Alexandre Dumas
(Franċiż, 1802-1870)
Madwar 4,200 kelma
Adattament għall-Malti:
Norman C. Borg
© Norman C. Borg
Kapitli
1: D’Artagnan
2: Għand Monsieur de Tréville
3: Laqgħa mhux mistennija
4: Għajbien
5: Laqgħa sigrieta
6: Il‑Pjan tal‑Kardinal
7: Il‑Vjaġġ
8: Għand Buckingham
9: Il‑Ballu
Noti
Għodwa waħda, fl‑April tal‑1625, ir‑raħal żgħir ta’ Meung, fi Franza, kien fi stat ta’ eċċitament kbir. F’dawk iż‑żminijiet, ġlied u piki kienu komuni fi Franza. Ir‑Re kien kontra l‑Kardinal Richelieu, li kien ambizzjuż mhux bil‑ftit, u ried li jkollu poter daqs ir‑Re. Il‑familji nobbli tal‑pajjiż kienu minn dejjem għassa ta’ xulxin, u Spanja kienet il‑ħin kollu tistenna l‑opportunità biex tibda gwerra ma’ Franza. Ftit li xejn kienu jgħaddu ġranet meta ma kien hemm l‑ebda inkwiet f’xi raħal jew xi belt.
U f’dan il‑jum partikolari folla nġabret quddiem il‑lukanda. L‑għagħa kollu beda meta wasal ġuvnott fir‑raħal. Kien riekeb l‑iktar żiemel stramb li n‑nies kienet qatt rat. Tant kien jidher ridikolu li uħud kienu se jaqbdu jidħqu bih, li kieku ma kellux xabla twila mdendla ma’ ġenbu u ħarsa serja f’għajnejn ileqqu u mberrqin. Qatgħuha li jibqgħu kwieti u ma jgħaddux kummenti.
Iż‑żagħżugħ kien jismu D’Artagnan, u kien fi triqtu lejn Pariġi fejn kien qed jittama li jsir Muskettier tar‑Re. Missieru kien tah ittra biex juriha lil Monsieur de Tréville, ħabib tiegħu antik u li issa kien kaptan tal‑Muskettieri.
Hekk kif niżel minn fuq iż‑żiemel, D’Artagnan osserva raġel bilqiegħda wara t‑tieqa tal‑lukanda. Kellu tmerrika fuq ngħasu, u kien qed jitkellem ma’ żewġt irġiel oħra. Kienu qed jidħqu, u D’Artagnan daħħal f’rasu li kienu qed jidħqu bih.
Din ma setax jissaportiha.
“Għidli biex qed tidħqu, sinjur,” lissen bil‑korla.
“Ma kontx qed inkellem lilek, sinjur.”
“Qed tidħaq bija?” staqsa D’Artagnan, hekk kif ħareġ ix‑xabla.
“Nidħaq biex u b’min jogħġobni,” wieġeb ir‑raġel, hekk kif tbiegħed mit‑tieqa u tfaċċa fil‑bieb.
Minnufih, D’Artagnan ħebb għalih. Imbellah b’din l‑imġiba, ir‑raġel ħareġ ix‑xabla tiegħu. Fl‑istess waqt, sid il‑lukanda u xi nies oħra ħatfu lil D’Artagnan bit‑tama li jiskartaw l‑inkwiet. D’Artagnan qala’ daqqa li sturdietu. Ġarrewh fil‑lukanda biex iduru bih. Meta sid il‑lukanda reġa’ ħareġ barra, ir‑raġel bit‑tmerrika staqsa kif kien iż‑żagħżugħ.
“Dalwaqt jiġi f’tiegħu,” wieġeb sid il‑lukanda. “Min hu ma nafx, sinjur, imma fuqu sibt ittra indirizzata lil Monsieur de Tréville f’Pariġi.”
“Tassew!” Ir‑raġel issa deher aktar interessat. “Irrid inkun naf x’hemm f’dik l‑ittra. Daż‑żagħżugħ qed jagħtini fastidju. Nitolbok agħtini l‑kont. Għandi bżonn niltaqa’ ma’ Milady, u ma rridx li dan iż‑żagħżugħ jaraha.”
Ftit ħin wara, għalkemm ma kienx għadu f’tiegħu għalkollox, D’Artagnan ħareġ jixxengel fil‑bitħa. L‑ewwel ħaġa li ra kien dak l‑istess raġel. Kien qiegħed jitkellem ma’ mara l‑ġmiel tagħha li kienet ġo karozzin.
“X’inhuma l‑ordnijiet tal‑Kardinal?” kienet qed tistaqsi lir‑raġel.
“Hemm bżonn terġa’ tmur l‑Ingilterra mill‑aktar fis. Żomm għajnejk fuq id‑Duka ta’ Buckingham, u malli jitlaq minn Londra, avża lill‑Kardinal minnufih. Jien sejjer lura Pariġi.”
D’Artagnan ġera lejhom.
“Ieqaf u ġġieled, sinjur!” għajjat. “M’għandekx il‑ħila taħrab minni quddiem mara!”
Milady rat li seħibha kien se jaqbad joħroġ ix‑xabla tiegħu, imma żammitlu idu.
“M’hemmx ħin għal dan,” qaltlu, “inkella nħarbtu l‑pjanijiet tagħna.”
“Għandek raġun,” kompla r‑raġel. “Inti mur għal rasek. Jien naqbad triqti.”
Il‑karozzin beda miexi hekk kif is‑sewwieq xejjer il‑frosta. Ir‑raġel rikeb iż‑żiemel tiegħu u ġera lejn in‑naħa l‑oħra.
“A, beżżiegħ!” qabad jgħajjat D’Artagnan warajh. Imma r‑raġel kien diġà għosfor mal‑eqreb kantuniera.
