Jules Verne
(Franċiż, 1828-1905)
Madwar 7,400 kelma
Adattament għall-Malti:
Norman C. Borg
© Norman C. Borg
Kapitli
1: Il-Quċċata ta' Sneffels
2: Fil-Kratier ta' Sneffels
3: Mitluf
4: Il-Baħar taħt l-art
5: Taqbida fil-baħar
6: Il-Bajja u l-foresta
7: Ir-Raġel preistoriku
8: Lura fuq wiċċ l-art
Noti
Kollox beda meta z‑ziju tiegħi, il‑Professur Otto Lidenbrock, sab ktejjeb qadim f’ħanut żgħir tal‑kotba fil‑belt ta’ Hamburg, fejn konna noqogħdu. Sibtu qiegħed jammira l‑ktieb meta dħalt fl‑istudju tiegħu.
“Taf x’inhu dan, Axel,” qalli, kollu eċċitat. “Dan ix‑xogħol ta’ kittieb famuż Iżlandiż tat‑tnax‑il seklu. Huwa r‑rakkont tal‑prinċpijiet Norveġiżi li kienu ħakmu l‑Iżlanda!”
“Huwa stampat tajjeb?” weġibt jien bi ftit li xejn interess.
“Stampat? Xi stampat, ħmar,” għajjat b’ċerta rabja. “Dan manuskritt!”
Kien dak il‑waqt li minn bejn il‑paġni tal‑ktieb waqgħet parċmina żgħira mitwija, kollha safra u mtebba’ biż‑żmien. Iz‑ziju ġabarha mill‑art minnufih, u fetaħha bil‑mod.
Iz‑ziju jaf jikteb u jaqra f’ħafna lingwi, u qalli li x’aktarx il‑kitba kienet b’ilsien Iżlandiż antik. Iżda s’hemm seta’ jasal. Kompla jispjegali li l‑parċmina kienet miktuba bħala kriptogramma, jiġifieri li l‑ittri kienu mħabblin fi speċi ta’ kodiċi. Naturalment, dan ma kienx se jaqta’ qalb zijuwi.
L‑ewwel ħjiel li sab kien isem imħarbex fuq in‑naħa ta’ ġewwa tal‑qoxra ta’ quddiem tal‑ktieb. “Arne Saknussemm!” għajat bil‑ħerqa. “Kien xjenzjat tas‑sittax‑il seklu, alkemista famuż.”
“Saknussemm,” kompla z‑ziju, “kien bniedem kolt u mħarreġ sew, għalhekk kiteb b’lingwa li l‑istudjużi ta’ dak iż‑żmien kienu jafu żgur. Dan Latin.”
Fil‑fatt dan kien minnu, imma xorta ma kienx biżżejjed biex jgħinna nifhmu x’kien hemm miktub. Iz‑ziju dam qatigħ sakemm fl‑aħħar irnexxielu jsib irkaptu tal‑kitba.
Vjaġġatur qalbieni, inżel fil‑kratier ta’ Sneffels Yocul minn fejn jaqa’ d‑dell ta’ Scartaris nhar l‑ewwel jum ta’ Lulju, u minn hemm tasal fiċ‑ċentru tad‑dinja. Dan jien għamiltu. Arne Saknussemm.
Malli qara l‑messaġġ iz‑ziju qabeż bħallikieku xi ħadd tah xokk elettriku. Wara ftit sekondi kkalma. F’daqqa waħda dar lejja.
“Ippreparali l‑bagalja.”
“Kif?”
“U pprepara tiegħek ukoll. Sejrin insibu ċ‑ċentru tad‑dinja.”
***** ***** ***** ***** *****
Wara l‑ikel iz‑ziju sejjaħli fl‑istudju tiegħu.
“L‑ewwel nett,” beda jispjegali, “importanti ħafna li dan li se ngħidlek hawn jibqa’ sigriet bejnietna. Hemm ħafna nies li jixtiequ jagħmlu dan il‑vjaġġ, imma ħadd m’għandu jkun jaf kif qabel ma naslu aħna hemm l‑ewwel.”
“Tassew taħseb li hemm nies li huma ffissati daqsek?”
“Niżgurak li hemm! Jekk dan id‑dokument joħroġ minn hawn, ruxxmata ġeoloġi jaqbżu fuqu biex isegwu r‑rotta ta’ Saknussemm.”
“Iva, imma kemm inti ċert li dan il‑manuskritt huwa ġenwin? Jista’ jkun frodi.”
“Dak għandna bżonn naċċertawh,” wieġeb iz‑ziju b’nofs tbissima. “Imma ħalli nisma’ l‑oġġezzjonijiet tiegħek, qabel.”
“Mela, l‑ewwel ħaġa rrid inkun naf x’inhuma dawn: Yocul, Sneffels, Scartaris – qatt ma smajt b’dawn l‑ismijiet qabel.”
“Dik ħaġa faċli,” wieġeb iz‑ziju, hekk kif minn fuq xkaffa ħataf atlas u fetħu fuq mappa tal‑Iżlanda.
“Ħares lejn din il‑gżira, kollha miksija b’vulkani. Innota li kollha msejħa Yocul. Dik hija l‑kelma Iżlandiża għal glaċiera. F’dawk il‑latitudnijiet għoljin bosta eruzzjonijiet jiġru fuq medda wiesgħa ta’ silġ. Sneffels hija muntanja fuq peniżola fil‑Majjistral ta’ Reykyavik, il‑belt kapitali. Joħroġ mill‑baħar għal xi ħamest elef pied, wieħed mill‑vulkani l‑aktar spettakolari – u issa żgur li jkun ħafna aktar jekk il‑kratier tiegħu tassew jibqa’ nieżel saċ‑ċentru tad‑dinja!”
“Imma dak kif jista’ jkun, jekk il‑kratier huwa mimli bin‑nar u l‑lava?”
“Il‑vulkan huwa estint,” qabeż iz‑ziju. “Ilu rieqed, mingħajr ma jiżbroffa, mill‑anqas mill‑1229.”
Bdejt indur lejn l‑argumenti l‑oħra kemxejn dubjużi li l‑manuskritt kien miżgħud bihom.
“Xi tfisser il‑kelma Scartaris, u x’għandha x’taqsam mal‑ewwel jum ta’ Lulju?”
Għal mument iz‑ziju siket, ħosbien, u dak il‑ħin bdejt nittama li kien hemm xi ħaġa li kienet se żommu milli jkompli. Ftit wara wieġeb:
“Sneffels għandu bosta kratieri, għalhekk Saknussemm kellu juri liema wieħed jagħti għaċ‑ċentru tad‑dinja. Osserva li fl‑ewwel jum ta’ Lulju, waħda mill‑qċaċet tal‑muntanja Scartaris tixħet id‑dell tagħha eżatt fuq il‑kratier it‑tajjeb, dak li jwassal għaċ‑ċentru.”
Kelli ħafna oġġezzjonijiet oħra, imma z‑ziju sab xi għamla ta’ risposta għal kull waħda, sakemm fl‑aħħar ma kellix argumenti oħra u kelli nieqaf. Ma stajtx nagħmel aktar.
***** ***** ***** ***** *****
Issa kien qed joqrob tmiem Mejju, u z‑ziju ma tilifx żmien biex jibda l‑preparamenti għall‑vjaġġ. Fi żmien tmienja u erbgħin siegħa ġabar l‑ekwipaġġ kollu li kellna bżonn u tlaqna minnufih. Ilħaqna vapur minn Hamburg għal Compenhagen, u minn hemm vapur ieħor għall‑Iżlanda.
F’Reykyavik iz‑ziju mpjega gwida, Hans. Kien raġel twil u b’saħħtu. Kellu ras kbira u għajnejn kaħlanin, u kellu d‑dehra ta’ bniedem intelliġenti. Qabel li jkompli l‑vjaġġ magħna u jgħin lil zijuwi fix‑xogħol xjentifiku tiegħu, bil‑patt li l‑paga joħodha kull nhar ta’ Sibt filgħaxija.
Wara li spjegajnielu fejn ridna mmorru kkalkula li l‑vjaġġ kellu joħdilna bejn sebat u tmint ijiem, u fis‑16 ta’ Ġunju tlaqna b’erba’ ponis mgħobbijin bl‑ekwipaġġ tagħna, fi triq qalb il‑pajsaġġi fil‑blat li kellha twassalna sa qiegħ il‑vulkan Sneffels.
Wasalna mingħajr ebda ntopp, u kmieni filgħodu ta’ nhar it‑23 bdejna telgħin. Kienet telgħa kemxejn wieqfa u iebsa, imma b’xorti tajba sibna speċi ta’ taraġ naturali magħmula mill‑ħafna blat li l‑vulkan kien tajjar fil‑passat waqt l‑eruzzjonijiet tiegħu.
Lejn is‑sebgħa ta’ filgħaxija konna tlajna madwar 3,200 pied. Hawnhekk konna qbiżna ż‑żona fejn kien hemm silġ permanenti, mhux għoli ħafna hemm minħabba l‑arja umda, imma xorta waħda kien hemm kesħa xxoqq il‑għadam, u r‑riħ kien qawwi mhux bil‑ftit. Jien kont għajjien mejjet.
Madankollu Hans baqa’ jinsisti li kellna nibqgħu telgħin. “Mistour,” qalilna, hekk kif beda jipponta ’l isfel.
Ħarist lejn fejn kien qiegħed jipponta. Stajt nara sħaba ta’ ġebel ħaffief u ramel qed iddur fuqha nfisha bħal tromba u toqrob lejna. Ir‑riħ kien qiegħed itajjarha eżatt fejn konna waqafna aħna. Billi kienet quddiem ix‑xemx, it‑tromba kienet qed tixħet dell iswed fuq il‑muntanja.
