Minn rakkonti ta’
Arthur Conan Doyle
Madwar 4,800 kelma

Ġeneri
Makabru
Misteru

Attivitajiet dwar dan il-ktieb
X'Kelma din!
 

Adattament għall-Malti:
Norman C. Borg
© Norman C. Borg

1: Fil‑Kamra ta’ Bellingham

David Smith beda jitqalleb f’soddtu waqt ħolma kerha. Fil‑ħolma tiegħu sab ruħu f’kantina mudlama. Kif u għaliex kien hemm ma setax jgħid. Ħass saqajh tqal ċomb, u ma setax jiċċaqlaq.

Tul il‑kantina kollha kien hemm ħafna mwejjed tal‑ġebel, u fuq kull waħda kien hemm il‑forma ta’ mummja Eġizzjana, kull waħda mgeżwra bil‑faxex. Beda jisma’ speċi ta’ tgemgim, u qajla qajla, il‑faxex fuq kull mummja bdew jinħallu, b’ħoss iqarmeċ huma u jinqalgħu minn ma’ xulxin.

Hekk kif l‑aħħar ftit faxex inħallu għal kollox u waqgħu mal‑art, daħna rqiqa bdiet tiela’ minn kull ġisem, iddur u titgħawweġ fl‑arja bħad‑duħħan tas‑sigaretti.

Dawn id‑dħaħen bdew jingħaqdu ma’ xulxin, u bdew jiffurmaw il‑forom ta’ wċuh, driegħ u riġlejn, u twerżiqa li tkexkex ħarġet għalenija minn ħalqhom.

Għolla jdejh biex jgħatti għajnejh, imma dik id‑dehra tkexkex ma setax ineħħiha minn moħħu. Issa x‑xbihat griżi daru madwaru, u bdew imissulu għonqu b’dawk is‑swaba kesħin tagħhom. Ħesrem, bidlu l‑forma tagħhom u saru qishom kadavri, u l‑arja mtliet bl‑intiena moqżieża tal‑mewt.

Smith baqa’ jitqalleb fis‑sodda sakemm fl‑aħħar stenbaħ b’għajta maħnuqa. Għal ftit mumenti baqa’ jitriegħed bil‑biża’, sakemm ħa r‑ruħ malli ntebaħ li kien fis‑sodda ta’ kamartu, f’Old College, Oxford, fis‑sajf tas‑sena 1884.

Iżda bilkemm kellu ċ‑ċans jiġi f’tiegħu, li ma dwietx għajta li twaħħax mal‑bini kollu. Kienet l‑għajta ta’ persuna mwerwra. Smith qomos mis‑sodda, qalbu tħabbat sitta sitta.

Mill‑għajta basar li x’aktarx kienet ġejja mill‑kamra ta’ Bellingham, taħtu, jew minn Lee fil‑kamra taħt Bellingham. Ma kienx hemm studenti oħra f’dak il‑bini, u l‑għajta kienet qrib wisq biex setgħet waslet mis‑sular tas‑sefturi.

Dwew xi passi mgħaġġlin fil‑kurutur, u f’daqqa waħda nfetaħ il‑bieb u tfaċċa William Lee, nofsu liebes u b’wiċċ abjad karti.

“Inti student tal‑mediċina, Smith,” qal bil‑ħatfa. “Ejja malajr! Bellingham ma jiflaħx.”

Smith u Lee niżlu jiġru l‑garigor u daħlu fil‑kamra ta’ Bellingham. Aktar milli kamra tas‑sodda u studju, kienet tidher qisha mużew, miżgħuda b’oġġetti antiki mill‑art sas‑saqaf. Kien hemm ħafna figuri ta’ ġellieda armati sa snienhom, kif ukoll l‑istatwi ta’ faragħuni, barrin, għerienaq, kokk u qatates. L‑ixkafef kienu mimlijin bil‑figurini tal‑allat Eġizzjani Horus, Isis u Osiris, waqt li fuq rashom, il‑ġisem ibbalzmat ta’ kukkudrill tan‑Nil kien imdendel mas‑saqaf.

Fin‑nofs tal‑kamra kien hemm mejda mdaqqsa, u fuqha kien hemm mummja. Kien ġisem mixrub, b’ras żgħira maħruqa, b’dirgħajn kollha għadam, u s‑swaba tal‑idejn mgħawġin bħallikieku qed jiggranfaw ma’ xi ħaġa. Ħdejha kien hemm parċmina safranija, u t‑tebut tal‑mummja kien wieqaf mistrieħ mal‑ħajt ta’ faċċata.

