Kitba ta’
L. Frank Baum (Amerikan, 1856-1919)
Madwar 8,900 kelma
Ġeneri
Fantasija
Letteratura għat-tfal
Kapitli
1. It-tromba, is-saħħara u r-raġel tat-tiben
2. Ir-raġel tal-landa u l-iljun
3. Belt l-Iżmeraldi
4. Is-Saħħara l-Ħażina
5. Barmil ilma
6. Raġel tassew qarrieqi
7. Il-Ballun tal-arja
8. Lura l-Kansas
Adattament għall-Malti:
Norman C. Borg
© Norman C. Borg
Aktar tagħrif f'
Sagħtar
Ħarġa numru 375 (Frar 2023)
Dorothy kienet tgħix f’razzett f’nofs id‑deżert il‑kbir tal‑Kansas, fl‑Amerka, maz‑Ziju Neriku u z‑Zija Emma. Għaldaqstant, kull meta kienet toħroġ mid‑dar żgħira tagħhom, ma kienet tara xejn madwarha ħlief art ċatta, ma tispiċċa qatt, tikwi taħt dik ix‑xemx tisreġ. Din l‑art ċatta kienet tibqa’ sejra sax‑xefaq, fejn kienet tmiss mas‑sema kaħlani. U bejn is‑sema u l‑art ma kienx hemm siġra waħda, ma kenitx tidher dar waħda.
Dorothy kellha ħabib wieħed biss; kelb żgħir, gustuż, li kienet semmietu Toto, u li kienet tħobb daqs il‑mimmi t’għajnejha. Is‑soltu, Dorothy u Toto kienu jqattgħu żmienhom jilagħbu flimkien, iżda ġurnata waħda, il‑logħob tagħhom kellu jieqaf ħesrem. Iz‑Ziju Neriku kien bilqiegħda quddiem il‑bieb tar‑razzett, iħares imħasseb lejn is‑sema kollha sewda. Mit‑tramuntana seta’ jisma’ t‑tvenvin bla waqfien tar‑riħ, u l‑ħaxix ta’ madwarhom jittajjar u jitmejjel hekk kif maltempata bdiet toqrob. F’daqqa waħda, min‑naħa tan‑nofsinhar, instemgħet tisfira qawwija. Iz‑Ziju Neriku qam bil‑ġirja.
“Riesqa tromba ’l hawn, Emma!” beda jgħajjat. “Se mmur nieħu ħsieb l‑annimali.” B’dan il‑kliem telaq jiġri lejn l‑imħażen u l‑istalel.
“Isa, Dorothy!” iz‑Zija Emma bdiet twerżaq mid‑dar. “Ejja fil‑kantina, ddumx!” Iz‑zija Emma fetħet il‑bieba mal‑art li kienet tagħti għall‑kantina li kellhom taħt id‑dar. Bla telf ta’ żmien, bdiet nieżla s‑sellum. Dorothy kienet se tħaffef warajha, iżda ma laħqitx. Dwiet twerżiqa qawwija tar‑riħ, u d‑dar kollha bdiet titriegħed. Bl‑iskossi, Dorothy waqgħet minn tulha fl‑art. Id‑dar daret darba tnejn, u bil‑qajla bdiet tiela’ fl‑ajru. Ir‑riħ li kien ġej mit‑tramuntana u r‑riħ li kien ġej minn nofsinhar kienu ltaqgħu sewwasew fuq id‑dar. Bdew iduru madwar xulxin u lid‑dar għollewha ’l fuq sakemm laħqet il‑quċċata tat‑tromba tar‑riħ. Baqgħet f’dak il‑għoli, u bdiet tittajjar mar‑riħ daqs li kieku kienet rixa. Issa, minflok il‑bieb li kien jagħti għall‑kantina, kien hemm toqba kbira fl‑art. Toto għal daqsxejn ma waqax fiha, li kieku Dorothy ma laħqitx ħatfitu minn widintu u ġibditu ’l fuq.
Dorothy ma setgħet tara xejn għax kien hemm dlam ċappa, u għall‑ewwel it‑tvenvin tar‑riħ kien tant qawwi li ħassitha mwerwra. Biss dan it‑tvenvin ma damx wisq, u fl‑aħħar id‑dar ma baqgħetx titriegħed. Dorothy bdiet tibża’ li jekk id‑dar terġa’ tinżel fuq l‑art b’qawwa kbira hi u Toto setgħu ikorru. Iżda d‑dar damet sigħat sħaħ tittajjar fl‑arja, u sadanittant ma ġara xejn aktar tal‑biża’. Għalhekk Dorothy ma baqgħetx imħassba. Fl‑aħħar resqet lejn is‑sodda ċ‑ċkejkna tagħha, ħaddnet lill‑maħbub Toto magħha, u għajnha marret biha.
Qajmitha sabta tant qawwija li kieku ma kenitx fuq is‑sodda żgur li kienet tweġġa’. Għaddew ftit minuti qabel ma ntebħet li d‑dar ma kenitx għadha qed tiċċaqlaq, u li l‑kamra issa kienet imkebbsa bid‑dawl tax‑xemx. Dorothy fis qabżet minn fuq is‑sodda, u, b’Toto jiġri ma’ saqajha, ħaffet lejn il‑bieb ta’ barra u fetħitu. Ħarset madwarha, mistagħġba hekk kif sabet li issa kienet f’nofs ta’ art sabiħa ferm. Kull fejn kienu jaqgħu għajnejha bdiet tara biss fjuri, għasafar ta’ kull għamla u lewn, u siġar kollha frott imżewwaq.
Fil‑bogħod setgħet tara xi djar, tondi u kollha miżbugħin bl‑ikħal. Ftit wara lemħet ġemgħa żgħira ta’ nies strambi li qatt ma kienet rat bħalhom imkien. Kienu tlitt irġiel u mara, u għalkemm kienu jidhru ħafna ixjeħ minn Dorothy, ftit li xejn kienu itwal minnha. L‑irġiel kollha kellhom daqna twila u bajda u kienu lebsin l‑ikħal mill‑ponot tal‑kpiepel li kellhom fuq rashom sal‑ponot taż‑żraben li kellhom f’saqajhom. Mal‑kpiepel kellhom marbutin ħafna ġlieġel li kienu jdoqqu ma’ kull pass li jagħmlu. Il‑mara wkoll kellha kappell ippuntat, iżda dan, bħall‑bqija ta’ lbiesha, kien abjad karti. Wiċċha kien kollu tikmix, u kienet qed timxi kemxejn bil‑lajma.
Malli resqet lejn Dorothy, sellmitilha b’rasha, u lissnet b’vuċi kemxejn ħelwa, “Merħba bik, Saħħara kbira! Nagħtuk merħba fil‑pajjiż tal‑Manċikini. Nirringrazzjawk mill‑qiegħ ta’ qalbna talli ħlistna mill‑jasar tas‑Saħħara l‑Ħażina tal‑Lvant.”
Dorothy semgħet dan kollu, iżda ma setgħet tifhem xejn mill‑kliem tax‑xwejħa liebsa l‑abjad. “Eh... grazzi ħafna, iżda... naħseb li ħadt xi żball, Sinjura,” qalet bl‑edukazzjoni kollha li kienu għallmuha zijietha. “Jiena qatt ma qtilt ’il ħadd,” kompliet.
“Forsi inti le, iżda d‑dar tiegħek iva,” wieġbet ix‑xwejħa. “Għalhekk xorta waħda jfisser li qtiltha int lis‑Saħħara l‑Ħażina tal‑Lvant, hemm, ħares: dawk huma saqajha.” Dorothy ħarset ’l isfel fejn ippuntat ix‑xwejħa, u ħarbitilha għajta bil‑qatgħa li ħadet hekk kif rat par saqajn ħerġin minn taħt id‑dar: par saqajn libsin żarbun tal‑fidda, ippuntat.
“Dik il‑kiefra saħħara kienet ħakmet fil‑jasar lill‑Manċikini kollha, għal ħafna snin,” qalet ix‑xwejħa. “Riedu jtiru bil‑ferħ malli raw li issa mejta, u bagħtu messaġġier biex iġibni hawn mill‑aktar fis. Jiena s‑Saħħara tat‑Tramuntana.”
“Tassew!” qabżet Dorothy. “Inti tassew saħħara?”
“Dażgur li jien. Iżda jiena saħħara tajba, u n‑nies tħobbni. M’iniex setgħana daqs kemm kienet is‑saħħara l‑ħażina li kienet taħkem hawn: kieku ili li ħlist lil dawn in‑nies minn taħt is‑seħer tagħha.”
“U jiena kont naħseb li s‑sħaħar kollha huma ħżiena!” lissnet it‑tifla.
“Le, le, dak huwa żball kbir,” kompliet is‑Saħħara t‑Tajba tat‑Tramuntana. “Mill‑erba’ sħaħar li hawn fl‑art ta’ Oż, tnejn minnhom huma tajbin: jien u s‑Saħħara tan‑Nofsinhar. Is‑Sħaħar tal‑Lvant u tal‑Punent huma sħaħar ħżiena. Iżda issa li qtilt lil waħda minnhom, saħħara ħażina waħda biss baqa’ fl‑art kollha ta’ Oż!”
Kien f’dan il‑waqt li l‑Manċikini, li sa issa kienu baqgħu siekta jisimgħu lil Dorothy u lis‑Saħħara tat‑Tramuntana jitkellmu bejniethom, qabdu jgħajtu u jippuntaw lejn kantuniera tad‑dar fejn kien hemm mgħaffġa s‑Saħħara tal‑Lvant.
Ix‑xwejħa Saħħara tat‑Tramuntana bdiet tidħaq malli rat li s‑saqajn tas‑saħħara l‑mejta kienu għebu għal kollox, u issa minnha ma kien għad fadal xejn għajr iż‑żarbun tal‑fidda.
“Tant kienet xiħa li tmermret taħt ix‑xemx! Issa spiċċat għal kollox! Iż‑żarbun tal‑fidda huwa tiegħek, issa, għażiża tiegħi; dak tista’ tilbsu int.”
Is‑saħħara ġabret iż‑żarbun, farfritu mit‑trab, u għaddietu lil Dororthy. “Is‑Saħħara tal‑Lvant kienet kburija ħafna b’dak iż‑żarbun,” lissen wieħed mill‑Manċikini, “u aħna ċerti li għandu xi seħer, għalkemm ma nafux x’inhu.”
“Grazzi, grazzi ħafna,” qalet Dorothy, hekk kif ippruvatu. “Jiġini eżatt! Iżda, nitlobkom, għiduli. Tistgħu tgħinuni nsib triqti lura lejn il‑Kansas? Jiena ngħix hemm maz‑zijiet tiegħi, u min jaf bħalissa kemm huma mħassbin minħabba fija!”
L‑ewwel il‑Manċikini u s‑Saħħara ħarsu lejn xulxin, imbagħad daru lejn Dorothy u ċaqalqu rashom.
“Ma nafx fejn jiġi l‑Kansas, għax qatt ma smajt b’dan il‑post,” lissnet ix‑xwejħa saħħara. “Għandek tkun taf li aħna ngħixu f’din l‑art ta’ Oż maqtugħin għal kollox mill‑bqija tad‑dinja minħabba d‑deżert kbir li hawn madwarna, u li huwa perikoluż biex taqsmu. Naħseb li l‑uniku mod li tista’ tmur lura f’darek hu li tasal sa Belt l‑Iżmeraldi u ssaqsi s‑Saħħar ta’ Oż. Naħseb li huwa jkun jista’ jgħinek.”
“Kif inhu dan is‑Saħħar ta’ Oż?” staqsiet Dorothy.
“Huwa saħħar tajjeb, u ħafna aktar setgħan minna s‑sħaħar l‑oħra. Jien qatt ma rajtu: lanqas nista’ ngħidlek huwiex tassew raġel jew le.”