Hans għamlilna sinjal biex nimxu warajh, u aħna hekk għamilna. Ħadna wara blata enormi fejn stajna nistkennu hekk kif it‑tromba laħqet il‑faċċata tal‑muntanja. Ħassejna bħallikieku l‑muntanja kollha bdiet titriegħed hekk kif xita ta’ żrar u ġebel bdew jaqgħu madwarna bħal xita waqt eruzzjoni.
Konna xxurtjati li Hans kien wassalna fuq ix‑xaqliba l‑oħra tal‑muntanja. Li kieku ma kienx għalih ġisimna kienu jibqgħu mtertqin taħt dik il‑qilla ta’ trab u żrar, u msabbtin ma’ wiċċ il‑muntanja bħal biċċiet ta’ meteora.
Wara li għaddiet it‑tromba komplejna nitilgħu, u lejn il‑ħdax ta’ billejl, fi dlam ċappa, ilħaqna l‑quċċata tal‑muntanja.
Stenbaħna l‑għada filgħodu taħt xemx tisreġ imma nofsna ffriżati minħabba l‑arja xxoqq il‑għadam. Iz‑ziju ma tilef l‑ebda ħin, u dlonk bdejna neżlin il‑kratier, b’Hans quddiem nett.
Il‑kratier kien madwar 2,000 pied fond. Kien kemm kemm imżerżaq u ma sibniex diffikultà kbira biex nilħqu l‑qiegħ. Wasalna lejn xi nofsinhar. Minn isfel ħarist ’il fuq u lmaħt ċirku żgħir ta’ sema, ċkejken imma kważi perfett. Malli ħarist ’l isfel stajt nara tliet ventijiet. Tan‑nofs kien l‑akbar, minn fejn darba kienet żbruffat il‑lava. Il‑Professur Lidenbrock beda jimxi bejn vent u ieħor, u beda jiflihom sew.
F’daqqa waħda smajtu jgħajjat. Għal mument ħsibt li kien żelaq f’waħda mill‑ħofor, iżda fil‑fatt ilmaħtu wieqaf ħdejn waħda mill‑blat il‑kbar tal‑granit.
“Axel! Axel!” beda jgħajjatli. “Ejja ’l hawn!”
Mort niġri ħdejh, u fuq il‑wiċċ tal‑blata stajt nara xi kliem imnaqqax, għalkemm kemxejn mikul biż‑żmien: l‑istess isem li qrajt fuq il‑parċmina:
“Arne Saknussemm”.
***** ***** ***** ***** *****
Mela issa kull ma kellna nagħmlu kien li nistennew, għaliex rotta waħda setgħet twassal fejn Saknussemm kien għadda, u stajna naraw liema kienet meta d‑dell ta’ waħda mill‑qċaċet tal‑vulkan kien jaqa’ fuqha.
Għal tlitt ijiem sħaħ is‑sema kienet il‑ħin kollu msaħħba, sakemm fl‑aħħar ħarġet ix‑xemx u d‑dawl kesa l‑kratier kollu. Bil‑qajla, dell il‑muntanja beda miexi tul il‑kratier, u f’nofsinhar, meta kien fl‑iqsar tiegħu, mess ix‑xifer tal‑vent ċentrali.
“Dak hu,” għajjat il‑professur. “Hemmhekk. Lejn iċ‑ċentru tad‑dinja.”
Ħarist lejn Hans.
“Mela nibdew mixjin,” lissen hu bil‑kalma kollha.
***** ***** ***** ***** *****
Il‑ġnub tal‑kratier kienu kompletament weqfin, imma stajna nilmħu xi blat żgħir maħruġ ’il barra li stajna nużaw bħala speċi ta’ turġien. Wieħed wara l‑ieħor bdejna niżlin mal‑ħbula, kull darba nistrieħu ma’ dawk it‑taraġ tal‑blat. Wara kull waqfa, konna nerġgħu nintrabtu mal‑ħbula u ninżlu mitejn pied ieħor.
Kien kważi dalam meta lħaqna l‑qiegħ. Ftaħna l‑boroż tar‑razzjon u kilna xi ħaġa. Wara frixna s‑sodod tagħna kif stajna fuq dak il‑blat iebes.
L‑għada filgħodu erġajna tlaqna, u bdejna niżlin sensiela ta’ għerien li kellhom niżla ta’ madwar 45 grad. Għalhekk ridna noqogħdu attenti ma ninżlux bil‑għaġla, u sa t‑tmienja ta’ filgħaxija konna għamilna progress liema bħalu. Ħaġa waħda biss kienet qed tinkwetani. L‑ilma li kellna kien kważi spiċċa kollu. Iz‑ziju kien qed jittama li stajna nsibu xi għejun taħt l‑art, imma s’issa ma konna ltqajna mal‑ebda.
Għalhekk qtajnieha li nirrazzjonaw l‑ilma li kien baqagħlna, imma anki wara sebat ijiem inżul u tlajja’, ma sibna l‑ebda nixxiegħa.
“M’hemmx għajr ħaġa waħda x’nagħmlu,” lissint jien b’ħalqi xott. “Indawru denbna u mmorru lura. M’għandniex żmien x’nitilfu.”
“Kif, nitilqu l‑proġett issa li jidher li kollox sejjer favurna?” wieġeb il‑professur. “Qatt!”
“Allura ddeċidejna li se mmutu hawn?”
“Le, Axel, inti tista’ tmur. Ma rridekx tispiċċa ħażin. U Hans jista’ jiġi miegħek jekk jixtieq. Imma jien bdejt dan il‑vjaġġ u biħsiebni nispiċċah, anki jekk ma niġi qatt lura.”
***** ***** ***** ***** *****
Konna wasalna f’punt fejn kien hemm żewġ fetħiet quddiemna, u z‑ziju pponta lejhom.
“Waqt li kontu qed tistrieħu esplorajt l‑għar tal‑Punent. Tibqa’ nieżla sa qiegħ id‑dinja, u f’qasir żmien għandha twassalna f’saffa kbira ta’ ġebel tal‑granit, u hemmhekk għandna nsibu bosta nixxiegħat.
“Mela dan huwa l‑pjan tiegħi. Meta Colombus talab liċ‑ċorma tiegħu tagħtih tlitt ijiem ċans isib id‑Dinja l‑Ġdida, għalkemm kienu mwerwrin u mifluġin bil‑mard, aċċettaw, u fil‑fatt sab id‑Dinja l‑Ġdida. Issa jien qed nitlobkom għal ġurnata oħra biss. Jekk sa dak il‑waqt ma nsibux l‑ilma li għandna bżonn, naħlef li niġi magħkom lura.”
Wara dan komplejna neżlin f’waħda mill‑mini l‑ġodda. Aħna u neżlin aktar fil‑fond, il‑fanali tagħna dawlu s‑safef ta’ blat differenti li kien hemm.
L‑ewwel rajna blat aħdar sabiħ, lixx, immarkat bi strixxi lewn ir‑ram u manganiż, u tbajja’ ta’ platinu u deheb. Wara dawn sibna saffi ta’ granit bi dbabar ta’ majka lixxi u jleqqu.
Id‑dwal tal‑fanali tagħna bdew jixħtu ħafna forom imlewna bħal fjammi tan‑nar f’kull direzzjoni, u għal mument stħajjiltni miexi ġewwa djamant.
Lejn l‑għaxija din il‑festa ta’ dwal bdiet tmajna bil‑qajla, u l‑ħitan bdew jiddallmu. Fl‑aħħar wasalna ħdejn l‑aktar blat iebes, li kien qiegħed jerfa’ l‑piż tal‑blat kollu fuqu. Konna wasalna f’gaġġa enormi tal‑granit.
Issa kienu t‑tmienja ta’ filgħaxija, u jien kont qed inbati ħafna. Riġlejja bilkemm setgħu jifilħuni. U konna għadna ma sibniex qatra ilma.
Fl‑aħħar ma flaħtx aktar u nxtħett mal‑art. “Għinuni! Se mmut!”
Iz‑ziju waqaf u dar lejja. Sallab idejh.
“Mela daqshekk. Se jkollna nieqfu hawn,’’ lissen.
***** ***** ***** ***** *****
U hekk kif għalaqt għajnejja lmaħt mossa ta’ frustrazzjoni mingħand iz‑ziju. Ftit wara, meta rġajt ftaħthom, ilmaħt lil sħabi mgeddsin fil‑boroż tal‑irqad tagħhom. Possibbli kienu reqdin? Jiena lanqas stajt nagħlaq għajn m’għajn. Kont muġugħ wisq, u barra minn hekk kont inkwetat wisq li ma konniex se noħorġu ħajjin minn hemm.
Għaddew xi sigħat, u kien hemm skiet perfett – skiet tal‑oqbra. Kif kont, nofsi rieqed, stħajjilt li smajt xi ħsejjes. Ħarist, u rajt lil Hans jitlaq bil‑qajla b’wieħed mill‑fanali.
Fejn kien sejjer? Kien se jitlaqna hemm? Ippruvajt insejjaħlu, imma ħalqi tant kien xott li ma ħariġx ħoss minni.
“Hans se jitlaqna,” għajjatt fl‑aħħar. Imma jien biss stajt nisma’ lili nnifsi; ħadd aktar ma seta’ jismagħni.
Bqajt mimdud hemmhekk għal siegħa sħiħa, u fl‑aħħar bdejt nisma’ xi passi. Hans kien ġej lura. Mar fuq iz‑ziju, u taptaplu fuq spalltu.
