Ġeneri
Fantasija
Leġġendi
Mitoloġija
1: Ulied Nefele
2: L-Ispirtu ta’ Friksus
3: Kejron iċ-Ċentawr
4: Ġasun jasal f’Jolkus
5: L-Isfida ta’ Peljas
6: Jibda l-vjaġġ tal-Argonawti
7: L-Ulied bniet tar-Re Aete
8: Ġasun jegħleb l-Isfidi
9: Ġasun jikseb it-Tusun
10: Xilla u Karibbidi
11: Il-Vjaġġ lura
Noti
Adattament għall-Malti:
Norman C. Borg
© Norman C. Borg
Darba waħda, fi żmien bikri, kien hemm Atamus, ir‑Re ta’ Jolkus. Ir‑reġina tiegħu, Nefele, kienet alla tas‑sħab. Kellhom żewġt itfal, Friksus it‑tifel, u t‑tifla Ħella. Kull sajf, minħabba t‑temp sabiħ, ir‑Reġina Nefele kienet titlaq lill‑familja, u r‑re dejjem kien b’qalbu sewda f’dawn iż‑żminijiet.
Biż‑żmien Atamus beda jixba’ bin‑nuqqas ta’ martu, u kull meta kienet titlaq, kien idaħħal fil‑palazz saħħara bl‑isem ta’ Ino. Ino minn dejjem għamlet tabirruħha li kienet tħobb lit‑tfal, imma fil‑fatt ma kenitx tista’ għalihom. Darba Nefele ma ġietx lura wara s‑sajf, u wara li għadda ħafna żmien jistenna ’l martu għalxejn, Atamus fl‑aħħar iżżewweġ lil Ino. Minnufih, Ino bdiet iġġib ruħha ħażin mat‑tfal. Bdiet tlibbishom ħwejjeġ tal‑foqra u tibgħathom jilagħbu mat‑tfal tar‑rgħajja, tant li kienu jqattgħu jiem sħaħ jirgħu in‑ngħaġ fl‑għelieqi.
B’Nefele nieqsa, sħab ma baqax jiġi fuq il‑pajjiż, u kien hemm nuqqas kbir ta’ xita. L‑għelieqi bdew jinxfu u kien hemm għaks u ġuħ mall‑pajjiż kollu. B’disprament, Atamus bagħat messaġġier lill‑Oraklu f’Delfi, biex jitlob parir dwar x’kellu jagħmel biex jerġa’ jġib l‑hena fil‑pajjiż. Ino sabet ix‑xoqqa f’moxtha biex teħles mit‑tfal darba għal dejjem. Ħallset lill‑messaġġier biex jgħid lil Atamus dak li riedet hi. Malli l‑messaġġier wasal lura minn Delfi, qal lil Atamus li biex jikkuntenta lill‑allat kellu jissagrifika lil uliedu Friksus u Ħella.
B’qalbu sewda, Atamus qatagħha li jagħmel dak li riedu l‑allat għall‑ġid tal‑pajjiż. F’qasir żmien, ippreparaw il‑post fejn it‑tfal kellhom jiġu ssagrifikati. Iżda Nefele setgħet tara mill‑bogħod dak li kien qed jiġri, u malli ħarġu lit‑tfal għas‑sagrifiċċju, bagħtet muntun bil‑pil tad‑deheb biex jeħlishom. Ħesrem, infetħu s‑smewwiet, il‑muntun feġġ minn qalb is‑sħab u niżel dritt lejn it‑tfal. Friksus u Ħella qabżu dlonk fuq dahar il‑muntun, u bihom tar ’il bogħod minn hemm u fuq il‑Baħar Ewksinu (illum il‑Baħar l‑Iswed).
B’xorti ħażina Ħella żelqet minn fuq dahar il‑muntun, waqgħet fil‑baħar u għerqet. Dik il‑parti tal‑baħar illum tissejjaħ il‑Ħellespont, f’isimha. Sadattant, il‑muntun wassal lil Friksus fil‑pajjiż ta’ Kolċis, fuq ix‑xtut taċ‑Ċirkassja (illum il‑Kawkasu, fil‑Georgia).
Wara ftit żmien Friksus iżżewweġ lit‑tifla tar‑Re Aete, u bħala sagrifiċċju għat‑tieġ offra l‑muntun tad‑deheb. Ir‑Re Aete dendel il‑ġeżża tal‑muntun ma’ siġra fil‑bosk ta’ Ares, l‑alla tal‑gwerra. Hemmhekk ħalla serp feroċi biex jgħassu, u minn dakinhar beda jissejjaħ it‑Tusun tad‑Deheb.
