. “Jiena marid gravi. Kont diġà marid qabel ma xeħtuni l‑ħabs. Għinni mmorru lura f’kamarti. Aqla’ waħda mis‑saqajn tas‑sodda. Fiha għandek issib flixkun żgħir b’likwidu aħdar fih.”

B’ħeffa liema bħalha, Dantes għamel dak li qallu x‑xwejjaħ. Għenu jinżel fil‑passaġġ taħt l‑art u lura fiċ‑ċella tiegħu. Hemmhekk, għenu jimtedd fis‑sodda.

“Grazzi,” lissen ix‑xwejjaħ. Issa jdejh kienu kesħin ukoll. “Hemm bżonn ngħidlek dwar din il‑marda tiegħi. Meta tilħaq l‑agħar tagħha – imma mhux qabel – nixrob ftit minn dak il‑likwidu.”

Waqaf jitkellem. Kien qisu d‑dell skur tal‑mewt għadda minn fuq wiċċu. Dantes waqaf, jistenna. “Sieħbi qed imut!” ħaseb f’daqqa waħda. Qabad il‑flixkun li kien sab f’sieq is‑sodda, u ferra ftit mil‑likwidu f’ħalq Faria. Reġa’ waqaf jistenna. “Tgħid se jmut?” beda jgħid bejnu u bejn ruħu.

Għaddiet siegħa mingħajr bidla ta’ xejn, imma fl‑aħħar wiċċ Faria reġa’ beda jieħu l‑kulur. Għajnejh imberrqin kienu sinjal li kien għad baqa’ ftit ħajja. Ix‑xwejjaħ ma setax jitkellem, imma pponta lejn il‑bieb. Dantes intebaħ li seta’ jisma’ l‑passi tal‑gwardjan riesaq lejn iċ‑ċella tiegħu.

“Ma jistax isibni hawn,” qal bejnu u bejn ruħu.

Iż‑żagħżugħ ġera lejn il‑ħofra tal‑passaġġ u mar jgħaġġel lejn iċ‑ċella tiegħu. Hekk kif inxteħet bilqiegħda mal‑art maġenb soddtu, il‑bieb infetaħ u tfaċċa l‑gwardjan bl‑ikel.

Wara li telaq il‑gwardjan, Dantes reġa’ mar fiċ‑ċella ta’ Faria. Sab li x‑xwejjaħ kien xi ftit aħjar, iżda xorta dgħajjef.

“Taqtax qalbek,” lissen Dantes. “Malajr se terġa’ tkun b’saħħtek.” Qagħad bilqiegħda fuq is‑sodda ħdejn Faria, u qabadlu jdejh, li kienu għadhom kesħin silġ.

“Le,” lissen Faria. “L‑ewwel darba li kien qabadni l‑uġigħ dam xi nofs siegħa. Malli għaddieli, stajt inqum mis‑sodda waħdi. Issa ma nistax inċaqlaq id‑driegħ u s‑sieq tal‑lemin, u għandi wġiegħ ta’ ras jaqsam. Qed nobsor li l‑attakk li jmiss se jħallini taħtu.”

***** ***** stat_3 ***** *****

9: Il‑Ġrajja tat‑teżor

L‑għada filgħodu, Dantes reġa’ mar iżur lil sieħbu f’kamartu. Faria kien jidher aħjar. Ix‑xwejjaħ wera biċċa karta lil Dantes. Kienet imqabra sew u nofsha maħruqa.

“Ma nista’ nara xejn hawn ħlief linji u xi ftit kliem,” lissen Dantes.

“Naf x’ifisser dak il‑kliem,” wieġeb Faria. “Imma l‑ewwel irrid nirrakkuntalek l‑istorja ta’ din il‑biċċa karta. Kont il‑ħabib u l‑ajjutant tal‑Prinċep Spada; l‑aħħar prinċep ta’ dik il‑familja. Kont kuntent ħafna miegħu. Ħafna żmien ilu, il‑familja tiegħu kienu sinjuruni – teżisti anki l‑frażi ‘sinjur daqs l‑iSpada’. Imma ħabibi l‑prinċep ftit li xejn kellu flus. Semmieli Spada ieħor, wieħed li kien jgħix – u miet – fi żmien Cesare Borgia.

“Cesare Borgia kellu bżonn il‑flus għall‑gwerer tiegħu, imma l‑pajjiż kien fqir wisq. Fl‑aħħar nibet pjan. Stieden għal ikla żewġ nobbli sinjuri, Rospigliosi u Spada. Rospigliosi ħa pjaċir bl‑istedina, iżda Spada kien bniedem għaqli. ‘Dak irid flusi,’ ħaseb, ‘u biħsiebu joqtolni.’ Kiteb nota u ħallieha lill‑familja tiegħu. Wara, mar għall‑ikla. Malli Borgia offrielu l‑inbid, Spada mall‑ewwel basar li kien avvelenat. ‘Jekk ma nixorbux, Borgia se joqtolni mod ieħor,’ ħaseb. Għalhekk, Spada xorob l‑inbid – u miet.

“Cesare Borgia ħataf id‑dokumenti kollha ta’ Spada, inkluża l‑aħħar nota li Spada kien kiteb qabel l‑ikla. Din kienet tgħid:

‘Inħalli l‑ġid tiegħi kollu lit‑tifel ta’ ħija – flusi kollha u l‑kotba tiegħi kollha. Għidlu jgħożż għal dejjem il‑ktieb tat‑talb – dak li għandu l‑irkejjen tad‑deheb – biex jibqa’ jiftakar f’zijuh.’

“Cesare fittex kullimkien. Sab xi ftit flus, xi deheb u ftit ħwejjeġ prezzjużi – u ħadhom kollha. Iżda qatt ma rnexxielu jsib it‑teżor proprja tal‑familja Spada.

“Is‑snin gerrbu, u l‑ktieb tat‑talb baqa’ għand il‑familja Spada, u issa kien qed iżommu l‑Prinċep ħabib tiegħi. Sakemm kont qed naħdem għalih, għarbilt id‑dokumenti kollha tal‑familja. Fejn kien it‑teżor tal‑familja? Ma stajt insib l‑ebda ħjiel. Fittixt fid‑dokumenti tal‑familja Borgia. Tassew, Cesare kien ħataf taħt idejh il‑ġid kollu ta’ Rospigliosi – imma ma sibt xejn dwar il‑ġid tal‑iSpada. Kont konvint li t‑teżor kien għadu moħbi xi mkien.

“Ħabibi l‑Prinċep miet, u ħalla kollox lili. Fit‑testment talabni wkoll biex nikteb l‑istorja tal‑familja Spada. Fl‑1807, sena qabel ma spiċċajt il‑ħabs, kont qiegħed neżamina xi dokumenti, u għajni marret bija. Meta stenbaħt kien filgħaxija, u l‑uniku dawl li kien hemm kien ġej mill‑fuklar. Ridt insib biċċa karta biex nieħu ftit nar għal‑lampa. Ma ridtx neqred karti importanti, imma ftakart li fil‑ktieb tat‑talb kien hemm biċċa karta vojta. Ħtaft lilha u ressaqtha lejn in‑nar, u fis ħadet in‑nar bil‑fjamma.

