Miguel de Cervantes
(Spanjol, 1547-1616)
Madwar 5,600 kelma
Ġeneri
Rumanzi klassiċi
Adattament għall-Malti:
Norman C. Borg
© Norman C. Borg
Qari tal-Provi:
L-Aġenzija Nazzjonali tal-Litteriżmu
Aktar tagħrif f'
Sagħtar
Numru 386 (Mejju 2024)
F’raħal żgħir f’La Manċa kien jgħix wieħed minn dawk il‑ġentlomi li kienu ftit la antika; dejjem bl‑armi u t‑tarka miżmumin nodfa u lesti għat‑taqbida, b’żiemel magħlub fl‑istalla, u kelb tal‑kaċċa dejjem ma’ saqajh. Il‑familja tiegħu kienet tikkonsisti f’qaddejja waħda li kienet tieħu ħsieb id‑dar, neputija, u lavrant li kien kapaċi jiżbor il‑ġnien, jieħu ħsieb is‑sarġ u jgħin fix‑xogħol tad‑dar. Dan il‑ġentlom, li kien jismu Quixada, kellu qrib il‑ħamsin sena, magħlub, u wiċċu mixrub; kien bakkar u dilettant tal‑kaċċa. Meta ma kienx ikollu x’jagħmel – li kien kważi tul is‑sena kollha – kien joqgħod jaqra l‑kotba dwar kavallieri eroj li kienu jiġġerrew mal‑pajjiż fl‑avventuri tagħhom.
Tant kienu jogħġbuh dawn il‑kotba li fl‑aħħar telaq kollox minn idejh u ħalla lin‑nies ta’ madwaru jieħdu ħsieb id‑dar, biex jintelaq jaqra dawn il‑kotba u ma jagħmel xejn aktar. Saħansitra biegħ parti minn artu biex bil‑flus ikun jista’ jixtri aktar minnhom. Kien joqgħod jiggosta jiddiskuti mal‑kappillan, jew mal‑barbier, liema fieres kien l‑aqwa fid‑dinja. Billejl kien joqgħod jaqra sakemm jisbaħ. Binhar kien jibqa’ jaqra sakemm jidlam. Għaldaqstant, bil‑ħafna qari u l‑ftit irqad, beda bil‑qajla jitlef moħħu.
Rasu kienet miżgħuda bis‑sħarijiet, it‑tilwim u l‑battalji, l‑isfidi, il‑feriti u kull għamla ta’ fantasija oħra li kellha x’taqsam mal‑ifirsa. Sa fl‑aħħar daħħalha f’rasu li jagħmel ġennata: jitlaq għal għonq it‑triq bħal fieres li jfittex l‑avventuri, riekeb fuq iż‑żiemel tiegħu, jiġġerra mal‑pajjiż biex ixejjen l‑inġustizzji, jiffaċċja l‑perikli u b’hekk igawdi unuri u glorja.
L‑ewwel ħaġa li għamel kien li jaqla’ armatura antika li kienet ta’ bużnannuh u li kienet qed tissaddad f’rokna. Naddafha u sewwieha kif seta’. Intebaħ li l‑elmu kellu biċċa nieqsa – il‑viżiera. Dan ma qatagħlux qalbu. Qata’ biċċa kartonċina u rabatha biċ‑ċineg mal‑elmu. Biex jara kinitx soda biżżejjed, qabad ix‑xabla u fajrilha daqqa liema bħalha, u f’mument qered dak kollu li kien dam jagħmel ġimgħa sħiħa! Għalhekk għamel oħra, u din id‑darba waħħal strixxa rqiqa tal‑landa mal‑kartonċin – biss, ma ppruvahiex bix‑xabla.
Issa kien imiss jikkonċentra fuq iż‑żiemel, annimal xiħ u għajjien, u tant magħkus li stajt taralu l‑kustilji mqabbżin ’il barra; iżda għal sidu kien jidher perfett, xieraq lil kull fieres qalbieni. Wara erbat ijiem jhewden dwar x’isem jagħtih, qatagħha li jsemmih Rożinante, għax kienet kelma li ddoqqlu sabiħ u kienet tinstama’ grandjuża, xierqa lil ħlejqa li kienet bil‑qabda aqwa miż‑żwiemel komuni tad‑dinja.
Wara dan qatta’ tmint ijiem jaħseb dwar ismu, u fl‑aħħar iddeċieda li jsemmi lilu nnifsu Don Quixote.
Issa ma kien jonqsu xejn għajr li jsib tfajla li jkun jista’ joffrilha qalbu, għax kien jaf – skont il‑kotba li qara – li fieres ma jkun xejn mingħajr tfajla li jkun jista’ jħobb u jħares mill‑perikli tad‑dinja; kien ikun siġra mingħajr frott jew weraq, ġisem mingħajr ruħ.
“Li kieku kelli niltaqa’ ma’ ġgant waqt l‑avventuri tiegħi,” beda jaħseb, “u kieku kelli nirbaħlu, ma jkunx xieraq li nibagħtu lill‑maħbuba tiegħi biex tagħmel bih li trid, u fl‑istess waqt nuriha l‑ħila tiegħi bħala fieres qalbieni?”
Mhux bogħod minn daru kienet tgħix f’razzett tfajla ħabrieka bl‑isem ta’ Aldonza Lorenzo, u kienet hi li Don Quixote qatagħha li jagħżel bħala s‑sinjura maħbuba tiegħu. Wara ħafna ħsieb, qatagħha li jagħtiha l‑isem ħelu ta’ Dulċinea del Toboso.
Għodwa waħda, fl‑eqqel sħana ta’ Lulju, libes l‑armatura u l‑elmu, ħataf il‑lanza, rikeb lil Rożinante u rħielha jiġri qalb l‑għelieqi. Iżda f’daqqa waħda leħħ f’moħħu ħsieb terribbli. Kien għadu ma nħatarx bħala fieres uffiċjalment; għaldaqstant, skont ir‑regoli tal‑Kavallerija, ma setax jaqbad ġlieda ma’ fieres maħtur. Għalhekk qatagħha li jqabbad l‑ewwel persuna li jiltaqa’ magħha biex taħtru fieres. Malli serraħ rasu b’din id‑deċiżjoni, ħalla lil Rożinante jimxi ’l quddiem minn jeddu, u fejn ifettillu.
Ma ltaqa’ ma’ ħadd matul il‑ġurnata, imma filgħaxija wasal f’lukanda. F’għajnejn Don Quixote, din kellha x‑xejra ta’ kastell b’ħafna torrijiet u turretti għoljin, miksijin bil‑fidda tleqq, b’ħandaq madwaru u pont quddiem il‑bieb il‑kbir. Żewġ tfajliet kienu quddiem il‑bieb tal‑lukanda (sinjorini sbieħ, f’għajnejn Don Quixote), u malli lemħuh daħlu jiġru ġewwa.