Aktar tard, Friksus miet, imma l‑ispirtu tiegħu ma sabx paċi, għax kien midfun ’il bogħod mill‑maħbuba art twelidu.
Għalhekk beda jidher fil‑ħolm tal‑ġellieda qalbenin ta’ Jolkus, biex imorru jeħilsu l‑ispirtu tiegħu u jeħduh lura f’pajjiżu. Fil‑ħolm spjegalhom li biex l‑ispirtu tiegħu seta’ jmur lura f’pajjiżu, kellhom imorru fl‑art ta’ Kolċis, u jġibu minn hemm it‑Tusun tad‑Deheb.
Il‑ġellieda ta’ Jolkus irrakkuntaw lil xulxin dak li Friksus kien qalilhom fil‑ħolm. Madankollu ħadd minnhom ma kellu l‑kuraġġ jibda l‑vjaġġ twil u perikoluż lejn l‑art ta’ Kolċis.
Minn fosthom kien qalbieni biżżejjed biex imur isib it‑Tusun tad‑Deheb u jġibu lura f’Jolkus?
Sadanittant, il‑kuġin ta’ Friksus, ir‑Re Ejson ta’ Jolkus, kellu jaħrab minn pajjiżu ma’ ibnu, imkeċċi minn Peljas. Peljas kien ħu Ejson min‑naħa ta’ ommu, u kien bniedem stuż u ambizzjuż. Ejson u ibnu ħarbu qalb il‑muntanji. Hemmhekk, malli waslu quddiem għar imdallam, Ejson qal lil ibnu biex jidħol mingħajr biża’ ta’ xejn, u jitlob l‑għajnuna lil min isib hemm ġew, ikun min ikun.
It‑tifel hekk għamel, u fil‑għar iltaqa’ ma’ Kejron iċ‑Ċentawr, li kien parti raġel, parti żiemel u parti alla. Ejson talbu l‑għanjuna kif missieru qallu jagħmel, u Kejron wiegħdu li jagħmel minn kollox biex jgħinu.
Kejron beda jgħallem ħafna affarijiet lit‑tifel: mużika, imġiba tajba u anki kif jiġġieled. It‑tifel kien student intelliġenti, u malajr tgħallem.
Kejron għallmu wkoll kif juża pjanti u ħxejjex biex jagħmel il‑mediċina, u t‑tifel tant kiseb ħila li Kejron semmieh Ġasun, li tfisser ‘dak li jdewwi’.
Fl‑aħħar kien wasal il‑waqt li Ġasun jitlaq lil Kejron. Iċ‑Ċentawr kien għallmu dak kollu li kien jaf, u qabel ma telaq, Kejron avża lil Ġasun li kellu jgħaddi minn ħafna perikli qabel ma seta’ jieħu lura t‑tron ta’ missieru.
Ġasun dlonk qabad it‑triq lejn Jolkus. Fi triqtu lemaħ xwejħa bilqiegħda maġenb it‑triq maġenb xmara. Malli ratu, għajtitlu b’leħen kemxejn rozz. “Ġuvnott, f’ġieħ l‑Alla Ħera, għinni naqsam ix‑xmara.”
Għall‑ewwel, minħabba t‑ton li kellmitu bih, ma kienx se jagħti kas lix‑xwejħa, iżda mbagħad ftakar f’dak li kien għallmu Kejron, u li kellu jgħin lil min ikun fil‑bżonn. Għaldaqstant waqaf quddiem ix‑xwejħa. “F’ġieħ Ħera,” lissen, “reġina tal‑allat kollha, nagħmel dak li tlabtni.”
Ġasun refa’ lix‑xwejħa wara daru, u stagħġeb ftit bit‑toqol tagħha għalkemm kienet żgħira u tidher xipli. Bil‑qajla beda jaqsam ix‑xmara. Il‑kurrent kien kemxejn qawwi, u Ġasun kien se jiżloq aktar minn darba. Mument minnhom, tilef sandla fl‑ilma ġieri. Dan il‑pjaċir li kien qed jagħmel kien aktar perikoluż milli kien jidher!
Malli waslu nofs triq, ix‑xwejħa bdiet tgħajjat. “Ara fejn int miexi, ħmar! Oqgħod attent! Se xxarrabli ħwejġi!” Bdiet saħansitra tagħtih bil‑ponn fuq spalltu. Ġasun għamel minn kollox biex ma jagħtix kasha hekk kif baqa’ jissara biex ma jiżloqx f’dak l‑ilma kiesaħ.