“F’daqqa waħda lmaħt xi kitba fil‑karta – kitba safra! Tfejt in‑nar minnufih, u ħarist lejn il‑karta. Kien hemm kliem fuqha – kliem miktub b’inka speċjali li stajt taqra biss meta l‑karta tkun sħuna. Sfortunatament nofs il‑folja kienet leħqet inħarqet – imma l‑kumplament qiegħed f’idejk.”

Dantes ħares bir‑reqqa lejn il‑kitba s‑safra fuq il‑karta.

“U issa,” kompla Faria, “Ara din.” Lil Dantes newwillu biċċa folja oħra, bl‑istess għamla ta’ kitba fuqha. “Poġġi ż‑żewġ folji flimkien.”

“Iva,” qal Dantes, “imma l‑kitba fuq it‑tieni folja huwa differenti.”

“Hija l‑kitba tiegħi,” wieġeb Faria. “Qgħadt naħseb sew dwarha u spiċċajt il‑bqija tal‑messaġġ. Malli fhimt x’kien qed jgħid il‑messaġġ tlaqt minnufih. Imma tal‑gvern kienu qed jissuspettaw fija, u malli tlajt abbord il‑mirkeb, sibt is‑suldati qegħdin jistennewni, u arrestawni.”

Faria ħares dritt lejn Dantes. “U issa, ħabib tiegħi, “taf eżatt daqs kemm naf jien. Jekk qatt naħarbu minn din il‑gżira, nofs it‑teżor huwa tiegħek. Jekk immut hawn, jibqa’ kollu għalik. Inti qisek ibni. Sirt ibni f’dan il‑ħabs. Alla bagħtek biex tgħin ħabsi xwejjaħ imsejken.”

“Grazzi,” lissen Dantes. “Imma qatt m’aħna se nsibu t‑teżor, għaliex qatt m’aħna se nitilqu minn dan il‑ħabs. It‑teżor veru tiegħi huwa t‑tagħlim u l‑kliem għaqli tiegħek.”

***** ***** stat_3 ***** *****

10: Il‑Mewt ta’ Faria

Għaddew il‑jiem. Faria tkellem aktar dwar it‑teżor tiegħu, u anki dwar modi kif ħabibu seta’ jaħrab minn hemm. “Qed nibża’ li nista’ nitlef l‑ittra,” qal lil Dantes. “Aqraha u ftakarha – kelma b’kelma.”

Dantes hekk għamel. Malli t‑tnejn kienu ċerti li Dantes seta’ jiftakar eżatt dak li kien hemm miktub fl‑ittra, ħarquha.

Għalkemm biż‑żmien Faria ma setax juża aktar driegħu u riġlejh, xorta waħda kien għad kellu moħħu ċar, u baqa’ jgħallem lil Dantes dwar storja, Ingliż u ilsna oħra. Beda anki jgħallmu kif jagħmel affarijiet mix‑xejn – ħila tassew bżonnjuża għal ħabsi. Għaldaqstant kienu beżlin b’xi ħaġa l‑ħin kollu; Dantes kien qatagħha li jinsa l‑imgħoddi għal kollox.

***** ***** ***** ***** *****

Lejl minnhom, Edmond stenbaħ ħesrem. Sema’ leħen dgħajjef qed isejjaħlu fid‑dlam. Ċaqlaq is‑sodda, ħareġ il‑ġebla minn mal‑ħajt u dlonk niżel fil‑passaġġ taħt l‑art. It‑tarf l‑ieħor kien miftuħ, u għalkemm kien id‑dlam, seta’ jara lix‑xwejjaħ, abjad karti, jiggranfa mat‑tarf tas‑sodda bl‑uġigħ.

“Ah, ħabib,” qal Faria. “Qed tifhem, hux? Taf li wasalna fl‑aħħar.”

“Tgħidx hekk,” wieġeb Dantes. “Salvajtek darba. Nista’ nerġa’ nsalvak.”

Għolla sieq is‑sodda bil‑ħeffa, u ħareġ il‑flixkun iż‑żgħir. Kien għad hemm ftit likwidu aħmar ġo fih. “Ara,” qal, “għad baqa’ ftit. Għidli x’nagħmel.”

“M’hemmx tama,” wieġeb Faria, “imma tista’ tittanta ssalvani jekk trid. Agħmel bħas‑soltu, imma titnikkirx. Jekk ma naqlibx għall‑aħjar, itfa’ li jibqa’ kollu f’ħalqi. Issa għinni nimtedd fis‑sodda.”

Edmond għenu jimtedd komdu kemm jista’ jkun.

“Għażiż ħabib,” qal Faria, “kont tajjeb ħafna miegħi. Ġibtli ħafna kuntentizza. Jekk jirnexxilek taħrab, mur fil‑gżira ta’ Monte Kristo. Sib it‑teżor u gawdih. Alla jkun dejjem miegħek!”

Dantes stenna ftit bil‑flixkun f’idu. Meta deherlu kien il‑waqt, ferra ftit mil‑likwidu f’ħalq Faria, u stenna. Għaddew għaxar minuti, nofs siegħa. Wara, reġa’ poġġa l‑flixkun ma’ ħalq Faria, u ħalla l‑likwidu kollu jinżel f’ħalqu.

Faria ċċaqlaq ħarira. Berraq għajnejh. Karab karba qasira. U wara, is‑skiet. Dantes poġġa jdejh fuq qalb ħabibu. It‑taħbit il‑qalb beda jiddgħajjef, u ftit ħin wara, ġisem ix‑xwejjaħ beda jiksaħ.

Dantes reġa’ għadda mill‑passaġġ taħt l‑art u lura fiċ‑ċella tiegħu. Ftit mumenti wara feġġ il‑gwardjan. Żar iċ‑ċella ta’ Dantes qabel. Wara, mar fiċ‑ċella ta’ Faria, bi ftit ikel u xi ħwejjeġ.

“Min jaf x’qed jiġri fiċ‑ċella ta’ Faria,” beda jaħseb Dantes. “Hemm bżonn inkun naf.” Bil‑qajla, niżel fil‑passaġġ taħt l‑art biex jipprova jissemma’. Il‑gwardjan kien qiegħed jgħajjat lil xi gwardjani oħra u jagħtihom l‑aħbar.

Waslu xi gwardjani oħra. “Fl‑aħħar,” lissen wieħed minnhom. “Ix‑xwejjaħ issa tassew mar ifittex it‑teżor. Nittama li jkollu vjaġġ tajjeb!”

“Issa jkollna nħejjuh għall‑qabar,” lissen ieħor. “Poġġuh ġo xkora sempliċi – dak l‑aħjar tebut li jista’ jsib fix‑Chateau d’If!”

Dlonk waqa’ s‑skiet. “Tgħid telqu?” kompla jaħseb Edmond. “M’iniex ċert, jaqbilli ma nidħolx għalissa.” Wara madwar siegħa, sema’ ħoss. Għaraf leħen il‑gvernatur. U kien hemm xi ħadd ieħor miegħu. “Iva,” lissnet il‑persuna l‑oħra. “Faria mejjet.”

“Jiena ċert li mejjet,” lissen il‑gvernatur. “Imma skont ir‑regoli tal‑ħabs hemm bżonn li nkunu mija fil‑mija ċerti.”

