James Fenimore Cooper
(1789–1851)
Sors: wikipedia.org/GIMP
Ġeneri
Rumanzi klassiċi
Storja
James Fenimore Cooper kien l-ewwel rumanzier Amerikan li kiseb fama internazzjonali. Twieled f’Burlington, New Jersey nhar il-15 ta’ Settembru, 1789, bħala James Cooper. Snin wara, żied Fenimore ma’ ismu. Dan kien kunjom ommu qabel ma żżewġet.
L-ewwel rumanz ta’ Cooper kien Precaution, ippubblikat fi New York. L-istorja kienet dwar il-ħajja soċjali Ingliża, u ma għamel suċċess xejn. Ħbieb Cooper ħeġġewh ibiddel l-ambjent għar-rumanz li kien imissu jikteb, u jibbaża l-istorja fl-Amerka, art twelidu, minflok fl-Ingilterra. Hekk għamel, u t-tieni rumanz tiegħu, The Spy kien suċċess enormi.
Issa li kien sab l-aħjar sfond għall-istejjer tiegħu, Cooper kompla bir-rumanz The Pioneers. Dan kien l-ewwel minn sensiela ta’ rumanzi fejn il-karattru prinċipali kien l-istess, għalkemm kellu ismijiet differenti, fosthom Leatherstocking, Natty Bumppo u Hawkeye. Ir-rumanzi ta’ wara The Pioneers kienu The Last of the Mohicans, The Prairie, The Pathfinder u The Deerslayer. Cooper jiddeskrivi l-karattru tiegħu Hawkeye bħala “filosofu tan-natura, bniedem sempliċi, ta’ min jafdah, qalbieni imma fl-istess ħin għaqli.”
James Fenimore Cooper miet fl-1851.
© Norman C. Borg