Bellingham kien mixħut fuq pultruna, rasu mitluqa lura, b’għajnejh imberrqin iffissati fuq il‑kukkudrill, u b’xofftejh koħol. Kien qed ibati biex jieħu n‑nifs.

“Alla magħna! Se jmut!” lissen Lee f’paniku.

“Le, sempliċement ħassu ħażin. Għinni nċaqalqu, Lee. Tajjeb. Hekk aħjar. Issa ħa mmidduh fuq is‑sufan. Jekk niftaħlu l‑għonq tal‑qmis u nxarrbulu ftit wiċċu, malajr għandu jiġi f’tiegħu. X’kien qiegħed jagħmel?”

“Ma nafx, Smith. Qabad jgħajjat u tlajt minnufih ħalli nara x’inqala’, u sibtu hekk. Nafu sew, huwa l‑għarus ta’ oħti Eve. Niżżik ħajr talli nżilt tgħinu.”

Smith poġġa idu fuq sider Bellingham.

“Qalbu qed tħabbat daqs tambur. Xi ħaġa werwritu, ħares lejn wiċċu! Naħseb aħjar inxarrbulu wiċċu aktar.”

Iż‑żewġ studenti baqgħu iħarsu ċassi lejn Bellingham. Wiċċu kien abjad karti. Xagħru kien kannella u kollu wieqaf. Għajnejh, griżi ċari, kienu mberrqin u jħarsu ċass ’il quddiem.

“X’seta’ beżżgħu daqshekk?” staqsa Smith.

“Il‑mummja, żgur mhux forsi.”

***** ***** stat_3 ***** *****

2: Is‑Suġġett Nru. 249

“Il‑mummja? Kif?”

“Ma nafx, imma din hija t‑tieni darba li ġrat. Ftit ilu, fix‑xitwa qabel ma ġejt int, qabad jgħajjat matul il‑lejl. U sibtu hekk, eżatt kif inhu issa, b’dik il‑kreatura moqżieża quddiemu.”

Smith ma setax jifhem.

“Għalfejn joqgħod jistudja dawn il‑ħwejjeġ, la jbeżżgħuh daqshekk?”

“Mitluf wara l‑affarijiet tal‑imgħoddi,” wieġeb Lee. “Jaf dwar l‑Eġittu tal‑Qedem aktar minn kull persuna oħra li naf. Ara, naħseb li ġej f’tiegħu.”

Ftit kulur tfaċċa ma’ ħaddejn Bellingham, u għajnejh bdew jiċċaqalqu. Beda jagħlaq u jiftaħ idejh u ħa nifs twil ’il ġewwa.

Malli ntebaħ fejn kien qiegħed, qam minnufih minn fuq il‑pultruna, ħataf il‑parċmina, xeħitha f’kexxun u sakkru b’ċavetta.

“X’ġara?” staqsa, “X’qegħdin tagħmlu hawn?”

“Qbadt tgħajjat u ħloqt pandemonju,” wieġeb Lee. “Kieku ma kienx is‑Sur Smith, hawn, ma kontx naf x’naqbad nagħmel bik.”

“Nirringrazzjak, Sur Smith,” lissen Bellingham hekk kif ħares lejh.

Malli qal dan intefa’ bilqiegħda fuq siġġu, niżżel rasu f’idejh u qabad jidħaq bħal miġnun.

“Isa, ieqaf!” qallu Smith hekk kif ħatfu minn spallejh u heżżu bil‑goff. “Hemm bżonn tikkalma. Strieħ u tibqax tagħmel tan it‑tip ta’ xogħol matul il‑lejl.”

“Min jaf,” lissen Bellingham, “kontx tibqa’ kalm li kieku rajt...”

“Rajt xiex?”

“Xejn, xejn. Ridt ngħid min jaf kieku jkollok torqod matul il‑lejl b’dik il‑mummja miegħek mingħajr ma titlef rasek. Naħseb għandek raġun, qed naħdem wisq, imm’ issa qed inħossni aħjar. Nitlobkom tibqgħu miegħi għal ftit minuti oħra.”