Fl‑aħħar, Ġasun irnexxielu jilħaq ix‑xaqliba l‑oħra tax‑xmara. Poġġa lix‑xwejħa bil‑mod fuq blata xotta – waqt li hi kienet għada qed tgerger – u nxteħet mimdud fuq il‑ħaxix, bla nifs. Ġasun kien pulit wisq biex jirrispondi għat‑tgergir u l‑insulti tax‑xwejħa, għalhekk ħa nifs twil u minn taħt l‑ilsien iżża ħajr lill‑allat li l‑kurrent tax‑xmara ma kienx kaxkarhom miegħu.
F’daqqa waħda x‑xwejħa għosfrot, u minflokha Ġasun ra mara sabiħa. “Jiena Ħera, il‑mara tal‑alla Żeus,” qaltlu. “Ladarba inti lest li tgħin lil kull min ikun fil‑bżonn mingħajr tgergir ta’ xejn, jiena lesta li ngħinek kull meta jkollok bżonni.”
Issa Ġasun kien tassew kuntent li l‑alla Ħera kienet wegħditu l‑għajnuna tagħha, u f’qasir żmien wasal fil‑belt ta’ Jolkus, izappap billi kellu sandla waħda biss.
Ġasun osserva li kulħadd beda jħares ċass lejh hu u miexi tul it‑toroq. Ħadd ma kellmu, iżda raġel resaq lejh.
“Ma naf x’jismek, ġuvnott,” qallu, “iżda nixtieq navżak biex toqgħod attent mir‑Re Peljas. Huwa tirann kattiv u bla skrupli, u fil‑belt kulħadd jaf li l‑Oraklu ta’ Delfi bassar li għad jiġi raġel b’sandla waħda u joħodlu t‑tron.”
Ġasun irringrazzja lir‑raġel għall‑parir tiegħu, madankollu xorta waħda baqa’ sejjer fi triqtu lejn il‑palazz tar‑re.
Stagħġeb meta, hekk kif wasal u ħabbar min kien, ir‑Re tbissimlu u laqgħu b’idejh miftuħin. “Xi darba dan it‑tron jista’ jkun tiegħek,” qallu, “jekk dan huwa dak li jixtiequ l‑allat. U waħda mill‑bniet tiegħi tista’ tkun ir‑reġina tiegħek.”
Mela dan kien Peljas, ir‑re li rrid inwaqqa’ minn fuq it‑tron – beda jaħseb Ġasun – il‑bniedem li avżawni tant biex noqgħod attent minnu. Dan it‑tbissim u kliem sabiħ bilfors li huwa mod kif jaħbi l‑qerq tiegħu.
Peljas stieden lil Ġasun biex jibqa’ jgħix fil‑palazz miegħu. Darba waħda qallu dwar l‑ispirtu ta’ Friksus, u kif kien qiegħed jinkwieta lill‑ġellieda tiegħu. Spjegalu kif l‑uniku mod biex jikkwitaw lill‑ispirtu kien li jmorru fil‑pajjiż imbiegħed ta’ Kolċis u minn hemm iġibu t‑Tusun tad‑Deheb. Madankollu kulħadd kien jaf li dan kien vjaġġ twil u perikoluż u li seta’ jġib il‑mewt lil min jittanta jagħmlu.
Waqt it‑taħdita, Peljas biddel is‑suġġett, u qal lil Ġasun li kien hemm persuna waħda biss fil‑pajjiż li hu kien jibża’ minnha. Mingħajr ma qallu min kienet dik il‑persuna, saqsieh, “Għandek xi suġġeriment kif nista’ neħles minn din il‑persuna?”
U Ġasun wieġbu fil pront, “Dażgur. Għax ma tqabbdux imur ifittex it‑Tusun tad‑Deheb?”
U kien hawn li Peljas f’daqqa waħda biddel għalkollox l‑imġiba tiegħu lejn Ġasun. “Mela inti se titlaq tfittex it‑Tusun minnufih!” qabad jgħajjat. Ġasun kien waqa’ ħelu ħelu fin‑nasba ta’ Peljas!
“Mela jien il‑persuna li qed tibża’ minnha,” wieġeb Ġasun. “L‑Oraklu kien bassar li raġel b’sandla waħda għad joħodlok it‑tron – u jiena għandi sandla waħda!”
Peljas tah tbissima makakka. “Jekk jirnexxilek tiġi lura,” qallu biex jittantah, “nagħtik it‑tron.”
Din kienet sfida li Ġasun kien lest li jilqa’. Minnufih beda jibgħat messaġġi mal‑erbat irjieħ biex jiġbor ċorma ta’ nies qalbenin li kienu lesti jagħmlu l‑vjaġġ miegħu.