“Kif nista’ nasal f’Belt l‑Iżmeraldi?”
“Imxi tul it‑triq tal‑madum safrani. Din it‑triq tgħaddi minn artijiet li huma mlewna u sbieħ u minn oħrajn li huma mudlama u tal‑biża’. Jiddispjaċini, għażiża tiegħi, li ma nistax niġi miegħek. Iżda ħa nagħtik bewsa; hekk ħadd ma jkollu l‑ħila jagħmillek il‑ħsara.”
Bieset lil Dorothy fuq moħħha u ħallitilha marka żgħira, tleqq fir‑raġġi tax‑xemx. Mejlet rasha b’tislima, daret tliet darbiet fuq sieqha x‑xellugija, u għebet għal kollox. Il‑Manċikini sellmu lil Dorothy wkoll u telqu lura lejn djarhom.
Issa li baqgħet waħedha ma’ Toto, Dorothy ppreparat għall‑vjaġġ li kellha tagħmel. Daħlet fid‑dar u biddlet il‑libsa li kellha fuqha. Libset waħda kaħlanija, pulita u nadifa. Ħadet ukoll il‑kappell tat‑tiben u qoffa bil‑ħobż. B’Toto miexi ma’ saqajha, telqet għal għonq it‑triq tal‑madum safrani.
Kienet ix‑xemx u l‑għasafar kienu qed jgħannu ferħanin, u anke Dorothy ħassitha kuntenta. Wara li mxiet fit‑tul, waqfet biex tistrieħ. Telgħet bilqiegħda fuq ċint, u ħarset lejn għalqa kollha qamħ. Ftit ’il bogħod minnha kien hemm raġel tat‑tiben. Rasu ma kienet xejn għajr biċċa xkora mimlija tiben, u għajnejh, imnieħru u ħalqu kienu mpinġijin fuq l‑ixkora. Kien liebes ħwejjeġ qodma tal‑istess lewn tal‑Manċikini, iżda l‑kulur kien kemxejn mitfi bix‑xemx, u d‑drapp kien ftit imqatta’. Kien miżmum wieqaf fuq il‑qamħ permezz ta’ lasta mdeffsa f’dahru. Dorothy qagħdet tħares ċassa lejn il‑wiċċ stramb ta’ dak ir‑raġel tat‑tiben, u ħesrem lemħet waħda minn dawk l‑għajnejn impinġijin tehmiżha. Għall‑ewwel Dorothy ħasbet li kienet marret imqarrqa. Iżda ftit wara r‑ras tar‑raġel tat‑tiben bdiet anke tixxengel ’l hawn u ’l hinn, u sselmilha b’mod ħabrieki. Għalhekk Dorothy niżlet minn fuq iċ‑ċint u resqet lejh.
“Bonġu,” lissen ir‑raġel tat‑tiben.
“Kif, titkellem?!” qabżet Dorothy mistagħġba.
“Dażgur li nitkellem! Int kif int?” staqsieha dak.
“Tajba ħafna, grazzi. U int?”
“Ma ngħidx li jien ninsab daqshekk tajjeb. Xbajt wieqaf hawnhekk lejl u nhar biex ingerrex ’l għasafar. Jekk taqlagħni minn ma’ din il‑lasta nibqa’ nafulek.”
Dorothy tawlet idejha u qalgħet lir‑raġel tat‑tiben minn mal‑lasta. Ma kien tqil xejn.
“Għall‑erwieħ! Niżżik ħajr. Inħossni qisni raġel ġdid, issa. Għidli, min int? U fejn sejra?”
“Jisimni Dorothy, u sejra sa Belt l‑Iżmeraldi biex inkellem lis‑Saħħar ta’ Oż ħalli jgħidli kif nista’ mmur lura lejn Kansas.”
“Fejn tiġi Belt I‑Iżmeraldi? U min hu s‑Saħħar ta’ Oż?” staqsa r‑raġel tat‑tiben.
“Kif, ma tafx?”
“Le! Fil‑fatt jien ma naf xejn. Jien għandi rasi mimlija tiben biss, u għaldaqstant m’għandix moħħ. Taħseb li jekk niġi sa Belt l‑Iżmeraldi miegħek is‑Saħħar ta’ Oż ikun jista’ jagħtini moħħ?”
“Ma nafx ngħidlek, iżda xorta waħda tista’ tiġi miegħi jekk trid.”
“Iva, grazzi ħafna. Niġi bil‑qalb kollha.”
Għalhekk, Dorothy u l‑ħabib il‑ġdid tagħha telqu għal għonq it‑triq tal‑madum safrani biex isibu lis‑Saħħar ta’ Oż.
Xi ftit sigħat wara, it‑triq ma baqgħetx lixxa bħalma kienet fil‑bidu. F’xi postijiet, il‑madum l‑isfar kien imkisser jew saħansitra nieqes għal kollox. Għalhekk kien hemm ħafna ħofor li Toto beda jaqbeż minn fuqhom fil‑waqt li Dorothy kellha ddur madwarhom.
Ir‑raġel tat‑tiben, mill‑banda l‑oħra, kien jibqa’ għaddej minn ġo fihom, u kemm‑il darba waqa’ tulu fl‑art. Kull meta jaqa’ kien jinfaqa’ jidħaq bħal miġnun hekk kif Dorothy kienet tgħinu jqum fuq saqajh.
“Dak il‑madum iebes ma jistax iweġġa’ t‑tiben tiegħi,” qal ma’ l‑ewwel waqgħa. “Il‑ħaġa waħda li tista’ tagħmilli ħsara hija sulfarina mqabbda. Ħallini nżomm dik il‑qoffa għalik, Dorothy.”
Baqgħu mixjin tul it‑triq, bil‑kelb jiġri quddiem. Issa, l‑art madwarhom bdiet tikrieh bil‑qajla. Malli sar filgħaxija, daħlu ġo foresta mudlama fejn is‑siġar tant kienu għoljin u ma’ xulxin li ma kinux iħallu jgħaddi raġġ wieħed ta’ dawl biex juri t‑triq. Bdew mixjin fid‑dlam sakemm fl‑aħħar Dorothy bilkemm setgħet tkompli miexja.
Waslu sa fl‑aħħar ħdejn għorfa żgħira tal‑injam. Kienet vojta, u l‑għamara waħdanija li kellha kienet sodda miksija b’ħaxix niexef. Fis Dorothy u Toto raqdu fuq il‑ħaxix. Ir‑raġel tat‑tiben ma kien jgħejja qatt, għalhekk, waqt li ħbiebu kienu reqdin, b’sabar kbir qagħad jistenna żerniq il‑jum.
Meta Dorothy stembħet, ix‑xemx kienet qed iddawwal l‑għorfa. Kellha l‑għatx, u għalhekk ilkoll ħallew l‑għorfa u bdew jiġġerrew fil‑foresta sakemm sabu għajn tal‑ilma. Hawnhekk Dorothy ħaslet wiċċha sew, u hi u Toto ħadu l‑kolazzjon ta’ filgħodu; ħobż u ilma. Ir‑raġel tat‑tiben qalilhom li hu qatt ma kien iħoss ġuħ, għalhekk ma ħa xejn.
Kienu se jduru biex jerġgħu jaqbdu t‑triq tal‑madum safrani, meta f’daqqa waħda Dorothy semgħet karba fil‑qrib. “Dak x’kien?”
“Ma nistax ngħid,” wieġeb ir‑raġel tat‑tiben, “iżda jekk trid nistgħu immorru naraw.”
Imxew xi ftit passi, u Dorothy għajtet mistagħġba b’dak li rat fil‑qrib. Waħda mis‑siġar il‑kbar kienet kważi maqtugħa għal kollox miz‑zokk tagħha. Wieqaf ħdejha, b’mannara merfugħa ’l fuq, kien hemm raġel tal‑landa minn rasu sa saqajh. Kien wieqaf għal kollox, u lanqas biss seta’ jiċċaqlaq.
“Inti bdejt tokrob?” staqsiet Dorothy.
“Iva, jien kont,” wieġeb ir‑raġel tal‑landa. “Ili nokrob għal aktar minn sena sħiħa, u ħadd ma ġie qabilkom biex jgħini!”
“X’nistgħu nagħmlu għalik?”
“Poġġuli ftit żejt fil‑ġogi, jekk jogħġobkom. Tant issaddadt li lanqas biss nista’ niċċaqlaq. Jekk tagħtuni ftit żejt malajr inkun nista’ nerġa’ niċċaqlaq. Hemm landa taż‑żejt fil‑għorfa tiegħi.”
Dorothy marret tiġri u f’kemm ilna ngħidu ġiet lura bil‑landa taż‑żejt. Bl‑għajnuna tar‑raġel tat‑tiben, qattret ftit żejt f’għonq ir‑raġel tal‑landa, imbagħad ftit f’dirgħajh u fl‑aħħar ftit f’riġlejh. Ir‑raġel tal‑landa ħa nifs twil, u bil‑mod il‑mod niżżel il‑mannara.
“Grazzi ħafna. Tassew nibqa’ nafulkom. Ili nżomm dik l‑imniefaħ ta’ mannara ’l fuq minn mindu ssaddadt u weħilt. U stajt bqajt hekk għal għomri li kieku ma ġejtux intom! Nista’ ngħid li salvajtuli ħajti. Kif inzertajtu qegħdin hawn?”
“Sejrin sa Belt l‑Iżmeraldi, biex inkellmu lis‑Saħħar ta’ Oż. Nixtiequ jgħini nsib triqti lura lejn il‑Kansas, u r‑raġel tat‑tiben, hawn, jixtieq li jpoġġilu moħħ f’rasu.”
Ir‑raġel tal‑landa qagħad jaħsibha xi ftit. U fl‑aħħar staqsa, “Taħsbu li s‑Saħħar ta’ Oż ikun jista’ jagħtini qalb?” Ir‑raġel tal‑landa spjegalhom li darba kien raġel tad‑demm u l‑laħam, u li kienet is‑Saħħara l‑Ħażina tal‑Lvant li kienet biddlitu f’landa. Kienet ħaditlu wkoll qalbu u żammitha għaliha.
“Jekk ikun jista’ jagħti moħħ lir‑raġel tat‑tiben, ma narax għalfejn m’għandux ukoll jagħti qalb lilek,” irraġunat Dorothy.
“Iva,” kompla r‑raġel tat‑tiben.
“Ejja magħna sa Belt l‑Iżmeraldi. Nieħdu pjaċir jekk tibqa’ magħna.”
Għalhekk ir‑raġel tal‑landa talab lil Dorothy tpoġġilu l‑landa taż‑żejt fil‑qoffa tagħha fil‑każ li jinqabad f’xi xita u jerġa’ jissaddad. Wara dan, poġġa l‑mannara fuq spalltu u mexxiehom tul il‑foresta sakemm reġgħu sabu t‑triq tal‑madum safrani.
Dorothy issa ntebħet li bilkemm kien hemm għasfur wieħed qed jgħanni fil‑foresta. Kien jinstama’ madankollu xi krib ta’ xi annimal selvaġġ moħbi qalb is‑siġar, u qalbha bdiet tħabbat sitta sitta bil‑biża'.
“Tibżax,” qalilha r‑raġel tal‑landa. “Il‑marka li ħallietlek fuq moħħok il‑bewsa tas‑Saħħara t‑twajba teħilsek minn kull għawġ. Barra minn hekk, jien għandi l‑mannara. Nista’ niddefendikom kollha.”
