Hans Christan Andersen
(1805-1875)
Sors: wikipedia.org/GIMP
Ġeneri
Ħrejjef
Letteratura għat-tfal
Narrazzjoni
Claudine Camilleri
Hans Christian Andersen huwa magħruf l‑aktar għall‑ħrejjef tas‑sħarijiet tiegħu. Twieled fid‑Danimarka nhar it‑2 t’April tal‑1805. Il‑familja tiegħu ma kinitx waħda sinjura ħafna, u l‑ħajja fi żmien tfulitu kienet waħda diffiċli. Madankollu, minn dejjem kien iħobb l‑istejjer, u kien joħlom li xi darba għad joħloq stejjer li jferrħu lin‑nies.
Missieru kien skarpan u ommu kienet ħassiela, u kienu jaħdmu iebes biex imantnu lill‑familja tagħhom. Xi drabi, Hans kien ikollu jaħdem magħhom ukoll. Għalkemm ħajtu ma kinitx waħda komda, kien iħobb jaqra u jisma’ l‑istejjer antiki li l‑ġenituri kienu jirrakkuntawlu. Kienu dawn l‑istejjer li ħeġġew lil Hans jibda joħloq l‑istejjer tiegħu.
Meta kiber, Hans mar joqgħod Copenhagen, il‑belt kapitali tad‑Danimarka, bit‑tama li hemm isib l‑opportunità jwettaq il‑ħolm tiegħu. Beda jaħdem f’ħafna postijiet u pprova jkun attur u kantant, iżda n‑nies malajr raw li t‑talent veru tiegħu kien il‑kitba. Beda jikteb stejjer, poeżiji u reċti.
Għalkemm l‑ewwel ftit stejjer tiegħu m’għamlux xi suċċess kbir, ma qatax qalbu. Baqa’ jikteb anki waqt żminijiet ħorox. Fl‑aħħar, il‑qarrejja bdew japprezzaw il‑kitba tiegħu, hekk kif il‑ħrejjef bdew isiru popolari u magħrufin madwar il‑pajjiż: ħrejjef bħal Il‑Fellus l‑Ikrah tal‑Papra u Is‑Sirena ż‑Żgħira. Dawn il‑ħrejjef għadhom popolari anki llum għax jirrakkuntaw dwar it‑tama u t‑tibdil fil‑ħajja.
Fl‑istejjer tiegħu Andersen kien juża kliem ċar u sempliċi, u kellhom tagħlim dwar kemm wieħed għandu jkun ta’ qalb tajba u kuraġġuż. Għalkemm xi drabi huma stejjer ta’ niket, ifakkruna li fi żminijiet diffiċli, xorta waħda jeżistu t‑tama u s‑sbuħija fid‑dinja.
Andersen ivvjaġġa ħafna matul ħajtu, u b’dan il‑mod seta’ jifhem kulturi differenti li għenuh iżewwaq l‑istejjer tiegħu, tant li ma sarx popolari biss f’pajjiżu, imma f’ħafna pajjiżi oħra.
Bir‑reżiljenza tiegħu fil‑ħajja, Andersen wera li għalkemm beda fqir, laħaq suċċess permezz ta’ ħafna xogħol iebes, kuraġġ u kreattività.
Andersen miet fl‑4 t’Awwissu, 1875.
Qari tal-provi: Claudine Camilleri
© Norman C. Borg