L-Ilbies il-Ġdid tal-Imperatur
Hans Christian Andersen
(Daniż, 1805-1875)
Madwar 1,200 kelma

Ġeneri
Ħrejjef

Adattament ta’ Norman C. Borg
©Norman C. Borg

Narrazzjoni: Claudine Camilleri

   

Ħafna u ħafna żmien ilu kien hemm imperatur li kien iffissat fil‑ħwejjeġ. Kellu ħwejjeġ biex jilbes filgħodu. Għal waranofsinhar kien jilbes ħwejjeġ differenti. U għal filgħaxija kellu ħwejjeġ speċjali.

Darba waħda, żewġt irġiel kemxejn brikkuni waslu l‑belt.

“Aħna nfasslu d‑drapp,” qal wieħed minnhom lill‑Imperatur.

“Tassew,” qallu l‑ieħor. “Aħna ħajjata.”

“Aħna nużaw drapp tassew speċjali,” qalu għalenija.

Dan għoġob ħafna lill‑Imperatur, għaliex ried jagħmel sett ta’ lbies ġdid. Għalhekk xtaq ikun jaf aktar dwar dan id‑drapp speċjali tal‑ħajjata. “Għiduli aktar dwar dan id‑drapp,” qalilhom.

U l‑ħajjata spjegawlu kif id‑drapp tagħhom tant kien speċjali li min kien stupidu ma seta’ jarah b’xejn. Dan qabbad il‑kurżità tal‑Imperatur mhux bil‑ftit.

Il‑ħajjata għalhekk xtaqu jibdew ix‑xogħol minnufih. “Għandna bżonn ħajt tad‑deheb biex inkunu nistgħu nagħmlu dan l‑ilbies,” qalu lill‑Imperatur.

U dlonk l‑Imperatur tahom bosta kobob ħajt tad‑deheb biex minnhom setgħu jfasslu dan id‑drapp daqshekk speċjali.

Imma dawn l‑imqarbin ta’ ħajjata x’għamlu? Ħażnu l‑ħajt fl‑ixkejjer tagħhom u żammewh għalihom. Imbagħad għamlu tabirruħhom li bdew iħitu d‑drapp speċjali. U ħadmu fuq li ħadmu. In‑newl beda jiċċaqlaq ’il quddiem u lura, ’il quddiem u lura. U baqa’ sejjer klikk, klakk, klikk, klakk.

Lejl minnhom l‑Imperatur stenbaħ mir‑raqda ħelwa tiegħu għax ried ikun jaf kif kien sejjer ix‑xogħol fuq l‑ilbies speċjali tiegħu. U qajjem lill‑Prim Ministru biex imur jara fejn kienu waslu l‑ħajjata.

“Mur u għidli d‑drapp hux sabiħ,” ordnalu.

Il‑Prim Ministru mar jara lill‑ħajjata. Deherlu li kienu tassew ħabrieka. Ix‑xogħol kien għaddej sew. Il‑magna tal‑insiġ kienet sejra b’ritmu mgħaġġel; klikk, klakk, klikk, klakk. Imma l‑Prim Ministru beda jinkwieta. La l‑ħajt tad‑deheb u lanqas id‑drapp li l‑ħajjata kienu qed jinsġu ma kienu jidhru.

“Ommi!” qal bejnu u bejn ruħu. “Ma nista’ nara xejn! Imma jien m’iniex stupidu.”

U lanqas ried jidher ta’ stupidu. Għalhekk lill‑ħajjata qalilhom, “Tassew drapp sabiħ! Hekk se ngħidlu, lill‑Imperatur.”

Malli l‑Prim Ministru telaq, il‑ħajjata ma setgħux iżommu d‑daħq. “Għandna bżonn aktar ħajt tad‑deheb biex inkomplu ninsġu dan id‑drapp,” qalu fl‑aħħar.

U l‑Imperatur tahom aktar ħajt. U l‑ħajjata reġgħu ħażnuh fl‑ixkejjer tagħhom.

U issa bdew jaħdmu sod aktar minn qabel. U l‑magna tal‑insiġ kompliet tikklikkja u tikklakkja, tikklikkja u tikklakkja.

Malli l‑Prim Ministru għarraf lill‑Imperatur li qatt ma kien ra drapp sabiħ daqshekk, il‑kelma malajr bdiet tiġri mal‑belt kollha, u f’qasir żmien kulħadd sar jaf bid‑drapp speċjali għall‑ilbies il‑ġdid tal‑Imperatur.

Għalhekk l‑Imperatur xtaq lil xi ħadd ieħor imur jagħti daqqa t’għajn lid‑drapp il‑ġdid tiegħu. Din id‑darba qabbad lill‑Kaptan tal‑Gwardja. “Mur u għidli d‑drapp hux lest,” qallu.