Dantes sema’ aktar passi. Kien hemm in‑nies deħlin u ħerġin miċ‑ċella. Dlonk sema’ lil xi ħadd jifrex biċċa drapp imdaqqsa mal‑art. Instema’ ħoss ieħor hekk kif xi ħadd poġġa xi ħaġa tqila fuq is‑sodda.

“Filgħaxija,” qal leħen il‑gvernatur. “Lejn xi l‑għaxra jew il‑ħdax.”

“Nibqgħu għassa mal‑katavru?”

“M’hemmx għalfejn. Imma sakkru l‑bieb.” Il‑passi u l‑ilħna bdew jitbiegħdu. Dantes sema’ l‑bieb jissakkar. Wara dan, skiet perfett.

Skiet tal‑mewt...

Dantes għolla l‑ġebla, għolla rasu u ħares madwar iċ‑ċella. Ma kien hemm ħadd. Tela’ bil‑mod.

***** ***** stat_3 ***** *****

11: Il‑qabar ta’ Chateau d’If

Fuq is‑sodda Dantes lemaħ xkora maħmuġa tawwalija. Kien hemm fiha l‑ġisem mejjet ta’ Faria.

“Waħdi!” ħaseb Dantes. “Erġajt spiċċajt waħdi!”

Iżda f’daqqa waħda ħsieb leħħ f’moħħu. Ħares sew lejn l‑ixkora, u beda jfassal pjan. “Il‑mejtin biss jistgħu jitilqu minn dan il‑ħabs, hux hekk? Mela nista’ nieħu post il‑mejjet!”

Ma qagħadx jaħsibha darbtejn. Ħataf il‑mus ta’ Faria u fetaħ l‑ixkora. Ħareġ il‑ġisem, niżżlu fil‑passaġġ taħt l‑art u minn hemm ħadu saċ‑ċella tiegħu. Poġġieh fuq is‑sodda tiegħu u għattieh bil‑kutra, b’rasu b’kollox. Wara, bies lix‑xwejjaħ fuq moħħu, u dawwarlu wiċċu lejn il‑ħajt.

“Hekk malli jiġi l‑gwardjan jaħsibni rieqed.”

Mar lura fiċ‑ċella ta’ Faria, neża ħwejġu u ħbiehom. Daħal fl‑ixkora, u qagħad eżatt fl‑istess pożizzjoni kif kien il‑katavru. “Tgħid il‑gwardjani jindunaw li jiena ħaj, meta jiġu jeħduni?” beda jaħseb. “Jekk jindunaw bija nerġa’ nqatta’ l‑ixkora bil‑mus u nipprova naħrab. Jekk jippruvaw jaqbduni, nuża l‑mus.”

Kompla jaħseb, “Nimmaġina li jpoġġuni f’ħofra bħala qabar, u jiksuni bil‑ħamrija. Se jkun il‑lejl. Nispera biss li ma jħaffrux fil‑fond ħafna.”

U Dantes baqa’ jhewden. “Meta l‑gwardjan jidħol f’kamarti l‑lejla fis‑sebgħa, tgħid jinduna li hemm Faria f’posti? Ma naħsibx. Ġeneralment meta jarani rieqed, kemm iħalli l‑ikel hemm u jitlaq mingħajr paroli. Imma jekk ifettillu jkellimni? X’jagħmel meta jara li ma weġibtx? Jipprova jċaqlaqni biex iqajjimni?”

Dantes baqa’ jistenna, kull mument jistħajjel li jisma’ lill‑gwardjan jagħti l‑allarm. Iżda għaddew is‑siegħat, u l‑ħabs baqa’ sieket. Fl‑aħħar, sema’ l‑passi resqin lejn iċ‑ċella. Issa kellu jrabbi l‑kuraġġ, u jżommu aktar minn qatt qabel. Il‑passi waqfu quddiem iċ‑ċella.

“Qed nisma’ żewġ gwardjani,” ħaseb Dantes. Semagħhom ipoġġu xi twavel tal‑injam mal‑art. “Biħsiebhom iġorruni fuq dawk,” qal bejnu u bejn ruħu.

Sema’ l‑bieb jinfetaħ. Minn ġo d‑drapp tal‑ixkora seta’ jara żewġ dellijiet resqin lejn is‑sodda. Gwardjan ieħor baqa’ barra l‑bieb, bil‑lampa.

Bdew jerfgħuh. “Ix‑xwejjaħ ma kien fih xejn,” qal wieħed bit‑tqanżiħ, “imma xorta waħda tqil.”

Il‑gwardjan l‑ieħor staqsa, “Irbattha miegħu?”

“Mhux għalissa,” wieġeb l‑ieħor. “Għalfejn noqogħdu nġorru dak it‑toqol żejjed minn issa? Issa norbothielu malli naslu hemm.”

“Jorbotha?” ħaseb Dantes. “X’jorbot?”

Il‑gwardjani poġġewh fuq it‑tavla, u niżlu t‑taraġ bih.

F’daqqa waħda Dantes ħass l‑arja friska ta’ barra. Il‑gwardjani mxew bih għal madwar għoxrin metru, u wara poġġewh mal‑art. Dantes seta’ jisma’ l‑passi ta’ wieħed minnhom jitbiegħed. “Issa fejn ġabuni?” beda jaħseb.

“Haw’, sibtha,” qal wieħed mill‑gwardjani, hekk kif instema’ ġej lura jgerbeb xi ħaġa kemxejn tqila. Waqqaf l‑oġġett fejn saqajh.

“Ara li torbotha sew,” lissen l‑ieħor.

“Le, mhux se tinħall,” wieġeb l‑ewwel wieħed.

Dantes ħasshom jgħollu saqajh ftit ċentimetri. Ħasshom qed idawru xi ħaġa soda ma’ saqajh. Ħass li seta’ kien xi speċi ta’ ħabel. Meta dan kien marsus sew ma’ saqajh, l‑irġiel reġgħu refgħuh minn mal‑art, u bdew mixjin bih.

Issa Dantes seta’ jisma’ ċ‑ċafċif qawwi tal‑baħar jaħbat mal‑blat.

“Kważi wasalna,” qal wieħed mill‑gwardjani.

“Tiqafx għalissa,” qabeż l‑ieħor. “Taf sew li l‑aħħar wieħed spiċċa mfarrak fuq il‑blat. Tiftakar kemm kien irrabja magħna, l‑gvernatur!”

Imxew xi sitt passi oħra. Malli waqfu, għollew lil Dantes fl‑arja, wieħed minn rasu, u l‑ieħor minn saqajh.

“Mela, wieħed!” għajtu l‑gwardjani. “Tnejn! U, tlieta! Telaq!”

Dantes ħassu jogħla fl‑arja, ftit ’il fuq, u mbagħad ’l isfel, u ’l isfel. Xi ħaġa tqila kienet qed tiġbdu ’l isfel. Fl‑aħħar ħatfitu dehxa hekk kif belgħu l‑ilma nġazzat tal‑baħar qalb l‑istorbju tal‑mewġ jitkisser mal‑blat. Ħarbitlu għajta hekk kif inħasad malli ħabat mal‑ilma, u f’daqqa waħda sab ruħu taħt l‑ilma.