Bilkemm laħaq spiċċa li ma nstemgħetx għajta kbira u ljun daqsiex feġġ f’nofs it‑triq quddiemhom. Lir‑raġel tat‑tiben tajru min‑nofs u xeħtu qalb is‑siġar daqs li kieku kien biċċa karta mgħaffġa. Lir‑raġel tal‑landa laqtu fuq rasu bis‑saqajn kbar li kellu, u sabbtu mal‑art. Iċ‑ċkejken Toto waqaf quddiem l‑iljun u beda jinbaħlu b’kemm kellu saħħa, mingħajr biża' ta’ xejn. L‑iljun ċarrat ħalqu beraħ lest biex jigdem lill‑kelb iżda Dorothy ddeffset bejniethom u tat daqqa ta’ ħarta lill‑iljun fuq geddumu.
“Ara ma jfettillekx tigdem lil Toto!” wissiet bil‑korla. “Imissek tistħi bik innifsek: iljun kbir bħalek jagħmel l‑arja ma’ kelb ċkejken!”
“Ma gdimtux!” qabeż l‑iljun, kollu mibluh, hekk kif beda jogħrok geddumu.
“Le, imma hekk kont biħsiebek tagħmel. M’intix għajr beżżiegħ li jagħmel l‑arja b’min hu iżgħar minnu!”
“Naf,” kompla l‑iljun, hekk kif xengel rasu u niżżel għajnejh lejn l‑art bil‑mistħija. “Huwa dan li jiddispjaċini ħafna, u qatt ma jien kuntent minħabba f’hekk. Jekk l‑iljunfanti, jew it‑tigri, jew l‑orsijiet, jaqbdu jiġġieldu miegħi, jien inlebbet ’l hemm daqs l‑aqwa beżżiegħ. Iżda huma jaħsbu li jien b’saħħti għax jien ir‑re tal‑annimali; għajta waħda minni biżżejjed biex tgerrixhom.”
Bil‑ponta ta’ denbu mesaħ demgħa li kienet nieżla ma’ ħaddejh. “Eħħ! Li kieku kelli l‑kuraġġ!”
Dorothy bdiet titħassru malli ratu daqshekk mifni. “Forsi s‑Saħħar ta’ Oż ikun jista’ jgħinek,” qaltlu bil‑ħlewwa. “Aħna t‑tlieta sejrin għandu, f’Belt l‑Iżmeraldi. Ir‑raġel tat‑tiben se jitolbu jagħtih moħħ waqt li r‑raġel tal‑landa bi ħsiebu jitolbu jagħtih qalb. Tista’ tiġi magħna u titolbu jagħtik il‑kuraġġ.”
“Mela jekk ma jimpurtax, nixtieq niġi magħkom,” wieġeb fil‑pront l‑iljun.
“Tkun ta’ għajnuna kbira biex tħarisna mill‑annimali selvaġġi l‑oħra tal‑foresta.”
Dak il‑lejl ir‑raġel tal‑landa qatgħalhom xi ftit zkuk biex ikunu jistgħu jqabbdu ħuġġieġa żgħira ħalli jżommu sħan. L‑għada filgħodu ma damux mixjin wisq qabel ma sabu quddiemhom gandott fond u wiesa’ li ftit li xejn setgħu jaqsmu kif ġieb u laħaq.
“Naħseb li nista’ naqbeż għan‑naħa l‑oħra b’xi ħadd minnkom fuq dahri,” lissen l‑iljun, kemxejn dubjuż. “Ngħid id‑dritt, nibża’ naqbeż, iżda naħseb li ma nistgħux nagħmlu mod ieħor biex inkomplu l‑vjaġġ.”
Ir‑raġel tat‑tiben, li kien l‑eħfef minnhom kollha, rikeb fuq dahar l‑iljun. L‑iljun ħa r‑rankatura, qabeż, u laħaq in‑naħa l‑oħra qawwi u sħiħ. Il‑ħbieb kollha bdew jgħajtu bil‑ferħ. Issa li kien qabeż darba l‑iljun ħassu aktar qalbieni, u qabeż lura biex ikun jista’ jrikkeb lill‑oħrajn: l‑ewwel lil Dorothy u ’l Toto, imbagħad lir‑raġel tal‑landa.
Għal darb’oħra l‑grupp żgħir ta’ ħbieb telqu għal treqithom, bl‑iljun miexi dritt dritt ħdejn Dorothy. Imxew xi ftit meta t‑tifla ntebħet li r‑raġel tal‑landa kien qed jibki.
“Irfist nannakola u qtiltha, jaħasra,” beda jgħid. “Għandi bżonn noqgħod attent u nara fejn miexi. Nies bla qalb imisshom joqogħdu attenti biex ma jkunux kattivi lejn ħaddieħor.”
Ftit ħin wara bdew jisimgħu ħafna għajjat stramb u li jwaħħax. “Qed nibża’ li wasalna fl‑art tal‑Kaldiżi,” lissen l‑iljun minn taħt l‑ilsien. “Il‑Kaldiżi huma bhejjem feroċi bil‑ġisem ta’ ors u r‑ras ta’ tigra. Għandhom dwiefer tant twal u ppuntati li jistgħu jqattgħuk biċċiet f’kemm trodd salib.”
Dorothy bdiet tibża’ b’dak li qalilha l‑iljun. Kienet se tgħid xi haġa, iżda f’dak il‑waqt it‑triq għebet minn quddiemhom, u sabu rwieħhom quddiem irdum għoli u wiesa’. Fuq in‑naħa l‑oħra tal‑irdum it‑triq tal‑madum safrani kienet tkompli sejra. Iżda kif setgħu jilħqu x‑xifer l‑ieħor? Il‑ħbieb ħarsu lejn xulxin imħassbin, u poġġew bilqiegħda biex jaraw x’setgħu jagħmlu.
“Naħseb li naf x’nagħmel,” qal fl‑aħħar ir‑raġel tat‑tiben. “Hawnhekk hawn siġra twila wieqfa ma’ xifer l‑irdum. Jekk ir‑raġel tal‑landa jaqtagħha bil‑mannara tiegħu, tista’ taqa’ lejn ix‑xifer l‑ieħor u sservina bħala pont…”
“Din hija idea tajba tassew,” lissen l‑iljun. “Iġġiegħelni naħseb li għandek moħħ f’rasek minflok tiben, wara kollox.”
Ir‑raġel tal‑landa fis beda xogħlu. Tant kien juża l‑mannara tiegħu tajjeb li f’qasir żmien kellhom pont jagħti minn xifer għall‑ieħor tal‑irdum, u li seta’ jwassalhom għan‑naħa l‑oħra tat‑triq tal‑madum safrani.
Kienu se jibdew jaqsmu l‑pont meta warajhom instemgħet għajta oħra li twaħħax. Ħarsu warajhom, u lemħu żewġ bhejjem tal‑biża’ resqin lejhom.
“Dawk il‑Kaldiżi!” lissen l‑iljun, imwerwer.
“Għaġġlu!” qabeż ir‑raġel tat‑tiben. “Ejjew naqsmu l‑pont mill‑aktar fis!”
Dorothy qasmet l‑ewwel, bil‑kelb fi ħdanha; wara qasam ir‑raġel tal‑landa, u warajh ir‑raġel tat‑tiben. L‑iljun baqa’ fuq wara biex jiffaċċja lill‑Kaldiżi. Għajjat għajta liema bħalha, u għal mument, il‑bhejjem feroċi waqfu. Iżda ma damux wisq ma komplew jimxu ’l quddiem. L‑iljun fis qasam il‑pont, u ħares lura biex jara x’kienu se jagħmlu dawk il‑bhejjem feroċi.
“Ibqa’ viċin tiegħi,” qal l‑iljun lil Dorothy. “Jekk ir‑raġel tal‑landa jaqta’ din il‑parti tal‑pont il‑Kaldiżi ma jkunux jistgħu jilħquna.”
U waqt li l‑bhejjem bdew jaqsmu l‑pont, ir‑raġel tal‑landa reġa’ beda juża l‑mannara tiegħu. Hekk kif il‑bhejjem kienu għoddhom laħquhom, iz‑zokk tas‑siġra ċeda u baqa’ nieżel ’l isfel fl‑irdum, biż‑żewġ bhejjem miegħu. L‑iljun ġibed nifs twil ’il ġewwa.
“Għall‑erwieħ, jaħasra! Qalbi għadha tħabbat sitta sitta b’dak l‑eċċitament kollu!”
“Kemm nixtieq li jien ukoll kelli qalb tħabbat, bħalissa!” qabeż pront pront ir‑raġel tal‑landa.
Minħabba din il‑ġrajja xejn sabiħa, il‑ħbieb tagħna issa kienu aktar ħerqana minn qabel biex ifittxu joħorġu minn dik il‑foresta. Tant bdew jgħaġġlu fil‑mixi tagħhom li f’kemm ilna ngħidu Dorothy u Toto ħassewhom għajjenin mejta, tant li malli beda jidlam, kellhom jirkbu fuq dahar l‑iljun.
Meta l‑aħħar raġġi ta’ dawl kienu għebu għal kollox minn fuq il‑foresta, il‑ħbieb tagħna waqfu jistrieħu taħt siġra ħoxna u twila. Dorothy qabbdet ħuġġieġa biex iżżommhom sħan waqt li r‑raġel tat‑tiben irħielha jfittex xi ikel x’jieklu.
L‑għada filgħodu, l‑ewwel ħaġa li osservat Dorothy kienet li s‑siġar fuq rashom ma kinux qed jgħattu s‑sema aktar. Dan għaliex f’dawn l‑inħawi li kienu waslu, is‑siġar ma kinux daqshekk ma’ xulxin bħal ma kienu fi bnadi oħra. Għaldaqstant ittamaw li forsi kienu qrib xifer il‑foresta.
Il‑ħbieb komplew mixjin, u f’qasir żmien waslu quddiem xmara kemxejn wiesa’ u ġerrejja. Stagħġbu u ħadu gost meta raw x’kien hemm fuq in‑naħa l‑oħra. Kienet art kollha miksija b’għelieqi ħodor u mlewna b’kull tip ta’ ward. Fuq kull ġenb tat‑triq tal‑madum safrani kien hemm siġar mgħobbija b’kull għamla ta’ frott.
“Hemm bżonn li r‑raġel tal‑landa jibnilna ċattra ħalli naqsmu x‑xmara għan‑naħa l‑oħra,” lissen ir‑raġel tat‑tiben.
Ir‑raġel tal‑landa qabad jaħdem minnufih b’dik il‑mannara tiegħu, u ftit sigħat wara, kellhom ċattra mibnija minn ħafna zkuk ta’ siġar marbutin flimkien. Ir‑raġel tat‑tiben u r‑raġel tal‑landa żammew kull wieħed lasta twila biex jużaw bħala mqadef waqt qsim ix‑xmara.
Għall‑ewwel setgħu jaqdfu bla problemi ta’ xejn. Iżda malli waslu f’nofs ix‑xmara, il‑kurrent għaġġiel tax‑xmara beda jkaxkarhom ’l isfel tul ix‑xmara, dejjem aktar ’il bogħod mit‑triq tal‑madum safrani.
“M’aħna se naslu qatt f’Belt l‑Iżmeraldi jekk ma nwaqqfux din iċ‑ċattra,” lissen ir‑raġel tat‑tiben.
Malli qal dan ta skoss fuq il‑moqdief tiegħu bis‑saħħa kollha li kellu; tant ta bis‑saħħa li l‑moqdief weħel fit‑tajn li kien hemm f’qiegħ ix‑xmara. La kellu ċ‑ċans jiġbdu lura u lanqas jitilqu hekk kif iċ‑ċattra baqgħet titkaxkar mal‑ilma ġieri, u l‑imsejken raġel tat‑tiben baqa’ wara, iggranfat mal‑moqdief f’nofs ix‑xmara.