Malli D’Artagnan beda jipprepara biex jitlaq għal Pariġi, intebaħ li l‑ittra li kellu għal Monsieur de Tréville kienet għosfrot.
“L‑ittra! Fejn marret?”
Sid il‑lukanda semgħu u malajr ra kif jeħles minn xi għawġ.
“Naħseb li ħadha dak ir‑raġel, sinjur. Wera li kien interessat fiha.”
D’Artagnan ma seta’ jagħmel xejn dwar dan. Issa li l‑ittra kien tilifha, kien qed jittama li Monsieur de Tréville jarah xorta waħda mingħajrha.
Monsieur de Tréville kien ħabib kbir tar‑Re Louis XIII. F’dawk iż‑żminijiet imqallbin, ir‑Re kellu bżonn bniedem qalbieni bħalu. Tréville kien imexxi l‑Muskettieri tar‑Re, korp ta’ suldati li l‑missjoni tagħhom kienet li jħarsu lir‑Re minn kull periklu.
L’għadu ewlieni ta’ de Tréville biex jirbaħ il‑ħbiberija tar‑Re kien il‑Kardinal Richelieu, li bilkemm ma kellux poter fil‑pajjiż aktar mir‑Re. Il‑Kardinal kellu l‑korp tiegħu ta’ suldati, il‑Gwardji, li kienu l‑għedewwa tal‑Muskettieri, u meta kienu jitqabdu bejniethom, ħafna drabi kienu jispiċċaw b’xi mejjet jew tnejn.
Il‑Kwartieri Ġenerali ta’ Monsieur de Tréville kien dejjem miżgħud bil‑Muskettieri. Meta D’Artagnan wasal hemm, għadda minn qalbhom, b’qalbu tħabbat sitta sitta bl‑eċċitament. Għalkemm tawh il‑permess ikellem li Monsieur de Tréville, kellu jistenna, għax dak il‑ħin il‑Kaptan kien qiegħed iċanfar lil tlieta mis‑suldati tiegħu.
“Athos! Porthos! Aramis!” kien qiegħed jgħajjat. “Smajt li qbadtu tiġġieldu bix‑xwabel fit‑toroq ma’ xi Gwardji tal‑Kardinal u arrestawkom. Dan m’għandux ikun!”
“Imma huma attakkaw l‑ewwel,” bdew jipprotestaw it‑tliet suldati. “Iġġilidna lura u ħrabna.”
“Il‑Kardinal mhux hekk qalli,” wieġeb Monsieur de Tréville. “Madankollu ma nistax inħalli lil niesi joqogħdu jirriskjaw ħajjithom fuq ix‑xejn. Ir‑Re għandu bżonn nies qalbenin, u l‑Muskettieri huma l‑aktar qalbenin fil‑pajjiż. Iss’ itilqu minn quddiem għajnejja ħalli nkellem lil dan il‑ġuvnott.”
B’ħerqa liema bħalha, D’Artagnan introduċa lilu nnifsu u għarraf lil Monsieur de Tréville dwar l‑ittra misruqa. Qal ukoll li kien ġie Pariġi biex jingħaqad mal‑korp tal‑Muskettieri.
“Jiddispjaċini, imma ma tistax taqbad u tidħol fil‑korp qabel ma turi l‑ħiliet tiegħek,” qallu de Tréville. “M’intix se ssir Muskettier qabel ma tqatta’ ftit żmien f’xi korp ieħor inqas importanti. Madankollu, lil missierek niftakru, u nirrispettah. Għalhekk se nibagħtuk l‑Akkademja Rjali, fejn tkun tista’ titgħallem kif tirkeb u ssuq żiemel u tuża x‑xabla. U mbagħad naraw x’nagħmlu minn hemm.”
“Inwiegħdek, sinjur, li ma tkunx diżappuntat,” qal D’Artagnan hekk kif mejjel rasu. “Niżżik ħajr mill‑qalb.”
Malli ħareġ sparat mill‑uffiċċju ta’ Monsieur de Tréville, ħabat, wieħed wara l‑ieħor, mat‑tliet Muskettieri li l‑Kaptan kien għadu kemm iċanfar ftit minuti qabel. It‑tlieta kienu għadhom irrabjati bil‑ħasla li kien tahom de Tréville, u fil‑burdata ħażina li kellhom, ċanfru lil D’Artagnan tal‑guffaġni tiegħu. D’Artagnan, mill‑banda l‑oħra, kollu eċċitat u mingħajr paċenzja, weġibhom lura b’mod rozz, u t‑tliet Muskettieri minnufih sfidawh għal dwell, it‑tlieta wara xulxin, u t‑tlieta f’ħin differenti, waranofsinhar ta’ dik l‑istess ġurnata. L‑ewwel kellu jiltaqa’ ma’ Athos f’nofsinhar, wara ma’ Porthos fis‑siegħa, u fl‑aħħar nett ma’ Aramis fis‑sagħtejn.
D’Artagnan ma kienx kuntent b’dan kollu, imma beda jaħseb, “Ma nistax nirtira għax naqa’ għaċ‑ċajt. Għallinqas, jekk immut, ikun qatilni Muskettier!”
D’Artagnan ma kien jaf lil ħadd f’Pariġi, għalhekk mar jiltaqa’ ma’ Athos waħdu, deċiż li jiġġilidlu kif imiss. Stagħġeb meta ra li Athos ġab miegħu liż‑żewġ Muskettieri l‑oħra, u huma baqgħu imbellhin meta raw li t‑tlieta kellhom jiddwellaw mal‑istess persuna.
“Issa li qegħdin kollha hawn, sinjuri,” beda D’Artagnan, “nixtieq nitlob apoloġija.”