“Xeħtuni l‑baħar!” kienet l‑ewwel ħaġa li ħaseb Dantes f’dak il‑waqt. “Rabtuni ma’ blata biex nibqa’ nieżel fil‑qiegħ! Mela dan huwa ċ‑ċimiterju tax‑Chateau d’If! Il‑baħar!”

***** ***** stat_3 ***** *****

12: L‑Amelia ż‑Żagħżugħa

Dantes kien għaqli. Żamm sieket wara dik l‑ewwel għajta ta’ qatgħa. Kien għad kellu l‑mus f’idu, u dlonk beda jqatta’ l‑ixkora, ħareġ driegħ wieħed u wara ġismu kollu minbarra saqajh. Il‑ġebla kienet għadha qed tiġbdu l‑isfel u żżommu marbut mal‑ixkora mill‑għekiesi. Kien qed iħossu għajjien mejjet. Bi sforz qawwi tgħawweġ sakemm laħaq il‑ħabel, u qatgħu bil‑mus. Ħieles mit‑toqol, tela’ jiġri għal wiċċ l‑ilma waqt li l‑ġebla baqgħet nieżla fil‑qiegħ.

F’qasir żmien ħass l‑arja kiesħa tal‑lejl ma’ wiċċu. Beda jgħum taħt l‑ilma, jitla’ biss fil‑wiċċ kemm jieħu nifs qawwi, għax ma riedx li jilmħu xi wieħed mill‑gwardjani.

Malli reġa’ tela’ fuq il‑blat, seta jara li kien bejn wieħed u ieħor xi mitt metru lil hinn mill‑ħabs. Fuqu kien jidher biss sħab iswed. Quddiemu kien hemm il‑baħar, iswed ukoll. Warajh, iswed aktar mill‑baħar, kien hemm il‑forma enormi tax‑Chateau d’If. Kien bini tal‑biża’: id‑dell iswed biss kien ikexkxu. Il‑blat ta’ madwar il‑bini stħajjilhom dirgħajn qed jitwalu lejh biex jerġgħu jaħtfuh lura. Fil‑quċċata tal‑ogħla blata lemaħ żewġt irġiel iżommu l‑lampi f’idejhom.

“Qed iħarsu ’l barra lejn il‑baħar,” beda jaħseb. “Forsi semgħu l‑għajta tiegħi?”

Reġa’ għodos taħt l‑ilma u baqa’ hemm sakemm ma setax jissaporti aktar bla nifs.

Malli reġa’ tela’, id‑dwal kienu għebu. Minnufih beda jgħum ’il barra. Baqa’ jgħum għal sigħat sħaħ; ried jilħaq xi gżira oħra fil‑qrib.

“F’xi sagħtejn jew tliet sigħat oħra, il‑gwardjani se jidħlu fiċ‑ċella tiegħi u jsibu l‑katavru tal‑povru Faria. Ifittxuni u ma jsibunix. U mbagħad jagħtu l‑allarm. Isibu l‑passaġġ taħt l‑art, jinterrogaw liż‑żewġ gwardjani li xeħtuni l‑baħar. Wara dan jibagħtu d‑dgħajjes biex ifittxuni fil‑baħar. Jibdew ifittxu għal raġel għarwien u bil‑ġuħ. F’Marsilja jagħtu l‑aħbar lill‑gvernatur, u joħorġu aktar suldati biex isibuna. Ninsab iffriżat u bil‑ġuħ. Tlift il‑mus fil‑baħar. Alla tiegħi! Għinni Int!”

Issa l‑gżira tax‑Chateau d’If kienet warajh, fil‑bogħod, u kien qrib sew tal‑port ta’ Marsilja. Lemaħ xini jsalpa mill‑port u riesaq lejh. Beda jgħajjat u jxejjer driegħu. Ix‑xini dar lejh. F’ħin minnhom ra dgħajsa b’żewġ baħrin titniżżel fl‑ilma u taqdef lejh.

Dantes minnufih beda jgħum lejha. Reġa’ għajjat lejha. “Żomm sod,” għajjat wieħed mill‑qaddiefa, “Dalwaqt nilħquk.”

Hekk kif Dantes sema’ dawk il‑kliem, mewġa qawwija mbuttatu ’l isfel taħt l‑ilma. Mewġa oħra xeħtitu ’l fuq, u oħra reġgħet għaddsitu taħt l‑ilma. “Se negħreq!” beda jaħseb. Ħesrem, ħass li xi ħadd jaħtfu minn xagħru u jiġbdu ’l fuq. Wara dan ma sema’ u ra xejn aktar.

***** ***** ***** ***** *****

Malli Dantes reġa’ ġie f’sensieh, sab ruħu f’kabina abbord ix‑xini. “Fejn sejrin?” kien l‑ewwel ħsieb li ġie f’rasu. Ħares ’il barra minn tieqa ċkejkna. “Qegħdin nitbiegħdu mix‑Chateau f’If!”

F’qasir żmien il‑kaptan tax‑xini niżel biex jara kif kien. “Jiena baħri,” qallu Dantes. “Tlift il‑mirkeb fil‑maltempata.”

“Tista’ tibqa’ abbord,” qallu l‑kaptan. “Imma jkollok taħdem bħall‑kumplament taċ‑ċorma.” F’daqqa waħda nstema’ ħoss qawwi fil‑bogħod. “Hemm x’qed jiġri?” għajjat il‑kaptan.

“Qegħdin jagħmlu sinjal li ħarab ħabsi fix‑Chateau d’If,” wieġeb leħen minn fuq il‑gverta.

“Tgħid dan huwa l‑ħabsi maħrub?” qal bejnu u bejn ruħu l‑kaptan. Ħares fit‑tul lejn Dantes. “X’jimporta?” kompla jaħseb. “Anki jekk hu, dejjem jista’ jkun utli abbord.”

Il‑mirkeb kien jismu Amelia ż‑Żagħżugħa u kien iġorr tagħbija b’kuntrabandu minn post għal ieħor waqt il‑lejl. F’dawk l‑inħawi ma kienx hemm uffiċjali tad‑dwana, u l‑kaptan ma kienx iħallas lill‑gvern għat‑tagħbija.

Għall‑ewwel il‑kaptan ma qal xejn lil Dantes dwar dan. “Lil dan il‑bniedem ma nafux u ma nistax nafdah. Jista’ jkun qed jaħdem għall‑gvern.” Imma f’qasir żmien beda jidrah.

***** ***** ***** ***** *****

Ftit żmien wara x‑xini trakka f’Livorno, l‑Italja. Hemmhekk, Dantes qabbad lil wieħed iqaxxarlu l‑leħja u jaqtagħlu xagħru. Malli ħares lejn il‑mera, ra kemm kien tbiddel minn mindu kienu xeħtuh il‑ħabs.

“Dak iż‑żmien,” ħaseb, “wiċċi kien tond u lixx. Kien il‑wiċċ ta’ raġel kuntent.” Issa, wiċċu kien jidher aktar tawwali, xofftejh kienu ikbar u aktar sodi. Għajnejh kienu aktar imħaffrin u serji, u l‑ġilda kienet aktar bajda. Saħansitra leħnu kien aktar baxx u mdejjaq.

