Miguel de Cervantes Saavedra
(1547-1616)
Sors: wikipedia.org/GIMP
Miguel de Cervantes Saavedra kien awtur Spanjol li kiteb rumanzi, reċti u poeżiji. Barra minn dan kien ukoll suldat. Huwa magħruf l-aktar għar-rumanz tiegħu Don Quixote (tinqara Don Ki-ħo-te), li ħafna studjużi jqisu bħala l-ewwel rumanz modern.
Cervantes twieled f’Alcalá de Henares, fi Spanja, x’aktarx fid-29 ta’ Settembru, 1547. Beda jistudja l-liġi fl-Università ta’ Salamanca, iżda ma spiċċax il-kors. Fl-1569 mar l-Italja u daħal suldat fil-flotta. Ħa sehem fil-battalja ta’ Lepanto fl-1571. Waqt din il-battalja safa ferut u minħabba dan ma setax juża aktar idu x-xellugija.
Fl-1575 ix-xini li kien suldat fuqu nqabad mill-furbani Ottomani, u baqa’ priġunier tagħhom. Għalkemm ittanta jaħrab xi erba’ darbiet, baqa’ mjassar għal kważi ħames snin qabel ma ordni reliġjuż ħallas għalih biex jinħeles. Wara dan Cervantes mar lura Spanja fejn beda l-karriera tiegħu ta’ kittieb.
Fl-1592 Cervantes kellu ħafna dejn u spiċċa l-ħabs għal ħames snin. Ma kenitx l-ewwel darba, u fil-fatt kien il-ħabs meta beda x-xogħol fuq Don Quixote. L-ewwel parti tar-rumanz ħarġet fl-1605, u t-tieni parti fl-1615. Ir-rumanz għamlu famuż mil-lejl għan-nhar, mhux biss f’pajjiżu iżda f’ħafna pajjiżi oħra tal-Ewropa, tant li Don Quixote huwa meqjus ukoll bħala l-ewwel rumanz popolari internazzjonali.
Cervantes miet f’Madrid fl-1616. Huwa meqjus bħala wieħed mill-aqwa kittieba Spanjoli. Don Quixote ġie maqlub f’aktar minn mitt lingwa.
© Norman C. Borg