“Saħħa għalikom!” għajjat lill‑oħrajn, hekk kif iċ‑ċattra baqgħet sejra. L‑iljun tkellem fl‑istess waqt malli r‑raġel tal‑landa kien se jaqbad jibki t‑telfa ta’ seħibhom.
“Hemm bżonn nagħmlu xi ħaġa biex noħorġu minn din is‑sitwazzjoni. Naħseb li nkun nista’ ngħum sa l‑art u niġbed iċ‑ċattra warajja, jekk iżżommu sew mal‑ponta ta’ denbi.”
U hekk għamlu. L‑iljun qabeż fl‑ilma, u r‑raġel tal‑landa beda jżomm sod mal‑ponta ta’ denbu. Għalkemm l‑iljun kien kbir u goff, xorta waħda dam qatigħ biex ġibed warajh iċ‑ċattra b’kull minn kien hemm fuqha. Madankollu rnexxielu joħroġhom mill‑kurrent tax‑xmara, u għalhekk Dorothy ħadet il‑moqdief tar‑raġel tal‑landa u għenitu jiġbidhom sal‑art.
Kollha kienu għajjenin mejta meta fl‑aħħar rifsu l‑ħaxix ħadrani u frisk li kien hemm fuq in‑naħa l‑oħra tax‑xmara. Biss kienu mħassbin minħabba r‑raġel tat‑tiben, u wara ftit waqtiet ta’ mistrieħ, bdew mixjin lura tul ix‑xmara. F’qasir żmien lemħu lil seħibhom, eżatt fejn kienu ħallewh, imxabbat mal‑moqdief wieqaf f’nofs ix‑xmara.
Ħadd minnhom ma kien jaf kif setgħu jsalvawh. Għalhekk poġġew bilqiegħda u baqgħu jħarsu ċassi lejh. Ma damx ma tar lejhom għarnuq abjad minn dawk l‑inħawi.
“X’qegħdin tagħmlu hemmhekk?” staqsiehom.
“Qed nippruvaw naħsbu f’xi mezz biex insalvaw lir‑raġel tat‑tiben, maqbud f’nofs ix‑xmara,” wieġbet Dorothy.
L‑għarnuq ħares lejn ir‑raġel tat‑tiben, u beda jifli sew is‑sitwazzjoni tiegħu. “Li kieku ma kienx daqshekk tqil kont inġibulkom jien,” lissen.
“Lanqas xejn mhu tqil – tiben biss kulma fih,” qabżet Dorothy fil‑pront. “Jekk tkun tista’ ġġibulna nkunu nafuhulek.”
“Kollox sew. Ħalli nipprova,” kompla l‑għarnuq. Tar lejn ir‑raġel tat‑tiben. Bid‑dwiefer kbar li kellu l‑għarnuq ħataf lir‑raġel tat‑tiben u f’kemm ilna ngħidu ġabu lura lejn sħabu. Ir‑raġel tat‑tiben tant kien kuntent li beda jgħannaq lil kulħadd, saħansitra lill‑iljun u lil Toto. Imbagħad l‑għarnuq tar għal rasu, kuntent li kien qeda lil xi ħadd fl‑inkwiet.
Il‑ħbieb tagħna komplew mixjin tul it‑triq tal‑madum safrani, ir‑raġel tat‑tiben jgħanni ma’ kull pass li jagħmel. Kull fejn bdew iħarsu issa setgħu jaraw biss ħdura: anke d‑djar kienu ħodor, u n‑nies kienu kollha libsin l‑aħdar.
“Naħseb li wasalna qrib Belt l‑Iżmeraldi,” qalet Dorothy.
Hekk kif tkellmet, dija li tgħammex feġġet fuq ix‑xefaq. Kienu sa fl‑aħħar waslu quddiem is‑swar il‑kbar ta’ Belt l‑Iżmeraldi. Quddiemhom kien hemm bieb kbir kollu żmeraldi jleqqu fid‑dija tax‑xemx. Dorothy għafset buttuna fil‑bieb u semgħu qanpiena ddoqq minn xi mkien ġewwa. Il‑bieb infetaħ bil‑qajla, u fis sabu rwieħhom f’sala mdaqqsa, b’arkata għolja.
Quddiemhom kien hemm raġel liebes kollu aħdar. Ħdejh kellu kaxxa kbira ħadra.
“Għalfejn ġejtu f’Belt i‑Iżmeraldi?” staqsa.
“Ġejna biex naraw lis‑Saħħar ta’ Oż,” wieġbet Dorothy.
“O, ilu żmien twil ma jiġi xi ħadd biex ikellem lil Oż. Huwa bniedem setgħan u terribbli. Jekk ġejtu għal xi ħaġa żgħira li għalih ma tfisser xejn tistgħu tirrabjawh. U jekk tirrabjawh jeqridkom kif ġieb u laħaq.”
“Ma ġejniex għal affarijiet żgħar,” qabeż l‑iljun. “Huma importanti ħafna. Smajna li Oż huwa saħħar kbir.”
“O, tassew li hekk hu. Huwa l‑ħakkiem ta’ Belt l‑Iżmeraldi. Imexxi tajjeb ħafna u b’għerf liema bħalu. Iżda qatt ma jaħfirha lil dawk li jersqu lejh għas‑sempliċi kurżità. Jiena l‑gwardjan tal‑Bieb il‑Kbir, u ladarba qed titolbu biex taraw lil Oż, neħodkom sal‑palazz tiegħu. Iżda qabel xejn ikollkom bżonn tilbsu dawn in‑nuċċalijiet.”
Fetaħ il‑kaxxa li kellu ma’ ġenbu, u l‑ħbieb tagħna stagħġbu malli raw li kienet mimlija daqs bajda b’nuċċalijiet. Nuċċalijiet ta’ kull daqs u għamla: imma kollha ħodor. Il‑gwardjan tal‑Bieb il‑Kbir ħareġ ftit minnhom u newwilhom lil Dorothy u sħabha, saħansitra anke lil Toto.
“Tagħmu kollha bid‑dija ta’ Belt l‑Iżmeraldi jekk ma tilbsuhomx. Tneħħuhomx minn għajnejkom, lanqas bil‑lejl.”
Wara u qalilhom dan, il‑gwardjan mexxiehom tul it‑toroq jgħammxu ta’ Belt l‑Iżmeraldi. Kollox u kulħadd kien aħdar, anke l‑ġilda tan‑nies stess kienet tidher ħadranija. Malli waslu ħdejn ir‑rixtellu tal‑palazz, il‑gwardjan kellem lil għassies li kellu daqna twila, ħadra. L‑għassies daħal fil‑palazz biex jgħarraf lil Oż li kien hemm min xtaq jarah.
“Rajtu lil Oż?” staqsiet Dorothy ħerqana, hekk kif l‑għassies reġa’ lura.
“Le,” weġibha. “Ma naf ’il ħadd li qatt ra lis‑Saħħar ta’ Oż. Kull meta nkellmu jien joqgħod bilqiegħda wara paraventu. Qalli li tistgħu tarawh. Iżda tridu tidħlu wieħed wieħed. Ma jridx jara aktar minn persuna waħda kuljum. Issa ħalluni nurikom il‑kmamar fejn tistgħu toqogħdu. Għada, Oż jibgħat għal wieħed minnkom biex ikellmu.”
L‑għada filgħodu tfajla ħelwa libbset lil Dorothy libsa tal‑bellus aħdar, u ħaditha fis‑sala tat‑tron tal‑kbir Oż. Fetħet il‑bieb u sabet ruħha f’kamra sabiħa b’ħafna żmeralda mal‑ħitan. Iżda l‑aktar li laqatha kien it‑tron il‑kbir, magħmul minn irħam ħadrani, u li kien f’nofs il‑kamra. Poġġuta fuqu kien hemm ras daqsiex, qisha ballun kbir. L‑għajnejn ta’ dik ir‑ras iċċaqilqu bil‑qajla u flew lil Dorothy minn rasha sa saqajha. Il‑ħalq beda jiċċaqlaq, u t‑tifla semgħet leħen jgħid:
“Jien Oż, il‑Kbir u s‑Setgħan. Min int, u għalfejn ġejt tarani?” Ma kienx dak il‑leħen aħrax u ikrah li Dorothy stenniet li tisma’ ħiereġ minn ras bħal dik.
“Jiena jisimni Dorothy,” wieġbet, “u ġejt biex nitlob l‑għajnuna tiegħek.”
L‑għajnejn ta’ dik ir‑ras komplew jifluha, ħosbiena. Il‑leħen saqsa lil Dorothy minn fejn kienet ġabet dak il‑par żarbun tal‑fidda, u kif kellha dik il‑marka fuq moħħha. Dorothy rrakkuntat l‑istorja ta’ kif darha kienet waqgħet fuq is‑Saħħara l‑Ħażina tal‑Lvant u qatlitha, u l‑leħen staqsieha:
“Xi trid minni?”
“Għinni nerġa’ lura għand iz‑Zija Em u z‑Ziju Neriku, fil‑Kansas.”
L‑għajnejn tar‑ras il‑kbira bdew iduru bħal żugraga, u dan Dorothy ħassitu stramb mhux bil‑ftit.
“Qabel ma ngħinek jien, trid tgħin lili int. Mur l‑art tal‑Winkis u oqtol lis‑Saħħara l‑Ħażina tal‑Punent.”
“Kif?! Dan ma jistax ikun!”
“Jewwilla ma qtiltx lis‑Saħħara l‑Ħażina tal‑Lvant? M’intix liebsa ż‑żarbun tal‑fidda tagħha? M’għandekx il‑marka tal‑bewsa tas‑Saħħara t‑Tajba fuq moħħok?”
Dorothy tbikkmet. “Imma jien qatt ma ridt noqtolha, lis‑Saħħara l‑Ħażina. Jekk lanqas int ma int kapaċi toqtol lis‑saħħara, aħseb u ara kemm nista’ jien!”
“Dik problema tiegħek. Issa mur; titlob xejn mingħandi qabel ma tkun għamilt xogħlok.”
Bid‑dmugħ f’għajnejha, Dorothy ħarġet mis‑sala tat‑tron u reġgħet ma’ ħbiebha. Kollha ddispjaċihom malli saru jafu x’risposta kien taha s‑Saħħar ta’ Oż, iżda ħadd minnhom ma seta’ jgħinha.
L‑għada r‑raġel tat‑tiben daħal fis‑sala tat‑tron. Din id‑darba, minflok ras imdaqqsa u goffa, sab bilqiegħda fuq it‑tron tfajla tassew sabiħa. Iżda lir‑raġel tat‑tiben qaltlu l‑istess kliem li r‑ras kienet qalet lil Dorothy l‑ġurnata ta’ qabel. Oż ma kien lest li jagħtihom xejn sakemm ma jagħmlux dik ix‑xi ħaġa li jitlobhom. Ir‑raġel tat‑tiben ma kienx se jkollu moħħ jekk qabel ma jmurx ma’ Dorothy biex joqtlu lis‑Saħħara l‑Ħażina tal‑Punent.
Il‑ġurnata ta’ wara kien imiss lir‑raġel tal‑landa. Dan sab bhima mostruża bilqiegħda fuq it‑tron. Kienet bhima kbira daqs iljunfant, b’qarn kbir f’nofs rasha, ħames għajnejn, ħames saqajn u ħames idejn. Din il‑bhima qalet lir‑raġel tal‑landa li biex Oż jagħtih qalb, kellu l‑ewwel jgħin lil Dorothy toqtol lis‑Saħħara l‑Ħażina tal‑Punent.
L‑aħħar li ra lil Oż kien l‑iljun. Meta daħal fis‑sala tat‑tron għal daqsxejn ma nħaraqlux il‑pil ta’ ġildu minħabba ballun kbir tan‑nar li kien hemm fuq il‑tron.