U dlonk waslu fil‑belt ta’ Kolċis ħamsin żagħżugħ qalbieni, kull wieħed minnhom l‑iben ta’ xi eroj kbir, u li kollha fl‑imgħoddi kienu mgħallmin miċ‑Ċentawr Kejron.
Kienet l‑alla Ħera li kienet żammet il‑wegħda li tgħin lil Ġasun, għaliex kienet hi li nibtet f’qalb dawk iż‑żgħażagħ kollha l‑kuraġġ meħtieġ biex jingħaqdu ma’ Ġasun fl‑avventura tiegħu. Issa Ġasun kellu miegħu iż‑żgħażagħ l‑aktar nobbli u qalbenin tal‑pajjiż. Kien hemm Erkole il‑qawwi, Tifis it‑tmunier, Peleus missier Akille, li l‑quddiem kellu jkun l‑eroj il‑kbir fil‑gwerra t‑twila kontra Troja, Mopsus li kien jaqra l‑futur u Argos, l‑aqwa bennej tax‑xwieni.
Fil‑fatt kien Argos li mexxiehom fil‑binja ta’ xini kbir b’ħamsin moqdief – wieħed għal kull raġel. Iż‑żgħażagħ ħadmu kemm jifilħu, u b’għaqal kbir, hekk kif basru li ħajjithom kienet se tiddependi minn xini sod u qawwi kontra l‑perikli li kienu merfugħin għalihom u li lanqas setgħu jimmaġinaw.
Ix‑xini semmewh Argos, għal min iddisinjah, u f’qasir żmien lill‑baħrin li kellhom isalpaw fuqu bdew isejħulhom l‑Argonawti. Wara ġimgħat sħaħ ta’ preparamenti, wasal iż‑żmien li l‑Argonawti jibdew il‑vjaġġ tagħhom. Kien hemm ħafna nies fil‑port biex jagħtuhom l‑aħħar tislima, u fosthom kien hemm Kejron, iċ‑Ċentawr.
Iżda ma kienx se jkun vjaġġ faċli. L‑Argos malajr inqabad f’ maltempati ħorox li ċarrtu l‑qlugħ tal‑bastiment u bandluh ’l hawn u ’l hinn qalb mewġ għoli daqs muntanji. Kienet il‑ħila tat‑tmunier tagħhom, Tifis, li salvat lill‑Argos milli jitkisser mal‑blat kiefer tal‑kosta li baħħru magħha.
Ħafna drabi, maħkumin b’għejja, ġuħ u għatx, kellhom jankraw maġenb bajjiet ta’ ħafna artijiet mhux magħrufa, u sakemm kienu jinżlu biex jistejqru, kellhom jiffaċċjaw popli ġellieda u ħlejjaq perikolużi. Darba minnhom Erkole u ħabibu Ħilas niżlu f’bajja qrib bosk żgħir, biex jikkaċċjaw u jipprovdu ftit ikel liċ‑ċorma. Ħilas tilef triqtu, u waqaf maġenb xmajra. Hemmhekk iltaqa’ ma’ xi ninfi, li ħatfuh u kaxkruh magħhom taħt l‑ilma. Erkole beda jfittex lil sieħbu, iżda malli wasal ħdejn ix‑xmajra, ma sabx lil Ħilas, u għalxejn jsejjaħlu ħafna drabi, għax lil ħabibu qatt ma rah aktar.
Waqt li Erkole beda jdur ifittex lil Ħilas, buffura riħ qawwija kaxkret lill‑Argos lil hinn mix‑xatt. Ix‑xini ma setax idur lura, u lil Erkole abbandunawh waħdu f’dik l‑art. Ir‑riħ baqa’ joħroġ ix‑xini aktar ’il barra u lejn il‑Blat il‑Ġerrej. Dawn kienu grupp ta’ gżejjer, u kienu jissejħu hekk għax ma kellhomx fondamenti mal‑qiegħ. Kienu jżommu fuq wiċċ il‑baħar, għaldaqstant mewġ qalil ta’ spiss kien iħabbathom ma’ xulxin. Issa l‑Argos kien fil‑periklu li jinqabad bejn xi tnejn minnhom u jagħmluh frak.
F’ħin minnhom russett kbir deher jittajjar fil‑għoli fuq ix‑xini. “Araw!” għajjat Ġasun. “L‑Alla Ħera bagħtitilna dak l‑għasfur biex jurina t‑triq! Tellgħu l‑qlugħ u żommu l‑moqdief. Tmunier, mexxina wara l‑għasfur!”