“Bilkemm nista’ nagħraf lili nnifsi.” Wara dan, mar jixtri ftit ħwejjeġ. Issa kien raġel mibdul għal kollox hekk kif irħielha lura abbord l‑Amelia ż‑Żagħżugħa.

Iċ‑ċorma kolla tal‑Amelia ż‑Żagħżugħa kienet taħdem iebes għall‑kaptan. Ma qattgħux ħafna żmien f’Livorno. Il‑kaptan kellu bżonn joħroġ it‑tagħbija minn hemm mill‑aktar fis u joħodha Corsica, u ma damux ma salpaw. Waqt il‑vjaġġ f’nofs ta’ baħar, Dantes kien qed iħossu kuntent. Minn dejjem kien il‑gost tiegħu li jbaħħar, u waqt li kien imsakkar fil‑ħabs kien ħolom ħafna drabi li jerġa’ jgħix din it‑tip ta’ ħajja.

Kmieni l‑għada filgħodu l‑kaptan u Dantes kienu weqfin fuq il‑gverta, iħarsu lejn xi blat kbir f’nofs il‑baħar. Ix‑xemx kienet qed tixħet l‑ewwel raġġi tagħha fuq dawk il‑blat, u kienet qed tlewwinhom roża ċar. Kienet il‑gżira ta’ Monte Kristo.

“Nista’ faċilment naqbeż fl‑ilma u b’siegħa għawm nasal fuq il‑gżira. Imma mbagħad kif inkun nista’ nġorr it‑teżor miegħi? Hemm bżonn nistenna. Stennejt dawn is‑snin kollha sakemm nerġa’ nkun ħieles. Nista’ nistenna ftit xhur oħra.”

Baqa’ jħares fit‑tul lejn il‑gżira. “Forsi dil‑biċċa tat‑teżor mhi xejn għajr ħolma, il‑ħolma tax‑xwejjaħ Faria. Imma kien hemm ukoll l‑ittra ta’ Spada. Dik dehret li kienet ġenwina.” F’moħħu, Dantes reġa’ tenna l‑kliem ta’ dik l‑ittra. Kien jiftakarhom kollha, waħda wara l‑oħra.

Filgħaxija, Dantes reġa’ ħares lejn il‑gżira. Issa, miksija bil‑kuluri tal‑għabex, kienet tidher sabiħa wkoll, sakemm bil‑qajla nħbiet għal kollox fid‑dlam ċappa tal‑lejl.

Sadattant, kien għadu qed jhewden fuq l‑istess ħaġa. “Kif nista’ mmur fuq il‑gżira u niġbor dak it‑teżor? Dak it‑teżor huwa tiegħi. Imma m’għandix flus biex nixtri dgħajsa tiegħi u mmur għalih.”

***** ***** ***** ***** *****

Minn hemm marru lura Livorno. Sakemm kienu hemm, lejla waħda l‑kaptan talab lil Dantes imur miegħu għal laqgħa importanti. Iltaqgħu mal‑kaptani ta’ xwieni oħra, u bdew jitkellmu dwar xini li kien ġej mit‑Turkija mgħobbi bi drapp fin. Riedu jaraw kif jagħmlu biex jiltaqgħu ma’ dan ix‑xini, jixtru d‑drapp u jeħduh il‑kosta ta’ Franza.

“Għandna bżonn insibu post kwiet fejn ma jkunx hemm uffiċjali tad‑dwana,” qal wieħed minnhom. “Post fejn ħadd ma jkun jista’ jarana.”

“L‑aħjar lok hija l‑gżira ta’ Monte Kristo,” qabeż il‑kaptan tal‑Amelia ż‑Żagħżugħa, “Fuq dik il‑gżira ma jgħix ħadd u l‑uffiċjali tad‑dwana qatt ma jmorru hemm.”

Qatgħuha li jbaħħru għal Monte Kristo l‑lejl ta’ wara.

***** ***** stat_3 ***** *****

13: Monte Kristo

U b’hekk, b’kumbinazzjoni u xorti tajba, Dantes sab ruħu f’Monte Kristo. L‑Amelia ż‑Żagħżugħa kienet l‑ewwel li waslet il‑gżira, u Dantes l‑ewwel wieħed li niżel l‑art.

Iċ‑ċorma kienet taf il‑gżira sew. “Fejn se nqattgħu il‑lejl?” staqsa Dantes lil Jacopo, il‑baħri li kien tellgħu minn xagħru mill‑baħar wara l‑ħarba tiegħu mix‑Chateau d’If.

“Abbord, naturalment.”

Dantes beda jaħseb. “Hemm bżonn insib il‑lok fejn Spada ħeba t‑teżor. Hemm xi daħla, xi mkien. Imma fejn? Forsi Spada ħbieha wara xi blat, jew forsi issa tant kibru siġar u ħaxix madwarha li ma tidhirx. Se jkolli nistenna sa filgħodu.”

F’dak il‑waqt tfaċċat dgħajsa u resqet lejn ix‑xatt. Kien se jibda n‑negozju. Anki waqt li kien qiegħed jaħdem ma sħabu, Dantes baqa’ jhewden. “Tgħid tawwalt ilsieni wisq ma’ Jacopo? Tgħid iċ‑ċorma se ssir taf bit‑teżor?” Le. Is‑sigriet tiegħu kien għadu mistur.

L‑għada filgħodu n‑nies straħu mix‑xogħol. Dantes sab ix‑xoqqa f’moxtha biex jippassiġġa lil hinn mill‑grupp, u ħadd ma ta kas ta’ dan. Tela’ fil‑għoli mal‑blat, sakemm in‑nies taħtu kienu jidhru żgħar. Ftit wara sab mogħdija maqtugħa minn xmajra bejn żewġ ħitan għoljin ta’ blat. Beda miexi max‑xmajra. “It‑teżor qiegħed xi mkien viċin,” ħaseb.

Baqa’ miexi matul il‑kosta, jifli sew kull ħaġa li kien hemm. Osserva li kien hemm xi marki fuq xi blat – marki magħmulin mill‑bniedem. Għadd il‑blat bil‑marki fuqhom, u malli wasal għall‑wieħed u għoxrin blata, il‑marki waqfu. Imma din il‑blata kienet kbira wisq. “Ma naħsibx xi ħadd jista’ jaċlaqha. Tqila wisq. Ikolli nerġa’ nibda mill‑bidu.” Dar, u mar lura ħdejn sħabu.

Malli wasal ħdejhom sab li kienu qed isajru ftit ikel. Kienu kollha bilqiegħda f’ċirku meta rawh riesaq lejhom, jaqbeż minn blata għal oħra. Hekk kif kienu qegħdin iħarsu lejh, rawh jaqa’. Kollha qamu minnufih biex imorru jgħinuh, iżda Jacopo laħqu l‑ewwel.

Dantes ma kienx qed jiċċaqlaq. “Tgħid mejjet?” ħaseb Jacopo.

Ftit sekondi wara Dantes fetaħ għajnejh. “Għandi l‑irkoppa qed tweġġagħni,” lissen. “Rasi u saqajja qed inħosshom tqal.”

Ittantaw jerfgħuh biex iniżżluh sal‑bajja, iżda malli messewh għajjat għajta qawwija. “Iċċaqalqunix!” għajjat. “Ma niflaħx l‑uġigħ!”