“Din il‑kamra għandha wisq riħa ta’ magħluq,” qal Lee. “Ħa niftaħ it‑tieqa u ndaħħlu ftit arja friska.”

“Dak minħabba l‑balzmu,” lissen Bellingham.

Ġabar ftit weraq minn pjanta tal‑palma li kienet fuq il‑mejda maġenb il‑mummja, u poġġiehom fuq il‑fjamma tal‑lampa. Minnufih bdew ixommu riħa qawwija.

“Din hija l‑pjanta sagra li kienu jużaw il‑qassisin tal‑qedem,” spjega Bellingham. “Taf taqra xi waħda mil‑lingwi tal‑Lvant, Sur Smith?”

“Xejn. Lanqas kelma waħda.”

Għal mument Bellingham deher li ħa r‑ruħ malli sema’ dan. “Kemm ili stordut?” kompla.

“Madwar erba’ jew ħames minuti.”

“Iva. Ħsibt li ma stajtx domt aktar. Issa din il‑mummja bbalzmawha erbat elef sena ilu. U araw kemm għadha f’kundizzjoni tajba. Qisu miet ilbieraħ.”

Smith osserva l‑mummja bl‑għajnejn ta’ wieħed li kien jistudja l‑mediċina. Il‑wiċċ, għalkemm bla kulur, kien kważi perfett. Għajnejh, kull waħda daqs lewża, kienu f’żewġ ħofor fondi. Il‑ġilda kienet tidher stirata fuq l‑għadam tal‑ħaddejn, u ftit xagħar iswed, oħxon, kien qed jgħatti l‑widnejn. Snien qishom dawk ta’ far kienu mqabbżin ’il barra mix‑xoffa t’isfel.

Dak li m’għoġobx lil Smith kien il‑mod kif kienu l‑pożizzjonijiet tar‑ras u d‑driegħi. Il‑qagħda tagħhom kienet ta’ ġisem kollu enerġija, mhux wieħed mejjet. Kont tistħajlu se jqum minn fuq dik il‑mejda minn mument għal ieħor. Il‑kustilji kienu mgħottijin minn materjal sura ta’ parċmina, u fil‑parti t’isfel taż‑żaqq kienet tidher il‑qatgħa li kien għamel il‑balzmatur dawk l‑eluf ta’ snin ilu.

Saqajh kienu mgeżwrin f’faxex sofor ħoxnin. Biċċiet żgħar ta’ mirra u kassja kienu mxerrdin fuq il‑ġisem kollu.

“Huwa twil sitt piedi u seba’ pulzieri,” qal Bellingham, hekk kif medd idu fuq ras il‑mummja. “Ma nafx x’jismu, għalhekk semmejtu Suġġett Nru. 249, għax dak kien in‑numru tiegħu meta xtrajtu bl‑irkant.”

Lee ħares lejn il‑ħlejqa bi stmerrija u ndiehex. Bellingham ukoll kien għadu mhux f’sikktu għal kollox. Xofftejh u jdejh kienu għadhom qegħdin jirtogħdu, u ma setax ineħħi għajnejh minn fuq il‑mummja.

Hekk kif Smith qam minn fuq is‑siġġu, Bellingham lissen bil‑ħatfa, “Titlaqx għalissa.”

“Iva, nista’ nitlaq,” wieġeb Smith. “Issa tinsab aħjar. Iżda li kont minnek kont naqbad nistudja xi ħaġa li ma timpressjonanix daqshekk.”

“Is‑soltu ma nkunx hekk. Kxift mumji oħra qabel.”

“Iva, imma din id‑darba ħassek ħażin,” kompla Lee.

“Iva, tassew. Tajjeb, mela nieħu xi mistura biex tikkalmali n‑nervi. Naħseb aħjar norqod fil‑pultruna tal‑kamra tiegħek, Lee, jekk ma jimpurtax. Għal dan il‑lejl biss.”

Bellingham dar lejn Smith u ħadlu b’idu. “Il‑lejl it‑tajjeb, Sur Smith. Jiddispjaċini li ddisturbajtek bil‑ħmerijiet tiegħi.”