Ir‑russett baqa’ jtir dritt fil‑maltemp, u ressaqhom lejn żewġ qċaċet ta’ muntanji li dehru se jaħbtu ma’ xulxin. L‑għasfur tar minn bejniethom, iżda malli għamel hekk il‑qċaċet ħabtu flimkien u tajrulu żewġ rixiet bojod twal minn denbu.
Hekk kif il‑muntanji ħabtu ma’ xulxin, triegħdu u bis‑saħħa tad‑daqqa reġgħu nfirdu. Ġasun intebaħ li issa kien il‑mument li jiżgiċċaw minn bejn il‑blat sakemm kienu għadhom mifrudin. Għajjat liċ‑ċorma biex iħeġġiġhom jaqdfu bis‑saħħa kollha li kellhom, u bl‑isforz li għamlu l‑Argos ħa skoss kbir ’il quddiem u kien bħallikieku tar ’il fuq mill‑mewġ. Bi skoss ieħor, reġa’ mess wiċċ l‑ilma hekk kif il‑blat tkissru ma’ xulxin għal darb’ oħra, mingħajr ma għamlu l‑ebda ħsara lix‑xini.
B’xorti ħażina, fil‑jiem ta’ wara, iċ‑ċorma ltaqgħet ma’ perikli oħra, u ntilfu ftit mill‑baħrin qalbenin. Tifis u Idom mietu fl‑Art tal‑Lupi, u kellhom jidfnuhom hemm. Sadattant l‑Argos baqa’ jbaħħar lejn il‑Lvant, sakemm fl‑aħħar lemħu s‑soqfa dehbiena tal‑palazzi ta’ Kolċis.
Lemħu wkoll folla kbira ta’ nies qed jistennewhom fil‑port. Quddiem nett kien hemm ir‑Re Aete, liebes kuruna kbira tleqq bid‑dija tax‑xemx. maġenbu kien hemm l‑ulied bniet tiegħu: Medea, ta’ xagħarha iswed, u Kalijope, l‑armla ta’ Friksus.
Hekk kif l‑Argonawti niżlu minn fuq ix‑xini u waqfu quddiemu, Aete staqsiehom, b’leħen aħrax, “Xi tridu minn hawn? Invażuri m’humiex merħba bihom, hawnhekk. Kif qed taraw, jien għandi armata suldati armati sew, kollha qalbenin. Qatt ma tilfu battalja. Jekk tixtiequ tibqgħu ħajjin, jaqblilkom tmorru lura minn fejn ġejtu!”
Ġasun wera li dan il‑kliem ma mpressjonahx. Minflok, bil‑kalma kollha, qal lil Aete ir‑raġuni għalfejn kienu baħħru biex jaslu hemm.
“Biex tieħdu t‑Tusun,” wieġeb Aete, “l‑ewwel ikollkom tirbħu numru ta’ sfidi. Naturalment, jekk tfallu jkun ifisser il‑mewt għalikom kollha. Agħżel bir‑reqqa l‑aqwa raġel li hemm fostkom, u ppreparaw għal għada filgħodu!”
L‑ulied bniet ta’ Aete t‑tnejn qatgħuha li jgħinu lill‑Argonawti: Kalijope għax kienet l‑armla ta’ Friksus, li kien mill‑istess pajjiż ta’ Ġasun, u Medea għax saret tħobbu l‑mument li poġġiet għajnejha fuqu. Kalijope avżatu dwar il‑kefrija ta’ missierha, u tatu parir biex jitlaq minn hemm ma’ sħabu.
Medea kienet saħħara, u avżatu dwar il‑perikli li kellu jiltaqa’ magħhom l‑għada filgħodu.
“L‑ewwel,” qaltlu, “se jkollok tagħmilha ma’ żewġ barrin kbar bi qwieqeb tal‑bronż u mniffsejn li jarmu n‑nar. Wara dawk ikollok taħrat l‑għalqa sagra tal‑alla tal‑gwerra, u tiżra’ fiha snien ta’ serp li minnufih jinbtu fi skeletri li jippruvaw joqtluk!”
“U wara dawk inkun nista’ nikseb it‑Tusun tad‑Deheb?” staqsa Ġasun.
“Jekk tkun għadek ħaj,” wieġbet Medea, “se ssib serp feroċi rieqed taħt is‑siġra fejn hemm imdendel it‑Tusun. Ikollok toqtol lilu biex tieħu t‑Tusun.”
Minn ħwejjiġha ħarġet flixkun żgħir. “Idlek dan l‑ingwent ma’ ġismek kollu,” qaltlu. “Is‑seħer tiegħu jagħtik is‑saħħa ta’ sebat irġiel u jħarsek kemm min‑nar kif ukoll mill‑ħadid.”