Malli semma l‑kelma apoloġija ra ħarsa ta’ stmerrija fuq l‑uċuħ tat‑tliet suldati. Fehem li kienu qed jaħsbu li kien xi beżżiegħ, u dan irrabjah.
“M’inthomx qed tifhmuni,” kompla minnufih, “qed napoloġizza għax mhux se nkun nista’ niġġieled magħkom kollha. Monsieur Athos għandu d‑dritt jiġġilidli l‑ewwel, mela – en garde!”
Ħa l‑pożizzjoni biex jibda jiddwella, u pprova jidher qalbieni kemm jista’ jkun. Athos ħareġ ix‑xabla tiegħu u kien se jaħbat għal D’Artagnan, meta tfaċċa grupp ta’ Gwardji tal‑Kardinal minn wara kantuniera.
“Daħħlu x‑xwabel!” għajtu Porthos u Aramis għalenija. Iżda kien tard wisq. Il‑Gwardji ntebħu x’kienu biħsiebhom jagħmlu D’Artagnan u Athos.
“Muskettieri qed jiddwellaw?” lissen wieħed mill‑Gwardji biż‑żufjett. “Tafu li d‑dwellijiet huma kontra l‑liġi. Itilqu x‑xwabel tagħkom. Qed narrestawkom f’isem ir‑Re.”
“Qatt!” għajtu l‑Muskettieri. “Qegħdin tlieta biss, imma xorta nistgħu niġġildulkom!”
“Sejrin żball, sinjuri,” qabeż D’Artagnan. “Qegħdin erbgħa. Ippruvawni.”
“X’jismek, ġuvnott qalbieni?” staqsa Athos.
“D’Artagnan, sinjur.”
“Mela, Athos, Porthos, Aramis u D’Artagnan, għalihom!”
Dlonk beda jidwi l‑ħoss tax‑xwabel jaħbtu ma’ xulxin flimkien mal‑għajjat tas‑suldati hekk kif ħabtu għal xulxin. Għalkemm il‑Gwardji kien jiġġieldu tajjeb ħafna, il‑Muskettieri – flimkien mal‑ħabib il‑ġdid tagħhom – malajr spiċċaw minn fuq, u l‑Gwardji kellhom jirtiraw.
Wara dan, l‑erbgħa marru lura lejn il‑kwartier ġenerali labranzetta, u D’Artagnan ħassu fis‑seba’ sema. “Għadni m’inix Muskettier,” qal kollu kburi, “imma għall‑inqas nista’ ngħoddni bħala apprentist!”
Naturalment, il‑biċċa qajmet għagħa kbir. Monsieur de Tréville ċanfarhom fil‑pubbliku, iżda minn wara feraħ bihom. Ir‑Re sar jaf bil‑biċċa, u tant baqa’ impressjonat b’għemejjel D’Artagnan li dlonk ħatru kadett fil‑Gwardji ta’ Monsieur d’Essart.
Min dak iż‑żmien D’Artagnan u t‑tliet Muskettieri saru l‑akbar ħbieb. D’Artagnan tgħallem dwar il‑ħajja f’Pariġi u dik fil‑Palazz tar‑Re, u ltaqa’ wkoll mas‑sbejħa Regina Anne. Issa kien kuntent, u kien kellu kull ħerqa li fl‑aħħar isir Muskettier bħal ħbiebu l‑ġodda.
Jum wieħed, waqt li D’Artagnan kien qed jistrieħ fl‑appartament tiegħu, sid l‑appartament, Monsieur Bonancieux, tela’ jżuru.
“Smajt li inti żagħżugħ qalbieni, D’Artagnan. Għandi bżonn l‑għajnuna tiegħek. Constance, marti, ġiet maħtufa!”
“Maħtufa?” tenna D’Artagnan mistagħġeb.
“Marti taħdem bħala ħajjata tar‑Reġina,” spjega Monsieur Bonancieux. “Imma barra minn hekk hija waħda mill‑ftit nies li r‑Reġina tafda.”
D’Artagnan kien sema’ ħafna affarijiet dwar ir‑Reġina Anne. Kulħadd kien jaf li r‑Re ma kienx baqa’ jħobbha, u li kienet tħossha waħidha. Kien hemm żmien meta l‑Kardinal kien interessat fiha, imma hi kienet warrbitu. Issa, mimli bil‑għira, kien qiegħed jikkonfoffa kontriha.
Id‑Duka ta’ Buckingham, raġel importanti ħafna f’pajjiżu, l‑Ingilterra, kien sar iħobb lir‑Reġina Anne, imma l‑politika bejn Franza u l‑Ingilterra ma kinitx tajba ħafna, dak iż‑żmien.
Monsieur Bonancieux ħa nifs twil. “Qed nissuspetta li lil marti ħatfuha biex tkun tista’ tgħid is‑sigrieti tar‑Reġina. Ilbieraħ stess semmietli kemm ir‑Reġina qed tibża’. Qed taħseb li l‑Kardinal kiteb ittra lil Buckingham f’isimha biex iġibu Franza u jonsbu.”
“Allura taħseb li l‑Kardinal ħatafha?”
“Hekk qed naħseb,” wieġeb Monsieur Bonancieux. “Wieħed minn niesu deher f’dawn l‑inħawi meta ħatfuha. Raġel bi tmerrika fuq ngħasu.”
Malli sema’ dan, D’Artagnan qomos minn fuq is‑siġġu. “Dak huwa r‑raġel li ltqajt miegħu jien f’Meung!” lissen mistagħġeb.
“Tista’ tgħinni, sinjur?” talab Monsieur Bonancieux. “Naf li inti dejjem tkun mal‑Muskettieri li huma għedewwa tal‑Kardinal. Ħsibt li inti u l‑ħbieb tiegħek tieħdu pjaċir issibu l‑opportunità tfixklu l‑pjanijiet tiegħu u tgħinu lir‑Reġina fl‑istess ħin.”