“X’ġara?” staqsa z‑ziju?
“Vatten,” lissen il‑gwida fil‑lingwa tiegħu.
Ma kontx naf Daniż, iżda l‑istint mall‑ewwel ġiegħelni nifhem x’kienet tfisser.
“Ilma! Ilma!” għajjatt minnufih.
“Ilma,” tenna zijuwi. “Hvar?” staqsa lill‑Iżlandiż.
“Nedat,” wieġeb Hans.
Fejn? Hemm isfel! Ħtaft minkeb il‑gwida u għafastu, hekk kif dar lejja bil‑kalma kollha tiegħu.
Ma domniex nippreparaw biex nitilqu, u dlonk tlaqna għan‑niżla wieqfa li qabad Hans. Għaddiet xi siegħa, imxejna xi 6,000 pied u nżilna madwar 2,000.
Bdejna nisimgħu ħoss kemxejn stramb fil‑ħitan tal‑granit, speċi ta’ rbumbjar oħxon bħal beraq fil‑bogħod.
“Kellu raġun, Hans,” lissen zijuwi. “Dak huwa l‑ħoss ta’ ħafna ilma ġieri. Hawn xi xmara taħt l‑art mhux bogħod minn hawn.”
Komplejna nimxu, iżda xi nofs siegħa wara stħajjilna li konna qegħdin nitbiegħdu mill‑ħoss tal‑ilma, għalhekk qtajnieha li mmorru lura. Hans waqaf fil‑post fejn ix‑xmara kienet ninstema’ l‑aktar fil‑qrib.
Inżilt għarkopptejja mal‑ħajt, bil‑ħoss tal‑ilma ġieri mhux aktar minn żewġ metri ’l bogħod minni. Imma l‑ħajt tal‑granit xorta kien qed jifridna minnu. Jien qtajt qalbi, imma Hans ħares lejja u rajt fuq wiċċu speċi ta’ nofs tbissima.
Għolla l‑fanal, u beda miexi bil‑qajla mal‑ħajt, b’widintu mrassa ma’ partijiet differenti tal‑granit. Fhimt li kien qiegħed ifittex dik il‑parti tal‑ħajt fejn il‑ħoss tal‑ilma kien l‑aktar qawwi. Fl‑aħħar sabha, madwar tliet piedi ’l fuq mill‑art. Għolla l‑baqqun, u mall‑ewwel intbaħt x’kien biħsiebu jagħmel.
“Salvati, fl‑aħħar!” għajjatt jien.
Metodu sempliċi bħal dak żgur li ma kienx jgħaddi minn rasna, speċjalment għax deher li kien perikoluż li tuża baqqun u tattakka l‑fondamenti tad‑dinja. X’kien jiġri li kieku l‑ħajt kien jinfaqa’ u jisfronda kollox, bina taħtu! Jew li kieku l‑ilma jkaxkarna miegħu!
Tassew kien hemm dawn il‑perikli, iżda xejn ma kien se jwaqqafna daqskemm konna mejtin bil‑għatx.
Madankollu Hans m’attakkax b’ħafna saħħa. Minflok beda jagħti sensiela ta’ daqqiet żgħar, sakemm beda jnaqqax fetħa żgħira xi sitt pulzieri wiesa’. Dam sejjer għal aktar minn siegħa. Baqa’ sejjer sakemm daħal xi żewġ piedi ’l ġewwa fil‑ħajt tal‑granit.
F’daqqa waħda nstemgħet speċi ta’ tisfira u ġett qawwi tal‑ilma spara ’l barra mill‑ħajt u laqat il‑ħajt ta’ faċċata.
Hans waqa’ mal‑art bis‑saħħa tal‑ilma, u għajat għajta ta’ wġiegħ. Intbaħt il‑għala malli messejt l‑ilma b’idi.
“Dan l‑ilma jagħli!” għajjatt mistagħġeb.
Issa l‑kurutur li konna fih imtela’ bil‑fwar u beda tiela’ l‑livell tal‑ilma ma’ saqajna. Imma f’qasir żmien stajna nixorbu l‑ewwel ftit belgħat biex nistejqru.
***** ***** ***** ***** *****
Wara dan komplejna sejrin mingħajr intoppi ta’ xejn. Fil‑ġimagħtejn ta’ wara bqajna neżlin bil‑qajla tul passaġġi u għerien, u lejn is‑7 t’Awwissu z‑ziju seta jikkalkula li konna mxejna xi 600 mil mill‑Iżlanda u xi 900 mil ’l isfel fil‑qalba tad‑dinja.
Dakinhar in‑niżla ma kinitx wieqfa ħafna. Jien kont miexi quddiem waqt li bdejt nosserva l‑formazzjonijiet tal‑granit b’fanal f’idi, waqt li z‑ziju kien warajja bil‑fanal l‑ieħor.
Ħesrem intbaħt li kont waħdi. Jew kont imxejt mgħaġġel wisq ’il quddiem, jew Hans u z‑ziju kien waqfu xi mkien warajja mingħajr ma ndunajt. Bdejt nerġa’ nimxi lura, imma wara xi kwarta bqajt ma lħaqthomx. Bdejt insejħilhom. Stajt nisma’ biss l‑eku tal‑vuċi tiegħi, imma xejn aktar.
Bdejt ninkwieta xi ftit. “Ma jaqbillix nitlef rasi,” għedt bejni u bejn ruħi. “M’hemmx passaġġi oħra li stajt qbadt bi żball, u jien kont quddiem il‑ħin kollu. Mela kulma għandi nagħmel hu nibqa’ miexi lura.”
Iżda anki nofs siegħa wara baqgħu ma dehrux. Bdejt niddubita minni nnifsi. Tassew li kont miexi fuq quddiem? Meta dort u ppruvajt immur lura fuq il‑passi tiegħi, fil‑fatt kont qiegħed nitbiegħed minnhom?
Madankollu kont ċert li ma stajtx nintilef hekk kif bqajt miexi max‑xmajra.
Tbaxxejt biex naħsel wiċċi fl‑ilma. Imma ma kien hemm xejn ħlief granit. Ix‑xmajra ma kinitx għadha ma’ saqajja!
***** ***** ***** ***** *****
Ma nistax niddeskrivi x’disprament qabadni dak il‑waqt. Hemm isfel kont midfun ħaj, u quddiemi stajt nara biss mewta kiefra bil‑ġuħ u bil‑għatx. Ippruvajt nikkalma. Jekk nibqa’ tiela’ ’l fuq bilfors li xi darba kelli nsib il‑post fejn ix‑xmajra biddlet ir‑rotta. Bdejt ngħaġġel ’il fuq.
Bqajt sejjer għal xi nofs siegħa meta qamet problema oħra. Jien u miexi tfixkilt, waqajt, u l‑fanal tkisser mal‑art. Il‑fjamma bdiet tnemnem, u dlonk waqa’ dlam ċappa. Issa tassew kont se nitlef rasi! Qomt u ppruvajt niggranfa ma’ xi ġebla, nimxi bl‑addoċċ f’dak il‑labirint, ngħajjat, inwerżaq u l‑ħin kollu naħbat mal‑blat.
Kemm domt sejjer hekk bħal miġnun? M’għandix idea. Wara xi sagħtejn, malli saħħti għosfrot għal kollox, inxtħett mal‑art u ntlift minn sensija.
***** ***** ***** ***** *****
Meta ġejt f’sensija wiċċi kien għasra bid‑dmugħ. Jidher li kont tlift ħafna demm ukoll, għax ħassejtni miksi bih. Erġajt bdejt inħoss rasi ddur bija meta f’daqqa waħda smajt ħoss bħar‑romblu ta’ beraq fil‑bogħod.
Minn fejn kien ġej dan il‑ħoss? Xi splużjoni ta’ gass, jew it‑tiġrif ta’ xi blat kbir?
Qgħadt attent biex nisma’ aħjar forsi l‑ħoss jirrepeti ruħu. Iżda wara xi kwarta kien baqa’ skiet perfett. Imma hekk kif poġġejt widinti ma’ ħajt, stħajjilt li smajt il‑ħsejjes ta’ xi taħdit. Kien vag u ma jiftiehemx, imma kien biżżejjed biex inħoss rogħda f’ġismi kollu.
“Ma tistax tkun għajr alluċinazzjoni,” għedt bejni u bejn ruħi.
Imma le! Kont ċert li smajt it‑tgemgim ta’ leħen, imma kont dgħajjef wisq biex nifhem x’kien qiegħed jintqal. Kienet forsi l‑vuċi tiegħi li kont qed nisma’ bħala eku bl‑għajat li għamilt?
Hekk kif imxejt aktar ’il quddiem bdejt nisma’ aktar ċar.
“Dawk iz‑ziju u Hans, żgur!” għedt lili nnifsi. “Min aktar jista’ jkun midfun hawn isfel barra minni!”
Komplejt nissemma’, u sibt punt mal‑ħajt fejn widinti setgħet tisma’ l‑vuċijiet aktar ċari. F’daqqa waħda erġajt smajt l‑irbumbjar tal‑bidu.
Il‑ħoss kien x’aktar miexi ma’ wiċċ il‑ħitan, speċi ta’ effett akustiku. Forsi jekk nitkellem b’ħalqi mal‑ħajt il‑ħoss kien jimxi mal‑wiċċ bl‑istess mod, bħalma wajer iġorr l‑elettriku. Imma jekk jimxu ftit lil hinn minn fejn kienu weqfin bħalissa, leħni ma kienx jilħaqhom aktar.