L‑għada filgħodu Ġasun iddellek bl‑ingwent li tagħtu Medea, u mar quddiem ir‑Re Aete. “Jiena lest biex nilqa’ l‑isfidi ta’ saħħa u kuraġġ li biħsiebek tagħmilli,” qallu.
Kien Aete stess li wassal lil Ġasun taħt il‑ħitan għoljin madwar l‑għalqa tal‑alla tal‑gwerra. Hekk kif Aete u niesu baqgħu iħarsu minn gallarija fil‑għoli, Ġasun daħal waħdu fil‑għalqa. Faċċata lemaħ rixtellu kbira tal‑ħadid. Dan infetaħ ħesrem, u tfaċċaw żewġ barrin enormi, b’duħħan ħiereġ minn imnifsejhom u qalb l‑ħsejjes tal‑biża’ li bdew jagħmlu bil‑qwieqeb tal‑bronż li kellhom.
Ġasun uża kull setgħa maġika li kellu biex jissara mal‑barrin, u għalkemm kważi nħaraq aktar minn darba minħabba n‑nar f’imnifsejhom, fl‑aħħar irnexxielu jegħlibhom u jimmansahom.
Issa kellu t‑tieni sfida tiegħu. Rabat il‑barrin ma’ moħriet kbir u beda jaħrat l‑għalqa. Wara dan, żera’ s‑snien tas‑serp.
Kif bassret Medea, dawn fis nibtu u ħarġu mill‑art ħamsin skeletru, libsin armaturi u armati sa snienhom. Hekk kif kollha ħabtu għal Ġasun, sema’ lir‑Re Aete jidħaq minn qalb il‑folla, “Bis‑saħħa kollha li għandek żgur mhux se jirnexxilek tegħleb lil dawk l‑għedewwa kollha!”
Iżda Medea kienet wissiet lil Ġasun dwar dan ukoll, u kienet qaltlu s‑sigriet biex ikun jista’ jegħleb lill‑iskeletri. Hekk kif ġrew lejh, Ġasun neża l‑elmu li kellu, u tefgħu f’nofshom. Dan ukoll kien elmu maġiku li kienet ippreparatlu Medea. Malli l‑elmu waqa’ mal‑art qalb l‑iskeletri, dawn waqfu ħesrem u bdew jaħbtu għal xulxin. Baqgħu jiġġieldu u jeqirdu lil xulxin sakemm fl‑aħħar kollha kienu għebu fil‑ħamrija minn fejn kienu nibtu. L‑għalqa issa kienet kollha miksija ħdura, u ma baqa’ jidher xejn mill‑iskeletri u l‑armi tagħhom.
Ġasun baqa’ wieqaf waħdu f’nofs l‑għalqa.
Ir‑Re Aete nfexx f’korla liema bħalha. Mall‑ewwel issuspetta li xi seħer kien għen lil Ġasun, u minnufih dar lejn bintu s‑saħħara. “Dan kollu xogħlok!” beda jgħajjat. “Jekk Ġasun u sħabu jirnexxilhom jieħdu t‑Tusun tad‑Deheb nikkundannak għall‑mewt!”
Mal‑ewwel ċans li kellha tiltaqa’ ma’ Ġasun, Medea qaltlu x’kien biħsiebu jagħmel missierha. “La tibżax,” qalilha Ġasun. “Malli niksbu t‑Tusun, ejja magħna u tkun ir‑reġina tiegħi.”
Issa Medea saret tħobb lil Ġasun ħafna aktar, u kienet aktar iddeterminata li tgħinu. Bil‑għajnuna ta’ ħuha Absirtus u Orfew, il‑ħabib mużiċista ta’ Ġasun, irħewlha lejn is‑siġra fejn kien jinsab it‑Tusun tad‑Deheb. Ġasun u Orfew stagħġbu malli lemħuh, imdendel ma’ fergħa tas‑siġra, jiddi daqs ix‑xemx.
Taħt is‑siġra kien hemm is‑serp qed jistenna, b’għajnejn suwed enormi, nejbiet kollha velenu u twal daqs xwabel, u duħħan ħiereġ minn imnifsejh. Mad‑dehra tiegħu, Ġasun ħass demmu jiksaħ.
Ġasun ittanta jersaq bil‑mod lejn is‑siġra u t‑Tusun, iżda s‑serp dar lejh minnufih u nefaħ fjamma nar lejh. Fil‑pront, Medea ġibdet lil Ġasun lura u ħelsitu minn mewta kerha.