“Jiena Oż, il‑Kbir u s‑Setgħan,” lissen il‑ballun tan‑nar. “Mur oqtol lis‑Saħħara l‑Ħażina tal‑Punent u nagħtik il‑kuraġġ kollu li tant tixtieq.”
Malli l‑ħbieb reġgħu ngħaqdu flimkien, kien biex jiddeċiedu x’kellhom jagħmlu, issa li kollha kienu kellmu lil Oż.
“Il‑ħaġa waħdanija li nistgħu nagħmlu,” qal l‑iljun, “hi li mmorru fl‑art tal‑Winkis, insibu lis‑Saħħara l‑Ħażina tal‑Punent u neqirduha, b’xi mod jew ieħor.”
Wara li qattgħu il‑lejl fil‑palazz ta’ Oż, il‑ħbieb tagħna kienu lesti biex jibdew il‑vjaġġ tagħhom lejn l‑art tal‑Winkis u s‑Saħħara l‑Ħażina tal‑Punent. Il‑Gwardjan tal‑Bieb ta’ Belt l‑Iżmeraldi ħadilhom lura n‑nuċċalijiet u reġa’ poġġiehom fil‑kaxxa l‑kbira li kellu. Wara dan, fetaħ il‑bieb il‑kbir ta’ Belt l‑Iżmeraldi.
“Liema triq tieħu għas‑Saħħara l‑Ħażina tal‑Punent?” staqsiet Dorothy.
“M’hemm l‑ebda triq li twassal għas‑Saħħara l‑Ħażina‑tal‑Punent, għax ħadd ma jkun irid imur ’l hemm,” wieġeb il‑gwardjan pront pront.
“Mela kif se nsibuha?”
“Jekk tibqgħu mixjin lejn il‑punent, fejn tinżel ix‑xemx, is‑Saħħara ssib lilkom minflok, m’għandkomx dubju minn hekk. Lill‑Winkis għamlithom l‑ilsiera tagħha, u oqogħdu attenti jekk ma tridux li tagħmel lilkom ilsiera tagħha wkoll!”
B’dan il‑kliem xejn sabiħ jidwi f’widnejhom, il‑ħbieb daru lejn il‑punent u bdew il‑mixja tagħhom.
Dorothy kienet għadha liebsa l‑libsa ħelwa tal‑bellus li kienet libset biex tidher quddiem Oż. Iżda ħaġa tal‑iskantament, issa, bogħod mid‑dija tal‑iżmeraldi tal‑belt, kienet tidher lixxa u bajda.
Imxew b’għaġla kbira u f’qasir żmien tbiegħdu sew minn Belt l‑Iżmeraldi.
Issa tajjeb li tkunu tafu li s‑Saħħara l‑Ħażina tal‑Punent kellha għajn waħda. Biss din il‑għajn kienet setgħana biżżejjed biex tara biha daqs li kieku kellha teleskopju. Għalhekk permezz tagħha kienet tista’ tara minn bogħod liema bħalu. Waqt li kienet f’waħda mit‑twieqi tal‑kastell safrani tagħha, lemħet lil Dorothy u ’l sħabha ħafna qabel ma dawn kienu waslu qrib il‑kastell. Kienet semgħet b’Dorothy, u kienet qatgħetha li tpattihielha talli kienet qatlet lill‑ħabiba tagħha, is‑Saħħara l‑Ħażina tal‑Lvant.
Tant inkorlat malli lemħithom li nefħet bil‑qawwa kollha f’suffara tal‑fidda. Il‑ħoss tas‑suffara ġibed lejha ħafna lpup imġewħin.
“Hemm xi nies barranin fl‑art tiegħi! Lanqas biss jistħoqqilhom ikunu lsiera tiegħi! Morru qattgħuhom trietaq!”
L‑ilpup telqu jwettqu dak li ordnatilhom is‑saħħara. B’xorti tajba ir‑raġel tal‑landa kien attent u semagħhom joqorbu. Żamm sew il‑mannara tiegħu u malli l‑ilpup resqu viċin tagħhom, beda jxejjirha ’l hawn u ’l hinn bl‑addoċċ. Beda jtajjar li‑irjus tal‑ilpup waħda wara l‑oħra, u f’qasir żmien, kien hemm erbgħin lupu mejjet fejn saqajh.
Is‑saħħara rrabjat aktar minn qabel malli rat li Dorothy u sħabha kienu għadhom ħajjin. Reġgħet nefħet fis‑suffara tagħha, u din id‑darba ġew ħdejha ħafna ċawl kbir iswed.
“Morru ttajru fuq dawk in‑nies! Aqtgħulhom għajnejhom barra! Qattgħuhom biċċiet!” bdiet twerżaq bħal waħda indimonjata.
U dawk telqu. Malli r‑raġel tat‑tiben lemaħ liċ‑ċawl riesaq lejhom, talab lil sħabu joqogħdu minn tulhom fl‑art, waqt li hu ħataf lill‑ewwel ċawla minn għonqha u ħanxarulha. Għamel hekk liċ‑ċawla ta’ wara, u ta’ wara, u f’kemm ilna ngħidu, kellu ma’ saqajh erbgħin ċawla b’għonqhom imħanxar.
Malli rat dan kollu s‑saħħara ntilfet f’korla liema bħalha. Sejħet lil tużżana mill‑ilsiera Winkis li kellha, armathom bil‑lanez u ordnatilhom biex jeqirdu lil Dorothy u lil sħabha. Il‑Winkis, li kienu fula maqsuma bħall‑Manċikini, iżda kienu lebsin isfar minn rashom sa saqajhom, ma kinux xi nies qalbenin, imsieken. Hekk kif resqu lejn Dorothy l‑iljun għajjat għajta tant kbira li werwret lill‑Winkis. Dawn telqu l‑armi warajhom, u reġgħu lura lejn il‑kastell b’saqajhom ma’ daharhom.
Issa s‑saħħara tant bdiet tirrabja li bdiet issabbat saqajha mal‑art, tqatta’ xagħarha u theżżeż snienha. Ħaġa waħda biss kien jonqosha tagħmel biex teħles minn dawk in‑nies li kienu daħlu f’artha; tilbes il‑kappa tad‑deheb u ssejjaħ lix‑Xadini tal‑Ġwienaħ.
Libset il‑kappa tad‑deheb, u bdiet tkanta, “Ep‑pe, pep‑pe, kek‑ke, ziz‑zi, zuz‑zi, zik!”
Minnufih instama’ l‑ħoss ivenven ta’ ħafna ġwienaħ iħabbtu fil‑bogħod, u miegħu ħafna daħk. Kull ma jmur, il‑ħoss aktar beda joqrob il‑kastell. Ħesrem tfaċċat sħaba sewda fis‑sema li għattiet ix‑xemx: kienu x‑Xadini tal‑Ġwienaħ. Il‑mexxej tagħhom kien l‑ikbar fosthom. Straħ fuq l‑għatba tat‑gallarija tas‑saħħara.
“Din hija t‑tielet darba li użajt il‑kappa tad‑deheb biex issejħilna. Kull min għandu dik il‑kappa jista’ jużaha għal tliet darbiet biss biex isejħilna, u aħna nagħmlu dak kollu li jkun jixtieq. Iżda ftakar. Ma tistax issejħilna aktar minn tliet darbiet.
“Mhux se jkolli bżonnkom aktar wara din id‑darba,” qabżet is‑saħħara. “Għintuni biex injassar lill‑Winkis u biex inkeċċi lil Oż mill‑art tiegħi! It‑tielet u l‑aħħar ordni li se nagħtikom huwa li teqirdu lil dawk il‑barranin li daħlu f’arti. Kollha, minbarra l‑iljun. Irridkom taqbduhuli ħalli nużah minflok żiemel u jaħdem għalija.”
“L‑ordnijiet tiegħek neħduhom,” wieġeb il‑mexxej.
U b’hekk ix‑xadini taru lejn Dorothy u sħabha. Xi ftit minnhom qabdu lir‑raġel tal‑landa, taru bih ’il fuq u telquh minn għoli kbir. Waqa’ qalb ħafna blat, u tant inbarax u tgħattan li ma setax jiċċaqlaq aktar. Xi xadini oħra ħatfu lir‑raġel tat‑tiben u qasmuh min‑nofs. Lit‑tiben tiegħu ferrxuh mal‑erbat irjieħ. Il‑ħwejjeġ li kellu geżwruhom f’ballun u ħallewhom fuq il‑quċċata ta’ siġra għolja ħafna. Il‑bqija tax‑xadini dawru ħafna ħbula madwar l‑iljun, tant li f’qasir żmien ma setax jiċċaqlaq aktar, u għalxejn beda jagħti kemm jiflaħ. Qabduh mill‑ħbula, għollewh fl‑ajru u taru bih lejn il‑kastell. Hemmhekk poġġewh ġo bitħa żgħira magħluqa minn kull naħa b’rixtellu għoli tal‑ħadid.
Iżda lil Dorothy ma messewhiex. Il‑mexxej tax‑xadini tar lejha lest biex jagħmel għaliha. Iżda malli lemaħ il‑marka tal‑bewsa tas‑Saħħara t‑Tajba, waqaf ħesrem.
“Lil din iċ‑ċkejkna ma nistgħux nagħmlulha deni, u lanqas lill‑kelb li qed iġġorr f’ħoġorha,” lissen. Għalhekk għollieha bil‑mod, u ħadha lejn il‑kastell.
Is‑Saħħara l‑Ħażina stagħġbet u fl‑istess ħin tħassbet meta rat il‑marka fuq moħħ Dorothy. Bdiet saħansitra tirtogħod bil‑biża' malli lemħet iż‑żarbun tal‑fidda li Dorothy kellha f’saqajha. Biss, malli ħarset lejn għajnejn it‑tifla, serrħet rasha.
“Milli jidher ma tafx x’setgħa għandu ż‑żarbun li qed tilbes,” qalet bejnha u bejn ruħha. “Xorta waħda nista’ nżommha bħala lsira tiegħi!”
B’daħqa sfurzata kaxkret lil Dorothy fil‑kċina u hemmhekk ġiegħlitna taħsel il‑borom u t‑twaġen. Fil‑jiem li għaddew Dorothy kellha bilfors taħdem iebes. Bdiet tibża’ li jekk ma tagħmilx dak li kienet tgħidilha s‑saħħara din kienet issawwatha. Iżda Dorothy ma kenitx taf li s‑saħħara lanqas biss kienet tazzarda tmissha minħabba l‑marka tas‑Saħħara t‑Tajba li kellha fuq moħħha.
Barra minn Toto, il‑ħabib waħdieni li kien għad baqgħalha Dorothy kien l‑iljun. Kull lejl kienet tinżel fil‑bitħa fejn kien miżmum u kienet timtedd ħdejh. Kienet isserraħ rasha fuq il‑pil folt u lixx li kellu, u flimkien kienu jippruvaw jiddiskutu pjan biex jaħarbu minn hemm.
Fil‑fatt is‑Saħħara l‑Ħażina kellha seba’ mitt sena biex tfittex tieħu l‑par żarbun tal‑fidda li kellha Dorothy, għax riedet tuża l‑maġija tiegħu. Għalhekk, darba minnhom, ippjanat biex tqarraq bit‑tifla ħalli teħdilha ż‑żarbun. Poġġiet lasta tal‑ħadid mal‑art f’nofs il‑kċina u bil‑maġija tagħha għamlitha inviżibbli. Malli Dorothy għaddiet minn hemm, ma ratx il‑lasta, u minnufih waqgħet tulha fl‑art. Bil‑waqgħa tagħha, waħda miż‑żraben ħarġitilha minn sieqha. B’għajta ta’ ferħ, is‑saħħara ħatfet iż‑żarbuna.
“Tini dik iż‑żarbuna lura!” werżqet Dorothy.