Bil‑mod, imma b’leħen sod, għajjatt: “Ziju Lidenbrock.”
Sejjaħt lil zijuwi aktar minn darba, u żammejt widnejja miftuħin biex nara nismax xi tweġiba. Il‑ħoss ma jivjaġġax mgħaġġel ħafna, għalhekk stennejt bil‑paċenzja.
Għaddew ftit sekondi – anzi le, ftit sekli – u fl‑aħħar smajt:
“Axel! Axel! Dak int?”
“Iva! Iva!” weġibt bil‑ħerqa kollha.
“Ilna għomor infittxuk! Issa li sibnik nistgħu nisimgħu lil xulxin, u permezz ta’ effett akustiku; xorta għad ma nistgħux nilħquk. Imma tiddisprax.”
Waqt li z‑ziju kien qed ikellimni, bdejt naħseb f’xi ħaġa. Poġġejt xofftejja mal‑ħajt kemm nista’, u għedt “Zi?”
“Għidli, ibni,” wieġeb iz‑ziju wara ftit sekondi.
“Hemm bżonn inkunu nafu kemm qegħdin imbegħdin minn xulxin. Uża l‑kronometru, għajjat ismi, u nnota s‑sekonda meta tgħidu. Meta nisimgħek nagħmel l‑istess eżatt, u nnota l‑waqt meta tisma’ t‑tweġiba tiegħi.”
“Sewwa wisq. U nofs iż‑żmien bejn l‑għajta u r‑risposta jkun kemm il‑vuċijiet tagħna jilħqu lil xulxin. Mela, lest? Ara se nsejjaħlek ismek.”
Erġajt għafast widinti mal‑ħajt u stennejt ismi. Malli smajtu, tennejtu u stennejt.
“Erbgħin sekonda,” smajt leħen zijuwi jgħajjat. “Il‑ħoss jimxi bejn wieħed u ieħor 1,020 pied kull sekonda, mela għandna 20,400 pied, ftit inqas minn erba’ mili.”
“Erba’ mili!” tennejt iddisprat.
“Kuraġġ. Nistgħu nagħmluha.”
“X’nagħmel, ninżel ’l isfel jew nitla’ ’l fuq?”
“Imxi ’l isfel, u ngħidlek għaliex. Jien u Hans sibna fetħa enormi bil‑mini kollha jwasslu ’l isfel sa fiha. Jekk tkompli miexi minn fejn qiegħed bilfors li se ġġibek hawn f’qasir żmien. Mela qum min hemm, ibda miexi, iżżerżaq ’l isfel fejn hemm bżonn. Aħna se nkunu hawn qed nistennewk. Isa, ibni, itlaq!”
***** ***** ***** ***** *****
Dawn kienu l‑aħħar kelmiet li rnexxieli nisma’. Għedt minn taħt l‑ilsien talba ta’ ringrazzjament lil Alla, li kien wassalna fil‑post minn fejn stajt nisma’ lil sħabi, u tlaqt.
Iktar kważi tkaxkart milli mxejt tul in‑nieżla tal‑passaġġ, li bdiet tieqaf aktar u aktar. Tant li kelli nibda ngħaġġel u bilkemm kelli s‑saħħa nwaqqaf il‑pass tiegħi.
F’daqqa waħda l‑art ċediet taħti. Sibt ruħi naqa’ b’ħeffa kbira f’xaft fond u ġismi beda jaħbat mal‑ġnub ħorox tal‑ħitan madwari. F’ħin minnhom ħbatt rasi mal‑ħajt u lift sensija.
***** ***** ***** ***** *****
Mejt rġajt ġejt f’sensija, sibt ruħi mimdud fuq speċi ta’ sodda tat‑tiben ħoxna, u z‑Ziju bilqiegħda ħdejja.
“Qam! Qam!” għajjat hekk kif ftaħt għajnejja.
Tassew ftit li xejn kont qed inħoss l‑effett ta’ dik il‑waqgħa twila. Fil‑fatt qalli li nżilt eżatt f’ħoġru u b’hekk kien kiser il‑waqgħa tiegħi. Hans kien qed idur bija permezz ta’ xi kura; taħlita sigrieta li kienu jużaw l‑Iżlandiżi. Stagħġibt meta qaluli li kont barra minn sensija għal xi erbat ijiem.
Imma fl‑istess ħin bdejt inħossni ftit skomdu u nkwetat li moħħi kien qed jiżżerżaq. Għax stajt nara d‑dawl tax‑xemx, iċ‑ċafċif tal‑baħar viċin, u żiffa riħ tonfoħ fuq wiċċi.
Iz‑ziju osserva l‑ħarsa mistagħġba tiegħi. “Le,” qalli. “M’inti qed timmaġina xejn stramb. Sibna baħar taħt l‑art!”
***** ***** ***** ***** *****
“Tħossok b’saħħtek biżżejjed għal passiġġata?” saqsieni z‑ziju.
“Dażgur,” weġibt, ħerqan biex infittex nara dan l‑għaġeb il‑ġdid taħt l‑art.
Il‑baħar kien enormi, u ma kinitx tidher art fuq l‑orizzont. Konna ninsabu f’bajja kemxejn wiesgħa, kollha miksija ramel dehbi fin, u miżgħud bil‑qxur ta’ annimali li x’aktarx kienu jgħixu fil‑bidu nett tal‑ħolqien.
Kien hemm dawl stramb li kien qed jaqa’ fuq kull oġġett madwarna, qisu dawl tal‑elettriku, bħall‑dak tal‑awrora borealis.
Fuq rasna kien hemm sħab minn kull kulur, u xi kultant kienet tleħħ xi sajjetta fil‑quċċata.
Hekk kif dorna promontorju wiesa’, ġejna wiċċ‑imb‑wiċċ ma’ foresta liema bħalha. Għall‑ewwel ma stajtx nagħraf x’kienu, iżda malli qrobt lejhom intbaħt li kienu faqqiegħ enormi, bejn 30 u 40 pied twal u bil‑brieret madwar l‑istess dijametru.
Aktar lil hinn rajna ħafna speċi ta’ siġar oħra twal, kollha b’weraq ta’ forom u lwien differenti. Ftit wara sibna gozz għadam. Osservajthom bir‑reqqa.
“Din hija l‑għadma ta’ taħt tal‑geddum ta’ Mastodon!” għajjatt kollni eċċitat. “Din hija d‑darsa ta’ Dinotherium, u hawn l‑għadma tal‑koxxa tal‑akbar annimal fosthom, il‑Megatherium...”
U f’daqqa waħda għadda ħsieb minn moħħi. “Jekk dawn l‑annimali kienu jgħixu hawn x’garanzija għandna li ma joħroġx xi wieħed minnhom mill‑foresta issa, jew minn wara dawk l‑għoljiet?”
L‑idea inkwetatni u bdejt inħares madwari imma ma lmaħt xejn jiċċaqlaq f’dawk ix‑xtut deżerti.
Sal‑għada filgħodu kont insejt dak l‑inkwiet kollu, u wara nżilt ngħum fil‑Baħar ta’ Lidenbrock – għax zijuwi hekk għoġbu jsemmih – ħriġt mill‑ilma b’ġuħ jibla’ l‑art. Hans offra li jsajrilna ikla sempliċi; ladarba kellu l‑ilma u seta’ juża n‑nar seta’ jżid xi ħaġa ftit differenti minn tas‑soltu, u kellna wkoll ftit kikkri kafè.
Skont kif kien qed jikkalkula z‑ziju issa konna madwar 120 mil taħt wiċċ l‑art, u fuqna kellna l‑Highlands Skoċċiżi.
“Issa x’imiss, zi?” staqsejtu. “Biħsiebek terġa’ titla’ lura fil‑wiċċ?”
“Nitla’ lura? Tgħidx ċuċati! Anzi, irrid inkompli ninżel ’l isfel, ladarba kollox miexi ħarir.”
“Imma ma nistax nifhem kif se nkunu nistgħu ninżlu taħt dan il‑baħar.”
“Ovvja li mhux se ngħodsu taħt l‑ilma! Se nbaħħruh, fuq ċattra kbira u soda. Hans diġà beda jaħdem fuqha.”
Imxejt warajh sakemm erġajna dorna l‑promontorju, u hemm sibt lil Hans qalb ħafna zkuk ta’ kull tul u ħxuna, u ċ‑ċattra kienet diġà nofsha lesta.
“Dan x’tip ta’ injam hu?” staqsejt.
“Hawn għandek minn kollox; prinjola, betula soda, kull tip ta’ koniferi, kollha ppetrifikati minħabba l‑effett tal‑ilma baħar, u huma ibsin ġebla. Oħrajn, bħal dawn, diġà bdew jiffossilizzaw.”
Tefa’ biċċa għuda żgħira fil‑baħar. Għall‑ewwel għosfrot taħt il‑wiċċ, iżda dlonk reġgħet qomsot ’il fuq, titbandal mal‑mewġ.
L‑għada filgħodu ċ‑ċattra kienet lesta; kienet xi għaxar piedi twila u ħamsa wiesgħa. Iz‑zkuk kienu marbutin flimkien permezz ta’ ħbula ħoxnin u sodi. Bħala qlugħ użajna xi gvieret u lożor li kellna biex norqdu bihom. Ħarisna madwarna għall‑aħħar darba lejn dik il‑bajja, dak il‑blat, dik il‑foresta, u dlonk bdejna nbaħħru fuq il‑baħar mhux magħruf.