“Nagħmel kull ma nista’,” D’Artagnan wiegħedu. “U jekk dak ir‑raġel huwa tassew dak li ltqajt miegħu f’Meung, mela jkolli ċans inpattihielu!”
Wara dan, D’Artagnan ma tilifx żmien biex jgħarraf lil Athos, lil Porthos u lil Aramis bil‑ħtif ta’ Constance Bonancieux.
“Din il‑mara tinsab fl‑inkwiet sempliċement għax hija leali għar‑Reġina tagħha,” qalilhom. “Jien ukoll ħosbien dwar is‑sigurtà tar‑Reġina.”
“Jien smajt li tħobb l‑għedewwa tagħna, l‑Ispanjoli u l‑Ingliżi,” lissen Athos.
“Hi Spanjola,” fakkarhom D’Artagnan. “Tistennieha li tħobb lill‑Ispanjoli. U fil‑każ tal‑Ingliżi, persuna waħda biss hija involuta f’din il‑biċċa. Buckingham huwa l‑ministru ewlieni tar‑Re tal‑Ingilterra, u lir‑Reġina jammiraha ħafna. Milli jidher il‑Kardinal u niesu qed jippruvaw jużaw din is‑sitwazzjoni għal xi pjan tagħhom kontra r‑Reġina.”
Ma kien hemm l‑ebda dubju fost l‑erbat iħbieb li l‑Kardinal kien l‑għadu tagħhom. Jekk kellhom il‑ħila jfixklu l‑pjanijiet tiegħu, kienu lesti li jirriskjaw ħajjithom. Il‑ħtif ta’ Constance Bonancieux kien il‑qofol ta’ dan l‑intrigu. Kien hemm bżonn li tinstab, u qatgħuha li jagħmlu dan flimkien.
L‑erbat iħbieb ħarġu jdejhom u poġġewhom fuq xulxin, u għalenija għajtu:
“Kollha għal wieħed u wieħed għal kollha!”
Ftehmu li D’Artagnan kellu jibqa’ fl‑appartament tiegħu u minn hemm josserva x’kien qed jiġri fl‑appartament ta’ Monsieur Bonancieux. Dlonk lemaħ lill‑Gwardji tal‑Kardinal, li ġew jarrestaw lil Monsieur Bonancieux u baqgħu jistennew fl‑appartament biex jippreparaw nasba. Kull min kien jidħol hemm kienu biħsiebhom jarrestawhom u jinterrogawhom dwar x’kienu jafu dwar is‑sigrieti tar‑Reġina.
D’Artagnan baqa’ josserva mill‑appartament tiegħu.
Lejl minnhom, D’Artagnan sema’ xi għajjat minn isfel. Sema’ li kien l‑għajjat ta’ mara, u dlonk ħareġ ix‑xabla u niżel jiġri isfel. Sab li l‑mara kienet Constance Bonancieux! Kienet ħarbet u ġiet lura darha, mingħajr ma kienet taf li l‑Gwardji tar‑Re kienu qed jistennewha hemm. Issa, kienu ħatfuha u kienu qed iġiegħluha titkellem.
Imma l‑attakk ta’ D’Artagnan ħasadhom, u telqu jiġru ’l barra. Lil Constance Bonancieux telquha warajhom, u issa D’Artagnan seta’ jipproteġiha.
“Niżżik ħajr talli qbiżt għalija!” għajtet, “Imm’issa għandi bżonn nitlaq malajr – hemm bżonn nagħmel xi ħaġa għar‑Reġina!” B’dawn il‑kliem, telqet tiġri ’l barra.
Iżda D’Artagnan ma setax iħalliha titlaq waħidha, u mar jiġri warajha. Ftit ħin wara lemaħha fi triq mudlama titkellem ma’ Muskettier. X’kienu qed jagħmlu? D’Artagnan ġera ’l quddiem biex ikellimhom, u kien f’dak il‑waqt li ntebaħ li r‑raġel kien stranġier, liebes l‑uniformi ta’ Muskettier!
D’Artagnan u r‑raġel kienu lesti joħorġu x‑xwabel, imma Constance Bonancieux malajr waqqfithom u spjegat lil D’Artagnan. L‑istranġier ma kien ħadd għajr id‑Duka ta’ Buckingham, u kienet se tieħdu biex jiltaqa’ mar‑Reġina bil‑moħbi fil‑Louvre.
“Nitolbok, tikxifniex!” Constance talbet lil D’Artagnan. “Iġġibna kollha f’għawġ kbir!”
D’Artagnan ħa b’id id‑Duka. “Nagħmel minn kollox biex inwassalkom il‑Louvre mingħajr periklu,” wiegħedu.
Malli waslu l‑Louvre, Madame Bonancieux ħadet lid‑Duka jistenna fi studju fejn hu u r‑Reġina setgħu jitkellmu fil‑kwiet u bil‑moħbi.
Id‑Duka ta’ Buckingham kien ġie Pariġi wara li kien irċieva messaġġ, iżda malli wasal sar jaf li l‑messaġġ kien biss nasba ppreparata għalih mill‑Kardinal.
Madankollu, minkejja l‑periklu, id‑Duka ma kienx lest li jmur lura Londra mingħajr ma jara lir‑Reġina qabel. Għalhekk ma beżax sakemm Constance marret biex iġġib lir‑Reġina.
Malli waslet, wiċċ ir‑Reġina kien abjad karti bl‑inkwiet, speċjalment għad‑Duka stess. Talbitu biex ifittex jerġa’ jmur lura l‑Ingilterra mill‑aktar fis u jwiegħedha li ma jerġax jipprova jaraha, għax kien perikoluż wisq.
“Ejja, jekk trid, imma bħala ambaxxatur bil‑gwardji tiegħek,” qaltlu. “Hekk biss ma tkun fl‑ebda periklu.”
