Kitba ta’ Claire Medati Stride
Narrazzjoni Claire Medati Stride
Madwar 1,500 kelma
Wise Owl Publications
Ġeneri
Fantasija
Letteratura għat-tfal
X’nagħmel biex naqra
l-istorja sħiħa?
Din hija silta qasira mill-ktieb AtlaΣ: Il-Misteru ta’ Atlantis miktub minn Claire Medati Stride u ppubblikat minn
Biex tispiċċa l‑istorja, sib il‑ktieb fil‑librerija tal‑iskola jew dik pubblika. Jekk trid, tista’ ssib aktar tagħrif dwar il‑ktieb jew tixtrih onlajn mingħand Wise Owl Publications.
William kien ġuvnott ta’ tlettax‑il sena. Għalkemm kien għadu żgħir fl‑età, l‑apparenza tiegħu kienet ittih xejra ta’ adult u minn kliemu hekk kont taħsbu. Kien intelliġenti u matur. Huwa kien iħobb ħafna l‑avventura u l‑istorja ta’ Malta.
Ftit ġranet qabel kienu għadhom kif bdew il‑vaganzi tas‑sajf u William kien ferħan se jtir. Fl‑aħħar seta’ jgawdi l‑baħar li tant kien iħobb. Kien iqatta’ ġranet sħaħ jgħum u jogħdos u jgħarrex qalb ir‑ramel jeżamina kulma jġib il‑baħar lejn il‑kosta.
Jum fost l‑oħrajn kmieni filgħodu, William reħielha lejn ix‑xatt ta’ San Ġiljan, li kien viċin tad‑dar tiegħu. Dan kien il‑post favorit. Kien hawnhekk li missieru kien għallmu jgħum meta kien daqsxejn ta’ tfajjel u hawnhekk kien iqatta’ kull sajf flimkien ma’ ħuh Noah, li kien ikbar minnu bi ftit snin. Dejjem jgħum u jesplora anki ma’ sħabu.
Malli wasal fil‑bajja, innota li kienet vojta. Kien għadu kmieni u ma kienx għad hemm nies. Il‑baħar kien kalm u f’dik il‑ħemda t‑tifel beda jieħu pjaċir josservah, daqqa joqrob qrib ix‑xatt u daqqa jitbiegħed, bħal żifna kontinwa fejn imiss il‑blat għal ftit sekondi u jerġa’ lura. Dak il‑ħoss ta’ ċafċif mal‑blat kien bħal ritmu dejjem għaddej, jirrepeti għanja tant ħelwa. It‑tifel ħa nifs ’il ġewwa. Dik ir‑riħa ta’ baħar kienet tiftaħlek imnifsejk u tħajrek tintefa’ qalb dak il‑mewġ ħlejju.
Bla ma qagħad jaħsibha, libes il‑maskra tal‑baħar u qabeż jiġri fil‑baħar kaħlani u beda jgħum ’il barra mill‑kosta. Kif tbiegħed ftit mhux ħażin minn max‑xatt, huwa u jħares ’l isfel lejn il‑ħut, lemaħ bħal oġġett ilellex f’qiegħ il‑baħar. Għall‑ewwel ħaseb li kien xi rifless tax‑xemx iżda huwa u jifli sewwa seta’ jara forma ta’ oġġett maqbud bejn il‑blat. Il‑kurżità għelbitu. Ħa nifs qawwi u għodos biex jilħaq dan l‑oġġett. Beda jaqdef ’l isfel b’kemm kellu saħħa sa ma laħaq il‑qiegħ tal‑baħar. Qabdu bejn idejh imma kien imwaħħal sewwa bejn żewġ ġebliet kbar. Ġibdu kemm felaħ iżda ma ċċaqlaqx b’millimetru. Għalhekk poġġa riġlejh ma’ blata u għamel is‑saħħa filwaqt li b’idejh ġibed l‑oġġett bil‑forza. B’xorti tajba l‑oġġett inqala’ mill‑moħba tiegħu u t‑tfajjel qadef ’il fuq iħaffef kemm seta’ għax l‑ossiġenu fil‑pulmun kien qed jonqoslu.