Għal tlitt ijiem sħaħ kellna r‑riħ fil‑qala’ u għamilna progress kbir. Iz‑ziju kemm‑il darba niżżel fl‑ilma baqqun marbut ma’ ħabel madwar 1,200 pied twil, imma qatt ma rnexxielu jmiss qiegħ il‑baħar.
Sibna diffikultà biex nerġgħu intellgħu l‑baqqun lura, u malli tellajnieha, Hans ipponta lejn xi grif fuq il‑metall tagħha.
“Tander,” lissen.
Ma fhimtx x’ried jgħid, imma wara li beda jiftaħ u jagħlaq ħalqu biex jipprova jispjega, fhimt dak li kien qiegħed jipprova jgħidilna.
“Snien!” għedt jien mistagħġeb, hekk kif erġajt ħarist bir‑reqqa lejn il‑marki. Tassew, kienu l‑marki ta’ snien. Possibbli li f’dawk l‑ilmijiet fondi kien hemm xi ħlejqa preistorika, aktar feroċi minn kelb il‑baħar, akbar minn baliena?
***** ***** ***** ***** *****
Imma sa ftit żmien wara ma nqala’ xejn, u waqt li Hans ħa t‑tmun f’idejh u qagħad għassa, għajni marret bija. Xi sagħtejn wara qajjimni skoss kbir li għolla ċ‑ċattra xi mitt pied ’il fuq minn wiċċ l‑ilma.
“X’il‑mniefaħ?” għajjat iz‑ziju, “Inkaljajna?”
Ħans ipponta lejn xi ħaġa kbira sewda tiela’ u nieżla fil‑baħar, xi kwart ta’ mil bogħod.
“Dik qarnita kbira!”
“Tassew,” kompla z‑ziju. “U ara, gremxula tal‑baħar kbira ħdejha!”
“U aktar lil hinn hemm speċi ta’ kukkudrill enormi. Ara x’ħalq u xi snien!”
“Baliena! Baliena!” għajjat il‑professur. “Ħares lejn l‑ilma li qed toħroġ mit‑toqba ta’ fuq rasha!”
Dawn il‑ħlejjaq kollha kienu ta’ daqs li ma jitwemminx, u l‑iżgħar wieħed fosthom seta’ faċilment jeqred iċ‑ċattra tagħna b’gidma waħda. Hans ittanta jiskartahom billi jdur fuq naħa waħda, iżda b’hekk spiċċajna noqorbu lejn żewġ mostri oħra, speċi ta’ fekruna madwar 40 pied wiesgħa u serp twil xi 30 pied jiżżegleg qalb il‑mewġ.
Tant konna mwerwrin li mmutajna. Ħtaft waħda mill‑ixkubetti li kellna u kont se nimmira lejn wieħed minnhom, iżda b’mossa ta’ jdejh Hans waqqafni. Il‑kukkudrill u s‑serp inxteħtu fuq xulxin. Mitlufin fit‑taqbida ta’ bejniethom, insew iċ‑ċattra tagħna.
Il‑ġlieda bdiet xi 600 metru ’l bogħod minna, u stajna naraw sew li ż‑żewġ mostri kienu mitlufin f’xulxin. Għal mument deherli li l‑annimali l‑oħra kienu se jagħmlu għalihom ukoll, imma Hans xejjer rasu.
“Tva!” lissen.
“Tnejn!” tennejt jien liz‑ziju mibluh. “Qed jurina li hemm żewġ annimali biss...”
“Sewwa qed jgħid,” kompla l‑professur, li sadanittant kien ħareġ it‑teleskopju tiegħu u kien qiegħed jifli t‑taqbida bir‑reqqa. “L‑ewwel mostru għandu geddum qisu ta’ denfil, ir‑ras ta’ gremxula u s‑snien ta’ kukkudrill! Għalhekk morna żmerċ. Dak huwa l‑aktar rettilu preistoriku tal‑biża’ – l‑iktjosawru!”
“U l‑ieħor?”
“Dak serp bil‑qoxra ta’ fekruna fuq dahru – l‑akbar għadu tal‑ewwel wieħed – il‑plesjosawru!”
***** ***** ***** ***** *****
L‑annimali baqgħu jagħmlu għal xulxin b’qilla liema bħalha. Il‑mewġ li bdew itellgħu kważi qallbu ċ‑ċattra ta’ taħt fuq aktar minn darba. It‑twerżiq u t‑tisfir li bdew jagħmlu taqqab it‑tnabar ta’ widnejna. Tant kienu mqabbdin ma’ xulxin li bilkemm stajt niddistingwi wieħed mill‑ieħor hekk kif tqallbu fl‑ilma.
It‑taqtigħa baqgħet sejra għal sagħtejn sħaħ bl‑istess qilla li bdiet. L‑annimali xi drabi bdew joqorbu lejn iċ‑ċattra, drabi oħra bdew jitbiegħdu. Bqajna nħarsu lejhom mingħajr ma ċċaqlaqna, imma konna dejjem lesti biex nisparaw – bħallikieku s‑snieter tagħna kienu se jagħmlu xi differenza fuq dawk il‑ġganti!
F’daqqa waħda ż‑żewġ kreaturi għebu taħt il‑baħar, u ħallew warajhom tromba fl‑ilma. Id‑dwell kien għadu sejjer taħt l‑ilma? Iżda f’daqqa waħda tfaċċat ir‑ras enormi ta’ wieħed mill‑annimali. Kien il‑plesjosawru, u kien jidher li kien midrub fatalment.
Il‑qoxra fuq dahru ma stajtx naraha aktar. L‑għonq serriepi beda jdur u jitkagħweġ, jogħdos u ftit ħin wara jerġa’ jitla’ f’wiċċ l‑ilma. L‑ilma li beda jtajjar ħasilna u għal mument ma stajniex naraw x’kien qed jiġri. Imma bil‑qajla, l‑istorbju u t‑taqlib tal‑ilma bdew imajnu, sakemm fl‑aħħar il‑ġisem baqa’ wieqaf f’wiċċ l‑ilma.
Imma l‑iktjosawru x’kien sar minnu? Kien telaq għal rasu jsib il‑kenn tal‑bejta tiegħu, jew kien biħsiebu jerġa’ jitfaċċa?
***** ***** ***** ***** *****
B’xorti tajba r‑riħ kien qawwi u dlonk biegħedna ’l bogħod minn dak il‑post terribbli. Għal jumejn sħaħ ma rajniex mostru ieħor.
Mat‑tielet jum, madankollu, smajna ħoss kontinwu fil‑bogħod. Stħajjiltu qisu l‑ħoss ta’ kaskata tal‑ilma. Għaddiet siegħa oħra, bil‑ħoss dejjem joqrob u joqrob. Fl‑aħħar Hans ixxabbat mal‑arblu tal‑qala’ u beda jħares madwarna. F’ħin minnhom ipponta lejn direzzjoni.
Iz‑ziju ħares mit‑teleskopju. “Iva, nista’ naraha,” lissen. “Ġett tal‑ilma jispara fil‑għoli minn taħt il‑baħar.”
“Tgħidlix li xi mostru ieħor?”
“Jista’ jkun.”
F’qasir żmien stajna narawh aktar ċar. Il‑ġisem kien iswed u enormi u kien fuq wiċċ l‑ilma qisu gżira ċkejkna. Imma kien il‑biża’ tiegħi, jew sempliċement illużjoni – kien jidher qisu 6,000 pied twil! Kien xi super‑baliena. Kienet wieqfa, ma tiċċaqlaq xejn bħallikieku kienet rieqda; l‑anqas il‑mewġ ma kien qed iċaqlaqha.
Il‑kolonna tal‑ilma li kienet qed tispara ’l fuq aktar minn 500 pied kienet qed taqa’ lura fl‑ilma b’ħafna storbju u ragħwa. Erġajt bdejt inħoss twerwir fuqi. Il‑kurrent kien qiegħed jiġbidna bil‑qajla lejn din il‑kreatura li l‑ebda bniedem fid‑dinja ma kien qatt ra qabel.
Kompliet tiġbidna lejha. Għajjatt lill‑professur biex ibiddel ir‑rotta, imma ma tax kasi.
F’daqqa waħda Hans ipponta lejn dik il‑ħlejqa li kienet qed theddidna, u qal:
“Holme!”
“Dik gżira!” għajjat iz‑ziju kollu eċċitat. “Dak l‑ilma li qed jispara minn fuqha huwa geyser – bħal dawk li hemm fl‑Iżlanda!”
Għall‑ewwel ma ridtx nammetti li kont mort daqshekk żmerċ – li ħsibt li gżira kienet mostru kbir! Imma kien żball ġenwin – speċjalment wara dak li konna għadna kemm ngħaddu minnu.
Inżilna fuq il‑gżira biex nistudjaw il‑blat kif ukoll il‑geyser. L‑ilma kellu t‑temperatura ta’ xi 163 grad ċentigradi. Wara ftit, erġajna salpajna fuq iċ‑ċattra.
***** ***** ***** ***** *****
L‑għada r‑riħ beda jqum aktar, u stajna naraw li maltempata kienet fil‑qrib. Laqtitna b’tant qilla li qatgħetli nifsi. Iċ‑ċattra għoliet u saħansitra inqatgħet minn ma’ wiċċ l‑ilma, u mxejna ’l quddiem b’għaġla li ma stajtx nikkalkula.
Ix‑xita saret dulluvju. L‑irbumbjar tal‑beraq tħallat mal‑leħħiet tas‑sajjetti. Id‑dawl tant kien qawwi li bilkemm stajt nara; u widinti kienu kważi se jinfaqgħu bil‑ħsejjes qawwija tal‑beraq. Iggranfajt mal‑arblu biex nevita li nintrema fl‑ilma.