“Nitlobkom taħarbux minni, Sinjorini,” għajjat Don Quixote. “Jiena qiegħed hawn għas‑servizz tagħkom u skont l‑Ordni tal‑Kavallerija – li magħha jiena msieħeb – ma nista’ qatt nagħmlilkom deni.” It‑tfajliet daru u baqgħu jħarsu mistagħġbin minn ġewwa. Don Quixote għolla l‑viżiera tal‑elmu, u, kemm il‑lingwaġġ bombastiku li kien qed juża, kif ukoll wiċċu kollu mkemmex, ġegħluhom jinfaqgħu bid‑daħq. Għal dan Don Quixote beda jċanfarhom, iżda huma bdew jidħqu aktar bil‑qalb.
B’xorti tajba feġġ sid il‑lukanda, u Don Quixote minnufih sejjaħlu s‑Sinjur tal‑Kastell. Il‑lukandier ħassu kemxejn konfuż malli sema’ dan, madankollu ta merħba lil dan ir‑raġel stramb u laqgħu fil‑lukanda.
F’qasir żmien il‑fieres qagħad bilqiegħda biex jiekol. L‑ewwel problema li sab kienet l‑armatura, għax ma setax jinżagħha kif ġieb u laħaq. Iż‑żewġ tfajliet għenuh ineħħiha minn fuqu, imma ma setgħux ineħħulu l‑viżiera mingħajr ma jqattgħu ċ‑ċineg li kienu qed jorbtuha mal‑elmu, u Don Quixote ma ħalliehomx jagħmlu dan. Fl‑aħħar kellu juża jdejh it‑tnejn biex iżomm il‑viżiera ’l fuq sakemm iż‑żewġ tfajliet bdew jitimgħuh. Biex jixrob kienet problema oħra, iżda l‑lukandier malajr sab soluzzjoni permezz ta’ qasba tal‑bambù. Poġġa tarf wieħed tal‑qasba f’ħalq Don Quixote, u ferragħlu l‑inbid mit‑tarf l‑ieħor.
Issa kien għad fadal l‑aħħar biċċa xogħol. Malli Don Quixote lesta l‑pranzu, dar fuq il‑lukandier. “Hemm bżonn taħtarni fieres tal‑Ordni tal‑Kavallerija,” qallu hekk kif il‑lukandier baqa’ jisma’ mbellah. “Jekk tagħmilli dan il‑favur, id‑dinja tibqa’ tafhulek u l‑bnedmin iroddulek l‑unuri kollha li jistħoqqlok.”
Issa l‑lukandier kien ċert li l‑proxxmu li kellu quddiemu kien miġnun. Madankollu qatagħha li jkompli miegħu ħalli ma jiddiżappuntahx. Ħareġ il‑ktieb fejn kien iżomm il‑kontijiet tan‑negozju tiegħu, u sejjaħ liż‑żewġ tfajliet u tifel biex iżomm xemgħa mixgħula. Talab lil Don Quixote jinżel għarkopptejh quddiemu. Beda jaqra mill‑ktieb tal‑kontijiet b’ton solenni, bħallikieku kien qiegħed jaqra minn xi ktieb tat‑talb jew saħansitra l‑Bibbja. Għolla idu, u ta daqqa qawwija fuq għonq Don Quixote. Wara, poġġa x‑xabla ħafif ħafif, l‑ewwel fuq spalla, imbagħad fuq l‑ispalla l‑oħra tal‑fieres. Fl‑istess waqt, baqa’ jgerger minn taħt l‑ilsien taparsi qiegħed jaqra xi talba.
Wara, waħda mit‑tfajliet, li bilkemm setgħet iżżomm bid‑daħq, rabtet ix‑xabla madwar Don Quixote, hekk kif qalet, “Jalla x‑xorti tkun dejjem miegħek u tħarsek kull fejn tmur.”
Issa li ċ‑ċerimonja kienet lesta, il‑fieres qalbieni l‑ġdid rikeb iż‑żiemel Rożinante u rħielha fi triqtu lejn l‑avventuri li kien ċert li kienu qed jistennewh.
Ftit ħin wara Don Quixote lemaħ grupp ta’ negozjanti resqin lejh tul it‑triq. Din kienet se tkun l‑ewwel avventura tiegħu! Qagħad sod fuq is‑sarġ, niżżel il‑lanza quddiemu, u għajjat b’leħen qawwi: “Ieqfu hemm! Irridkom tistqarru li m’hemmx mara fid‑dinja isbaħ mill‑Imperatriċi ta’ La Manċa, Dulċinea del Toboso l‑grazzjuża!”
Meta wieħed iqis li dan l‑isem ma kien xejn għajr invenzjoni ta’ Don Quixote għal tfajla tal‑għelieqi jisimha Aldonza, kien naturali li dawk in‑negozjanti qatt ma kienu semgħu b’dak l‑isem. Imma kienu lesti li jkomplu mal‑fieres.
“Sinjur Fieres,” lissen wieħed minnhom, “Kun ħanin magħna u ħallina naraw lil din is‑sinjura sabiħa, jew, għall‑inqas, urina ritratt tagħha, għaliex inħossu li għandna nuru r‑rispett tagħna lejha – imqar jekk hija ħotbija u għama minn għajn waħda!”
Dan il‑kliem irrabja lil Don Quixote. “Ja klieb!” għajjat, “Se tpattu qares għall‑offiża li għamiltu lis‑sbuħija tas‑Sinjura tiegħi!” B’dan il‑kliem niggeż lil Rożinante bl‑ixprun u ħabat għan‑negozjanti.
Bla dubju ta’ xejn dawn kienu jkorru sew li kieku Rożinante – forsi għax ma kienx imdorri jiġri fuq in‑nies – ma tfixkilx f’saqajh u waqa’, u tajjar lil sidu quddiemu mal‑art. U Don Quixote hemm baqa’, għax ma setax jiċċaqlaq f’dik l‑armatura tqila.
Wieħed mill‑qaddejja tan‑negozjanti fis ħataf il‑lanza ta’ Don Quixote u beda jagħtih biha, tant li fl‑aħħar tfarrket f’biċċiet żgħar. Il‑ġemgħa kompliet sejra fi triqitha, u ħallew lil Don Quixote mal‑art.
Ma nafux kemm seta’ dam hemmhekk, Don Quixote, waħdu mal‑art bilkemm jista’ jiċċaqlaq. B’xorti tajba, għadda minn hemm bidwi mir‑raħal tiegħu. Għen lil Don Quixote, bla nifs u kollu mbenġel, jaqla’ l‑armatura minn fuqu, u ħadu lura daru. Hemmhekk poġġewh komdu fis‑sodda, u n‑neputija bagħtet għal ħbiebu, il‑kappillan u l‑barbier.
Kollha kemm huma qablu li kellhom jagħmlu xi ħaġa biex ma jħalluhx jerġa’ jitlaq jiġġerra waħdu. Qatgħuha li kien kollu tort tal‑kotba li kien jaqra u li kienu jimlewlu rasu bil‑ħrejjef ta’ ifirsa, sħaħar u avventuri romantiċi. Għalhekk billejl, waqt li Don Quixote kien rieqed, ġabru l‑kotba kollha li kellu fil‑librerija, ħarġuhom fil‑ġnien u tefgħuhom f’ħuġġieġa nar. Malli Don Quixote stenbaħ, qalulu li kien ġie saħħar u seraqlu l‑kotba kollha permezz ta’ xi seħer ta’ barra minn hawn.
