Jules Verne
(1828-1905)


Sors: wikipedia.org/GIMP

Ġeneri
Avventura | Drama | Esplorazzjoni | Fantasija | Fantaxjenza

Darba, meta Jules Verne kien għadu tifel, kiteb, “Nixtieq ikolli avventuri f’postijiet strambi ‑ postijiet b’ħafna siġar tal‑palm, għasafar ta’ kull lewn, f’ġungli misterjużi u għerien li ħadd qabel ma jkun żar, b’passaġġi sigrieti u mudlama.”

Tant kien iħobb l‑avventura li Verne ħarab minn daru meta kien għadu żgħir. Ħallas lil tifel ieħor biex jieħu postu bħala baħri fuq vapur. Meta l‑vapur salpa beda jaħseb li se jsib dawk il‑pajjiżi kollha meraviljużi li kien joħlom bihom. Imma fil‑fatt il‑ħajja ta’ baħri kienet iebsa, u mhux daqshekk eċċitanti daqskemm kien ħaseb hu. Għadda l‑parti l‑kbira ta’ ħinu isfel fl‑istiva, jaqdi liċ‑ċorma u jnaddaf il‑kabini u jaħsel il‑platti fil‑kċina. Meta l‑vapur wasal f’port sab lil missieru qed jistennieh biex jieħdu lura d‑dar, u Verne ħa r‑ruħ meta rah.

Verne qatta’ tfulitu f’Nantes, il‑belt fi Franza fejn kien twieled nhar it‑8 ta’ Frar, 1828. Kien tifel b’immaġinazzjoni fertili, u kien jiddeverti lil ħbiebu billi jpenġilhom affarijiet li għal żmienu kienu strambi u ta’ barra minn hawn, bħal karettuni li jimxu mingħajr żwiemel. Għal dawn iż‑żminijiet dawn mhumiex affarijiet strambi, iżda fi żmien Verne karozzi kienu għadhom ma jeżistux. Kien tifel atletiku wkoll, u kien iħobb jiġġerra fl‑għelieqi.

Verne kien iħobb jikteb stejjer tal‑avventura u reċti, imma lil missieru ma kienx jgħidlu bihom għax kien jaf li ma kienx jieħu pjaċir. Missieru kien avukat ta’ suċċess, u minn dejjem xtaq li ibnu jsir bħalu. Meta Verne għalaq is‑sittax‑il sena beda jistudja l‑liġi fl‑uffiċċju ta’ missieru.

Meta kien lest biex jagħmel l‑ewwel eżami ta’ avukat mar Pariġi. Għadda mill‑eżami, u reġa’ mar daru. Madankollu xorta baqa’ jaħseb li xi darba jerġa’ jmur lura Pariġi biex jgħix hemm bħala kittieb professjonali.

Reġa’ mar Pariġi f’Novembru tal‑1848 biex jagħmel eżami tal‑liġi ieħor. Din id‑darba ltaqa’ ma’ Alexandre Dumas u malajr saru ħbieb. Dumas qara r‑reċti ta’ Verne u qatagħha li jipproduċi waħda minnhom. Verne ħassu eċċitat mhux bil‑ftit b’din l‑opportunità, għax tatu aktar kuraġġ biex ikompli f’dik it‑triq.

Reġa’ għadda mill‑eżami għal avukat, imma din id‑darba baqa’ Pariġi u kiteb lil missieru. “M’iniex ġej lura d‑dar, u biħsiebni niddedika ruħi għal‑letteratura. Forsi b’hekk insir kittieb tajjeb, imma jekk naħdem bħala avukat jien ċert li nkun avukat ħażin.”

Il‑ħajja f’Pariġi madankollu kienet waħda iebsa. Biex jaqla’ ftit flus beda jagħti lezzjonijiet tal‑liġi lil avukati studenti. Għalkemm ħadem iebes, fil‑bidu ma għamilx ħafna suċċess. Fl‑1857 iżżewweġ armla li kien diġà kellha żewġt itfal, u issa kellu wkoll ir‑responsabbiltà ta’ familja x’isostni.

Fl‑aħħar sar famuż fl‑1863 meta ppubblika Ħames Ġimgħat f’Ballun tal‑Arja. Ir‑rumanz sar popolari ħafna u Verne kiseb il‑fama ta’ kittieb żagħżugħ ta’ kalibru għoli.

Wara dan kiteb ħafna rumanzi oħra, fosthom Dawra mad‑Dinja fi Tmenin Jum, Mid‑Dinja sal‑Qamar, Vjaġġ Lejn iċ‑Ċentru tad‑Dinja, Mikiel Strogoff: Messaġġier taż‑Żar u Għoxrin Elf Lega Taħt il‑Baħar.

Qabel ma kien jibda jikteb rumanz, Verne kien jaqra kull ma jsib dwar it‑tema li kien biħsiebu jikteb dwarha. Kellu l‑immaġinazzjoni ma kienet tispiċċa qatt, u dan għenu ħafna biex sar espert fil‑fantaxjenza. Irnexxielu jbassar l‑invenzjoni tal‑bozza, tas‑sottomarin u tal‑arloġġ elettriku, fost affarijiet oħra.

L‑Akkademja Franċiża onoratu billi tagħtu l‑Leġjun tal‑Unur għax‑xogħol letterarju tiegħu. Miet famuż u sinjur fl‑1905.

© Norman C. Borg

Kotba fil-Librerija
Dawra mad-Dinja fi Tmenin Jum  20,000 Lega taħt il-Baħar    Vjaġġ Lejn iċ-Ċentru tad-Dinja 

***** ***** stat_3 ***** *****