Għalkemm ma riedx jiekol, qal lill‑oħrajn biex ikomplu jieklu. “Kull ma għandi bżonn hu li nistrieħ ftit. Intom morru. Meta tiġu lura nkun aħjar.” Il‑baħrin telqu kif qalilhom.

Iżda wara li ġew lura, Dantes ma kienx aħjar. “Jidher li l‑uġigħ żdied,” qal wieħed mill‑baħrin.

“Jien se jkolli nsalpa filgħodu,” qal il‑kaptan. “Taħseb li tista’ timxi sax‑xini?”

Dantes ipprova jqum, iżda ma felaħx iżomm fuq saqajh. Kull darba li pprova, beda jaqa’ lura, u jgħajjat ma kull weġgħa.

“Naħseb li kiser siequ,” lissen il‑kaptan. “Imma ma nistgħux inħalluh hawn. Ħalli nippruvaw inġorruh sax‑xini.”

“Le,” qabeż Dantes. “Ma niflaħx l‑uġigħ. Iċċaqalqunix. Ħalluni hawn.”

“Le,” kompla l‑kaptan. “Mhux se nitilqu qabel filgħaxija. Ma rridx lil min jaħseb li tlaqna raġel tajjeb bħalek warajna.”

Imma Dantes baqa’ jinsisti. “Kont iblah, u issa jkolli npatti għall‑iżball tiegħi. Ħalluli ftit ikel u mannara. Nibni gabbana żgħira għall‑kenn.”

Il‑kaptan kien għadu bejn ħaltejn. Ħares lejn ix‑xini ankrat viċin il‑bajja. Dar lura lejn Dantes. “X’nagħmlu? Ma nistgħux inħalluk hawn. Imma ma nistgħux nibqgħu hawn, lanqas.”

“Morru, nitlobkom,” qal Dantes.

“Se tgħaddi ġimgħa qabel ma nkunu nistgħu nerġgħu niġu għalik.”

“Jekk fi żmien jumejn jew tlieta tilmħu xi dgħajsa tas‑sajd, għidulhom jiġu jiġbruni. Inħallashom biex jeħduni Livorno. Jekk ma tiltaqgħux ma’ xi sajjieda, nitlobkom tiġu għalija.”

“Isma’, Kaptan, nista’ nibqa’ miegħu jien,” qabeż Jacopo.

“Kif, lest li titlef il‑qligħ minn dan in‑negozju biex tibqa’ miegħi?”

“Iva,” qabeż Jacopo fil‑pront.

Dantes ħares lejn mistagħġeb, u għafaslu idu. “Inti ħabib tajjeb u ħanin,” qallu. “Alla jippremjak għall‑qalb tajba tiegħek. Imma ma nistax inżommok. Nista’ nfendi għal rasi.”

Iċ‑ċorma ħalliet warajha l‑ħwejjeġ li talab Dantes, u telqu lejn ix‑xini. Ħarsu lura lejh darba darbtejn, u xejrulu. Dantes xejrilhom lura.

“Tassew li huma nies raffi u perikolużi,” ħaseb Dantes. “Imma huma ħbieb kbar ukoll.”

Dantes tela’ fuq il‑quċċata ta’ blata biex ikun jista’ jara x‑xini jsalpa. Minn hemm fuq, il‑mirkeb kien jidher qisu għasfur abjad jittajjar fuq l‑ilma kaħlani.

***** ***** stat_3 ***** *****

14: Teżor

Dantes niżel bil‑qajla minn fuq il‑quċċata tal‑blata. Fil‑fatt kien għamel tabirruħu li weġġa’, biex ikun jista’ jeħles miċ‑ċorma u jibqa’ waħdu fuq il‑gżira. Issa li kienu telqu u seta’ jibda jfittex it‑teżor ma riedx li jkorri tassew!

Reġa’ beda jsegwi s‑sensiela ta’ marki li kien ra fuq il‑blat. Kienu jibdew minn rokna żgħira fil‑bajja fejn seta’ jittrakka biss mirkeb żgħir. Id‑dgħajsa ta’ Spada ttrakkat hawn. Il‑marki baqgħu sejrin sal‑blata t‑tonda.

“Imma kif seta’ Spada jċaqlaq blata enormi bħal din? Lanqas għoxrin ruħ ma kellhom is‑saħħa jħarrkuha!” F’daqqa waħda ħaseb f’idea oħra. “Din ħadd ma refagħha! Din waqgħet hawn mill‑għoli!”

Tela’ fuq il‑blata biex jifli l‑art ta’ fuqha. Seta’ jara li xi ħadd kien ħaffer radda fl‑art biex il‑blata tinżel fiha. Użaw ġebla iżgħar biex iżommu l‑blata f’postha. Dik il‑ġebla issa kienet moħbija qalb il‑ħaxix. Dantes seta’ jara wkoll li l‑blata ma kenitx tiffittja r‑radda bl‑eżatt, għax kien hemm ġebel żgħir miġbur madwarha wkoll. Għalhekk beda jneħħi l‑ġebel iż‑żgħir minn madwar il‑blata, sakemm kellu spazju biżżejjed biex ideffes zokk oħxon taħt il‑blata u jużah bħala lieva.

Bil‑mannara qata’ biċċa zokk bid‑daqs li ried, u poġġieh taħt il‑blata. Bit‑tqanżih ipprova jimbotta z‑zokk ’l isfel. Għall‑ewwel ma ġara xejn, iżda wara ħafna provi, ħass li l‑blata bdiet tiċċaqlaq. Waqaf, u ntefa bilqiegħda biex jieħu nifs. Wara ftit reġa’ qam għall‑aħħar sforz. Malli ħass il‑blata titħarrek ma waqafx, u baqa’ jitqanżaħ sakemm il‑blata ċediet, u baqgħet nieżla għal ġol‑baħar.

Issa, fejn qabel kien hemm il‑blata qed taħbiha, seta’ jara maduma kwadra, b’ħolqa tal‑ħadid kbira fiċ‑ċentru. Seta’ jobsor li kienet xi għamla ta’ bieba. Kien bla nifs, u reġa’ straħ ftit qabel ma kompla. Daħħal zokk ieħor fil‑ħolqa, u għolla l‑bieba. Seta’ jara taraġ li kienu jwasslu ’l isfel għal ġod‑dalma ta’ xi kamra taħt l‑art.

Malli għajnejh bdew joqogħdu għal dik id‑dalma, intebaħ li fil‑kamra ma kienx hemm dlam ċappa, u li l‑arja ħierġa minn hemm kienet arja friska. Seta’ jara li kien hemm toqob żgħar fis‑saqaf. Ir‑raġġi tax‑xemx u l‑arja friska kienu deħlin minn hemm. Ħares lejn l‑irkejjen tal‑kamra, iżda ma kien jidher xejn.

Ftakar fil‑kliem tal‑ittra: “Idħol fit‑tieni kamra.”. Mela issa kellu jsib kamra oħra. Bil‑mannara beda jagħti mal‑ħitan, sakemm f’post minnhom sema’ li l‑ħoss tad‑daqqa kien differenti – bħallikieku kien hemm il‑vojt wara l‑ħajt. Beda jagħti aktar bil‑qawwa sakemm il‑ħajt beda jċedi malajr. Wara kien hemm ħajt ieħor, miksi b’madum żgħir abjad.