Don Quixote baqa’ ġewwa għal xi ġimagħtejn. Iżda ma baqax b’idu f’idu. Għadda l‑ħin iġamma’ l‑flus billi biegħ ftit aktar minn artu. Barra minn hekk, ħajjar lil bidwi ġar tiegħu, Sancho Panza, biex isir il‑paġġ tiegħu, u wiegħdu li f’qasir żmien kellu jgħinu jsir gvernatur ta’ xi gżira jew xi imperu bis‑saħħa tal‑kavallerija tiegħu. Għalhekk, lejl minnhom, Don Quixote telaq minn daru bil‑moħbi, waqt li Sancho Panza telaq lil martu u lil ibnu biex imur miegħu għat‑tieni avventura.
Mixjithom wasslithom sal‑pjanuri ta’ Monteil, u hemmhekk Don Quixote lemaħ dehra li mlietlu qalbu fil‑ferħ. “Ħares ’l hemm, Sancho Panza: tletin ġgant enormi lesti għall‑qatla!”
“Dawk mhumiex ġganti!” lissen Sancho miblugħ, “Dawk imtieħen tar‑riħ! Id‑dirgħajn li qed tara huma l‑qlugħ li jħaddmu l‑mitħna!”
“Jidher ċar li ma taf xejn dwar is‑sengħa tal‑avventura,” kompla Don Quixote. “Dawn tabilħaqq huma ġganti, u jekk qed tibża’, warrab u itlob sakemm nilqagħhom b’taqbida liema bħalha!” Xpruna lil Rożinante, u telaq bil‑galopp.
Kien dak il‑waqt li qamet żiffa riħ qawwija. Il‑qlugħ tal‑imtieħen bdew jiċċaqilqu.
“Toqogħdux ixxejruli b’dirgħajkom!” għajjat Don Quixote, li ma waqaf xejn mill‑ġirja tiegħu. “Se tpattuha l‑arroganza tagħkom!”
Wasal fejn l‑eqreb mitħna, u b’saħħa kbira deffes il‑lanza fil‑qala’ li kienet qed iddur. Il‑lanza nqasmet minnufih u Don Quixote u Rożinante dlonk inqabdu fil‑qala’ hekk kif baqgħet iddur u għolliethom fl‑arja. Ma damux ma waqgħu lura fl‑art. Sancho ġera lejhom saqajh ma’ dahru u nxteħet maġenb Don Quixote, li kien għadu mimdud mal‑art. “Għidtlek li dawk huma mtieħen, Sinjur!” beda jgħajjat.
“Iva, Sancho,” wieġeb Don Quixote bi tbissima. “Imma ma ntbaħtx li l‑ġganti biddlu surithom fi mtieħen bl‑għemil ta’ xi saħħar – x’aktarx l‑istess wieħed li seraqli l‑kotba? Imma fl‑aħħar jien naqlibhielu!”
Komplew fi triqithom, it‑tnejn mitlufin fi ħsibijiethom. F’daqqa waħda, Don Quixote kiser is‑skiet. “Ara dik is‑sħaba trab, hemmhekk,” lissen. “Dawk suldati qegħdin jimmarċjaw ’l hawn!”
“Jekk huwa veru,” kompla Sancho, “mela hemm żewġ armati, għax hemm sħaba trab hemm ukoll.” Ipponta lejn naħa oħra tal‑pajsaġġ.
Minnufih Don Quixote qala’ minn żniedu ħrafa fantastika dwar żewġ ‘armati’ li kienu resqin lejn xulxin, b’ħafna ifirsa u ġganti fuq iż‑żewġ naħat, għalfejn kienu lesti li jagħmlu battalja, u ma’ liema naħa kien biħsiebu jiġġieled. “M’intix tisma’ ż‑żwiemel jiżhru, u d‑daqq tat‑tnabar u t‑trumbetti?”
Sancho pprova jissemma’. “Kulma nista’ nisma’,” qal fl‑aħħar, “huwa l‑għajjat ta’ żewġ merħliet nagħaġ!”
“Il‑biża’ qed idgħajjiflek is‑sensi,” lissen Don Quixote b’disprezz. “Mur staħba, jekk trid, imma tfixkilnix.”
Niggeż lil Rożinante għal darb’oħra, u telaq jiġri bħal sajjetta – dritt lejn l‑armati ta’ nagħaġ li issa kienu jidhru ċari. “Kuraġġ, ħuti ifirsa!” beda jgħajjat. “Hawn ġej Don Quixote!”
Il‑povri ragħajja għalxejn bdew ixejru u jgħajtu, tant li fl‑aħħar bdew jissuttawlu l‑ġebel biex forsi jieqaf. U għal darb’oħra Don Quixote spiċċa mdamdam minn rasu sa saqajh. Ġebla kemxejn kbira laqtitu f’żaqqu u qalbitu minn fuq iż‑żiemel. Stabat mal‑art bla nifs ta’ xejn. Ir‑ragħajja ħasbu li qatluh, u dlonk lebbtu minn hemm bin‑nagħaġ tagħhom.
Malli għosfru, Sancho ħareġ mill‑moħba tiegħu u ġera lejn Don Quixote, li kien qed jipprova jqum mill‑art. “Għax ma smajtx minni!” beda jgħajjat Sancho. “M’għidtlekx li dawk huma nagħaġ mhux armati?”
“Ħabib, dak reġa’ kien ix‑xogħol tas‑saħħar,” wieġeb Don Quixote. “Kieku ġrejt wara dawk l‑ispeċi ta’ nagħaġ kont tarahom jerġgħu jbiddlu surithom. Kienu jitbiddlu f’ifirsa u ġganti! Imma tibżax, xortina ma ddumx ma tinbidel. Ħalli nkomplu fi triqitna.”
Ftit wara li reġgħu bdew mixjithom, Don Quixote lemaħ raġel fit‑triq quddiemhom. Kellu fuq rasu xi ħaġa li kienet qed tleqq fix‑xemx.
“Sancho,” qabeż Don Quixote. “Qed tara lil dak il‑fieres riesaq lejna fuq dak iż‑żiemel griż, liebes elmu tad‑deheb?”
“Kulma qiegħed nara,” wieġeb Sancho, hekk kif ra kif jiżen kliemu, “huwa raġel riekeb ħmar bħal tiegħi, b’xi ħaġa tleqq fuq rasu.”
“Qed ngħidlek dak huwa l‑elmu ta’ Mambrino, il‑famuż ġellied Saraċen. Inqiegħdu jien u dak l‑elmu jkun tiegħi!”
Issa, il‑biċċa kienet din. F’dawk l‑inħawi kien hemm żewġt irħula. F’wieħed kien hemm barbier, imma fir‑raħal l‑ieħor ma kienx hemm. Għalhekk, meta xi ħadd fl‑iżgħar raħal kellu bżonn iqaxxar il‑leħja jew jagħmel xi fsada, il‑barbier mir‑raħal il‑kbir kien jirkeb il‑ħmar u jerħilha lejn ir‑raħal l‑ieħor. Għalhekk, il‑barbier kien jieħu miegħu friskatur tal‑bronż. Dan il‑jum partikolari, billi kienet għamlet ftit xita, il‑barbier poġġa l‑friskatur fuq rasu ħalli x‑xita ma tħassarlux il‑kappell il‑ġdid li kien liebes. Għalkemm ma kenitx għadha x‑xita u kien bnazza, il‑barbier ħalla l‑friskatur fuq rasu. Billi l‑friskatur kien imxarrab bix‑xita, il‑bronż issa beda jleqq taħt ir‑raġġi tax‑xemx.