“Kollox sew,” kompla Buckingham. “Imma għallinqas tini xi ħaġa tiegħek ħalli nkun nista’ nilbisha sakemm nerġa’ narak.”
Ir‑Reġina marret ġirja f’kamritha u ġiet lura b’kaxxa żgħira tal‑injam. “Hawn, ħa,” qaltlu. “Ħu din, u fittex itlaq qabel ma jkun tard wisq!”
Minkejja l‑isforzi kollha tar‑Reġina biex iżommu l‑laqgħa fil‑moħbi, il‑Kardinal Richelieu xorta waħda sar jaf bil‑miġja ta’ Buckingham. L‑aħbar wassalhielu l‑Konti ta’ Rochefort, dak l‑istess raġel li tant kellu xi jgħid ma’ D’Artagnan f’Meung. Billi kien qiegħed jaħdem għall‑Kardinal, kien daħħal spija fil‑kmamar tar‑Reġina.
“Ir‑Reġina ltaqgħet ma’ Buckingham għal ftit minuti,” avża lill‑Kardinal. “Issa qiegħed fi triqtu lejn l‑Ingilterra.”
“Mela l‑pjan tagħna falla,” qabeż il‑Kardinal, irrabjat.
“Ir‑Reġina tatu xi rigal,” kompla Rochefort. “Kaxxa bi tnax‑il buttuna bid‑djamanti. Kien rigal li kien taha r‑Re f’għeluq sninha.”
Il‑Kardinal tbissem tbissima ta’ makakk. “Sewwa, sewwa. Mela mhux kollox mitluf!”
Qagħad bilqiegħda u kiteb ittra. Għalaqha bis‑siġill tiegħu u sejjaħ lil seftur.
“Ħu din Londra minnufih,” qallu. “Tħalli ’l ħadd iwaqqfek.”
Fl‑ittra kiteb:
“Milady de Winter, mur fl‑ewwel ballu li se jattendi d‑Duka ta’ Buckingham. Se jkun qed jilbes tnax‑il buttuna bid‑djamanti. Israqlu tnejn minnhom. Avżani malli tkun lesta.”
Ir‑Re Louis XIII kien it‑tieni li sar jaf bil‑laqgħa ta’ Buckingham mar‑Reġina, wara li qallu l‑Kardinal. Ir‑Re staqsa dwar ir‑raġuni taż‑żjara tad‑Duka.
“Bla dubju ta’ xejn, biex jikkonfoffa mal‑għedewwa tiegħek,” wieġeb il‑Kardinal.
“Dak ġie biex jara lir‑Reġina!” qabeż ir‑Re bil‑korla.
“Ma naħsibx li dak huwa l‑każ,” lissen il‑Kardinal. Mar‑Re ried li jidher li kien leali għar‑Reġina, imma fl‑istess ħin ried inibbex lir‑Re kontrieha. “Madankollu smajt li dalgħodu kienet qed tolfoq il‑ħin kollu u tikteb xi ittri.”
“Hemm bżonn inkun naf x’hemm f’dawk l‑ittri!” ordna r‑Re.
Minnufih, qabbad lill‑kanċillier tiegħu imur ifittex fil‑kmamar tar‑Reġina, iżda l‑uniċi ittri li sabu kienu indirizzati lil ħuha. Ir‑Reġina għamlet xenata malli rat li r‑Re kiser il‑privatezza tagħha u insultaha billi wera li ma kienx jafdaha.
Wara dan, ir‑Re ħassu ddispjaċut. “Ma kellix għalfejn nissuspetta fiha,” qal lill‑Kardinal ftit wara.
“Tista’, forsi, tagħmel xi ħaġa biex terġa’ tirbħilha qalbha,” lissen il‑Kardinal. “Għax ma torganizzax ballu għaliha? Taf kemm tħobb tiżfen, u jkollha wkoll l‑opportunità tilbes dawk id‑djamanti s‑sbieħ li kont tajtha f’għeluq sninha.”
Din l‑idea għoġbot lir‑Re, li ma setax jobsor x’kienet ir‑raġuni l‑għala l‑Kardinal issuġġerihielu.
Malli rċeviet l‑istedina tar‑Re, ir‑Reġina stagħġbet imma fl‑istess waqt ħadet pjaċir biha, u qatgħetha li taħfer lil żewġha. Bil‑ħerqa kollha, staqsiet meta kien se jsir il‑ballu.
“Il‑Kardinal Richelieu qiegħed jipprepara kollox,” weġibha r‑Re. Madankollu, għal kważi ġimgħa sħiħa, il‑Kardinal beda jmexxi d‑data lura minn ġurnata għall‑oħra.
Fit‑tmien jum, il‑Kardinal irċieva ittra mingħand Milady de Winter. Kienet tgħid:
“Qegħdin għandi. Ibgħatli xi flus, u nġibhomlok Pariġi.”
Il‑Kardinal ikkalkula li Milady kellha tasal hemm bejn għaxart ijiem u tnax. Issa li kien kuntent li l‑pjan tiegħu kien miexi sew, mar ikellem lir‑Re dwar il‑ballu.
“Illum l‑għoxrin ta’ Settembru,” qallu. “Il‑ballu se jsir fil‑Lukanda de Ville fit‑tlieta t’Ottubru. Tinsiex tfakkar lir‑Reġina, Maestà, biex tilbes id‑djamanti għall‑ballu.”
Ir‑Reġina kienet kuntenta meta r‑Re avżaha li l‑ballu kien se jsir f’qasir żmien, iżda kienet ferħa bla temma hekk kif ir‑Re kompla jgħidilha, “Nixtieq tilbes l‑isbaħ libsa li għandek, u tilbes fuqha dawk id‑djamanti li kont tajtek f’għeluq sninek.” Ir‑Reġina twerwret b’dak il‑kliem.
