Arthur Conan Doyle
(1859-1930)
Sors: wikipedia.org/GIMP
Ġeneri
Avventura
Esplorazzjoni
Fantasija
Sir Arthur Conan Doyle kien wieħed mill-aktar kittieba famużi tal-Ingilterra. Kien kapaċi jikteb fuq ħafna temi diversi. Huwa magħruf l-aktar għall-istejjer ta’ avventura u misteru, li kellhom l-akbar numru ta’ qarrejja; imma hemm ukoll eluf ta’ qarrejja tax-xogħlijiet tiegħu dwar l-istorja u l-ispiritwaliżmu.
Conan Doyle kien bin artist Charles Doyle, u twieled f’Edinburgh, l-Iskozja, fit-22 ta’ Mejju 1859. Il-ġenituri tiegħu xtaqu li jsir tabib, għaldaqstant bagħtuh jitgħallem fl-Akkademja ta’ Stonyhurst. Għamel sena f’Feld Kirch, l-Awstrija, u wara, fl-1875, daħal jistudja fl-Università ta’ Edinburgh.
Wara li ggradwa mill-università, Doyle beda jaħdem bħala tabib f’Southsea, l-Ingilterra. Biex iżid mal-paga miżera li kellu beda jikteb in-novelli. L-ewwel storja li kiteb, li kellha fiha l-personaġġ ta’ Sherlock Holmes, kienet Investigazzjoni bl-Aħmar, ippubblikata fl-1886. Madankollu kien fl-1891 li l-personaġġ ta’ Sherlock Holmes sar popolari, meta r-rivista Strand Magazine bdiet toħroġ avventura ta’ Sherlock Holmes kull xahar. L-istejjer kienu popolari ħafna, u baqgħu joħorġu sal-1896. Wara dan, Conan Doyle ma baqax jikteb stejjer, u minflok beda jikteb u jagħti taħditiet dwar temi storiċi.
Għal xi żmien Doyle serva bħala tabib fil-gwerra tal-Boeri. Din l-esperjenza servietu biex jikteb Il-Gwerra l-Kbira tal-Boeri u Il-Gwerra fl-Afrika t’Isfel: Kif u Għaliex Saret. Għal dan is-servizz lejn pajjiżu Doyle ngħata t-titlu ta’ Sir.
Fi żmien l-Ewwel Gwerra Dinjija Doyle kien avvanzat wisq fl-età biex jaċċettawh bħala suldat, madankollu qeda lill-Ingilterra mod ieħor billi kiteb ħafna kitba ta’ propaganda, li serviet biex taqta’ qalb l-għadu waqt li tqawwi qalb is-suldati u l-poplu Ingliż.
Traġedja waqgħet fil-familja meta ibnu Kingsley miet fil-gwerra, u din tat wisq f’qalb Doyle, tant li wasslitu biex jaħseb ħafna dwar il-possibiltà ta’ xi ħajja oħra wara l-mewt. Biż-żmien sar jemmen ħafna fl-ispiritwaliżmu.
Minħabba dan l-interess kbir tiegħu fl-ispiritwaliżmu, kiteb Rivelazzjoni Ġdida (1918), u L-Istorja tal-Ispiritwaliżmu (1926, żewġ volumi). Mill-banda l-oħra, minħabba d-devozzjoni qawwija li kellu lejn pajjiżu waqt l-Ewwel Gwerra Dinjija, kiteb sitt volumi tal-Istorja tal-Kampanja Ingliża fi Franza u l-Belġju, li jingħad li tat l-akbar kontribut lejn l-apprezzament tal-armata Brittanika fost il-poplu Ingliż.
Tant kien jemmen bil-qalb fl-ispiritwaliżmu li qabel ma miet wiegħed lil familtu u lil ħbiebu li wara mewtu l-ispirtu tiegħu jiġi jżurhom. Miet fi Crowborough, l-Ingilterra, nhar is-7 ta’ Lulju 1930. Jekk fil-fatt żarx tassew lil familtu u lil ħbiebu wara mewtu ma nafux, għax dik hija biċċa tagħhom personali. Biss huwa biżżejjed li ngħidu li l-ispirtu tiegħu għadu ħaj fil-kitba tiegħu.
Qari tal-provi: Anabel Micallef
© Norman C. Borg