Il‑barbier kien miexi għall‑affari tiegħi, fil‑kwiet, bl‑inqas ħsieb tad‑diżastru li kien se jġarrab dalwaqt. F’daqqa waħda, lemaħ quddiemu dehra li twaħħax – kavallier fuq żiemel jiġri dritt lejh b’kemm kellu saħħa u bil‑lanza mmirata lejh.
“Iddefendi ruħek!” għajjat il‑kavallier, “jew roddli dak li jistħoqqli!”
Daqqa t’għajn waħda lejn dak il‑kavallier kienet biżżejjed biex twerwer lill‑povru barbier, li qomos minn fuq il‑ħmar u lebbet ’il bogħod minn hemm b’kemm setgħu jifilħu saqajh. Il‑ħmar u l‑friskatur telaqhom warajh.
Sancho ġabar il‑friskatur. “Dal‑friskatur tassew sabiħ,” qal, “u jiswa kemxa flus.”
Għaddieh lil Don Quixote, li libsu fuq rasu, u beda jdawru biex isib il‑viżiera. Imma ma kienx hemm. “Sinjal li l‑pagan li għamlulu dan l‑elmu kellu rasu daqsiex – imma għandu biċċa nieqsa!”
Sancho tbissem malli sema’ lil Don Quixote jsejjaħ il‑friskatur ‘elmu’. “Biex qed tidħaq?” staqsa Don Quixote fil‑pront.
Sancho ma riedx jonqos mir‑rispett lejn il‑fieres. “Kont qed naħseb kemm kellu rasu kbira sid l‑elmu,” wieġeb. “Bilkemm mhux qisu friskatur ta’ barbier!”
“Tassew, Sancho! Qed nissuspetta li xi ħadd għamel xi seħer fuq dan l‑elmu tad‑deheb. Ħall nofsu fin‑nar biex jieħu d‑deheb u għamel speċi ta’ kappell bil‑bqija. Nilbsu xorta waħda sakemm insib lil xi ħadd jerġa’ jirranġah u jġibu kif kien qabel.”
Hekk, bil‑friskatur fuq rasu, Don Quixote kompla fi triqtu.
Wara xi ftit avventuri oħra, Don Quixote qatagħha li kien imissu jagħmel xi penitenzi qalb il‑muntanji, f’ġieħ il‑ħelwa u grazzjuża, Dulċinea del Toboso. Imma l‑ewwel xtaq jiktbilha ittra biex iġedded imħabbtu lejha, u jqabbad lil Sancho jwassalhielha. Jekk forsi qabel ma kienx ċert, issa Sancho ma kellu l‑ebda dubju li l‑imgħallem tiegħu kellu rota nieqsa, meta Don Quixote qallu biex l‑ittra jagħtiha lil Aldonza Lorenzo, tfajla li kienet toqgħod qrib ir‑raħal tiegħu. Mela din kienet is‑Sinjura Dulċinea de Toboso, li kien xaba’ jisma’ lil Don Quixote jfaħħarha bla waqfien.
Sancho telaq bl‑ittra, u dlonk wasal fir‑raħal. Hemmhekk sab lill‑barbier u ’l‑kappillan. Kienu inkwetati għax ma kinux jafu x’kien sar minn Don Quixote – u inkwetaw aktar meta Sancho rrakkuntalhom minn xiex kienu għaddew. Qablu li kellhom jagħmlu minn kollox biex iġibu lil Don Quixote lura daru fejn setgħu jduru bih u jittantaw ineħħulu minn rasu l‑fissazzjoni li kellu bil‑kavallerija. Fl‑aħħar ftiehmu fuq pjan.
Il‑barbier libes ta’ mara – inkluża barnuża ma’ rasu – waqt li l‑kappillan libes ta’ raġel sinjur, u telqu jfittxu lil Don Quixote. L‑idea kienet li jikkonvinċu lil Quixote jgħin lill‑mara li kienet fil‑għawġ, ħalli magħha jmur lura fir‑raħal tiegħu. Il‑pjan seta’ rnexxa, iżda fil‑fatt ma kienx hemm bżonnu, għax sakemm kienu qegħdin ifittxuh iltaqgħu ma’ tfajla. Talbuha biex tagħmilha ta’ prinċipessa li kienu serqulha artha.
Waslu fil‑lok fejn Don Quixote kien qiegħed jagħmel il‑penitenzi tiegħu u jsum. Tabilħaqq, sabuh mejjet bil‑ġuħ u abjad karti. Il‑‘prinċipessa’ niżlet għarkopptejha quddiemu. “O fieres qalbieni,” qaltlu, “m’iniex se niċċaqlaq minn hawn qabel ma twegħedni li tgħinni bħalma jista’ fieres biss.”
“Aqdiha, sinjur,” Sancho qal lil Don Quixote minn taħt l‑ilsien. “Għal fieres bħalek hija ħaġa żgħira li trodd lura lil din it‑tfajla – il‑Prinċipessa Mikomikona tal‑imperu kbir tal‑Etjopja – l‑art li serqilha ġgant feroċi.”
Kien dan it‑tip ta’ kliem li Don Quixote ried jisma’, u f’qasir żmien kollha kienu fi triqithom lejn il‑pajjiż ta’ Mikomikona – li kumbinazzjoni kienet tgħaddi maġenb ir‑raħal ta’ Don Quixote. Ma kenitx ħaġa faċli, għaliex Don Quixote sab għexieren ta’ affarijiet oħra x’jaljenawh tul it‑triq, tant li fl‑aħħar spiċċaw jeħduh ir‑raħal bil‑forza. Għamlu gaġġa kbira tal‑injam, u lejla waħda, waqt li Don Quixote kien rieqed f’kamartu f’lukanda fejn kienu waqfu, daħlu tlitt irġiel mgħammdin, refgħuh mis‑sodda, daħħluh fil‑gaġġa, u poġġewha ġo karrettun. Meta Don Quixote stenbaħ, ma setax jagħraf lil dawk li kienu ħatfuh, u qatagħha li din il‑biċċa kienet xogħol ta’ dak il‑misħut saħħar li kien ħaraqlu l‑kotba. Kienet stramba għax fil‑kotba tiegħu qatt ma kien qara li xi fieres kien ġralu din il‑ħaġa. Kemm kien qawwi dan is‑saħħar!
Għalhekk Don Quixote ma qagħadx jissara, u ħalliehom jeħduh lura d‑dar. Imma kemm setgħu jdumu jżommuh hemm?
Don Quixote baqa’ d‑dar għal xahar sakemm irkupra mid‑daqqiet u t‑tbenġil li kien qala’ fl‑aħħar avventura tiegħu. Imma ma damx ma beda jippjana biex jitlaq fi vjaġġ ieħor. In‑neputija inkwetat li jerġa’ jaqa’ f’xi għawġ ieħor, u talbet lill‑ħabib tagħha, Sansun Carrasco, biex jipprova jikkonvinċih ma joħroġx minn daru.