Medea talbet lil Orfew jibda jdoqq melodija fuq l‑arpa tiegħu, waqt li hi ppruvat titfa’ seħer fuq is‑serp. Bil‑mużika ħelwa ta’ Orfew u l‑maġija tagħha, Medea rnexxielha timmansa lis‑serp tant li fl‑aħħar beda saħansitra jilagħqilha idha b’ilsienu, daqslikieku kien ferħ ta’ qattus. Bil‑qajla s‑serp waqa’ f’nagħsa ħelwa.
Kien issa li Ġasun ħataf il‑mument u tela’ jiġri mas‑siġra lejn il‑fergħa fejn kien imdendel it‑Tusun. Ħatfu u qabeż lura mal‑art.
Mingħajr ebda tnikkir, l‑erbgħa telqu jiġru lejn ix‑xatt fejn il‑bqija taċ‑ċorma kienu qed jistennewhom fuq l‑Argos. Ġasun ma qagħadx jistenna li jitla’ abbord. Mill‑bajja beda jgħolli t‑Tusun fuq rasu biex iċ‑ċorma tarah. Fis qam ħafna għajjat u għagħa fuq ix‑xini, u wħud mill‑baħrin bdew itellgħu il‑qala’ sakemm Ġasun u ħbiebu telgħu abbord. Kulħadd kellu seba’ mitt sena biex ifittxu jitilqu minn dik l‑art misħuta.
Imma r‑Re Aete kien jaf b’dak li kienu għamlu, u malli l‑Argos salpa, bagħat warajh l‑aktar xwieni għaġġelin li kellu. Ma kull qadfa x‑xwieni ta’ Kolċis bdew joqorbu aktar u aktar lejn l‑Argos. Medea twerwret għax ma riditx tmur lura għand missierha. Mingħajr ma ħasbitha darbtejn u biex issalva ġildha, ħatfet li ħuha Absirtus u tefgħetu fil‑baħar!
Fil‑ħażen ta’ moħħha kienet taf li missierha, li kien fuq wieħed mix‑xwieni, kien ikollu jwaqqafhom biex isalva lil ibnu mill‑baħar, u b’hekk kien jagħti lill‑Argos ftit aktar ħin biex jilħaq jitbiegħed minnhom. Fil‑fatt ir‑Re Aete hekk għamel.
Iżda malli s‑suldati tellgħu lill‑imsejken Absirtus mill‑baħar, sabu li kien laħaq għereq. B’sogħba u disperazzjoni, Aete ordna lix‑xwieni tiegħu jduru u jmorru lura Kolċis.
Madankollu, l‑imġiba vili ta’ Medea lejn ħuha ħakmet lill‑allat kollha f’għadab liema bħalu, tant li tefgħu tempesta qalila fuq il‑baħar, u l‑Argos beda jitqalleb bil‑qawwi qalb mewġ għoli daqs muntanji.
Issa l‑Argonawti bdew jibżgħu għal ħajjithom. Fehmu li dik il‑maltempata kien bi tpattija ta’ għemejjel Medea, u wħud daru fuqha biex jaħtfuha u jixħtuha l‑baħar ħalli jaħtafha l‑alla tal‑baħar Posejdun u jtaffu l‑korla tal‑allat.
Madankollu Medea kienet stuża, u qaltilhom li fi treqithom lura kellhom jiltaqgħu ma’ ħafna perikli oħra – perikli li, bis‑seħer tagħha, setgħet teħlishom minnhom. Dan qalitu waqt li xeħtet seħer fuq l‑Argonawti kollha, sakemm fl‑aħħar ikkonvinċiethom biex jitilquha.
Tabilħaqq, is‑seħer ta’ Medea għen lill‑Argonawti jiskartaw bosta perikli.
Darba minnhom tul il‑vjaġġ, l‑Argos resaq lejn gżira fejn madwarha kienu jgħixu s‑sireni, ħlejjaq nofshom bnedmin u nofshom ħut. Is‑sireni bdew ikantaw melodija ħelwa li bdiet issaħħar lill‑baħrin. Uħud minnhom intilfu wara l‑kant, u qabżu l‑baħar biex jilħqu lis‑sireni. Iżda dawn bdew jegħerqu fl‑ilma mqalleb.
Medea rat li l‑baħrin kollha kienu waqgħu taħt is‑seħer tas‑sireni, u li kienu fil‑periklu li jispiċċaw kollha mgħarqin. Għalhekk fis reġgħet talbet li Orfew biex idoqq l‑arpa tiegħu u jgħanni jgħajjat kemm jiflaħ. Bis‑seħer tagħha, Medea seħħilha tqawwi l‑kant ta’ Orfew tant li dan tefa l‑għana tas‑sireni. Il‑baħrin ma baqgħux mitlufin minn sensihom wara l‑kant imsaħħar, u setgħu jkomplu jaqdfu lil hinn minn dik il‑gżira perikoluża.
