Alexandre Dumas
(1802-1870)


Sors: wikipedia.org/GIMP

Ġeneri
Avventura | Storja

Meta Alexandre Dumas ppreżenta l‑ewwel reċta tiegħu għat‑teatru, saqsewh, “Għandek xi xogħol ieħor barra minn dan?” Meta qalilhom li kien skrivan, qalulu “Mela erġa’ mur wara l‑iskrivanija u ibqa’ skrivan!”

Imma Dumas ma tax kas dak il‑parir, u spiċċa biex sar wieħed mill‑aqwa kittieba u dramaturgi. Tant sar famuż li triq fil‑belt iż‑żgħira fejn kien twieled fl‑1802, ftit ’il barra minn Pariġi, semmewha għalih.

Il‑ħajja kienet iebsa għal Dumas meta kien żgħir. Missieru, li kien ġeneral fl‑armata ta’ Napuljun, miet meta hu kien għad kellu erba’ snin. Dumas u ommu ma kellhom xejn għajr l‑art żgħira fejn kienu jgħixu. Batew ħafna biex ikampaw, u Dumas ftit li xejn mar skola. Meta kiber beda jaħdem ma’ avukat bħala messaġġier, u aktar tard beda jaħdem bħala skrivan f’Pariġi.

Dumas minn dejjem kien miġbud lejn it‑teatru, u waqt li kien jaħdem bħala skrivan beda jikteb ir‑reċti. Malli kienet tiġih idea għal xi reċta, kien jirreċta l‑vers, wieħed wara l‑ieħor, lilu nnifsu u lill‑ħbieb tiegħu. Meta r‑reċta kienet lesta u ċara f’moħħu, kien jibda jiktibha.

Fl‑1828 il‑kumitat tat‑Theatre Francais, għażel waħda mir‑reċti tiegħu, Henri III, biex tiġi ppreżentata lill‑pubbliku, u kienet suċċess immedjat. L‑għada filgħodu editur ta’ gazzetta ħataf lil Dumas u ħadu għand artist biex dak il‑ħin stess ipinġi x‑xbieha tiegħu għall‑gazzetta. B’hekk wiċċ Dumas sar dehra komuni f’Pariġi. Aktar tard kiteb, “Is‑suċċess tiegħi, għalkemm forsi mhux daqshekk mistħoqq, kien bla dubju ta’ xejn sensazzjonali dak iż‑żmien.”

Fl‑1839 Dumas ltaqa’ ma’ Auguste Maquet, li kien studjuż tal‑istorja, għalliem u anki kittieb. Maquet sar kollaboratur ta’ Dumas għal ħafna mill‑kitbiet tiegħu. Lil Dumas tah l‑informazzjoni storika, waqt li l‑immaġinazzjoni ta’ Dumas qalbet dan it‑tagħrif f’rumanzi epiċi bħal It‑Tliet Muskettieri u Il‑Konti ta’ Monte Kristo.

L‑idea għal Il‑Konti ta’ Monte Kristo kienet ġiet lil Dumas meta kien żar il‑gżira ta’ Elba. Wara dik iż‑żjara, hu u ħabib tiegħu kienu fuq vapur fi treqithom lejn gżira maġenb Elba għall‑kaċċa. Fil‑bogħod lemħu blata, u meta Dumas staqsa dwarha qalulu li kienet il‑gżira ta’ Monte Cristo. L‑isem laqtu u, għalkemm ma setax imur fuq il‑gżira għax kienet taħt kwarantina, l‑isem ma nesieh qatt.

Permezz ta’ kitbietu Dumas sar sinjur, imma kien jgħix ħajja stravaganti ħafna qisu wieħed mill‑personaġġi tar‑rumanzi tiegħu, u malajr spiċċa fid‑dejn. L‑isfortuna tiegħu bdiet meta beda jibni dar kbira u fastuża li semmieha Monte Cristo. Dakinhar li kienet kompluta stieden madwar sitt mitt ruħ biex jarawha.

Id‑dar kellha ħafna kmamar għall‑mistednin, u meta ħbiebu kienu jiġu, kienu joqogħdu hemm għal ħafna ġranet, il‑ħin kollu jberbqu flusu, u l‑flus bdew itiru aktar malajr minn kemm kien qiegħed jaqla’ b’kitbietu. Xi kultant xi mistednin kienu joffrulu xi ħaġa bħala kumpens. Lil persuna minnhom Dumas talabha tiċċekkjalu t‑temperatura fil‑kmamar tad‑dar kuljum.

Sadanittant Dumas kompla jikteb, bil‑għajnuna ta’ ħafna kollaboraturi, u reġa’ beda jaqla’ l‑flus sew. Madankollu din it‑tip ta’ ħajja kienet qiegħda tgħajjieh. Kien kważi laħaq il‑faqar meta miet fl‑1870, fl‑età ta’ tmienja u sittin sena.


Norman C. Borg

Kotba fil-Librerija
Il-Konti ta' Monte Kristo  It-Tliet Muskettieri 

***** ***** stat_3 ***** *****