Reġa’ ħassu bla nifs u waqaf jistrieħ għal ftit minuti oħra. Tela’ t‑taraġ lura għall‑arja friska. Issa l‑istonku kien qed ifakkru li kien għadu ma kiel xejn. Ħa żewġ gidmiet ħobż u ftit ilma. Wara li kien stejqer ħassu ħafna aħjar, u niżel lura biex ikompli x‑xogħol.

Il‑ħajt l‑abjad li kellu quddiemu issa ma kienx ħajt naturali, imma mibni bil‑briksiet. Dantes beda jiġbidhom ’il barra waħda wara l‑oħra. F’qasir żmien seta’ jidħol fil‑kmajra ta’ wara. Hawnhekk kien hawn arja ta’ magħluq, u ħalla ftit minuti jgħaddu sakemm tiċċirkola l‑arja friska, qabel ma daħal.

Rokna tal‑kamra kienet mudlama. Billi ra li ma kien hemm xejn fl‑irkejjen l‑oħra, qatagħha li jekk kien hemm xi teżor, kellu jkun f’dik il‑parti l‑mudlama.

Resaq lejn dik ir‑rokna, u beda jagħti mal‑art bil‑mannara, sakemm ħass li kien qed jolqot xi ħaġa iebsa. Kompla jħaffer sakemm kixef senduq imdaqqas, magħmul b’injam iebes u mdawwar bi strixxi tal‑ħadid. Waqaf, u reġa’ ħareġ għal ftit arja friska. Baqa’ hemm għal ftit minuti, mitluf fi ħsibijietu.

Wara ftit, sab zokk niexef, qabbdu u reġa’ niżel. Beda jifli s‑senduq. Kien madwar metru twil u nofs metru wiesa’. Fuq iċ‑ċentru tal‑għatu, kien hemm pjanċa tal‑fidda msammra mal‑injam – l‑arma tal‑familja Spada.

“Hawn hu!” ħaseb Dantes b’qalbu ttaqtaq. Ipprova jgħolli l‑għatu, imma ma setax. Fittex ħalli jara kienx hemm xi serratura, imma ma sabx. Fl‑aħħar għolla l‑mannara u niżżilha fuq l‑għatu b’qawwa liema bħalha. L‑injam kien antik u kemxejn dgħajjef, u ċeda minnufih taħt dik id‑daqqa.

Ġewwa sab tliet kaxex żgħar. Fl‑ewwel waħda kien hemm muniti tad‑deheb minn pajjiżi differenti. Fit‑tieni kaxxa kien hemm munzell lingotti tad‑deheb. Mit‑tielet kaxxa Dantes ħataf ponn ċrieket tad‑deheb.

Beda jħares u jmiss it‑teżor, bħallikieku biex jaċċerta ruħu li tassew dawk il‑ħwejjeġ li kien qed jara kienu hemm. Ħin minnhom qam bilwieqfa u ġera ’l barra għal fuq il‑blat. Ta ħarsa twila lejn il‑baħar. Kien qiegħed hemm, waħdu – waħdu b’dak it‑teżor. Dan kollu kien qed jiġri tassew – jew kien qed joħlom?

***** ***** stat_3 ***** *****

15: F’Marsilja

L‑għada filgħodu Dantes tela’ fuq l‑ogħla quċċata li sab fuq il‑gżira u ħares madwaru. Żgura ruħu li ma kien hemm l‑ebda bini u ħadd aktar, u li l‑gżira kienet tassew diżabitata.

Reġa’ niżel fit‑tieni kamra taħt l‑art, u ħa xi ftit deheb, ċrieket u muniti, u ħbiehom fi ħwejġu. Wara għatta s‑senduq bil‑ħamrija u bir‑ramel. Fuq id‑daħla ta’ barra poġġa blata mdaqqsa u ħafna friegħi tas‑siġar, biex ma tkunx tista’ tidher. Poġġa ftit ħaxix u zkuk nixfin anki tul il‑passaġġ li kien iwassal għad‑daħla, u barax il‑marki ta’ fuq il‑blat.

Wara dan ma kien baqagħlu xejn x’jagħmel għajr li jistenna lil sħabu. Issa kien fuq ix‑xwiek li jerġa’ jmur lura jgħix bħal bniedem normali qalb nies oħrajn. Permezz ta’ dan it‑teżor issa seta’ jgħix il‑ħajja ta’ wieħed sinjur u potenti, u ħadd – lanqas Danglars, Fernand jew saħansitra Villefort – ma seta’ jmissu.

“M’għandix x’ninkwieta dwar dawk it‑tlieta,” qal bejnu u bejn ruħu. “B’dawn il‑flus nara kif inġib hena u ferħ lill‑maħbubin tiegħi.”

***** ***** ***** ***** *****

Għaddiet il‑ġimgħa u l‑Amelia ż‑Żagħżugħa waslet lura. Dantes niżel ix‑xatt, izappap, biex jilqagħhom. “Sieqi għadha ftit muġugħa,” qalilhom. “In‑negozju kif mar?”

“Niżżilna t‑tagħbija l‑art,” wieġeb il‑kaptan. “Imma eżatt malli lestejna tfaċċa xini tal‑gvern minn Toulon, u ġera warajna. Tassew kellna bżonnok, dak il‑mument, għax inti baħri tajjeb. Imma b’xorti tajba żgiċċajnielu meta dalam, u stajna nerġgħu niġu lura għalik.”

Dantes tela’ abbord u x‑xini rħielha lejn Livorno.

Hemmhekk Dantes biegħ erba’ ċrieket żgħar milli kellu f’ħanut tad‑deheb. Għall‑ewwel beda jibża’ li l‑bejjiegħ kien se jsaqsih minn fejn, wieħed bid‑dehra ta’ baħri fqir bħalu, kien ġab dawk iċ‑ċrieket. Imma l‑bejjiegħ ma qal xejn.

L‑għada mar għand il‑kaptan. “Zijuwi miet u ħallieli kemxa flus,” qallu. “M’iniex biħsiebni naħdem aktar fuq il‑baħar.”

“Jiddispjaċini li se titlaqna,” wieġeb il‑Kaptan. “Żgur li ma tridx tibqa’?”

“Iva,” kompla Dantes, “Issa biħsiebni ngħix ħajja aħjar.”

Iżda qabel ma telaq, ta rigal lil kulħadd. Lil Jacopo tah ftit flus u saħansitra xtralu xini biex ikun jista’ jaħdem ta’ kaptan. Wara dan, telaq minn Livorno u mar Genova.

Fil‑port ta’ Genova lemaħ jott ġdid fjamant fit‑tarzna. “Għadna kemm nibnuh għal ġentlom Ingliż,” qallu l‑imgħallem.

Lil Dantes għoġbu għaliex kien żgħir u seta’ jmexxih waħdu mingħajr ċorma. Barra minn hekk kien ħafif u jgħaġġel fil‑baħar. Lill‑imgħallem tat‑tarzna offrielu kemxa flus u talbu jagħtih id‑dokumenti kollha tal‑jott.