Iżda issa l‑Argos kien wasal fil‑Fliegu ta’ Sqallija, u hawn kellhom jiltaqgħu ma’ periklu fuq kull naħa tal‑fliegu. Fuq naħa tal‑baħar kien hemm l‑għar fejn kienet toqgħod Xilla. Fuq in‑naħa l‑oħra tal‑art kien hemm l‑għar ta’ Karibbidi. It‑tnejn kienu mostri perikolużi, u l‑problema tal‑Argonawti kienet li jekk jitbiegħdu min naħa biex jevitaw lil Xilla, l‑Argos kien joqrob wisq lejn Karibbidi. Jew naħa jew oħra, żgur li kien se jattakkahom xi wieħed mill‑mostri.
Xilla kienet mostru enormi b’sitt irjus. Karibbidi kienet mostru dejjem imġewwaħ. Għalkemm qatt ma kienet toħroġ mill‑għar tagħha, kienet tiġbed nifs twil u tibla’ ħafna ilma, u wara kienet tobżqu bil‑qawwa, tant li fil‑baħar kienet toħloq belliegħa li kienet tiġbed kull xini taħt il‑baħar u tgħarraq lill‑baħrin kollha.
Ġasun qatagħha li jirriskja jgħaddi qrib l‑għar ta’ Xilla.
Malli x‑xini qorob lejn l‑għar, Xilla ħarġet minnufih, u bl‑irjus tagħha bdiet taħtaf lill‑baħrin minn fuq il‑gverta tax‑xini. Minkejja s‑seħer li kellha, Medea ma setgħet tagħmel xejn kontra din il‑bhima, u issa l‑Argonawti kienu tassew iddisprati.
Malli bdiet tara kif Xilla kienet qed toqtol lill‑Argonawti, Tetis, l‑alla tal‑baħar, ġietha ħniena minnhom, u fl‑aħħar ordnat lil Xilla biex tħalli x‑xini jgħaddi.
Għaddew ħafna aktar xhur fuq il‑baħar, u waqfu f’artijiet fejn kien hemm popli li laqgħuhom u f’pajjiżi oħra fejn in‑nies tal‑post keċċewhom jew ippruvaw joqtluhom. Iltaqgħu wkoll ma’ ħafna ġganti feroċi u bhejjem perikolużi.
Fl‑aħħar lemħu l‑muntanji ta’ Jolkus. Kienu waslu f’darhom!
L‑ewwel li laqagħhom malli niżlu kien Ejson, missier Ġasun, li issa kien xiħ u għama. Imma Ġasun ma damx ħafna ħin miegħu, għaliex l‑ewwel ried imur quddiem ir‑Re Peljas u jurih it‑Tusun tad‑Deheb mill‑aktar fis. Peljas bjad malli ra lil Ġasun bit‑Tusun, għaliex qatt ma kien basar li ż‑żagħżugħ kien se jkollu l‑ħila jġibu u jibqa’ ħaj. Imma issa ma seta’ jagħmel xejn għax ma nesiex il‑wegħda tiegħu, u mingħajr kliem ċ‑ċeda t‑tron lil Ġasun kif kienu ftiehmu.
Issa, fl‑aħħar, l‑ispirtu ta’ Friksus seta’ jistrieħ fil‑paċi.
Wara dawn l‑avventuri, ħafna minn dawk l‑Argonawti li baqgħu ħajjin marru lura fi djarhom għand il‑familji tagħhom, u għexu l‑kumplament ta’ ħajjithom fil‑paċi. Oħrajn riedu aktar avventura, u marru jesploraw pajjiżi oħra.
Ġasun u Medea ma gawdewx ħafna sliem, għaliex l‑allat baqgħu rrabjati b’dak li Medea kienet għamlet lil ħuha... imma dik hija storja oħra.
Belliegħa: Speċi ta’ tromba tal‑baħar, fejn jiltaqgħu żewġ kurrenti qawwija tal‑ilma, iduru ma’ xulxin, u jiġbdu kollox lejn qiegħ il‑baħar. [Lura]
Ġeżża: Il‑ġilda bis‑suf ta’ annimal. [Lura]
Fliegu: Baħar bejn żewġ artijiet jew gżejjer, eż. Il‑fliegu bejn Malta u Għawdex. [Lura]
Oraklu: Persuna li fi żmien l‑antik kienu jemmnu li setgħet tobsor il‑ġejjieni. [Lura]
Qwieqeb: (singular, qawqab). Id‑dwiefer f’saqajn annimali bħaż‑żwiemel u l‑barrin. [Lura]