Carrasco wasal id‑dar għodwa waħda, u n‑neputija twerwret meta ntebħet li, minflok jgħidlu biex jinsa dawn il‑ħmerijiet ta’ kavallieri u avventuri, aktar beda jħeġġu biex ikomplihom!
“Mur, ja fieres nobbli!” beda jgħajjat. “Hemm elf avventura oħra qegħdin jistennewk. U jekk trid li jkollok ħabib miegħek, jiena lest li nakkumpanja lill‑Eċċellenza Tiegħu!”
Don Quixote rrifjuta din l‑aħħar offerta, imma l‑għada filgħodu, hu u Sancho Panza telqu għal għonq it‑triq għal darb’oħra, bit‑tama li jiltaqgħu ma’ aktar avventuri.
L‑ewwel lejl qattgħuh jistrieħu f’masġar żgħir. Ftit ħin wara li azzettaw, tfaċċaw fieres ieħor u l‑paġġ tiegħu, li waqfu jistrieħu, mhux ’il bogħod ħafna minnhom. Don Quixote sellimlu.
Deher li l‑Fieres tal‑Bosk, kif għoġbu jsejjaħlu Don Quixote, kien qed ibati minn ksir ta’ qalb. It‑tfajla l‑maħbuba tiegħu, l‑aktar mara sabiħa fid‑dinja, kienet talbitu jwettaq skoss għemejjel impossibbli biex juri kemm tassew kien iħobbha. “Irnexxieli nagħmel kulma talbitni,” kompla l‑fieres, “Imma issa ordnatli biex indur Spanja kollha u nġiegħel lil kull fieres ieħor jammetti li hija l‑isbaħ mara fid‑dinja, u jien l‑aqwa fieres. Jiena rnexxieli naqlibha lil dawn l‑ifirsa kollha, u l‑aqwa rebħa tiegħi kienet fuq Don Quixote l‑kbir!”
“Forsi rnexxielek taqlibha lill‑ifirsa ta’ Spanja kollha,” lissen Don Quixote. “Imma ma naħsibx li rbaħt lil Don Quixote.”
Iżda l‑Fieres tal‑Bosk baqa’ jmeri u jinsisti li kien iġġieled ma’ Don Quixote u rebaħlu. Fl‑aħħar Don Quixote tilef il‑paċenzja, u qam bilwieqfa bil‑lanza f’idu.
“Għandek żball, Sinjur Fieres. Għaliex hawn quddiemek qed tara lil Don Quixote nnifsu lest li jurik li dak li qiegħed tgħid mhux tassew.”
Għal sitwazzjoni bħal din ma kienx hemm għajr soluzzjoni waħda, għaldaqstant, mal‑ewwel raġġi tax‑xemx, iż‑żewġ ifirsa ppreparaw ruħhom għad‑dwell. Rikbu ż‑żwiemel tagħhom u rħewlha lejn il‑post minn fejn kellhom jibdew il‑ġirja lejn xulxin. Sancho beda jibża’ li sakemm l‑ifirsa jiddwellaw bejniethom, il‑qaddej tal‑fieres l‑ieħor setgħet tiġih f’rasu l‑idea li jiġġieled kontrih ukoll, għalhekk, b’nifsu maqtugħ, mar jiġri wara ż‑żiemel ta’ Don Quixote.
“Ma nixtieqx nitlef minuta minn dan id‑dwell tant importanti!” għajjat wara Don Quixote. “Nitolbok tgħinni nitla’ ma’ din is‑siġra biex inkun nista’ nara d‑dwell aħjar.”
Sakemm Don Quixote waqaf biex jgħin lil Sancho jitla’ s‑siġra, il‑fieres l‑ieħor dawwar iż‑żiemel, immira l‑lanza u beda l‑ġirja lejn Don Quixote. Iżda malli lemaħ lil Don Quixote wieqaf u dahru lejh, niżżel il‑lanza malajr. Din weħlitlu mal‑art, u beda jissara biex jaqlagħha. Sadanittant Don Quixote beda l‑ġirja tiegħu, u f’ħakka t’għajn wasal fuq il‑Fieres tal‑Bosk. Il‑Fieres tal‑Bosk tar minn fuq iż‑żiemel u nstabat mal‑art b’nifsu maqtugħ.
Don Quixote niżel minn fuq iż‑żiemel, resaq lejn il‑fieres mal‑art u għollielu l‑viżiera tal‑elmu. Għajnejn Don Quixote qabżu ’l barra hekk kif intebaħ li l‑kavallier ma kien ħadd ħlief Sansun Carrasco!
“Ara ftit, Sancho!” għajjat Don Quixote. “Ara x’jistgħu jagħmlu s‑sħaħar u l‑maġija tagħhom!”
Għall‑ewwel Don Quixote ħaseb li jinfed lill‑fieres bix‑xabla tiegħu, imma wara ftit ħaseb li kien aħjar li jġiegħlu jammetti li kienet is‑sbejħa tiegħu, Dulċinea del Toboso, l‑isbaħ mara tad‑dinja, u li hu qatt ma kien iġġieled u rebaħ lil Don Quixote ta’ La Manċa. Il‑Fieres tal‑Bosk ma kellu l‑ebda għażla oħra ħlief li jammetti dan kollu, u Don Quixote ħallieh jitlaq.
Għalhekk Sansun Carrasco lebbet minn hemm b’saqajh ma’ dahru, jisħet is‑siegħa u l‑mument li kien fettillu jidħol f’din il‑basla. Għax fil‑fatt, dan kollu ma kien xejn għajr pjan li kienu fasslu l‑ħbieb ta’ Don Quixote, il‑kappillan u l‑barbier.
Billi kienu jafu li kien se jkun diffiċli biex jikkonvinċu lil Don Quixote jibqa’ mistrieħ f’daru, ħolqu din l‑istrateġija. Sansun kellu jagħmilha ta’ kavallier u jisfida li Don Quixote bil‑kundizzjoni li jekk jegħlbu, Don Quixote kien ikollu jobdih f’kollox skont ir‑reġoli tal‑Ordni tal‑Ifirsa. Malli jirbaħlu, Sansun kellu jordnalu jmur lura daru u ma jitħarrekx minn hemm qabel jgħaddu, mill‑inqas, sentejn. L‑idea żgur li kienet taħdem – imma kieku Don Quixote tilef id‑dwell! Madankollu, Sansun kien għadu ma qatax qalbu, u dalwaqt se nerġgħu nisimgħu bih.
Don Quixote u Sancho Panza għaddew minn bosta avventuri oħra huma u jduru madwar Spanja, iżda l‑ebda waħda minnhom ma ġabitilhom unuri u lanqas ġid. Madankollu, l‑avventura li kien imiss kellha x‑xejra ta’ waħda li setgħet tbiddlilhom ix‑xorti.
Jum wieħed lemħu grupp ta’ nies li kienu qegħdin jikkaċċjaw bil‑falkuni. Fosthom kien hemm sinjorina liebsa lbies fin, bi ngwanta ħoxna u bies imxabbat magħha. Don Quixote mal‑ewwel qatagħha li kienet mara ta’ nisel nobbli.