L‑imgħallem ma qalx le. “L‑Ingliż li ordnah se jdum ma jiġi għalih. Sadattant nilħaq nibnilu ieħor. Tridni nsiblek ċorma għalih?”

“M’għandix bżonn,” wieġeb Dantes. “Biss Irridek tagħmilli kumpartiment sigriet, fuq is‑sodda tal‑kabina.”

L‑imgħallem wiegħedu li jlestihulu l‑għada.

***** ***** ***** ***** *****

Ftit jiem wara Dantes telaq Genova waħdu bil‑jott il‑ġdid tiegħu. L‑għada wasal Monte Kristo. Trakka f’post differenti mid‑darba ta’ qabel. Ra li fuq il‑gżira ma kien hemm ħadd u li t‑teżor kien għadu fejn telqu. L‑għada beda jġorr it‑teżor abbord, u sa filgħaxija lesta kollox, u t‑teżor kien moħbi u msakkar fil‑kumpartiment sigriet.

***** ***** ***** ***** *****

Ftit jiem wara dan, jott sabiħ deher jittrakka fil‑port ta’ Marsilja. Dantes niżel minn fuqu, u ta ħarsa twila madwaru. “L‑aħħar li tlaqt minn dan il‑post ħafna snin ilu,” beda jiftakar, “spiċċajt ħabsi fix‑Chateau d’If.”

L‑uffiċjal tad‑dwana tela’ abbord u ra d‑dokumenti kollha. Kellu miegħu xi suldati, u anki wara dak iż‑żmien kollu, Dantes kien għadu qed iħossu nervuż qribhom, waqt li l‑uffiċjal fela d‑dokumenti.

Imma din id‑darba, ma kienx għadu Edmond Dantes.

“Mela inti s‑sid ta’ dan il‑jott,” qal l‑uffiċjal hekk kif qara l‑karti, “u jismek il‑Konti ta’ Monte Kristo.”

“Hekk hu,” wieġeb Dantes.

“Kollox jidher sewwa, Sur Konti,” kompla l‑uffiċjal. “Merħba fil‑port ta’ Marsilja.”

Ix‑xwejjaħ Nikol kien wieħed mill‑baħrin li Dantes kien ħadem miegħu abbord Il‑Farawni, u kien l‑ewwel persuna li Dantes iltaqa’ magħha hekk kif niżel. Dantes kellu ġenn biex ikollu tagħrif dwar in‑nies li kien jaf. Hekk kif resaq lejn ix‑xwejjaħ, Dantes fela sew wiċċu biex jara jagħrfux, imma l‑ħarsa ta’ Nikol ma tbiddlitx malli ħares lura lejh. Malli Nikol wieġeb għall‑mistoqsijiet tiegħu, Dantes poġġielu munita f’idu u dar biex jitlaq. Imma Nikol għajjatlu lura.

“Stenna, Sinjur!” qallu. Dantes dar. “Din li ħallejtli munita tad‑deheb, mhux tal‑fidda! Din wisq għalija!”

Dantes tbissem. “Għandek raġun,” wieġbu. “Għamilt żball żgħir. Hawn ħa, ħu oħra,” u poġġielu munita oħra tad‑deheb f’idu.

Din id‑darba Nikol kien imbellah wisq biex jitkellem, u Dantes malajr għosfor minn quddiemu.

***** ***** ***** ***** *****

Dantes baqa’ sejjer fi triqtu. Kull triq, kull siġra li lemaħ bdew iqanqlulu memorji mill‑imgħoddi. Dlonk wasal quddiem dar missieru.

Il‑bieb kien magħluq, imma xorta waħda sema’ l‑passi ta’ xi ħadd miexi ġewwa. U f’daqqa waħda sema’ l‑karba dgħajfa ta’ xi ħadd imweġġa’. U wara, leħen ieħor jgħid, “Iva, dalwaqt, dalwaqt, imma trid iżżomm sod.”

Dantes kien se jpoġġi idu fuq il‑ħabbata, imma waqaf. Ma felaħx jiċċaqlaq.

“Qed ngħidlek,” reġa’ sema’ l‑ewwel leħen ilissen. “Qiegħed hawn! Mur għidlu jidħol!”

“Mur ipprova orqod ftit, issa. Forsi meta tqum – ”

“Qiegħed hawn! Rajtu ġej mit‑triq. Rajtu jieqaf u jħares lejn it‑tieqa tagħna b’għajnejh ileqqu. Tbiddel, imma jien ċert li hu. Għidlu jiġi malajr. Il‑mewt qed tistennieni!” Il‑leħen tqawwa aktar. “Iftaħ il‑bieb, qed ngħidlek, ħallih jidħol!”

Dantes sema’ l‑passi joqorbu, u l‑bieb infetaħ bil‑qajla – u feġġet Mercedes. Mal‑ewwel daqqa t’għajn li tatu ma dehritx li għarfitu, imma ftit sekondi wara nxteħtet tgħannqu.

“Huwa tassew int!” għajtet.

Ħatfitu minn idu u ġibditu ’l ġewwa. “Għaġġel! Irid jarak!”

Għajnejn ix‑xwejjaħ ħarsu lejh, sbieħ imma kważi mitfijin mill‑ħajja. Missieru tah l‑aħħar ħarsa u għalaq għajnejh. “Ħaddanni miegħek, Edmond. Busni. Ja mewt, issa kuntent, tista’ toħodni!”

Missier Dantes intelaq f’ħoġor ibnu, u miet.

***** ***** ***** ***** *****

U x’kien sar minn dawk li kienu kważi qerdu l‑ħajja ta’ Edmond Dantes?

Danglars kien sar negozjant kbir, imma fil‑kilba tiegħu biex jaqla’ aktar milli kellu, investa ħafna flus u spiċċa b’ħafna dejn. Ħarab mill‑pajjiż fqir, u ħadd ma sema’ aktar dwaru.

Villefort kien sar l‑Imħallef tal‑Kuruna, u kien irrispettat minn ħafna nies. Madankollu nqabad f’intrigu illegali u kkundannawh għall‑ħabs. Ma kienx kapaċi jżomm daqskemm kien issaporta Dantes, u f’qasir żmien iġġennen.

Fernand kien sar konti u kien daħal fil‑politika. Fi żmien il‑gwerra tal‑indipendenza tal‑Greċja mill‑ħakkiema Torok, kien ippjana biex jikxef lit‑Tork ribelli Ali Pasha u l‑familja tiegħu. Fernand biegħ lil mart u bint Ali Pasha bħala lsiera. Żmien wara, bint Ali Pasha nħelset u kixfet lil Fernand bħala traditur. Fernand spiċċa l‑ħabs ukoll.

***** ***** ***** ***** *****

Għodwa sabiħa ftit żmien wara, Nikol kien bilqiegħda jħares lejn il‑baħar fil‑port ta’ Marsilja, jiċċaċċra ma’ gwardjan. Fil‑bogħod lemaħ jott ibaħħar lejn ix‑xefaq.

“Ħares,” qal lill‑gwardjan. “Il‑Konti ta’ Monte Kristo telaq.”

“Tassew,” wieġeb il‑gwardjan. “U Mercedes ukoll; rajtha titlaq miegħu.”

***** ***** TMIEM ***** *****

***** ***** stat_3 ***** *****