Il‑Kaptan mar jara lill‑ħajjata. Bħas‑soltu, dehru li kienu biżlin sew, hekk kif il‑magna tal‑insiġ kienet għadha sejra tikklikkja u tikklakkja, tikklikkja u tikklakkja.

Imma l‑Kaptan beda jitħasseb. Iberraq kemm iberraq għajnejh, u jħares ċass lejn il‑magna kemm jiflaħ, xorta waħda ma seta’ jara l‑ebda ħajt, u l‑ebda drapp. “X’waħda din! Ma nista’ nara xejn!” qal bejnu u bejn ruħu. “Imma l‑Prima Ministru rah id‑drapp. U jien m’iniex stupidu.”

Għalhekk lill‑ħajjata qalilhom, “Dan tassew drapp sabiħ. Lill‑Imperatur se jogħġbu żgur. Hekk se ngħidlu.”

U l‑ħajjata reġgħu nfexxew jidħqu malli l‑Kaptan telaq. U wara komplew jaħdmu u jaħdmu.

Dlonk il‑ħajjata ħabbru lil kulħadd li d‑drapp kien lest. Issa għamlu tabirruħhom qegħdin jaqtgħu id‑drapp biex ifasslu l‑ħwejjeġ. Wara għamlu tabirruħhom qed iħitu l‑biċċiet tad‑drapp flimkien.

L‑Għada, stiednu lill‑Imperatur biex imur jara l‑ilbies il‑ġdid tiegħu. “Malli tippruvah, inkunu nistgħu nispiċċaw il‑ħjata,” bagħtu jgħidulu.

Dan għoġob ħafna lill‑Imperatur, u mar bi ħġaru biex jara lill‑ħajjata.

Il‑ħajjata għamlu tabirruħhom qed juruh l‑ilbies. Qalb l‑Imperatur għamlet tikk. Imma baqa’ kalm.

“Il‑marelli!” qal bejnu u bejn ruħu. “Id‑drapp m’iniex qed narah. Imma l‑Prim Ministru u l‑Kaptan rawh. U jien m’iniex stupidu.”

Għalhekk lill‑ħajjata qalilhom, “Dan id‑drapp tassew sabiħ. Dan se jkun l‑ilbies favorit tiegħi.”

Issa kien wasal il‑waqt biex l‑Imperatur jipprova l‑ħwejjeġ. Il‑ħajjata neżżawh mill‑ħwejjeġ li kellu, u bdew ikejluh. Riedu jkunu ċerti li l‑libsa kienet se tiġih pinna.

L‑Imperatur ħass ftit kesħa waqt li l‑ħajjata għamlu tabirruħhom qed ilibbsuh l‑ilbies il‑ġdid.

“Din il‑libsa se tidher sabiħa fuqi,” beda jaħseb. “Bilkemm nista’ nħossha fuqi daqskemm hija ħafifa!”

Malli l‑ħajjata lestew ilibbsuh, ġabulu mera biex ikun jista’ jammira l‑ħwejjeġ fuqu. Għalkemm kien għadu mhux qed jara l‑ħwejjeġ, l‑Imperatur ma riedx juri dan. Għalhekk qagħad dritt iħares lejn il‑mera u jippoża, u jdur fuq naħa u fuq l‑oħra. Tbissem, u deher li kien sodisfatt.

Wara li telaq l‑Imperatur, il‑ħajjata nfaqgħu jogħxew bid‑daħk. Issa kellhom seba’ mitt sena jfittxu jispiċċaw ix‑xogħol ħalli l‑Imperatur ikun jista’ juri l‑ilbies il‑ġdid tiegħu fil‑pubbliku.

Kulħadd fil‑pajjiż kien qiegħed jistenna fuq ix‑xwiek l‑aħbar li l‑ilbies il‑ġdid tal‑Imperatur kien lest. U f’qasir żmien il‑ħabbara tal‑Imperatur ħabbru li fi żmien jumejn kellha ssir parata fil‑belt. L‑Imperatur kien se jilbes l‑ilbies il‑ġdid, u kulħadd kien mistieden biex jarah.

L‑Għada tal‑aħbar, il‑ħajjata avżaw lill‑Imperatur li l‑ħwejjeġ kienu lesti. In‑nobbli kollha tal‑palazz marru miegħu biex jaraw xogħol il‑ħajjata.

Il‑Prima Ministru qal, “Tassew ilbies eċċezzjonali.”

U l‑Kaptan tal‑Gwardja qal, “Qatt ma rajt ilbies sabiħ daqs dan.”

In‑nobbli l‑oħra għall‑ewwel kienu ftit mifxulin, għax ħadd minnhom ma seta’ jara xejn. Imma l‑Imperatur kien qiegħed jara l‑ilbies. Il‑Prim Ministru kien qiegħed jara l‑ilbies. Il‑Kaptan tal‑Gwardja kien qiegħed jara l‑ilbies. U ma setax ikun li huma kienu stupidi.