Hekk kif tela’ lura fil‑wiċċ, ħa nifs qawwi ’l ġewwa u stejqer ftit. F’idejh seta’ jara li l‑oġġett kellu forma ta’ speċi ta’ buqar imdaqqas għalkemm kien miksi kollu b’koċċli, ħaxix ħażin u materjal ieħor. Dan l‑oġġett kien bħal donnu ilu mhux ħażin midfun taħt l‑ilma, mistoħbi fil‑moħba tiegħu.
Bla ma qagħad jaħsibha, qabad l‑oġġett b’id waħda u bl‑oħra beda jaqdef lura lejn ix‑xatt. Kif tela’ mill‑baħar beda jeżamina dan l‑ispeċi ta’ buqar iktar bir‑reqqa.
“Jidher oġġett antik. Tgħid dan x’materjal hu? Tgħid deheb?” beda jgħid bejnu u bejn ruħu.
Kien miksi b’wisq materjal u t‑tifel ma setax jifhem eżattament minn xiex kien magħmul għalkemm parti żgħira minnu, li kienet tidher, kienet ta’ lewn dehbi u tleqq.
“Jaqbel li nieħu dan l‑oġġett id‑dar miegħi u nsejjaħ lil sħabi,” beda jaħseb huwa u jipprova jaqla’ l‑koċċli minn mal‑oġġett.
William kien jagħmel parti minn grupp ta’ tfal tamparu li trabbew flimkien sa minn ċkunithom. Kienet l‑għaxqa tagħhom jindagaw dwar misteri u jibnu avventuri flimkien, dejjem lesti biex jesploraw kwalunkwe suġġett li jolqot l‑interess tagħhom.
Noah, li kellu tmintax‑il sena, kien jieħu ħsieb lil ħuh flimkien ma’ sħabu biex ma jispiċċawx f’xi inkwiet. Mhux għax kien irid! Kien jippreferi joħroġ idur ma’ sħabu tamparu iżda l‑ġenituri tiegħu kienu jġagħluh jieħu ħsieb lil ħuh iż‑żgħir u bla ma ried spiċċa membru involontarju ta’ dan il‑grupp.
It‑tifel kebbeb l‑oġġett fix‑xugaman tal‑baħar u ħaffef il‑pass lejn id‑dar. Malli wasal, bla ma qal xejn lil ħadd, niżel fil‑garaxx u ħeba l‑oġġett hemmhekk. Ċempel lil Leah u qalilha biex l‑għada tiġi s’għandu flimkien ma’ Melina għax kellu xi ħaġa interessanti x’jurihom.
Mal‑għaxra ta’ filgħodu, it‑tfajliet daqqew il‑qanpiena tad‑dar ta’ William.
Malli fetaħ il‑bieb, Leah kienet pronta qaltlu, “X’ġara, Will? Għaliex ridtna niġu llum filgħodu? X’għandek x’tgħidilna?”
“Iskot! Tkellem minn taħt l‑ilsien,” qalilha fil‑pront.
“Nispera li ma nqala’ xejn gravi!” qalet Melina.
Leah kienet tfajla intelliġenti għall‑aħħar u kienet tridha tal‑esperta f’kollox. Kellha nuċċali b’lenti ħoxna li minnu kienu jidhru par għajnejn ċkejknin. Ta’ spiss kien jiżżerżqilha ’l isfel fuq imneħirha. Kont issibha dejjem medhija f’xi ktieb u kienet tqatta’ ħafna mill‑ħin tagħha ġewwa l‑bibljoteka tar‑raħal.
Min‑naħa l‑oħra Melina kienet tfajla xi ftit mistħija. Kienet ta’ ftit kliem iżda meta kienet tgħid xi ħaġa kienet tkun bis‑sens u f’waqtha. Il‑familja tagħha kienet mill‑Greċja iżda kienet ilha sew tgħix Malta. In‑nanna ta’ Melina kienet għallmitha titkellem u tikteb bil‑Grieg sa minn ċkunitha.