Domna nitbandlu fl‑ilma mingħajr kontroll ta’ xejn għal tlitt ijiem sħaħ. Konna qisna qegħdin fi splużjoni kontinwa. Demm beda ħiereġ minn widnejna. Lanqas stajna nitkellmu bejnietna. Intrabatna maċ‑ċattra biex ma naqgħux fl‑ilma, u stennejna l‑agħar.
Fl‑aħħar smajna ħoss ieħor – mewġ jaħbat mal‑blat. F’daqqa waħda ċ‑ċattra inkaljat ma’ skoll u d‑daqqa qawwija xeħtitni fuq il‑blat kollu ppuntat u jaqta’. Ma korrejtx serjament għaliex ħatfitni l‑id soda ta’ Hans, li ġibidni ’l barra mill‑ilma.
Għamilna xi tlitt ijiem oħra mingħajr ma nagħlqu għajn m’għajn, u fl‑aħħar sibna daħla taħt xi blat fejn waqafna għall‑kenn u stajna norqdu.
***** ***** ***** ***** *****
Meta stenbaħt l‑għada filgħodu l‑maltemp kien għosfor għal kollox u kien hemm ħemda perfetta. Inżilt sal‑bajja, u sibt li Hans kien irnexxielu jsalva ħafna mill‑affarijiet tagħna. Is‑senduq bl‑ikel kien għadu qawwi u sħiħ, il‑kaxxa bil‑porvli ma kinitx imkissra, u ħafna mill‑għodod u strumenti kienu mxerrdin fuq ir‑ramel. Is‑sitwazzjoni setgħet kienet agħar minn hekk.
Wara kolazzjon li niżlilna għasel, l‑isbaħ li qatt kelli f’ħajti, saqsejt liz‑ziju kellux idea fejn konna.
“Impossibbli li nikkalkula bl‑eżatt,” weġibni. “Waqt il‑maltempata la stajt nikkalkula kemm konna qed ngħaġġlu u lanqas liem direzzjoni konna sejrin. Li nista’ ngħid biss hu li qegħdin xi mkien taħt il‑Mediterran.
Qtajnieha li nibdew nesploraw il‑post fejn xeħitna l‑maltemp. Imxejna matul il‑bajja għal xi mil meta f’daqqa waħda l‑kulur tal‑ħamrija tbiddel għal kollox. Kien bħallikieku l‑art kienet inqalbet ta’ taħt fuq b’xi forza vjolenti, u l‑blat ta’ taħt issa ġie fil‑wiċċ.
Sibnieha ftit diffiċli biex nimxu fuq il‑granit raff, sakemm sibna ruħna f’għalqa, tista’ tgħid pjanura, miksija bl‑għadam. Kien qisu ċimiterju enormi fejn il‑fdalijiet ta’ għoxrin seklu nġabru kollha flimkien għall‑eternità.
Konna maħkumin wisq mill‑kurżità biex ma niqfux hawn u nosservaw dawn il‑fdalijiet b’aktar reqqa, u saqajna bdew jagħmlu ħafna ħsejjes hekk kif bdejna ngħaffġu dak l‑għadam, il‑fdalijiet ta’ bhejjem preistoriċi, relikwi li kull mużew fid‑dinja kien jonfoq il‑miljuni biex jakkwista.
Jien kont kompletament mibluh. Iz‑ziju għolla driegħu lejn is‑smewwiet, ħalqu miftuħ beraħ, għajnejh imberrqin, u rasu tixxengel ’l hawn u ’l hinn.
F’daqqa waħda ġera fuq il‑ramel vulkaniku u ġabar xi ħaġa mill‑art.
“Axel! Axel! Hawn l‑għadma ta’ ras ta’ bniedem!” għajjat b’leħen jirtogħod.
Xi għoxrin pass aktar lil hinn sab l‑iskeletru sħiħ ta’ raġel ta’ żmien il‑Kwaternarju. Kien il‑kadavru ta’ bniedem ippreservat kważi perfettament, x’aktarx minħabba xi taħlita kemikali fil‑ħamrija, bħall‑każ taċ‑ċimiterju ta’ San Mikiel f’Bordeaux.
Dan il‑ġisem, bil‑ġilda tant imġebbda li kienet tidher qisha parċmina, bid‑driegħi u r‑riġlejn kollha sħaħ u jiċċaqalqu – għall‑inqas hekk kienu jidhru – bis‑snien kollha sħaħ u f’posthom, bid‑dwiefer twal u ibsin, kien qed jidher quddiemna talekwali kif meta kien ħaj.
Bqajt sieket quddiem din id‑dehra minn żmien imgħoddi, u z‑ziju, li s‑soltu ma kienx jieqaf iparla, ma tniffisx. Erfajna l‑ġisem u poġġejnieh bilwieqfa. Ħares lejna b’dawk il‑ħofor li kellu minflok għajnejn. Ħassejna s‑sider, li rbombja malli missejnieh.
“Din il‑persuna kienet ħajja fi żmien il‑Mastodon,” qal iz‑ziju. “Ħares lejn dawn l‑imnanar. Ara x‑xfafar magħmulin miż‑żnied li taw l‑isem għal dan il‑perjodu, Żmien il‑Ħaġar.”
Rajna skeletri oħrajn sakemm dorna dak iċ‑ċimiterju. Iżda issa kien hemm mistoqsija serja li l‑ebda wieħed minnha ma azzarda jsaqsi. Dawn il‑ħlejjaq kollha spiċċaw hawn minħabba xi taqliba fil‑blat, li mill‑wiċċ kaxkrithom s’hawn, jew minn dejjem kienu jgħixu f’din id‑dinja sotterranja?
S’issa, l‑uniċi ħlejjaq ħajjin li konna ltqajna magħhom kienu mostri u ħut. Imma seta’ jkun li kien għad hawn anki xi bnedmin ħajjin, hawn isfel, jimirħu dawk ix‑xtut deżerti?
***** ***** ***** ***** *****
Komplejna sejrin, u issa lanqas biss konna qed ninkwetaw li stajna nintilfu, tant konna maħkumin mill‑kurżità. Bqajna mexjin fis‑skiet, taħt dak id‑dawl stramb tas‑sajjetti mingħajr dellijiet.
Wara li mxejna madwar mil wasalna fix‑xifer ta’ foresta li kienet miżgħuda bil‑flora tal‑Epoka Terzjarja – siġar tal‑palm enormi, ta’ speċi li llum il‑ġurnata kienu estinti, arznu, tassu, ċipress, koniferi, kollha marbutin flimkien f’għanqbuta kbira ta’ rampikanti.
L‑unika ħaġa li dawn is‑siġar kienu neqsin minnha kien il‑kulur. Billi f’dak il‑lok ma kienx hemm ir‑raġġi tax‑xemx, kienu kollha lewn kannella mitfi. Kienu qishom karta qadima.
Dħalna f’din il‑ġungla. F’daqqa waħda waqaft u ħtaft driegħ iz‑ziju biex inżommu lura. F’dak id‑dawl baxx stajt nara anki l‑iċken oġġetti, u stħajjilt – anzi le, ilmaħt – xi ħaġa enormi li kienet qed tiċċaqlaq qalb dawk is‑siġar!
Kienet merħla ta’ Mastodonti. Imma dawn ma kinux fossili – kienu ħajjin! Dlonk stajna narawhom sew: speċi ta’ iljunfanti enormi, b’dawk it‑trombi twal tagħhom jiddawru qishom sriep, u l‑ħsejjes li kienu qed jagħmlu bin‑nejbiet tal‑avorju tagħhom hekk kif tmiegħku mas‑siġar. Kienu resqin lejna bil‑għaġla.
U mingħajr armi, ma stajniex niddefendu ruħna!
Iz‑ziju baqa’ jħares ċass lejn dawk il‑bhejjem tal‑għaġeb. F’ħin minnhom ħatafni minn driegħi. “Ejja. Ħa nkomplu. Ħa nkomplu.”
“Le!” qbiżt jien. “Le. M’għandniex armi. X’se nagħmlu f’nofs is‑saqajn ta’ dawk il‑ġganti? Inwarrbu minn hawn, zi! L‑ebda bniedem ma jista’ jisfida lil dawk l‑annimali jekk ikunu mgerrxin.”
“L‑ebda bniedem!” tenna z‑ziju b’leħen baxx. “Sejjer żball, Axel. Ħares ’l hemm isfel. Naħseb li nista’ nara kreatura ħajja oħra. Xi ħadd bħalna. Dak raġel!”
Għollejt spallti biex immerih hekk kif dort u ħarist lejn fejn kien qiegħed jipponta. U, ħaġa tal‑għaġeb, ilmaħt raġel, b’zokk twil f’idejh. Mill‑qagħda tiegħu kien jidher qiegħed jirgħa lil dawk il‑mastodonti!
Dan ma kienx fossila. Dan kien raġel tad‑demm u l‑laħam. Kien ġgant twil xi tnax‑il pied u kellu kontroll assolut tal‑annimali. Rasu kienet kbira daqs dik ta’ barri, u wiċċu kien moħbi taħt ix‑xagħar twil, raff u mqanfed li kellu. U dak iz‑zokk li kien qed iżomm kien għasluġ tassew xieraq għax‑xogħol li kien qiegħed jagħmel.
Bqajna nħarsu lejh skantati u mbellhin. Imma seta’ jarana. Kellna bżonn nitilqu minn hemm mill‑aktar fis.