Għalhekk bdew jistagħġbu huma wkoll bix‑xogħol sabiħ tal‑ħajjata.

“Majstà, kemm jixraqlek dak l‑ilbies fuqek!”

“Prosit, Majstà, x’ilbies sabiħ dak!”

“Ir‑renju kollu se jkun kburi bl‑ilbies il‑ġdid tal‑Imperatur!”

L‑Imperatur kien kuntent, għalhekk lill‑ħajjata tahom borża mimlija deheb kull wieħed.

U l‑Imperatur tassew kien kburi. “Issa l‑poplu kollu se jkun jista’ jammirani,” qal bejnu u bejn ruħu, hekk kif ipprepara għall‑parata.

Il‑belt kienet għagħa waħda. Kulħadd kien qiegħed jistenna d‑dehra tal‑Imperatur bil‑ħerqa. Lit‑toroq minn fejn kellu jgħaddi l‑Imperatur żejnuhom bi bnadar ta’ kull lewn, u dendlu bnadar mill‑gallariji u fuq il‑bjut tad‑djar. Nies kienu jidhru jxejru l‑bnadar mit‑twieqi u mill‑gallariji, u l‑ġnub tat‑toroq kienu miżgħuda bin‑nies, kulħadd jistenna lill‑Imperatur jgħaddi minn hemm.

Malli nstemgħu it‑trumbetti, in‑nies kienet taf li l‑isfilata kienet se tibda.

Kulħadd kien sema’ bid‑drapp speċjali li bih kien tfassal dak l‑ilbies. U kulħadd kien jaf li dawk biss li ma kinux stupidi setgħu jaraw dak id‑drapp. Imma malli l‑Imperatur tfaċċa fit‑triq, miexi dritt bil‑pompa kollha ta’ Imperatur, bil‑kuruna fuq rasu, il‑kullana tal‑awtorità madwar għonqu u...

...U taħt dik ma kien hemm xejn aktar.

Imma ħadd ma qabillu jgħid xejn, għax ma riedx li n‑nies tqisu stupidu. Allura kulħadd beda jammira lill‑Imperatur hekk kif mexa minn ħdejhom.

“Kemm hu sabiħ, dak l‑ilbies!”

“Kemm jixraqlu fuqu!”

“M’hemmx isbaħ mill‑Imperatur!”

“Tassew! Tassew!”

U l‑Imperatur ħassu kburi u kuntent hekk kif beda jisma’ dawn il‑kummenti. “Tassew dawn huma l‑aħjar ħwejjeġ li qatt ilbist,” be jaħseb. Tbissima kbira dehret fuq wiċċu hekk kif il‑folla bdiet tgħajjat u xxejjirlu. U hu xejrilhom lura.

Il‑parata kienet resqet lejn it‑tmiem tagħha, u l‑Imperatur ħass li dan kien l‑aqwa jum ta’ ħajtu.

Iżda, f’daqqa waħda, deher tifel ċkejken qalb il‑folla, riekeb spallejn missieru. It‑tifel baqa’ jħares ċass lejn l‑Imperatur għal ftit sekondi, u fl‑aħħar ipponta lejh, u saqsa lil missieru, “Pa, l‑Imperatur għalfejn qiegħed għarwien? Mhux qed iħoss bard?”

Ma kinitx kelma! Il‑folla nies li kien hemm madwaru, l‑ewwel bdew jitbissmu; tbissim li bil‑qajla tbiddel f’daħq baxx, timidu, iżda li fl‑aħħar sploda. Ħadd ma seta’ jżomm iktar id‑daħk.

Kien f’dak il‑waqt li l‑Imperatur intebaħ li l‑ħajjata kienu daru ż‑żmien bih. Wiċċu ħmar daqs ċirasa, u ma kienx jaf x’jaqbad jagħmel jew jgħid.

“Jien veru stupidu. Tassew stupidu!” ħaseb.

U m’għandiex xi ngħidu, sadanittant il‑ħajjata kien għosfru mill‑belt.

TMIEM

***** ***** stat_3 ***** *****

Noti

Newl: Magna tal‑insiġ li biha jintiseġ il‑ħajt u d‑drapp. [Lura]

***** ***** stat_3 ***** *****

L-Ilbies il-Ġdid tal-Imperatur © 2025 Norman C. Borg liċenzjat bħala CC BY-NC-ND 4.0Dan ix-xogħol:
CC: Creative Commons  BY: għandu dejjem jinkludi ħajr lill-awtur;  NC: ma jistax isir użu kummerċjali u/jew profitt minnu; 
ND: ma jistax jiġi ppubblikat jew riprodott b’mod fotostatiku, elettroniku jew mekkaniku.