“Meta eżatt se jkun il‑ballu?” staqsiet.
“Il‑Kardinal iffissa d‑data għal tnax‑il jum mil‑lum,” wieġeb ir‑Re.
Ir‑Reġina ssummat malli semgħet isem il‑Kardinal. “Kienet l‑idea tiegħu li nilbes id‑djamanti?” staqsiet.
“Għaliex, x’jimporta?” staqsa lura r‑Re. “Jewwilla qed nitlob iżżejjed?”
Ir‑Reġina xejret rasha, “Le, le,” wieġbet minn taħt l‑ilsien.
“Mela se tilbishom?”
“Iva, Sire, dażgur.”
Hekk kif ir‑Re ħareġ minn kamritha, ir‑Reġina ntefgħet fuq siġġu ddisprata. “Din se tkun il qirda tiegħi! Dak il‑Kardinal żgur li jaf b’kollox. X’se nagħmel?” U nfexxet tolfoq.
“Tibkix, Maestà.”
Ir‑Reġina dawret rasha b’ħasda. Kien mingħalija li kienet waħidha fil‑kamra. Mal‑bieb kien hemm Constance Bonancieux, li kienet semgħet it‑taħdita kollha bejn ir‑Re u r‑Reġina.
“Tibżax,” kompliet. “Inwiegħdek li se jirnexxilna nġibu dawk id‑djamanti fil‑ħin għall‑ballu.”
Constance Bonancieux kienet taf li ma kienet se ssib l‑ebda għajnuna minn żewġha. Il‑Kardinal ħelsu mill‑arrest u kienet ċerta li issa kien qed jaħdem għalih, u ma setgħetx tafdah. Madankollu kien hemm persuna waħda li ħasbet setgħet tgħinha – D’Artagnan. Lilu setgħet tafdah bis‑sigrieti tar‑Reġina, għaldaqstant spjegatlu l‑istorja kollha.
“Mela nitlaq għal Londra minnufih,” qalilha.
D’Artagnan fehem mall‑ewwel li ma kienx hemm żmien x’jitilfu, għalhekk talab lil Monsieur de Tréville biex jagħtih ftit jiem vaganzi. “Għandi bżonn immur Londra,” spjega, “fuq missjoni sigrieta għar‑Reġina.”
Monsieur de Tréville ħares dritt lejh. “Taħseb li se jwaqqfek xi ħadd?” staqsieh.
“Il‑Kardinal żgur, jekk isir jaf,” wieġeb D’Artagnan.
“Mela ma tistax tmur waħdek,” lissen de Tréville. “Athos, Porthos u Aramis jistgħu jmorru miegħek. Hekk għall‑anqas wieħed minnkom jasal Londra żgur.”
“Niżżik ħajr,” qal D’Artagnan.
Malli D’Artagnan qalilhom bil‑bxara, Athos, Porthos u Aramis mall‑ewwel urew ħerqa kbira biex imorru miegħu, speċjalment malli spjegalhom id‑dettalji tal‑missjoni.
L‑erba’ avventuriera telqu minn Pariġi fis‑sagħtejn ta’ filgħodu. Baqgħu siekta, sakemm kien għadu dlam. Kienu qed jistennew xi nasba minn mument għal ieħor. Iżda malli beda jisbaħ, il‑burdata tagħhom tbiddlet f’waħda aktar ferrieħa.
Kollox mexa tajjeb sakemm waslu f’Chantilly, fejn waqfu f’lukanda għall‑kolazzjon. Wara li lestew, tfaċċa l‑ewwel sinjal ta’ inkwiet. Raġel li kien qed jaqsam il‑mejda ma’ Porthos qam u talab lil Porthos jixrob miegħu għas‑saħħa tal‑Kardinal Richelieu. Porthos aċċetta bil‑patt li wara, jixorbu għas‑saħħa tar‑Re. Hawnhekk ir‑raġel qabad jgħajjat u jgħid li ma kien lest li jixrob għas‑saħħa ta’ ħadd minbarra dik tal‑Kardinal. Dlonk bdew jillitigaw bejniethom. Iżda l‑Muskettieri kienu magħfusin biż‑żmien, u ma setgħux idumu ħafna. Għaldaqstant it‑tlieta l‑oħra ħallew lil Porthos jargumenta waħdu mar‑raġel, filwaqt li huma komplew fi triqithom; Porthos seta’ jilħaqhom aktar tard.
Wara ftit sigħat galopp, iltaqgħu ma għadd ta’ rġiel jaħdmu fit‑triq. Malli resqu viċin tagħhom, il‑ħaddiema ħarġu l‑azzarini li kellhom moħbija.
“Nasba!” għajjat D’Artagnan. “Komplu sejrin!”
Xprunaw liż‑żwiemel ’il quddiem. Iżda lil Aramis ferewh fl‑ispalla u ma setax jivvjaġġa aktar fit‑tul. Kellhom iħalluh f’lukanda ta’ raħal, żgħir biex ifiq sakemm huma jkomplu fi triqithom.
Issa kien għad fadal D’Artagnan u Athos biss. Baqgħu sejrin, u ma’ nżul ix‑xemx krew kamra f’lukanda f’Amiens. Il‑lejl għadda mingħajr inkwiet ta’ xejn, iżda filgħodu, meta Athos mar iħallas il‑kont, sid il‑lukanda xlieh li kien qiegħed juża flus foloz. Minnufih daħlu erba’ rġiel armati fil‑kamra. Kien ovvju li kienu qed jistennewh.
Athos ħareġ ix‑xabla, lest għall‑ġlied. “D’Artagnan! Ibqa’ sejjer. Iġri!” għajjat.
