Lyman Frank Baum
(1856-1919)
Sors: wikipedia.org/GIMP
Fantasija
Poeżija
Stejjer qosra
Lyman Frank Baum kien kittieb Amerikan magħruf l-aktar għall-kotba tat-tfal, speċjalment is-sensiela tas-Saħħar ta’ Oż. B’kollox kiteb 14-il ktieb dwar Oż, 41 rumanz ieħor, 83 storja qosra u aktar minn 200 poeżija. Ħadem kemm felaħ biex ix-xogħol tiegħu jidher fit-teatru, u l-film Is-Saħħar ta’ Oż tal-1939 huwa l-aktar verżjoni magħrufa tal-ktieb.
Baum twieled u trabba fi New York. Beda bħala produttur tat-teatru u kittieb ta’ drammi, imma m’ għamilx ħafna suċċess, għalhekk hu u martu ddeċidew li jbiddlu l-post. Fetħu ħanut fl-istat ta’ South Dakota, u hemmhekk sab xogħol bħala editur u pubblikatur ta’ gazzetta. Aktar tard marru joqogħdu f’Chicago, u hemmhekk beda jaħdem bħala ġurnalist u beda jikteb stejjer għat-tfal. L-ewwel ktieb tas-Saħħar ta’ Oż ħareġ fl-1900. Hekk kif baqa’ jikteb kotba għat-tfal fl-aħħar snin ta’ ħajtu beda proġett biex joħloq studjo tal-films f’Los Angeles, fl-istat ta’ California, biex jipproduċi films għat-tfal.
Ħaġa tal-għaġeb kif fl-istejjer tiegħu kien kapaċi jipprevedi affarijiet li llum fil-fatt jeżistu, fosthom it-television, l-augmented reality, il-computers (Iċ-Ċavetta Ewlenija – The Master Key) u l-mobile phones (Tik-Tok ta’ Oż).
Meta ħareġ Is-Saħħar ta’ Oż fl-1900 għamel suċċess kbir, u baqa’ l-aktar ktieb mibjugħ għal sentejn wara xulxin, tant li Baum tħajjar jikteb aktar stejjer dwar l-istess karattri u żied 13-il ktieb ieħor wara l-ewwel wieħed. Meta f’Is-Saħħar ta’ Oż Baum iddeskriva l-qagħda tal-Kansas, kien qiegħed jibbaża fuq l-esperjenza tiegħu meta kien jgħix f’South Dakota, li dak iż-żmien kien mgħakkes b’ħafna nixfa u ftit li xejn xita.
F’Mejju tal-1919 Baum kellu attakk ta’ qalb, waqa’ f’koma u miet l-għada fl-età ta’ 62. L-aħħar ktieb tas-sensiela tas-Saħħar ta’ Oż, Glinda ta’ Oż, ħareġ f’Lulju tal-1920, sena wara mewtu. Tant kienet magħrufa s-sensiela dwar Oż li aktar kotba baqgħu jinkitbu minn kittieba oħra, speċjalment Ruth Plumly Thompson, li ħarġet wieħed u għoxrin ktieb ieħor dwar Oż.
© Norman C. Borg