“Sancho,” lissen, “Mur għid lil dik is‑Sinjura li dan il‑fieres qalbieni jsellmilha u huwa lest li jobdi kull kmand tagħha.”
Bil‑qajla, Sancho resaq lejn is‑sinjura u għamel dak li qallu sidu. Baqa’ mistagħġeb meta s‑sinjura qaltlu li kienet taf bih u bil‑fieres tiegħu.
“Jewwilla sidek mhux dak il‑fieres qalbieni li l‑ġrajjiet tiegħu nkitbu f’ħafna kotba; il‑magħruf Don Quixote ta’ La Manċa u l‑imħabba l‑kbira tiegħu lejn Dulċinea del Toboso s‑sabiħa?”
Għalkemm Sancho qatt ma kien sema’ b’kotba dwar l‑avventuri ta’ sidu, ma merihiex, u qalilha li tabilħaqq il‑fieres tiegħu kien Don Quixote ta’ La Manċa.
“Mela għidlu li jien u żewġi d‑Duka nagħtuh merħba u nilqgħuh bil‑qalb kollha fil‑palazz tagħna, li jinsab fil‑qrib.”
Id‑Duka mexa ’l quddiem biex jilħaq javża lill‑qaddejja tiegħu fil‑palazz li kien ġej ‘il‑fieres in‑nobbli’. Malli wasal, żewġ tfajliet poġġewlu mantell aħmar fuq spallejh. Don Quixote kien fis‑seba’ sema. Dan kien il‑mod kif l‑ifirsa kienu ttrattati fl‑antik. Fl‑aħħar kien qed igawdi r‑rispett li kien jixraqlu fieres tal‑kalibru tiegħu. Aktar tard tawh banju statali u wara li libbsuh, tnax‑il paġġ wassluh sal‑kamra tal‑ikel.
Waqt l‑ikel, id‑Dukessa staqsietu, “Smajt xi aħbar dwar is‑Sinjura Dulċinea? Qbadt xi ġganti jew ħallelin biex tibgħathomlha?”
“Sfortunatament, Sinjura,” wieġeb Don Quixote, “għalkemm irbaħt lil ħafna ġganti, mostri u qattelin, dawn kollha kienu taħt xi seħer. Tabilħaqq, kull ħaġa li ġrat lili kienet il‑kontra ta’ dak li jiġri lil ifirsa oħrajn, għax dan is‑seħer qiegħed jiġri miegħi kull fejn immur.”
U d‑Duka u d‑Dukessa kienu qegħdin jippjanaw biex jagħmlu l‑aħjar użu ta’ dan is‑‘seħer’. Matul il‑ġranet ta’ wara organizzaw xi logħob li fih Don Quixote, mingħajr ma jaf, kien se jkun il‑persunaġġ ċentrali.
Waħda minn dan il‑logħob kienet taż‑‘żiemel li jtir’ u li kellu musmar oħxon tal‑injam ħiereġ minn rasu. Jekk kien hemm fieres kuraġġuż biżżejjed biex jirkbu, iż‑żiemel kien itir bih u jieħdu fil‑post fejn il‑ġgant Malambruno kien qiegħed iżomm tfajla sabiħa priġuniera, biex il‑fieres ikun jista’ jeħlisha. Naturalment, Don Quixote ma setax ma jilqax sfida bħal din.
Għaldaqstant, filgħaxija ġabu żiemel tal‑injam fil‑ġonna tal‑palazz. “Min għandu l‑kuraġġ jirkeb dan iż‑żiemel?” lissen id‑Duka. “Jekk hawn persuna daqshekk nobbli, ħalli jieħu miegħu lill‑paġġ tiegħu wkoll!”
L‑imsejken Sancho ma riedx ikun jaf aktar b’dawn it‑tipi ta’ avventuri, u bl‑ebda mod ma ried jersaq lejn dak iż‑żiemel tal‑injam. Madankollu, Don Quixote fakkru fil‑wegħda li kien għamillu li jaħtru gvernatur ta’ xi pajjiż jekk ikun kapaċi jkompli l‑avventuri miegħu – wegħda li ġedded id‑Duka wkoll. Għaldaqstant, b’nofs qalb, Sancho ħalliehom jgħinuh jirkeb iż‑żiemel wara Don Quixote.
“U issa,” kompla d‑Duka, “ħalli ngħammdulhom għajnejhom. B’hekk, meta ż‑żiemel itir bihom ’il fuq, ma jistordux bil‑għoli.” It‑tfajliet rabtu għamad ma’ għajnejn Don Quixote u Sancho, u dawn ma bdew jaraw xejn aktar.
Spjegaw lil Don Quixote x’kellu jagħmel biex jibdew it‑titjira, u dan dlonk lewa l‑musmar li kien hemm f’ras iż‑żiemel. Minnufih, semgħu lin‑nies madwarhom jistagħġbu.
“Araw ftit!” bdew jgħidu n‑nies, “Qegħdin itiru! Kemm qed jgħaġġlu! Qed itiru qishom vleġġa! U kemm telgħin ’il fuq! Alla miegħek, Sinjur Fieres!”
Malli sema’ dan il‑kliem Sancho dawwar driegħu ma’ qadd Don Quixote, biex żgur ma jaqax għal isfel, għalkemm xorta waħda kien qiegħed iħossu ftit stramb.
“Kurjuża din, Sinjur,” għajjat, “Telgħin ’il fuq aktar u aktar, u xorta waħda qiegħed nisma’ ċar lin‑nies fuq l‑art jitkellmu.”
“Naturalment!” wieġeb Don Quixote. “Din hija titjira maġika, Sancho, u kollox huwa possibbli. Imma m’hemmx għalfejn tagħfas daqshekk ma’ qaddi! Ikkalma! Għaliex qed tibża’? Iż‑żiemel tant qed itir tajjeb li bilkemm nistgħu nħossuh jiċċaqlaq. U ħoss iż‑żiffa tar‑riħ ma’ wiċċna!” – Dan kien għaliex xi rġiel kienu qed ixejru quddiemhom tlitt imriewaħ b’kemm kellhom saħħa. – “Jekk nibqgħu sejrin hekk,” kompla Don Quixote, “naħseb li dalwaqt noqorbu x‑xemx. Nittama li nkun nista’ mmexxi dan il‑musmar biex ma nispiċċawx mixwijin!”
Kien f’dak il‑waqt li xi ħadd rabat xi ħaġa taqbad mat‑tarf ta’ lasta, u ressaqha lejhom, u fis xammew ir‑riħa ta’ ħruq.
“Naħseb li qed noqorbu x‑xemx kif għidt,” għajjat Sancho, “għax qiegħed inħoss id‑daqna qed taqbad! Se nneħħi l‑għamad biex nara fejn qegħdin!”
“Le! Le!” qabeż Don Quixote fil‑pront. “Issa qegħdin tant fil‑għoli li żgur tistordi jekk tħares ’l isfel!”
M’għandniex xi ngħidu, dan kollu semgħuh id‑Duka, id‑Dukessa u l‑mistednin tagħhom, u kollha kellhom jagħmlu sforz liema bħalu biex iżommu d‑daħq u ma jikxfux il‑logħba qabel il‑waqt. Imma issa, iċ‑ċajta kienet qed toqrob lejn it‑tmiem.