“Ħaħ‑ħaħ‑ħaħ‑ħaj!! Dażgur li le, ja xifajka ċkejkna! X’ taħseb?!” bdiet tidħaq is‑saħħara. “Din inżommha jien, u xi waħda minn dawn il‑jiem se noħodlok l‑oħra wkoll, issa tara!”
Dan il‑kliem tant irrabja lil Dorothy li tawlet idha lejn l‑eqreb ħaġa li setgħet issib – barmil ilma. Ħatfitu, u mingħajr ma qagħdet taħsibha, waddbet l‑ilma kollu fuq is‑saħħara. Is‑Saħħara l‑Ħażina werżqet twerżiqa li twaħħax. Mistagħġba, Dorothy baqgħet tħares imbellha hekk kif is‑saħħara bdiet tiċkien u ddub quddiem għajnejha.
“Ara x’għamiltli!” bdiet twerżaq is‑saħħara b’leħen li kull ma jmur beda jintefa aktar ma bdiet iddub fix‑xejn. “Ma kontx taf li l‑ilma biss jeqridni? Issa se ndub għal kollox!”
F’kemm trodd salib is‑saħħara ma kien għad baqa’ xejn minnha għajr għadira likwidu kannella li baqa’ jixxerred mal‑kamra kollha.
Malli rat dan Dorothy fis ħatfet iż‑żarbuna li kienet ħaditilha s‑saħħara u niżlet tiġri biex tgħarraf lill‑iljun b’dak kollu li kien ġara.
L‑iljun kien kuntent bl‑aħbar li tatu Dorothy. Il‑Winkis ukoll ħadu r‑ruħ u ħassewhom ferħanin se jtiru. Malli Dorothy qaltilhom li issa ma kinux għadhom ilsiera, offrew li jgħinuha ssib lil sħabha l‑mitlufin, ir‑raġel tal‑landa u r‑raġel tat‑tiben.
Grupp minnhom beda l‑vjaġġ u baqa’ jfittex matul dak il‑jum u parti kbira mill‑jum ta’ wara, sakemm fl‑aħħar waslu f’dik il‑pjanura kollha blat fejn ir‑raġel tal‑landa nstab kollu mgħattan u mibrux. Il‑Winkis ġarrewh bil‑mod lura sal‑kastell, u hemmhekk bdew isewwuh. Erħilhom il‑ħaddieda jissaldjaw, isammru u jnaddfu, sakemm fl‑aħħar ir‑raġel tal‑landa kien qisu ġdid fjamant. Tassew li kien għad kellu xi daqqiet żgħar ’l hawn u ’l hinn, iżda xorta waħda kien kuntent ħafna, għaliex issa kellu manku tad‑deheb għall‑mannara tiegħu. Tant ħassu kuntent li Dorothy kellha timsaħlu l‑gelgul ta’ dmugħ li kien nieżel minn għajnejh biex ma jilħaqx jissaddad wiċċu!
L‑għada, Dorothy u sħabha mexxew tfittxija għar‑raġel tat‑tiben. Fl‑aħħar lemħu lbiesu fil‑quċċata ta’ siġra li kienet għolja wisq biex jixxabbtu magħha. Għalhekk ir‑raġel tal‑landa qatagħha bil‑mannara u b’hekk Dorothy setgħet tiġbor il‑ħwejjeġ minn qalb il‑friegħi. Ħadithom lura fil‑kastell, poġġiet ħafna tiben nadif ġo fihom u minnufih ir‑raġel tat‑tiben ukoll reġa’ ġie bħal ġdid fjamant. Dam sejjer nofs ta’ nhar jirringrazzjahom talli kienu salvawh.
Il‑ħbieb qattgħu ħafna jiem kuntenti fil‑kastell. Iżda Dorothy ma setgħetx tinsa liz‑Zija Em u liz‑Ziju Neriku f’darhom fil‑Kansas. Għalhekk jum minnhom qalet lill‑oħrajn, “Hemm bżonn immorru lura għand Oż u nfakkruh fil‑wegħda li għamlilna jekk neqirdu lis‑Saħħara l‑Ħażina tal‑Punent.”
M’għandniex xi ngħidu, ħbiebha qablu magħha. L‑għada, sellmu lill‑poplu tal‑Winkis u ppreparaw biex għal darb’oħra jmorru f’Belt l‑Iżmeraldi.
Il‑Winkis ma xtaqux li Dorothy u sħabha jitilqu minn hemm. Tant kienu ħadu grazzja mar‑raġel tal‑landa li talbuh jibqa’ hemm u jiggverna l‑Art tal‑Punent. Iżda meta raw li l‑ħbieb kienu qatgħuha li jmorru lura Belt l‑Iżmeraldi, tawh landa taż‑żejt magħmula minn fidda pura. Lil Dorothy tawha l‑kappa tad‑deheb.
“Ladarba kont inti li qridt lis‑Saħħara l‑Ħażina tal‑Punent,” qalulha, “huwa xieraq li inti tieħu dik il‑ħaġa li kienet l‑aktar għażiża għas‑saħħara: dik il‑kappa tad‑deheb. Għandha kliem maġiku miktub fuq ġewwa. Forsi ssibha ta’ għajnuna jekk xi darba ssib ruħek f’xi inkwiet.”
Dorothy libset il‑kappa u rringrazzjat lill‑Winkis għar‑rigal sabiħ li kienu tawha. Wara dan, hi u l‑ħbieb tagħha rħewlha lejn Belt l‑Iżmeraldi. Ma kien hemm l‑ebda triq li setgħet teħodhom lejn il‑Belt, iżda huma kienu jafu li sakemm jibqgħu mixjin lejn il‑lvant, minn fejn kienet titla’ x‑xemx, kienu fit‑triq it‑tajba. Biss sabu diffikultà f’nofsinhar, meta x‑xemx kienet qed tisreġ dritt fuqhom, u għalhekk ma setgħux jaraw ’il fejn kien il‑lvant u ’l fejn kien il‑punent.
“X’se nagħmlu?” staqsiet Dorothy. “Hawnhekk intlifna għal kollox!”
“Għax ma tippruvax il‑kappa tad‑deheb?” qabeż ir‑raġel tat‑tiben. Dorothy ħarset lejn in‑naħa ta’ ġewwa tal‑kappa u qrat l‑istruzzjonijiet li kien hemm. Wara poġġietha fuq rasha u waqfet fuq sieq waħda, u bdiet tkanta, “Ep‑pe, pep‑pe, kek‑ke, ziz‑zi, zuz‑zi, zik!”
Minnufih instama’ t‑taħbit ta’ ħafna ġwienaħ goffi, u dehru ħafna Xadini tal‑Ġwienaħ. Għall‑ewwel il‑ħbieb tagħna ħassewhom ftit beżgħana minn dawn, iżda r‑re tax‑xadini mejjel rasu quddiem Dorothy, u qalilha, “Issa inti sidt il‑kappa, għalhekk aħna rridu nobduk għal tliet darbiet. Għidilna x’inhu l‑ewwel ordni tiegħek.”
“Ħuduna kollha f’Belt I‑Iżmeraldi,” wieġbet Dorothy fil‑pront, “għaliex intlifna.”
“Inġorrukom aħna,” qal ir‑re tax‑xadini.
Fis żewġ xadini ħatfu lil Dorothy u taru ’l fuq biha. Xadini oħrajn tellgħu fl‑ajru lill‑ħbieb tagħha. Bdew itiru b’għaġla kbira, u f’kemm trodd salib il‑ħbieb reġgħu sabu rwieħhom quddiem il‑bieb il‑kbir ta’ Belt l‑Iżmeraldi.
Il‑gwardjan tal‑bieb tahom in‑nuċċalijiet il‑ħodor x’jilbsu u ħadhom sal‑palazz. L‑għassies tad‑daqna l‑ħadra kien għadu qiegħed għassa. “Kif! Diġà ġejtu lura? Ma kellkomx tmorru taraw lis‑Saħħara l‑Ħażina tal‑Punent?” staqsiehom.
“Tassew,” qabeż l‑iljun, “U Dorothy qerditha, ukoll!”
“Il‑marelli!” lissen is‑suldat, mistagħġeb, u telaq jiġri biex jgħarraf lill‑Kbir Oż. Issa Dorothy u sħabha kienu ċerti li Oż jibgħat għalihom minnufih u jżomm il‑wegħda tiegħu, iżda fil‑fatt xejn minn dan ma seħħ. Minflok, Oż ta ordnijiet biex il‑ħbieb tagħna jingħatawlhom xi kmamar komdi biex jistrieħu. Ma semgħux aktar minn Oż l‑għada, u lanqas il‑jum ta’ wara. Fl‑aħħar tant xebgħu jistennew li r‑raġel tat‑tiben bagħat jgħid lil Oż li jekk ma jarahomx minnufih isejħu lix‑Xadini tal‑Ġwienaħ.
Din it‑theddida mid‑dehra beżżgħet lil Oż, għax minnufih stedinhom biex imorru fis‑sala tat‑tron. Bil‑mod fetħu l‑bieb tas‑sala, jistennew minn mument għall‑ieħor li jilmħu xi ras kbira, jew xi ballun tan‑nar, jew xi bhima b’ħafna għajnejn. Iżda xejn minn dan. Kulma raw kien it‑tron vojt. Tant kien hemm kwiet fis‑sala li bdew jibżgħu aktar milli meta Oż beda jidher f’dawk il‑forom strambi tiegħu.
Semgħu leħen li dehrilhom li kien ġej mis‑saqaf, għalkemm ma setgħu jaraw ’il ħadd hemm fuq.
“Jien Oż, il‑Kbir, u s‑Setgħan. Għalfejn tridu tkellmuni?”
“Fejn qiegħed?” staqsiet Dorothy.
“Jiena qiegħed kullimkien, iżda għal għajnejn in‑nies komuni bħalkom jiena ma nidhirx. Issa se noqgħod fuq it‑tron tiegħi.”
Tassew dehrilhom li f’dak il‑waqt li l‑leħen beda ġej min‑naħa tat‑tron, għalkemm baqgħu ma raw ’il ħadd.
“Ġejna biex nieħdu dak li kont wegħidtna, Oż!” qalet Dorothy. “Inti wegħidtna li tgħinna jekk noqtlu lis‑Saħħara l‑Ħażina tal‑Punent. U hekk għamilna. Jiena dewwibtha bl‑ilma.”
“Tassew?” wieġeb il‑leħen, imħasseb. “Ma kontx qed nistenna li tagħmlu xogħolkom daqshekk malajr! Tgħid nibgħatkom teqirdu lil xi ħadd ieħor? Ejjew għada, għax għandi bżonn naħsibha ftit.”
“Diġà kellek biżżejjed żmien biex taħsibha,” qabeż ir‑raġel tal‑landa bir‑rabja, hekk kif resaq lejn it‑tron bil‑mannara mtella’ ’l fuq. L‑iljun għajjat għajta liema bħalha li werwret saħansitra lil Toto. Il‑kelb qomos lejn il‑ġenb bil‑ħasda, u laqat paraventu li kien fir‑rokna tas‑sala.
Baqgħu skantati hekk kif malli waqa’ l‑paraventu lemħu warajh xwejjaħ qasir. “Emm... jiena s‑Saħħar il‑Kbir,” qal minn taħt l‑ilsien, bilkemm jiftiehem. “Għall‑anqas, suppost li jien saħħar kbir. Tassew, jiena raġel komuni bħalkom, fil‑fatt.”
“Inti ħafna aktar minn hekk,” kompla r‑raġel tat‑tiben bil‑korla. “Inti... inti qarrieqi, dak li int!”
“Tassew,” stqarr ix‑xwejjaħ.