“Ħa nitilqu! Ħa nitilqu!” bqajt ninsisti fuq ix‑xwiek hekk kif kaxkart lil zijuwi minn hemm. Xi kwarta wara, konna twarrabna biżżejjed biex ma jkunx jista’ jarana.
Imma issa, xhur sħaħ wara dik il‑laqgħa, meta nerġa’ naħseb dwarha fil‑kwiet, lanqas naf x’naqbad nemmen. Għajnejja kienu tqarrqu bija? Għadni ma nistax nemmen dak li mingħalija kont rajt. Kif jista’ jkun li kienu jgħixu l‑bnedmin daqshekk fil‑fond taħt l‑art? Kienet idea kompletament assurda għalija!
Nippreferi naħseb li kienet xi speċi ta’ xadina kbira, għalkemm naf li lanqas fossili ta’ xadini preistoriċi ma qatt instabu ta’ dak id‑daqs. Ma jimpurtax. Bilfors li kienet xadina, kbira kemm kienet kbira. Imma raġel, raġel ħaj, qatt!
Kif ħrabna minn qrib dik il‑ħlejqa wasalna ħdejn parti oħra tal‑bajja. Konna bdejna mexjin lura lejn fejn Hans kien qiegħed isewwi ċ‑ċattra, meta xi ħaġa tleqq fir‑ramel ġibditli l‑attenzjoni.
“Dak stallett!” għedt jien mistagħġeb hekk kif ġbartu mill‑art.
“Naħseb waqagħlek qabel,” lissen iz‑ziju.
“Le. Dan mhux tiegħi.”
“Mela nimmaġina li huwa ta’ Hans,” kompla z‑ziju hekk kif ħa l‑istallett minn idi.
It‑ton ta’ leħnu f’daqqa waħda sserja. “Axel,” lissen. “Din hija arma li kienu jġorru l‑irġiel fis‑16‑il seklu! Ħares, ix‑xafra ma tidhirx li qatt intużat kontra xi persuna, u s‑sadid li hemm fuqu ma sarx f’ġurnata, xahar jew sena. Dan sadid ta’ sekli sħaħ!”
“Mela xi ħaddieħor kien ġie hawn qabilna!”
“Iva, u mill‑qagħda tax‑xafra qed naħseb li naqqax ismu biha xi mkien fuq xi blata. U għal darb’ oħra dak ir‑raġel ried jimmarka r‑rotta lejn iċ‑ċentru. Ismu jrid ikun xi mkien fil‑viċin. Ħalli nsibuh”
F’qasir żmien wasalna f’punt fejn il‑bajja djaqet, u bejn żewġ blatiet stajna naraw l‑intrata ta’ għar.
U hemmhekk, fuq ġenb minnhom, imnaqqxin fuq il‑granit, kien hemm żewġ ittri: A.S.
“A.S.!” għajjat iz‑ziju kollu eċċitat. “Arne Saknussemm!”
***** ***** ***** ***** *****
Issa ma stajtx aktar niddubita li dan il‑bniedem kien veru eżista u li kien tassew ittanta jsib iċ‑ċentru tad‑dinja. F’temp ta’ ftit sekondi insejt kollox: il‑perikli tal‑vjaġġ tagħna u l‑isfidi li kellna niffaċċjaw sakemm immorru lura. Ladarba xi ħadd kien irnexxielu jagħmel dan, jien qtajtha li nwettqu wkoll.
“Inkomplu sejrin! Inkomplu sejrin!” lissint kollni ħerqan.
Kien iz‑ziju, li s‑soltu jkun daqshekk fuq ix‑xwiek, li fakkarni li qabel xejn kellna mmorru lura fejn Hans u ċ‑ċattra; u li kellna bżonn it‑tagħmir tagħna kollu.
Sakemm wasalna lura Hans kien laħaq sewwa ċ‑ċattra u stiva l‑affarijiet kollha pulit fuqha, għalhekk ma kienx hemm bżonn naħlu aktar ħin, u rħejnilha lejn il‑mina minn fejn kellna ngħaddu biex inkomplu l‑vjaġġ tagħna.
Il‑fetħa tal‑mina kienet kważi ċirkulari, x’aktarx iffurmata minn xi lava ħafna snin qabel. Iżda lanqas ilħaqna mxejna għaxar passi li ma sibniex blata kbira li kienet qed timblokka l‑passaġġ għal kollox. Ma kien hemm l‑ebda mod la kif inċaqalquha u lanqas kif induru magħha.
“Hemm mezz wieħed biss,” għedt jien. “Porvli! Se jkollna bżonn intajruha minn hawn.”
Ma domniex ħafna biex ippakkjajna ftit porvli f’xi toqob madwar il‑blata u lestejna niċċa. Hans u z‑ziju marru ħdejn iċ‑ċattra. Jien xgħelt in‑niċċa u lebbitt għal ħdejhom.
“Itla’ abbord,” għajjat iz‑ziju, “ħalli noħorġu ’l barra.”
Hans imbotta ċ‑ċattra bis‑saħħa kollha tiegħu, u ħariġna madwar mitt metru ’l barra fl‑ilma. Ma naħsibx li smajt il‑ħoss tal‑isplużjoni, imma f’daqqa waħda l‑forma tal‑blat li kellna quddiemna tbiddlet għal kollox. Il‑ħajt li kellna quddiemna ftit sekondi qabel ħesrem infetaħ bħal siparju.
Dehret fetħa kbira u fonda. Il‑baħar sar mewġa waħda kbira, u ċ‑ċattra għoliet fuq il‑quċċata tagħha. Il‑mewġa mbuttatna lejn il‑fetħa.
Fi ftit sekondi d‑dawl tbiddel f’dalma liema bħalha. Ħassejt li taħti kollox kien qiegħed iċedi – mhux biss iċ‑ċattra, imma ta’ taħtha wkoll. Ħassejt li ċ‑ċattra kienet nieżla ’l isfel bħallikieku taħtha ma kien hemm l‑ebda qiegħ li jżommha.
Minkejja li kien hemm dlam ċappa, l‑istorbju tal‑ilma jirbombja ma’ widnejja u t‑twerwir tiegħi stess, intbaħt x’kien ġara.
Taħt il‑blata li tajjarna kien hemm abbiss fond. L‑isplużjoni qanqlet terremot. Infetħet ħofra enormi fejn qabel kien hemm il‑blata, u issa l‑baħar kien nieżel f’dak l‑abbiss, u jkaxkar lilna miegħu.
Iggranfajna ma’ xulxin biex ma ntirux minn fuq iċ‑ċattra, li bdiet tagħtini skossi qawwijin kull meta bdiet taħbat mal‑blat. Iżda n‑numru ta’ ħbit beda jonqos u nnutajt li l‑mina bdiet titwessa’. Bla dubju ta’ xejn din kienet ir‑rotta li kien qabad Saknussemm. Iżda minflok sempliċement nimxuha, aħna konna kaxkarna l‑baħar kollu magħna!
U bqajna niżlin ’l isfel u ’l isfel. Ma stajtx naħseb sew waqt dik in‑niżla tant għaġġelija li stħajjiltha aktar waqgħa. Meta niftakar kemm ir‑riħ kien qiegħed jaħbat qawwi ma’ wiċċi, naħseb li konna qegħdin ngħaġġlu aktar minn ferrovija express.
U bqajna niżlin u niżlin, priġunieri ta’ dak l‑ilma qawwi. Fejn konna se nispiċċaw?
Bqajna niżlin għal xi siegħa jew sagħtejn. In‑niżla tal‑ilma kienet aktar mgħaġġla mill‑aktar kurrenti perikolużi ta’ xi xmajjar Amerikani. U sadanittant konna sejrin aktar u aktar fil‑fond lejn il‑qalba tad‑dinja.
F’daqqa waħda, f’dak id‑dlam ċappa, tfaċċa l‑wiċċ kalm ta’ Hans. Kien irnexxielu jixgħel fanal. Ħadt l‑opportunità biex niċċekkja l‑affarijiet li kellna.
B’diżappunt kbir intbaħt li fl‑isplużjoni konna tlifna l‑parti l‑kbira tat‑tagħmir. U ftit wara rajt li l‑ikel konna tlifnieh kważi kollu wkoll. Anki kieku b’xi mod konna se nsalvaw minn dak il‑kurrent qalil, żgur mhux forsi konna se nispiċċaw mejtin bil‑ġuħ.
L‑għaġla tal‑kurrent irduppjat wara ftit żmien, u l‑ilma bidel f’niżla aktar wieqfa. Ma bdejtx inħoss ġismi nieżel aktar, imma bdejt inħossu jaqa’, għax in‑niżla tagħna issa kienet kważi vertikali.
F’daqqa waħda ħassejt skoss qawwi. Iċ‑ċattra fil‑fatt ma kienet ħabtet ma’ mkien, iżda xi ħaġa waqqfet il‑waqgħa tagħha ħesrem. Kolonna enormi ta’ ilma waqgħet fuqna b’sabta liema bħala u qatgħetilna nifisna. Ħassejtni kont qiegħed negħreq.
Madankollu dan id‑doċċa ma damitx wisq. Ftit sekondi wara stajt nerġa’ nieħu n‑nifs. U t‑tlieta li aħna konna għadna fuq iċ‑ċattra.
Komplejna sejrin b’dan ir‑ritmu, għalkemm bi ftit inqas ħeffa, u minflok l‑irbumbjar kontinwu tal‑baħar madwarna, issa waqa’ skiet perfett. Smajt liz‑ziju jkellimni minn taħt l‑ilsien:
“Telgħin ’il fuq!”
Hekk kien tassew. L‑ilma kien wasal fil‑qiegħ, u issa kien qiegħed jogħla għal‑livell naturali tiegħu. Kien qiegħed jerfagħna miegħu.