It‑tifel ġibidhom minn idejhom u stedinhom jinżlu miegħu isfel lejn il‑garaxx fejn kien ħeba l‑oġġett li kien sab il‑ġurnata ta’ qabel. It‑tfajliet kienu jafuh sewwa l‑garaxx ta’ William. Kien hawnhekk li kienu jqattgħu ħafna mill‑ħin flimkien jippjanaw l‑avventuri tagħhom. Huma kienu jqisuh bħala l‑bażi tagħhom. Il‑ġenituri ta’ William kienu jużaw dan il‑garaxx bħala post fejn jaħżnu dak li ma kinux jużaw. Mill‑bqija ħadd ma kien jinżel ’l hemm isfel. Il‑garaxx kien post umduż imdawwal minn bozza mdendla fin‑nofs. Fuq naħa kien mimli xkaffar kollha kaxxi tal‑kartun mimlijin b’ġugarelli qodma, ħwejjeġ, borom u saħansitra ġewwa kaxxa minnhom wieħed seta’ jara ħierġa ’l barra t‑trumbetta li kien xi darba pprova jitgħallem idoqq Noah fi ċkunitu. Fil‑ġenb l‑ieħor kien hemm sufan tal‑ġilda kollu mqaxxar bil‑molol ħerġin, fejn it‑tfal kienu jieħdu pjaċir jiddiskutu, u mejda tonda bis‑siġġijiet żlugati, fejn kienu dejjem ipoġġu biex jippjanaw l‑avventuri tagħhom. Kienu jistħajluhom xi kavallieri medjevali madwar dik il‑mejda tonda, jippjanaw xi missjoni importanti.
Iż‑żewġ tfajliet kienu eċitati għall‑aħħar. Kull meta William kien iġib ruħu b’dal‑mod kien ifisser li kien hemm xi avventura qed tistenniehom.
William ġibed ix‑xugaman bl‑oġġett misterjuż imgerbeb ġewwa fih, poġġieh fuq il‑mejda u huwa u jikxfu qalilhom, “Dan sibtu lbieraħ jiena u nogħdos ftit ’il barra mix‑xatt. Jidher oġġett antik għax l‑ammont ta’ materjal li trabba miegħu huwa mhux ħażin.”
“Ħa narah ftit,” qalet Leah hija u titbaxxa u tberraq għajnejha minn wara l‑lenti tan‑nuċċali.
Ilkoll kienu drawha. Malli tberraq għajnejha minn wara n‑nuċċali b’dak il‑mod, Leah kienet tinbidel f’esperta dwar kollox.
“Mill‑forma tidher li hija xi tip ta’ anfora. Iżda ġeneralment din kienet tkun tal‑fuħħar. Din tidher li hija ta’ xi tip ta’ metall. Mil‑lewn tagħha u mill‑biċċa ċkejkna li hawn mikxufa, nazzarda ngħid li hija tad‑deheb.”
“Fil‑fatt il‑kelma anfora ġejja mill‑kliem Grieg Anfi‑Phoreus li jfisser trasportata minn żewġ naħat. Qed taraw? Fil‑ġnub għandha bħal żewġ widnejn minn fejn tista’ taqbadha,” iddeffset tgħid Melina.
“Isa William! Għandek xi ħaġa biex inkunu nistgħu nnaddfuha ħalli nkunu nistgħu narawha aħjar?”
“Jaqbel li nnaddfuha bil‑mod. Jekk oġġett antik, għandu valur storiku u jeħtieġ li noqogħdu attenti biex ma nagħmlux ħsara,” qaltilhom Leah.
Il‑ġuvnott fetaħ il‑kaxxa tal‑għodda ta’ missieru u minnha ħareġ skarpell żgħir xi ftit imsaddad u martell.
“Dawn tajbin araw,” qalilhom filwaqt li poġġa bilqiegħda.
It‑tfajliet poġġew ħdejh jiflu kulma kien qed jagħmel. Fil‑pront William poġġa l‑iskarpell mal‑anfora u beda jagħti daqqiet bil‑mod bil‑martell. Tektek ’l hemm u tektek ’l hawn, wara ftit irnexxielu jkisser biċċa mill‑materjal li kien hemm imwaħħal u tfaċċat biċċa ċkejkna ta’ lewn dehbi. It‑tfal baqgħu mistagħġba.
“Dik żgur tad‑deheb!” għajtu kollha flimkien.
“Min jaf x’valur għandha? Aktar u aktar jekk antika!” qalet Leah.
“Dawn simboli mnaqqxa fuq l‑anfora!” qalet Melina.