“Din il‑biċċa xogħol ma nistax nifhimha,” lissnet Dorothy. “Kif irnexxielek tidher b’dawk il‑forom differenti kollha jekk m’intix saħħar tassew? Kif dhert forma ta’ ras kbira?”
“Dik kienet ċajta sempliċi minn tiegħi,” spjega Oż. Ħadhom f’kamra oħra żgħira li kienet tinsab sewwasew wara s‑sala tat‑tron. Hemmhekk urihom ras kbira magħmula mill‑kartapesta.
“Dendilt din ir‑ras mas‑saqaf permezz ta’ wajer b’saħħtu iżda rqiq u li bilkemm jidher. Staħbejt wara l‑paraventu u ċaqlaqt il‑ħalq u l‑għajnejn tar‑ras permezz ta’ xi ħjut.”
“U l‑leħen?” Dorothy staqsiet.
“Dak kien aktar faċli għalija. Jiena ventrilokwista, u nista’ nixħet il‑vuċi tiegħi fejn irrid, b’tali mod li nagħmilha tinstama’ minn ħafna postijiet differenti. Kien faċli ħafna li nqarraq bikom kollha.”
Wara dan ix‑xwejjaħ irrakkuntalhom l‑istorja tiegħu. Kien twieled f’Omaha, qrib il‑Kansas. Meta kien żagħżugħ kien iħobb jittajjar bil‑blalen tal‑arja. Darba minnhom riħ qawwi tajjarlu l‑ballun u ġabu f’din l‑art ta’ Oż. Meta n‑nies t’hawn kienu rawh nieżel mis‑sema, kienu ħasbu li kien xi saħħar, u għalhekk kienu wegħduh li jagħmlu kulma kien jitlobhom. Minnufih kien ordnalhom li jibnu palazz u belt madwar dak il‑palazz.
“Billi l‑art madwarna kienet daqshekk ħadra, iddeċidejt li nsemmi l‑post Belt l‑Iżmeraldi,” kompla jispjega. “U biex l‑isem ikun jixraq aktar, ordnajt lin‑nies biex jilbsu nuċċalijiet ħodor, ħalli b’hekk jaraw kollox aħdar meta jidħlu fil‑belt.”
“Kif, qed tgħid li mhux veru li kulma hawn madwarna huwa aħdar?!” staqsiet Dorothy.
“Hekk hu,” wieġeb Oż. “Iżda n‑nies tant draw jilbsu n‑nuċċalijiet ħodor li fil‑fatt hekk jemmnu. Jaħsbu wkoll li jien setgħan ħafna aktar mis‑sħaħar li hawn. Fil‑fatt m’iniex, u ngħidilkom id‑dritt minn dejjem bżajt mis‑Saħħara l‑Ħażina tal‑Punent. Għaldaqstant m’iniex ċert li nkun nista’ nżomm kelmti magħkom. Iżda nagħmel minn kollox biex nipprova nikkuntentakom. Biss, nitlobkom li ma tgħidu lil ħadd x’jien tassew u x’miniex. Ma nixtieqx li nibqa’ magħruf hawn bħala bniedem qarrieqi.”
“U qarrieqi kemxejn kbir, ukoll,” ħasbet Dorothy.
Iżda hi qablet ma’ sħabha li ma jgħidu xejn minn dan kollu lin‑nies ta’ Oż. L‑għada r‑raġel tat‑tiben reġa’ mar biex jara lil Oż għal darb’oħra. Ix‑xwejjaħ talbu l‑permess biex jaqlagħlu rasu u jneħħilu t‑tiben kollu li kellu fiha, minflok, poġġielu f’rasu taħlita ta’ nuħħala, msiemer u labar. Il‑vojt li kien baqa’ reġa’ mlieh bil‑tiben, u poġġielu rasu f’postha. Ir‑raġel tat‑tiben mar lura ma’ sħabu. Issa kien kuntent għaliex kien qed iħossu ħafna aktar għaref minn qabel.
Ir‑raġel tal‑landa wkoll mar għand Oż. Oż qatagħlu toqba f’sidru u poġġielu qalb tal‑ħarir mimlija serratura. Ir‑raġel tal‑landa kien kuntent ħafna b’dan. Wara kien imiss l‑iljun. Oż ferra ftit likwidu minn flixkun aħdar ġo skutella u qal lill‑iljun li dak il‑likwidu kien il‑kuraġġ. Għalhekk, ferħan se jtir, l‑iljun xorob dak il‑likwidu f’belgħa waħda, u minnufih beda jħossu aktar qalbieni minn qatt qabel.
“Kemm hu faċli li tgħin lil ħaddieħor meta jaħsbu li tista’ tagħmel kollox,” qal Oż bejnu u bejn ruħu. “Iżda wara kollox, diġà kellhom dak li riedu. Ir‑raġel tat‑tiben kien minn dejjem intelliġenti. Ir‑raġel tal‑landa minn dejjem kellu l‑qalb li tħoss għal ħaddieħor. L‑iljun minn dejjem kien qalbieni. Biss dan ma kinux jafuh!”
Madankollu kien se jkun aktar diffiċli li jgħin lil Dorothy fix‑xewqa tagħha. Imma ma qatax qalbu. Meta kien imissha biex tmur għandu, qalilha, “Nagħmlu ballun tal‑arja biex jeħodna lura l‑Kansas.”
“Jeħodna?” tenniet Dorothy. “Għaliex, hi ħsiebek tiġi miegħi?”
“Dażgur. Xbajt nilgħabha tal‑qarrieqi hawnhekk. Għandi seba’ mitt sena biex infittex nibda nibni l‑ballun. Nistgħu nagħmluh minn biċċiet tal‑ħarir, u nużaw basket kbir li jiddendel taħtu, ħalli nkunu nistgħu nirkbu fih.”
Tlitt ijiem wara l‑ballun tal‑arja kien lest. Ġriet l‑aħbar f’Belt l‑Iżmeraldi li s‑Saħħar ta’ Oż kien se jmur fis‑smewwiet iżur lil saħħar ieħor li kien jgħix qalb is‑sħab. Għalhekk kulħadd inġabar fil‑misraħ ta’ quddiem il‑palazz biex jara lil Oż jitlaq.
Ir‑raġel tal‑landa qatta’ ħafna biċċiet tal‑injam u b’hekk tqabbdet ħuġġieġa. Oż żamm il‑qiegħ tal‑ballun fuq in‑nar sakemm il‑ballun intefaħ bl‑arja s‑sħuna. Wara dan rikeb ġol‑basket, u għajjat lill‑poplu tiegħu, “Sakemm ma nkunx hawn, inħalli lir‑raġel tat‑tiben bħala l‑mexxej tagħkom. Nordnalkom biex tobduh f’kull ħaġa li jgħid.”
Għalkemm il‑ballun kien għadu marbut mal‑art permezz ta’ xi ħbula ħoxnin, issa kien qed jiġbed ’il fuq.
“Għaġġel, Dorothy!” għajjat Oż, “għax inkella l‑ballun itir mingħajrek!”
Iżda kien f’dak il‑waqt li Dorothy ma setgħetx issib lil Toto. Waqt li bdiet tfittxu qalb il‑folla ta’ nies, il‑ħbula nqasmu bil‑ġibda qawwija tal‑ballun, u dan tela’ fl‑arja minnufih.
“Ejja lura!” bdiet twerżaq Dorothy minn isfel.
“Ma nistax! Ma nistax inniżżlu lura!” Oż weġibha minn fuq. “Saħħa! Saħħa għal dejjem!” U baqa’ tiela’ ’l fuq, u qatt ma deher aktar fil‑pajjiż ta’ Oż.
Il‑poplu ta’ Belt l‑Iżmeraldi ħassu tassew iddispjaċut bit‑tluq tal‑maħbub Saħħar. Issa kien qed iħossu wkoll kburi li kellu lir‑raġel tat‑tiben bħala mexxej ġdid.
“Liema belt oħra,” bdew jgħidu n‑nies, “hija mmexxija minn raġel tat‑tiben?”
L‑għada li Oż kien telaq bil‑ballun tal‑arja, il‑ħbieb iltaqgħu fis‑sala tat‑tron. Ir‑raġel tat‑tiben poġġa bilqiegħda fuq it‑tron, waqt li l‑oħrajn poġġew quddiemu.
“Meta naħseb li sa ftit żmien ilu kont imdendel ma’ lasta tal‑injam f’nofs ta’ għalqa ngerrex lill‑għasafar, inħossni sodisfatt ħafna b’xortija,” qal il‑mexxej il‑ġdid.
“Nixtieq li jien ukoll kont daqshekk sodisfatta,” lissnet Dorothy b’qalbha sewda. “Kull ma rrid jien hu li nkun mill‑ġdid maz‑Zija Em u z‑Ziju Neriku fil‑Kansas. Issa li Oż m’għadux magħna, ma nafx kif inkun nista’ mmur lura hemm.”
“Kont qed naħseb,” qabeż ir‑raġel tat‑tiben. “Għaliex ma ssejjaħx lix‑Xadini tal‑Ġwienaħ biex jeħduk huma sal‑Kansas?”
“X’idea tajba!” wieġbet Dorothy fil‑pront. Libset il‑kappa tad‑deheb u qalet il‑kliem maġiku, “Ep‑pe, pep‑pe, kek‑ke, ziz‑zi, zuz‑zi, zik!” Minnufih dehru quddiemhom ix‑Xadini tal‑Ġwienaħ.
“Jekk jogħġobkom, ħuduni sal‑Kansas,” talbithom Dorothy. Iżda r‑re tax‑xadini mejjel rasu.
“Ma nistgħux. Aħna ngħixu biss f’din l‑art, u ma nistgħux nitilqu minn hawn. Lesti li ngħinuk f’affarijiet oħra, iżda ma nistgħux naqsmu d‑deżert u mmorru n‑naħa l‑oħra tiegħu.”
B’dawn il‑kliem, ir‑re sellmilhom, u tar ’il barra mit‑tieqa max‑xadini l‑oħra. Dorothy tant kienet iddiżappuntata b’dan li kienet kważi se tinfaqa’ tibki, iżda r‑raġel tat‑tiben kien diġà beda jaħseb f’soluzzjoni oħra, u sejjaħ lill‑għassies tad‑daqna l‑ħadra biex jitolbu l‑parir tiegħu.
“Persuna waħda biss hawn li tista’ tgħin lil Dorothy,” wieġeb is‑suldat, “Dik hija Glinda, is‑Saħħara t‑Tajba tan‑Nofsinhar. Glinda hija l‑mexxejja tal‑Kwadlinki, u hija l‑aktar waħda setgħana mis‑sħaħar. Mhux hekk biss: il‑kastell tagħha jinsab qrib id‑deżert; għalhekk hemm ċans kbir li tkun taf kif ikun jista’ jinqasam.”
“Kif nista’ mmur sal‑kastell tagħha?” staqsiet Dorothy.
“It‑triq hija lejn in‑nofsinhar. Iżda oqgħod attenta, għaliex mimlija perikli.”
“Perikli jew le,” qabeż ir‑raġel tat‑tiben, “Dorothy jkollha tmur bilfors; inkella tibqa’ hawn u qatt ma tara lil zijietha aktar.”
“Jien lest li mmur magħha,” offra l‑iljun. “Ikollha bżonn lil min jaqbeż għaliha.”
“Mela jien immur ukoll,” kompla r‑raġel tal‑landa.
“U jien,” tenna r‑raġel tat‑tiben. “Lil Dorothy ma nitlaqha qatt sakemm ma nkunx naf li sabet treqitha lura lejn il‑Kansas.”
Għalhekk, l‑għada filgħodu, il‑ħbieb tagħna reġgħu telqu qalb l‑għelieqi li kien hemm madwar Belt l‑Iżmeraldi. Baqgħu mixjin sakemm daħlu f’masġar kbir fejn is‑siġar kienu l‑itwal li qatt raw.