***** ***** ***** ***** *****
Ir‑rotta tagħna ’l fuq baqgħet sejra tul il‑lejl kollu, bl‑unika differenza li bdiet tiżdied is‑sħana bil‑qajla. Lejn xi l‑ħamsa ta’ filgħodu, iz‑ziju lissen:
“Aħjar nieklu xi ħaġa. Jekk nibqgħu inġebbdu biex nibżgħu għall‑ftit ikel li għad fadlilna se nispiċċaw dgħajfin wisq biex nagħmlu xi ħaġa meta nsibu ċans naħarbu minn hawn.”
Għalhekk ħadna dik li għalija kienet l‑aħħar ikla, anki għaliex l‑ikel issa kien spiċċa għal kollox. Wara li lestejna, jien u Hans bqajna siekta, ħosbiena, iżda z‑ziju kien għadu qiegħed jeżamina l‑formazzjoni tal‑blat tal‑ħajt tal‑mina u jgemgem xi ismijiet ġeoloġiċi:
“Granit tal‑eruzzjoni. Mela għadna fl‑epoka primittiva. Imma għadna sejrin ’il fuq!” U ftit wara: “Dan huwa gness. U dan huwa mika tal‑iskist. Tajjeb! Mela dalwaqt nilħqu l‑istrata tradizzjonali.”
Kien qiegħed isegwi r‑rotta tagħna skont it‑tip ta’ blat li kien qiegħed jara, waqt li dan il‑ħin kollu t‑temperatura kienet qed togħla. Ilkoll bdejna nħaffu ftit minn ħwejjiġna, u meta kumbinazzjoni idi messet l‑ilma, ħriġtha ’l barra mall‑ewwel.
“L‑ilma jagħli!” għedt mistagħġeb.
Dan ma deherx li inkwieta ħafna liz‑ziju.
“Kont qed nistennieha,” wieġeb bil‑kalma. “Ninsabu fil‑bokka ta’ vulkan – l‑aħjar ħaġa għalina bħalissa!”
L‑aħjar ħaġa? Kien qed jiġġennen? Għalfejn kien daqshekk kalm?
“Qegħdin fil‑qalba ta’ baħar tan‑nar, blat maħlul u ilma jagħli!” qbiżt jien, mibluh. “Il‑vulkan se jobżoqna ’l barra, jitfagħna bl‑addoċċ, ma’ blalen tan‑nar kollha madwarna – u qed tgħid li l‑aħjar ħaġa għalina!”
“Iva,” wieġeb il‑professur fil‑pront. “Għax hija l‑unika triq lejn il‑wiċċ.”
***** ***** ***** ***** *****
Qattajna l‑lejl kollu telgħin ’il fuq. L‑istorbju madwarna rdoppja u jien kont kważi se nifga. Ħsibt li dik kienet l‑aħħar siegħa ta’ ħajti. Taħt iċ‑ċattra kien hemm ilma jagħli, u taħt dak kien hemm baħar lava maħlul.
Lejn filgħodu l‑ħeffa tat‑telgħa żdiedet. Issa bdejt nara ħafna fetħiet fil‑ġnub b’ħafna fwar ħiereġ minnhom, u l‑ħitan bdew jarmu ħafna sajjetti.
“Ara zi! Ħares ’l hemm!” għajjatt f’ħin minnhom.
“Dak sempliċement kubrit jaqbad. Xejn speċjali meta jiżbroffa vulkan.”
“Imma jekk jaqbad kollu madwarna? Se jgħattanna!”
“Mhuwiex se jgħattanna,” wieġeb il‑professur bil‑kalma kollha. “Il‑bokka qed titwessa’.”
Dan ma kkonvinċieni xejn. L‑ilma issa kien għeb għal kollox, u ma kien hemm xejn ħlief il‑lava tikwi. Kieku kellna termometru dak il‑ħin żgur li kien jimmarka mas‑sebgħin grad ċentigradi, jekk mhux aktar!
F’daqqa waħda ħassejna skoss kbir u waqafna għal kollox. Ftit sekondi wara laqatna skoss ieħor u reġa’ għolliena ’l fuq. Skoss ieħor, u skoss ieħor, u bqajna sejrin hekk għal ftit żmien. Kien jidher ċar li ma konniex fil‑bokka ewlenija tal‑vulkan, imma f’xi kanal iżgħar fuq il‑ġenb.
Is‑sħana qawwija kienet qed tisturdini, u ma niftakarx eżatt x’ġara fis‑sigħat ta’ wara. Għandi biss idea ta’ ħafna splużjonijiet, taċ‑ċattra ddur u ddur bħal żugraga, u titla’ u tinżel mal‑mewġ tal‑lava u tal‑ilsna tan‑nar li kienu dawra mejt madwarna.
***** ***** ***** ***** *****
Meta ftaħt għajnejja, sibt ruħi mimdud fuq biċċa art imxaqilba, biz‑ziju u Hans ħdejja. Kollha kemm aħna konna mbenġlin sew, iżda ma konniex imweġġgħin gravi.
Fuq rasna, madwar 500 pied ’il bogħod minn fejn konna qegħdin, kien hemm il‑bokka ta’ vulkan li bejn wieħed u ieħor kull kwarta kien qed jobżoq fl‑arja kolonna għolja ta’ lava u ġebel ħaffief, nar u rmied, bi splużjoni kbira. Taħtna kien hemm xena sabiħa tal‑kampanja, għelieqi miżgħuda b’siġar taż‑żebbuġ, dwieli u rummien.
Bdejna niżlin, u wara xi sagħtejn iltqajna ma’ tifel. Iz‑ziju staqsieh fejn konna ninsabu bil‑Ġermaniż. It‑tifel deher li ma fehemx. Iz‑ziju ttanta jkellmu bl‑Ingliż u mbagħad bil‑Franċiż, iżda t‑tifel baqa’ ma weġibx. Fl‑aħħar iz‑ziju staqsieh bit‑Taljan.
“Stromboli!” wieġeb it‑tifel fil‑pront.
“Stromboli! Stromboli!” tennejt jien.
Mela konna f’nofs il‑Mediterran! Xi vjaġġ kien dak! Vjaġġ tassew straordinarju! Inżilna minn vulkan, u tlajna minn ieħor 4,000 mil ’il bogħod!
Konna morna fiċ‑ċentru tad‑dinja u rġajna lura qawwijin u sħaħ!
Akustiku: Li għandu x’jaqsam mal‑ħoss u s‑smigħ. [Lura]
Alkemista: Wieħed li mijiet ta’ snin ilu kien jagħmel esperimenti bil‑kimika. [Lura]
Alluċinazzjoni: Meta tara, tisma’ tħoss jew ixxomm xi ħaġa li mhix tassew hemm jew ma teżistix. [Lura]
Atlas: Ktieb bil‑mapep ta’ pajjiżi u kontinenti. [Lura]
Awrora borealis: Forom ta’ dwal b’ħafna lwien, qishom purtieri, li xi drabi jidhru fis‑sema billejl fl‑artijiet ta’ fuq tad‑dinja. [Lura]
Ċentigradi: Tip ta’ kejl għat‑temperatura. [Lura]
Eruzzjoni: Meta jiżbroffa vulkan u jibdew ħerġin ħafna lava u duħħan minnu. [Lura]
Ġebel ħaffief: Ġebel mitħun ħafna sakemm isir kważi trab. [Lura]
Ġeoloġi: Xjenzati li jistudjaw it‑tipi differenti ta’ ġebel fid‑dinja. [Lura]
Glaċiera: Blokka kbira ta’ silġ li l‑ħin kollu tiċċaqlaq taħt il‑piż tagħha stess. [Lura]
Gness: Tip ta’ blat. [Lura]
Granit: Tip ta’ ġebla iebsa ħafna. [Lura]
Kratier: Il‑ħofra ewlenija minn fejn jiżbroffa vulkan. [Lura]
Kwaternarju: Perjodu ta’ żmien li ninsabu fih u li beda madwar żewġ miljun sena ilu. [Lura]
Latitudni: Żona fuq id‑dinja li turi kemm pajjiż huwa qrib it‑Tramuntana, in‑Nofsinhar, jew l‑ekwatur. [Lura]
Manuskritt: Dokument miktub bl‑idejn, mhux stampat. [Lura]
Mil: Kejl ta’ distanza antik Ingliż bejn wieħed u ieħor jiġi ftit aktar minn kilometru u nofs. [Lura]
Mika tal‑iskist: Tip ta’ blat. [Lura]
Mnanar: Il‑plural ta’ mannara. [Lura]
Parċmina: Speċi ta’ karta magħmula mill‑ġild tal‑annimali li kienu jiktbu d‑dokumenti fuqha fl‑antik. [Lura]
Peniżola: Biċċa art imdawra mill‑baħar fuq tliet naħat. Eż., L‑għolja Xiberras, fejn tinsab il‑belt Valletta, hija peniżola. [Lura]
Pied: Kejl Ingliż għat‑tul − madwar 30.48 ċentimetru. [Lura]
Promontorju: Art dejqa u għolja li toħroġ ’il barra fuq il‑baħar. [Lura]
Pulzier: Kejl Ingliż, daqs 2.54 ċentimetru. Pied fih tnax‑il pulzier. [Lura]
Avventura | Drama | Esplorazzjoni | Fantasija | Fantaxjenza | Ħrejjef | Leġġendi | Letteratura għat-Tfal | Letteratura Maltija | Makabru | Misteru | Mitoloġija | Rumanzi Klassiċi | Storja