“Isa, Will, kompli ikxef aktar.”
Kompla jtektek bil‑mod iżda ma kienx faċli. Il‑materjal li kien trabba, flimkien ma’ mħar u koċċli, kien iebes mhux ħażin. Kien sar qisu ġebel, ħaġa waħda mal‑anfora. William kompla sejjer bil‑paċenzja kollha, isammar bir‑reqqa fuq l‑iskarpell. Dam jissara mhux ħażin u fl‑aħħar irnexxielu jikxef faċċata minnhom tal‑anfora.
Ħin minnhom Melina tellgħet idha ma’ ħalqha bħal donnha rat xi ħaġa li laqtitha.
“X’ġara, Melina?” staqsew it‑tfal flimkien.
“Dawn jidhru simboli u kliem Griegi antiki. Sewwa ħsibt malli kxift l‑ewwel biċċa imma issa jidhru ċari. Araw dak is‑simbolu li hemm fin‑nofs!” U ppuntat subgħajha lejn in‑nofs tal‑anfora. “Dak is‑simbolu jien nafu sew.”
“Isa, Melina, tħalliniex bil‑kurżità! Aqlagħha! X’inhu dak is‑simbolu?” staqsew kurjużi William u Leah.
“Dak is‑simbolu forma ta’ spirali b’għajn fin‑nofs, qed tarawh? Dak is‑simbolu Grieg assoċjat ma’ Atlas. Skont il‑mitoloġija Griega, Atlas kien iben Poseidon,” qalet Melina.
Ħin minnhom minn taħt il‑flokk ħarġet katina li kellha ma’ għonqha u magħha kellha mwaħħal dak l‑istess simbolu tad‑deheb u fl‑għajn tan‑nofs kellha fossa tleqq.
“Din tathieli n‑nanna xi żmien ilu. Hija qalet li dan l‑amulett kien tahulha missierha qabel ma miet.”
It‑tfal baqgħu skantati.
“Dan kif jista’ jkun? Kif l‑amulett ta’ Melina jinstab ukoll imnaqqax fuq din l‑anfora antika? X’konnessjoni hemm tgħid?” qalet Leah hija u tberraq għajnejha.
“Jeħtieġ li qabel kollox inkomplu nnaddfu l‑anfora u nikxfuha kollha kemm hi,” qal William eċitat.
It‑tfajliet qablu miegħu. Hu kompla jkisser biċċa biċċa u jikxef aktar simboli. Wara nofstanhar itektek bl‑iskarpell bir‑reqqa, l‑anfora nkixfet kollha. Kienet anfora mdaqqsa tad‑deheb b’żewġ widnejn fil‑ġnub. Madwarha kellha rigi sħaħ ta’ simboli u kliem imnaqqxa. Għalkemm kienet tidher li kienet ilha bosta snin midfuna f’qiegħ il‑baħar, il‑lavur li kellha fuqha kien jidher avvanzat ħafna. It‑tfal bdew jitħassbu mhux ħażin huma u jifluha, aktar u aktar wara dak li kienet qaltilhom Melina.
Melina bdiet tipprova taqra dawk is‑simboli u kliem li kien bil‑Grieg, peress li hija kienet l‑unika waħda fil‑grupp li kienet taf taqra din il‑lingwa.
“Din il‑kelma tfisser belt u l‑oħra ta’ ħdejha tfisser baħar żgur imma hemm simboli u kliem li jidhru antiki u m’iniex ċerta jekk iniex qed nagħrafhom sewwa. Jaqbel li niħdulha ritratt u għada nuruh lin‑nanna tiegħi. Hi tkun taf tgħin aktar.”
“Iva, hekk nagħmlu,” wieġeb William.
“Jaqbel li din l‑anfora taħbiha sewwa, Will, u ma toħroġx minn hawn ġew,” qalet Leah.
“Ħallu f’idi. Issa nsibilha moħba tajba jien,” qalilhom William.
Minn fuq bdew jinstemgħu xi ħsejjes.
“Isa, erġa’ għatti kollox!” qalet Leah.
“Iva, naħseb daħal lura Noah.”
“Jeħtieġ li għalissa nżommu din il‑biċċa bejnietna.”