“X’post sabiħ dan,” qal l‑iljun. “Nixtieq li kont ngħix hawn ħajti kollha.”
F’dak il‑waqt semgħu xi ħsejjes, bħal ta’ ħafna annimali flimkien. Ftit ’il bogħod, f’mergħa mdawra bis‑siġar, sabu mijiet ta’ annimali miġburin flimkien. Kien hemm tigri, ljunfanti, orsijiet, lpup u ħafna oħrajn. Tant li għal xi mument Dorothy ħassitha mbeżża’. Iżda l‑iljun spjegalhom li l‑annimali kellhom laqgħa, u seta’ jara minn kif bdew igergru li kellhom xi nkwiet kbir. Hekk kif tkellem magħhom, l‑annimali siktu u l‑akbar tigra li kien hemm resqet lejh.
“Merħba bik, re tal‑annimali,” qaltlu. “Ġejt f’waqt tajjeb biex teħlisna mill‑għadu tagħna. Huwa mostru kbir u perikoluż; brimba kbira daqs iljunfant, saqajha ħoxnin daqs zkuk ta’ siġar. Ħadd minna ma jħossu f’sikktu sakemm tibqa’ ħajja.”
“M’hawnx iljuni oħrajn f’dan il‑masġar?” staqsa l‑iljun.
“Le. Kien hawn xi ftit, iżda l‑mostru kielhom kollha. U wara kollox, ħadd minnhom ma kien kbir u qalbieni daqsek.”
“Jekk neqred lill‑għadu tagħkom, taċċettawni bħala r‑re tagħkom f’dan il‑masġar?” staqsa l‑iljun.
“Nagħmlu dan bil‑qalb kollha,” weġbuh fil‑pront l‑annimali kollha flimkien.
L‑iljun sellem lill‑ħbieb tiegħu u telaq minn hemm, ifittex lill‑brimba. Sabha rieqda mimduda mal‑art, ftit ’il bogħod. Qabeż fuq daharha, u b’daqqa waħda ta’ saqajh tajrilha rasha minn ma’ ġisimha. Wara dan, reġa’ lura lejn il‑mergħa fejn kienu qed jistennewh l‑annimali u l‑ħbieb tiegħu.
“M’għandkomx minn xiex tibżgħu aktar,” qalilhom, kburi b’dak li kien wettaq.
Għalhekk l‑annimali mejlu rashom quddiem ir‑re l‑ġdid tagħhom, u I‑iljun wegħidhom li ma kienx se jdum ma jiġi lura wara li jkun għen lil Dorothy tmur lura lejn il‑Kansas.
Il‑ħbieb komplew mixjin fil‑masġar. Malli ħarġu minnu sabu rwieħhom quddiem għolja wieqfa ħafna, kollha blat.
“Se jkun diffiċli li nitilgħu din l‑għolja u ninżlu n‑naħa I‑oħra,” lissen ir‑raġel tat‑tiben, “Iżda bilfors minn hawn ikollna ngħaddu.”
Għalhekk beda miexi ’l quddiem, u l‑oħrajn imxew warajh. Kienu kważi waslu ħdejn il‑blat meta nstemgħet vuċi ħarxa tgħajjat. “Ibqgħu lura! Din l‑għolja hija tagħna, u m’aħna se nħallu lil ħadd jgħaddi minn fuqha.”
F’ħin minnhom tfaċċa minn wara l‑blat l‑aktar raġel stramb li l‑ħbieb tagħna kienu qatt raw b’għajnejhom. Kien qasir ħafna u mbaċċaċ, u kellu ras kbira, ċatta minn fuq u mistrieħa fuq għonq oħxon u kollu tikmix. Biss ma kellux dirgħajn.
Għalhekk ir‑raġel tat‑tiben kompla miexi ’l quddiem, u qal, “Se jkollna ngħaddu minn fuq l‑għolja trid jew ma tridx.”
F’leħħa ta’ berqa, ras dak ir‑raġel sparat ’il quddiem u għonqu ttawwal sakemm rasu laqtet lir‑raġel tat‑tiben fl‑istonku, u sabbtu mal‑art. Bl‑istess għaġla, ras ir‑raġel reġgħet f’postha.
“Mhux faċli li tgħaddu minn hawn daqskemm qed taħsbu,” qalilhom ir‑raġel imbaċċaċ bit‑tbissima ta’ wieħed makakk.
Il‑ħbieb tagħna bdew jisimgħu aktar daħk hekk kif ħafna rġiel oħra ta’ dik l‑għamla tfaċċaw minn wara l‑blat, kollha bla dirgħajn, u kollha b’rashom ċatta minn fuq, bħal tal‑ewwel wieħed.
B’għajta liema bħalha, l‑iljun ġera lejhom. Ras oħra sparat ’il quddiem u l‑iljun ukoll instabet mal‑art b’daqqa ta’ ras li kienet qawwija daqs balla ta’ kanun.
“X’se nagħmlu?” staqsiet Dorothy mħassba, hekk kif għenet lil seħibha jqum fuq saqajh.
“Sejjaħ lix‑Xadini tal‑Gwienaħ,” wieġeb ir‑raġel tal‑landa. “Għad għandek id‑dritt li tagħtihom ordni għal darb’oħra.”
“Kollox sew,” kompliet Dorothy, hekk kif libset il‑kappa tad‑deheb u lissnet il‑kliem maġiku, “Ep‑pe, pep‑pe, kek‑ke, ziz‑zi, zuz‑zi, zik!”
Ix‑xadini dehru minnufih quddiemha. “Ġorruna ’l fuq minn din l‑għolja lejn l‑art tal‑Kwadlinki,” ordnatilhom Dorothy.
“Hekk nagħmlu,” wieġeb ir‑re, u f’qasir żmien, ix‑Xadini tal‑Ġwienaħ refgħu lill‑ħbieb u taru ’l fuq bihom. Hekk kif għaddew minn fuq l‑għolja tal‑Irjus Imrietel, dawn bdew jgħajtu kemm jifilħu u jtawlu l‑għenuq tagħhom ’il fuq fl‑ajru.
Iżda x‑Xadini tal‑Ġwienaħ kienu qed jittajru ’l fuq wisq biex l‑Irjus Imrietel jilħquhom. F’kemm trodd salib, Dorothy u sħabha waslu fl‑art tal‑Kwadlinki.
Kull fejn bdew iħarsu, bdew jaraw kollox aħmar. Il‑fjuri, il‑ħaxix, id‑djar kienu kollha ħomor. Il‑Kwadlinki kieni qosra, ħoxnin u kollha libsin l‑aħmar. In‑nies urewhom fejn kien jinsab il‑kastell ta’ Glinda. Il‑bieb tal‑kastell ta’ Glinda kien mgħasses minn tliet tfajliet libsin uniformijiet ħomor. Dawn it‑tfajliet ħadu lill‑ħbieb tagħna f’sala kbira fejn iltaqgħu għall‑ewwel darba mas‑sabiħa Glinda, fuq it‑tron tagħha kollu djamanti u rubini.
“X’nista’ nagħmel għalik, għażiża tiegħi,” staqsiet lil Dorothy. Dorothy rrakkuntat l‑avventura kollha tagħha fil‑pajjiż ta’ Oż. Imbagħad kompliet:
“L‑akbar xewqa tiegħi hija li mmur lura f’dari, fil‑Kansas, għax naħseb li bħalissa z‑Zija Em u z‑Ziju Neriku inkwetati ħafna minħabba fija. Taħseb li tkun tista’ tgħinni?”
“Dażgur li nista’ ngħinek. Biss nixtieqek tagħtini l‑kappa tad‑deheb qabel.”
“Bil‑qalb kollha,” qabżet Dorothy fil‑pront. “Biha tkun tista’ ssejjaħ lix‑Xadini tal‑Ġwienaħ għal tliet darbiet.”
“U se jkolli bżonnhom sewwasew għal tliet darbiet,” kompliet Glinda. “Waħda biex iġorru lir‑raġel tat‑tiben lura sa Belt l‑Iżmeraldi, darb’oħra biex iġorru lill‑iljun sal‑masġar il‑ġdid tiegħu u t‑tielet darba biex iwasslu lir‑raġel tal‑landa sal‑art tal‑Winkis, biex hemm ikun il‑mexxej tagħhom. Wara li x‑xadini jagħmlu dan, il‑kappa nagħtiha lir‑re tagħhom, ħalli b’hekk ikunu ħielsa u ħadd ma jkun jista’ jagħtihom aktar ordnijiet.”
“U jien?” staqsiet Dorothy, kollha ħerqana.
Glinda tbissmet. “Permezz taż‑żarbun tal‑fidda li inti liebsa tkun tista’ taqsam id‑deżert lura lejn il‑Kansas. Li kieku kont taf bis‑setgħa ta’ dak iż‑żarbun, Dorothy, kont stajt mort mill‑ewwel għand zijietek dik l‑istess ġurnata li wasalt hawn!”
“Tassew, iżda li kieku ma kienx hekk, jien qatt ma kien ikolli l‑moħħ kbir li għandi issa,” stqarr ir‑raġel tat‑tiben.
“U jien qatt ma kien ikolli l‑qalb tajba li għandi,” kompla r‑raġel tal‑landa.
“U jien qatt ma kont insir iljun qalbieni daqs kemm jien issa,” lissen l‑iljun.
“Tassew,” qalet Dorothy. “U jien qatt ma kien ikolli ħbieb kbar daqskom. Jiena kuntenta ħafna li b’xi mod jew ieħor stajt ngħinkom kollha. Iżda issa tassew nixtieq immur lura l‑Kansas.”
“Kulma għandek tagħmel,” qaltilha Glinda, “huwa li tħabbat iż‑żraben flimkien tliet darbiet u tgħidilhom fejn tridhom jeħduk. Tasal hemm f’ħakka t’għajn.”
“Mela wasal il‑waqt għalija li ngħidilkom saħħa,” qalet Dorothy. Ħaddnet magħha lill‑iljun u bisitu fuq moħħu. Wara bieset lir‑raġel tal‑landa, li tant kien qed jibki li kien għoddu se jsaddad il‑ġogi tiegħu. Fl‑aħħarnett għannqet lir‑raġel tat‑tiben, u sabet li anke hi ma setgħetx iżomm milli xxerred xi demgħa jew tnejn.
Glinda niżlet minn fuq it‑tron u bieset lit‑tifla fuq moħħha. Imbagħad Dorothy ġabret lil Toto, ħabbtet iż‑żarbun tliet darbiet, u qalet, “Ħuduni għand iz‑Zija Em.”
Minnufih, bdiet tittajjar fl‑ajru, u kulma semgħet kien ir‑riħ ivenven ġo widnejha. F’daqqa waħda sabet ruħha wieqfa quddiem id‑dar il‑ġdida li z‑Ziju Neriku sadanittant kien bena wara li l‑qadima kienet taret b’Dorothy ġo fiha.
Dorothy bdiet taqbeż u togħla bil‑ferħ li ħakimha. Tant kienet kuntenta li ma ntebħitx li l‑par żarbun tal‑fidda kien waqgħalha minn saqajha waqt it‑titjira lura d‑dar. Bil‑ferħ ġriet lejn iz‑Zija Emma, li nzertat ħarġet tittawwal mill‑bieb f’dak il‑waqt.
“Għażiża Dorothy!” bdiet tgħajjat iz‑Zija Emma mbikkma. “Fejn kont dan iż‑żmien kollu? Minn fejn ġejt?”
“Mill‑pajjiż ta’ Oż,” wieġbet Dorothy bl‑akbar serjetà. “Iżda kemm jien kuntenta li wasalt lura hawn, fl‑aħħar!”