Lil D’Artagnan ma kienx hemm bżonn jgħidlu darbtejn. Telaq minnufih biż‑żiemel tiegħu, u ma waqafx qabel ma wasal Calais, il‑port minn fejn kienu jsalpaw ix‑xwieni għal Londra. Mar dritt lejn ix‑xatt.
Hemmhekk osserva raġel li kien qiegħed jitkellem ma’ kaptan ta’ xini. Il‑kaptan qallu li għalkemm ix‑xini kien lest biex jitlaq, il‑Kardinal kien għadu kemm ħareġ ordni li l‑ebda mirkeb ma seta’ jsalpa lejn l‑Ingilterra mingħajr il‑permess tiegħu.
“Dak il‑permess għandi diġà,” lissen ir‑raġel, u ħareġ xi karti biex jurihom lill‑kaptan. “Tista’ ttelagħni abbord?”
Wara li fela l‑karti sew, il‑kaptan aċċetta, imma qabel, ir‑raġel kellu jmur għand il‑gvernatur tal‑port biex jiffirmahomlu. Malli sema’ dan, D’Artagnan warrab minn hemm u baqa’ jistenna lil‑raġel sakemm jiġi lura bil‑karti ffirmati.
Kien qatagħha li b’xi mod jew ieħor, dawk il‑karti jiksibhom għalih. U malli tfaċċa r‑raġel, mar quddiemu u talabhomlu. Naturalment ir‑raġel irrifjuta, u D’Artagnan kellu jiġġilidlu biex joħodhom minn idejh. D’Artagnan kien svelt bix‑xabla aktar minnu, u f’qasir żmien ir‑raġel qata’ qalbu, u għadda l‑karti lil D’Artagnan.
B’nifsu maqtugħ, D’Artagnan deffes il‑karti fil‑but u mar isib mirkeb li seta’ jwasslu l‑Ingilterra.
Bilkemm laħaq salpa x‑xini li għażel D’Artagnan li ma nstemgħetx l‑isparatura ta’ kanun. Il‑port kien magħluq. Kien telaq eżatt fil‑ħin! Imkisser u għajjien, D’Artagnan raqad tul il‑qasma tal‑fliegu. L‑għada filgħodu, kellu seba’ mitt sena biex jinżel sakemm ix‑xini trakka u niżżel l‑ankra. F’qasir żmien, kien fi triqtu lejn Londra.
D’Artagnan ma kienx jaf l‑Ingliż, imma kellu isem id‑Duka ta’ Buckingham miktub fuq biċċa karta, u permezz tagħha setgħu jeħduh għand id‑duka, billi kulħadd kien jaf fejn kien joqgħod. Malli avżawh li kien wasal D’Artagnan, id‑duka laqgħu mall‑ewwel. Ftakru mil‑laqgħa li kellhom billejl fit toroq ta’ Pariġi. D’Artagnan għarrfu bil‑periklu li kienet fih ir‑Reġina.
“Hemm bżonn nibagħtu dawk id‑djamanti lura Franza mingħajr telf ta’ żmien!” lissen id‑duka. “Louis m’għandu qatt ikun jaf li kienet tathomli.”
Id‑duka kellu ċavetta mdendla madwar għonqu. Ħatafha u biha fetaħ kaxxa żgħira li kellu fuq tavolina fil‑qrib. Malli ħares go fiha, għajjat għajta. “Hawn tnejn neqsin!” qal mistagħġeb.
“Jista’ jkun li tlifthom, Sinjur?” D’Artagnan staqsa, imħasseb.
“Qatt! Ma jistax ikun!” wieġeb id‑duka. Tella’ ż‑żigarelli li magħha kienu marbutin id‑djamanti, u wera lil D’Artagnan l‑parti taż‑żigarella maqtugħa pulit b’imqass.
“Stenna ftit!” kompla d‑duka. “Issa qed niftakar. “Ilbisthom darba biss, waqt ballu f’Londra. Kien kemm Milady de Winter. Qatt ma kont għoġobtha lil dik il‑mara, imma dakinhar ġabet ruħha ġentili ħafna miegħi. Ma stajtx nifhem għaliex. Issa qed naħseb li hi serqithomli. X’aktarx hija spija tal‑Kardinal. Kemm kont iblah!”
Beda jippassiġġa tul il‑kamra, mitluf fi ħsibijietu. Il‑ballu kellu jsir ħamest ijiem oħra. Jekk ir‑Reġina kienet se tidher b’żewġ djamanti neqsin, ir‑Re kien jirrabja żgur mhux forsi, u l‑pjan tal‑Kardinal kien jirnexxi.
F’daqqa waħda, Buckingham waqaf jippassiġġa, u dar lejn D’Artagnan. “Ħamest ijiem!” qal. “Dak żmien biżżejjed. Naf x’għandi nagħmel!”
Buckingham sejjaħ lis‑segretarju tiegħu, u ħareġ ordni urġenti biex l‑ebda mirkeb ma jitlaq lejn Franza. Kellu s‑suspett li Milady de Winter kienet għadha Londra, u b’hekk ma jkollhiex ċans taħrab mill‑pajjiż. Buckingham kien persuna importanti fl‑Ingilterra, u l‑ordni tiegħi twettaq minnufih.
Wara dan, id‑duka sejjaħ lill‑ġojjellier tiegħu, u wrieh id‑djamanti. Wiegħdu li jħallsu kemxa sew jekk kellu l‑ħila jagħmel tnejn oħra bħalhom. Kellu jlestihom fi żmien jumejn, u tajbin tant li ħadd ma seta’ jinduna liema kienu l‑qodma u liema il‑ġodda. Il‑ġojjellier telaq biex jibda xogħlu mill‑aktar fis.
“Għadna ma tlifniex il‑logħba, D’Artagnan!” qal id‑duka.