Wieħed mill‑qaddejja xegħel niċċa li kienet ma’ denb iż‑żiemel, u fis ħadu n‑nar għadd ta’ murtaletti u suffarelli li kienu moħbijin ġo fih. L‑imsejkna Don Quixote u Sancho Panza twerwru bil‑qatgħa, imma qabel ma kellhom iċ‑ċans ineħħu l‑għamad minn fuq għajnejhom biex jaraw xi nqala’, iż‑żiemel taħthom tfarrak f’biċċiet u t‑tnejn instabtu mal‑art.
Baqgħu mistagħġbin hekk kif qamu, ħarsu madwarhom, u sabu li kienu ġew eżatt fil‑post fil‑ġnien minn fejn kienu telqu biż‑żiemel li jtir. Imma din id‑darba, fil‑ġnien kienu mdawrin bl‑iġsma ta’ nies mejtin! Fil‑qrib, Don Quixote lemaħ lanza kbira, u biċċa parċmina marbuta magħha. Don Quixote qara l‑parċmina, li kienet tgħid li fl‑aħħar il‑ġgant Malambruno kien ħeles lit‑tfajla u kien bagħatha lura darha.
F’dak il‑waqt, l‑iġsma fil‑ġnien bdew jiċċaqilqu, u bdew jitmattru u jittewbu daqslikieku kienu stenbħu minn xi raqda twila msaħħra. Dlonk inġabru kollha madwar Don Quixote, li qralhom x’kien hemm miktub fil‑parċmina. Kollha bdew jgħajtu bil‑ferħ u jfaħħru lil Don Quixote talli kien l‑aqwa fieres fid‑dinja kollha.
Wara, bdew isaqsu lil Sancho dwar l‑esperjenza tiegħu f’dak il‑vjaġġ. “O, rajt ħafna affarijiet meraviljużi!” lissen Sancho, hekk kif l‑immaġinazzjoni ħarbet bih. “Hekk kif bdejna ntiru qalb in‑nirien tax‑xemx, neħħejt l‑għamad u stajt nara lid‑dinja, taħti, żgħira daqs piżella. Fuqi kien hemm il‑kwiekeb, tant qrib li stajt intawwal saqajja u nimxi fuqhom. Tassew vjaġġ meraviljuż!”
Fil‑fatt Sancho Panza kellu jkun iċ‑ċentru tat‑tieni logħba tad‑Duka u d‑Dukessa. Id‑Duka rranġa biex Sancho jinħatar gvernatur ta’ raħal fuq l‑art tiegħu. Don Quixote ħa pjaċir b’dan għaliex b’hekk seta’ jwettaq il‑wegħda li kien għamel lil Sancho. Apparti l‑fatt li moħħu ma kienx għalkollox f’loku fejn kellhom x’jaqsmu ifirsa u l‑avventuri tagħhom, Don Quixote xorta waħda kien bniedem edukat u intelliġenti, u qabel ma Sancho telaq biex jibda jiggverna r‑raħal tiegħu, Don Quixote tah ħafna pariri siewja dwar kif imexxi u jamministra pajjiż.
U kien hekk li l‑bidwi Sancho Panza, liebes ta’ sinjur u mdawwar b’ħafna qaddejja, telaq il‑palazz biex jibda jiggverna r‑raħal ta’ Barataria.
L‑amministratur ewlieni tar‑raħal kien jaf kollox dwar il‑logħba, u flimkien mar‑raħħala kollha laqa’ lil Sancho Panza b’ċerimonja uffiċjali. Qalulu li l‑ewwel biċċa xogħol li kellu jagħmel kienet li jkun imħallef fuq għadd ta’ każijiet ta’ ksur tal‑liġi, ħalli b’hekk ikunu jistgħu jaraw l‑għerf u l‑esperjenza tiegħu. Ġabu quddiemu każ wara l‑ieħor, Sancho semagħhom bl‑attenzjoni li kien jixirqilhom, u qata’ s‑sentenzi b’tali mod li għaġġeb lill‑imgħallmin tar‑raħal li kienu ħasbu li kienu qed jagħmluha ma’ xi persuna injoranta. Dan il‑bidwi kien tassew għaref u għaqli.
Sancho Panza mexxa r‑raħal għal aktar minn ġimgħa. Żar kull rokna, solva ħafna kwistjonijiet, xejjen l‑inġustizzji u tejjeb dak li kien xieraq fid‑drawwiet tal‑post. Wara dan fassal sensiela ta’ regolamenti biex itejjeb il‑qagħda tal‑foqra, inaqqas il‑kriminalità, u jraħħas il‑prezzijiet fejn kien hemm l‑abbuż, fost affarijiet oħra.
Tant kienu tajbin ir‑regolamenti li waqqaf ir‑regolamenti tal‑Gvernatur Sancho Panza kif għadhom magħrufin sal‑lum. U baqa’ jmexxi Barataria għal aktar minn sebat ijiem, mingħajr mistrieħ, lejl u nhar, u bilkemm kellu ftit ħin għalih innifsu. Wara dan, sejjaħ lill‑uffiċjali kollha madwaru.
“Sinjuri,” qalilhom. “Biħsiebni mmur lura biex nerġa’ ngawdi l‑ħelsien tiegħi. Jien ma twelidtx biex inkun gvernatur. Nifhem aktar dwar il‑ħart u d‑dwieli milli fil‑liġijiet u t‑tmexxija. Inħossni aktar komdu b’moħriet f’idi milli b’pinna.”
Dawk l‑uffiċjali li għall‑ewwel kienu ħasbu li kien injorant, issa kienu draw lil Sancho u setgħu japprezzawh tal‑bniedem għaref li kien, u għamlu minn kollox biex jippruvaw idawru d‑deċiżjoni tiegħu. Madankollu, Sancho baqa’ sod fi kliemu. Għannaqhom kollha għall‑aħħar darba, rikeb il‑ħmar tiegħu u rħielha lura lejn il‑palazz tad‑Duka.
Malli wasal sab lil Don Quixote bil‑labar f’ġismu, u lest li jitlaq il‑hena tal‑palazz u jerħilha għal avventura oħra. “Il‑libertà, għażiż Sancho,” qallu, “hija waħda mill‑aktar doni li Alla ta lill‑bniedem. M’hemm l‑ebda teżor aqwa.”
U b’hekk reġgħu telqu għal aktar avventuri – u sabu ħafna jistennewhom hekk kif komplew jimirħu madwar Spanja. Għaliex il‑fama tagħhom kienet ġriet qabilhom u ħafna nies kienu lesti li jiksbu vantaġġ mill‑ġenn ta’ dan il‑fieres avventuruż – kemm biex jaqtgħulu xewqtu kif ukoll biex jgħaddu ftit żmien bih.
Darba waħda Don Quixote ġie wiċċimbwiċċ ma’ kavallier li kellu fuq it‑tarka tiegħu x‑xbieha ta’ qamar abjad jiddi. Il‑kavallier resaq lejh.
“Ser Don Quixote,” qallu. “Jiena l‑Fieres tal‑Qamar l‑Abjad, u nassumi li taf dwari. Ġejt biex nisfidak u nġiegħlek tammetti li Dulċinea de Toboso mhix tassew l‑isbaħ mara tad‑dinja. Dak it‑titlu fil‑fatt jixraq lis‑Sinjuri tiegħi.”
“Sinjur Fieres tal‑Qamar l‑Abjad,” wieġbu Don Quixote, “nammetti li qatt ma smajt bik qabel illum. Imma sinjal li qatt ma rajt lil Dulċinea, biex qed tgħid hekk. Madankollu, jekk tinsisti, ikolli naċċetta l‑isfida tiegħek biex nurik li għandek tort.”
Ma kienx hemm aktar x’jingħad wara dan. Iż‑żewġ ifirsa tbiegħdu minn xulxin għar‑rankatura, daru, niżżlu l‑lanez, u ħabtu għal xulxin. L‑imsejken Rożinante bilkemm seta’ jgħolli saqajh sew mill‑art, filwaqt li ż‑żiemel tal‑Fieres tal‑Qamar l‑Abjad kien żagħżugħ, ħafif u jiġri daqs sajjetta. Il‑Fieres tal‑Qamar l‑Abjad laqat lil Don Quixote, u dan tar minn fuq iż‑żiemel u spiċċa gozz mal‑art bħal xkora dqiq.
Qabel ma Don Quixote kellu ċans jieħu n‑nifs, il‑Fieres tal‑Qamar l‑Abjad kien bilwieqfa fuqu, bil‑ponta tax‑xabla ma’ gerżumtu. “Issa,” lissen il‑fieres, “Ammetti li l‑isbaħ mara fid‑dinja hija s‑Sinjura tiegħi!”
Imma Don Quixote ma kienx lest li jċedi daqshekk malajr, anki jekk kien għadu kemxejn stordut. “M’hemmx isbaħ mis‑Sinjura tiegħi Dulċinea,” lissen bejn nifs qawwi u ieħor. “Qatt ma jien biħsiebni ngħid il‑kontra. Tista’ tinfidni bix‑xabla tiegħek u tħallini mmut bl‑unuri.”
Il‑Fieres tal‑Qamar l‑Abjad deher bejn ħaltejn, u lissen, “Kollox sew. Mela nħallu isem is‑Sinjura tiegħek mingħajr tebgħa. Imma jkollok tagħtini l‑kelma tiegħek li tieqaf tiġġerra mal‑pajjiż tfittex aktar avventuri, u minflok tmur lura darek u ma toħroġx minn hemm għal sena sħiħa.”
“Ta’ fieres tassew li jien,” wieġeb Don Quixote, “nagħtik il‑kelma tiegħi, u nobdi r‑regoli tal‑Ordni tal‑Kavallerija. Isem is‑Sinjura tiegħi, Dulċinea, huwa wara kollox aktar importanti.”
Mingħajr aktar kliem, il‑Fieres tal‑Qamar l‑Abjad rikeb iż‑żiemel tiegħu u telaq għal triqtu, waqt li Sancho għen lil Don Quixote jqum biex imorru lura d‑dar.
Don Quixote żgur li kien jibqa’ mistagħġeb li kieku ra x‑xena li dehret ftit wara, quddiem lukanda fil‑qrib, hekk kif il‑Fieres tal‑Qamar l‑Abjad neħħa l‑elmu u kixef li ma kien ħadd aktar għajr Sansun Carrasco, il‑ġar li kien joqgħod fl‑istess raħal ta’ Don Quixote.
Wieħed jiftakar li darb’oħra, Sansun kien diġà sfida lil Don Quixote bħala l‑Fieres tal‑Bosk, biex iħajru ma jkomplix l‑ġennati tiegħu bl‑avventuri tal‑ifirsa. Dakinhar il‑pjanijiet tiegħu kienu fallew – imma mhux illum. Issa li Don Quixote kien ta kelmtu, Sansun kien jaf li ma kienx se jmur lura minn kliemu.
U fil‑fatt hekk ġara. Don Quixote mar lura daru, mingħajr ebda saħħa u qalbu sewda. Hemmhekk marad u baqa’ f’qiegħ ta’ sodda għal sitt ijiem. Fl‑aħħar raqad raqda twila.
F’daqqa waħda stenbaħ u beda jgħajjat. “Imbierek Alla tad‑don li tani! Il‑ħniena tiegħu ma tispiċċa qatt!”
“Xi ħniena hija din?” staqsiet in‑neputija.
“Issa qiegħed nara kollox ċar,” wieġeb Don Quixote. “Dik is‑sħaba li kienet f’moħħi issa għebet, u magħha telqet dik l‑injoranza u dik il‑bluha li kelli bil‑kotba tal‑ifirsa!”
Dlonk Don Quixote sejjaħ lill‑iskrivan tiegħu biex jagħmel it‑testment. Meta lestieh, Don Quixote sejjaħ lill‑qraba u ’l‑ħbieb kollha tiegħu biex jinġabru madwaru. Naturalment, Sancho Panza kien imsemmi fit‑testment.
“Aħfirli ħabib,” qallu Don Quixote, “għaliex kellek iġġarrab il‑mistħija li ġibt fuqek bil‑bluha tiegħi.”
“Tmutx issa b’din il‑marda, Sinjur,” wieġeb Sancho, “Isma’ minni u ibqa’ għix! Tkun ċajta tassew kiefra jekk tintefa’ hekk, bħal biċċa xemgħa, wara dawk l‑avventuri kollha li ġarrabna flimkien.”
Don Quixote ħares lejn ħabibu u tah tbissima dgħajfa. Ftit mumenti wara, waqa’ f’raqda twila li ma qamx minnha.
Bies: Tip ta’ għasfur tal‑priża. [Lura]
Fieres: Kelma oħra għal kavallier. [Lura]
Fsada: Tneħħija tad‑demm. F’dawk iż‑żminijiet kienu jaħsbu li biex tikkura xi mard, wieħed kien iħalli d‑demm inixxi mill‑ġisem għal ftit. [Lura]
Kavallerija: Sett ta’ regoli dwar l‑imġiba ta’ persuna biex iġġib ruħha b’unur u rispett quddiem ħaddieħor, speċjalment man‑nisa. [Lura]
La Manċa: Reġjun fi Spanja. [Lura]
Paġġ: Paġġ kien qaddej, jew assistent. Kull fieres kellu l‑paġġ tiegħu biex jgħinu jieħu ħsieb iż‑żiemel, l‑armatura u l‑armi tiegħu, kif ukoll biex jagħmillu qadjiet oħra. [Lura]
Parċmina: Speċi ta’ karta magħmula mill‑ġild tal‑annimali li kienu jiktbu d‑dokumenti fuqha fl‑antik. [Lura]
Quixada: Bl‑Ispanjol, il‑pronunzja hija kiħada. Għalhekk Don Quixote (jew Quijote) ngħiduha Don Ki‑ħo‑te. Ismagħha hawn. [Lura]
Sarġ: Oġġett magħmul minn drapp u ġild, u jitpoġġa fuq dahar iż‑żiemel biex wieħed jirkeb fuqu. [Lura]
Xprun: Din tkun ponta iebsa tal‑metall mal‑għarqub taż‑żarbun, biex ir‑rikkieb iniggeż liż‑żiemel ħalli jimxi. [Lura]