Jumejn wara, id‑djamanti kienu lesti. Id‑duka u D’Artagnan flewhom sewwa. Il‑ġojjellier kien għamel xogħlu sew. Bl‑ebda mod ma setgħu jaraw id‑differenza bejn id‑djamanti l‑antiki u t‑tnejn il‑ġodda. Issa, D’Artagnan seta’ jaqbad il‑vjaġġ lura lejn Franza.
Hekk kif il‑mirkeb tiegħu telaq minn Dover, D’Artagnan kellu l‑impressjoni li lemaħ lil Milady de Winter fuq wieħed mix‑xwieni li kienu imblukkati fil‑port. Iżda x‑xini tiegħu tant għadda jgħaġġel li ma kienx ċert kienx ra sew.
Malli qasam il‑fliegu, D’Artagnan irħielha lejn Pariġi bla telf ta’ żmien.
Kulħadd kien qed jitkellem dwar il‑Ballu f’Pariġi. Kien mistenni li r‑Re u r‑Reġina kienu se jibdew iż‑żfin. Ħadu iktar minn ġimgħa biex iżejnu l‑lukanda de Ville bi fjuri u mijiet ta’ xemgħat.
L‑ewwel wasal ir‑Re fost l‑għajjat u t‑tixjir tal‑folla. Ftit wara, daħlet ir‑Reġina fis‑sala tal‑ballu. Il‑Kardinal kien wieqaf, moħbi wara purtiera, kuntent li l‑pjan tiegħu kien se jseħħ. Innota li r‑Reġina ma kenitx liebsa d‑djamanti! U mal‑ewwel ċans li kellu, ġibed l‑attenzjoni tar‑Re dwar dan.
“Madame, għaliex m’intix liebsa d‑djamanti?” staqsa r‑Re.
Ir‑Reġina ħarset madwarha u lemħet lill‑Kardinal qiegħed iħares lejha. “Sire,” wieġbet lil żewġha, “Bżajt li jintilfu qalb din il‑folla. Imma ladarba qed issaqsi għalihom, nibgħathom iġibuhomli.”
Sakemm ir‑Reġina u s‑sefturi tagħha marru f’kamra oħra jistennew id‑djamanti, il‑Kardinal ta lir‑Re l‑kaxxa biż‑żewġ djamanti li Milady de Winter kienet serqet lil Buckingham.
“Staqsi lir‑Reġina minn fejn ġew dawn,” qal lir‑Re.
Iżda s‑sodisfazzjon tal‑Kardinal malajr inbidlet f’rabja, hekk kif lemaħ lir‑Reġina ġejja lura. U kienet liebsa tnax‑il djamant!
“X’jiġifieri dan kollu?” staqsa r‑Re, hekk kif għolla d‑djamanti li kien tah il‑Kardinal.
Il‑Kardinal minnufih sab mod kif jeħles mill‑basla. “Xtaqt nagħtihom lill‑Maestà Tagħha bħala rigal,” qal fil‑pront. “Billi ma xtaqtx nagħtihomlha jien personalment, ħsibt li tkun tista’ tagħtihomlha inti, Maestà.”
“Eminenza, niżżik ħajr ta’ dan,” qalet ir‑Reġina. Il‑mod kif tbissmet lejn il‑Kardinal uriet li fehmet il‑logħba tiegħu. “Jien ċerta li dawn iż‑żewġ djamanti swewlek daqs kemm l‑oħrajn swew lir‑Re.”
Wara dahar il‑Kardinal, D’Artagnan kien qiegħed jisma’ t‑taħdita. Barra mir‑Re, mir‑Reġina u mill‑Kardinal, hu kien l‑unika persuna fis‑sala li kien jaf eżatt x’kien qed jiġri.
Aktar tard, ir‑Reġina sejħitlu fil‑kmamar tagħha. Tatu ċurkett bi djamant. D’Artagnan libsu, u ħareġ lura fis‑sala tal‑ballu, kuntent li kien għamel servizz lir‑Reġina. Kellu l‑favuri tar‑Re u ta’ Monsieur de Tréville, u issa kien għen lir‑Reġina meta kienet fil‑għawġ. Fuq kollox, kien kiseb il‑ħbiberija ta’ tlitt irġiel qalbenin, Athos, Porthos u Aramis. Xi darba, hu kien se jsir Muskettier bħalhom.
En garde!: Mill‑Franċiż. Sejħa lill‑avversarju biex joqgħod attent għax se jibda d‑dwell. [Lura]
Fliegu: Baħar dejjaq bejn żewġ artijiet. [Lura]
Kadett: Kelma oħra għal student jew apprendista. Ġeneralment użata fil‑forzi militari jew tal‑pulizija. [Lura]
Il‑Louvre: Għal żmien kien il‑palazz irjali fejn kien jgħix ir‑Re ta’ Franza. Illum il‑ġurnata huwa mużew tal‑arti. [Lura]
Monsieur: Mill‑Franċiż. Speċi ta’ titlu, bħal Mister Ingliż jew Sur Malti. [Lura]
Muskettier: Suldat li fost armi oħra kien ikollu ‘muskett’ (speċi ta’ xkubetta). [Lura]
Tmerrika: Barxa niexfa fuq il‑ġilda li tibqa’ wara li tkun fieqet ferita. [Lura]
Xprunaw: Min‑nom xprun. Din tkun ponta iebsa tal‑metall mal‑għarqub taż‑żarbun, biex ir‑rikkieb iniġġeż liż‑żiemel ħalli jimxi. [Lura]
Avventura | Drama | Esplorazzjoni | Fantasija | Fantaxjenza | Ħrejjef | Leġġendi | Letteratura għat-Tfal | Letteratura Maltija | Makabru | Misteru | Mitoloġija | Rumanzi Klassiċi | Storja