***** ***** stat_3 ***** *****

3: L‑Imġiba stramba ta’ Bellingham

Kien b’dan il‑mod li Smith u Bellingham bdew relazzjoni kemxejn stramba. L‑imġiba ta’ Smith, bil‑qagħda tiegħu ta’ persuna serja u li ta’ min joqgħod fuqha, impressjonat lil Bellingham tant li beda jżur lill‑istudent tal‑mediċina ta’ spiss, biex isellfu kotba, rivisti u esejs, u biex jitkellem miegħu fit‑tul dwar l‑Eġittu tal‑Qedem.

Mill‑banda l‑oħra Smith ħa l‑impressjoni li għalkemm Bellingham kien bravu f’xogħlu, kellu x’aktarx xi rota nieqsa.

Beda josserva wkoll li billejl Bellingham kien joqgħod igemgem u jgerger waħdu. Dan kien qed idejjaq lil Smith u kien qiegħed itellfu fl‑istudji tiegħu. Għalhekk darba minnhom qallu dwar dan. L‑Eġittologu tmasħan ħafna b’dan, u ċaħad kollox.

Smith ma damx ma kkonferma li ma kienx qed jisma’ ħażin. Darba minnhom, Tom Styles, is‑seftur li kien jieħu ħsieb il‑kmamar tal‑istudenti, qal lil Smith, waqt li kien qiegħed inaddaflu l‑kamra, “Sur Smith, skużani għax qed insaqsi, imma s‑Sur Bellingham huwa f’tiegħu?”

“F’tiegħu?”

“Irrid ngħid, kollox sew f’moħħu?”

“Dażgur. Għalfejn qed issaqsi?”

“Mela ħa ngħidlek, l‑imġiba tiegħu tbiddlet ħafna minn ftit żmien ’l hawn. Qed jinkwetani nisimgħu jitkellem waħdu, u qiegħed naħseb li jista’ jdejjaq lilek billi qiegħed fil‑kamra ta’ taħtek. Ma nistax nifhmu, sinjur.”

“Dik biċċa tiegħu, Styles. Mhux affarik.”

“Tassew, sinjur. Iżda ninkwieta meta xi kultant nisma’ ħsejjes strambi fil‑kamra tiegħu meta hu ma jkunx hemm u l‑kamra tkun imsakkra minn barra.”

“Qed tgħid il‑ħmerijiet, Styles.”

“Smajt il‑ħsejjes b’widnejja aktar minn darba.”

“Ħmerijiet.”

“Tajjeb wisq, sinjur. Kemm iddoqq il‑qanpiena jekk ikollok bżonn xi ħaġa.”

Matul il‑ġurnata Smith nesa dak kollu li ntqal filgħodu. Madankollu, billejl, reġa’ ftakar fi kliem Styles.

Dak il‑kliem fakkru f’mument, ftit jiem qabel, meta Bellingham kien għandu, jispjegalu dwar l‑oqbra tal‑ġebel li kienu jinsabu fl‑Eġittu l‑Għoli. Waqt minnhom, Smith deherlu li sema’ ħoss ġej mill‑kamra ta’ Bellingham. Ħoss ta’ bieb jinfetaħ.

“Smajt lil xi ħadd dieħel jew ħiereġ minn kamartek.”

Malli sema’ dan Bellingham qomos bilwieqfa.

“Ċert li sakkartu, l‑bieb.”

“Forsi. Imm’ issa qed nisma’ lil xi ħadd tiela’ t‑taraġ.”

Bellingham ġera ’l barra mill‑kamra u beda nieżel it‑taraġ bil‑għaġla. Smith semgħu jieqaf fl‑indana u beda jitkellem ma’ xi ħadd minn taħt l‑ilsien. Ftit mumenti wara, sema’ l‑bieb tal‑kamra ta’ Bellingham jingħalaq u jissakkar b’ċavetta. Bellingham tela’ lura fil‑kamra ta’ Smith. Wiċċu kien abjad karti u kellu l‑għaraq ma’ ġbinu.

“Kollox sew,” lissen, “Kien il‑kelb. Imbotta l‑bieb b’geddumu.”

“Ma kontx naf li kellek kelb,” qal Smith, hekk kif innota l‑wiċċ inkwetat ta’ Bellingham.

“Iva. Xi kultant huwa ksir il‑għajn. Ma rridx ninsa nsakkar il‑bieb kull darba.”

“Għalfejn? Jidhirli li jekk tagħlaq il‑bieb għandu jkun biżżejjed – m’hemmx għalfejn issakkru.”

“Iva, imma nibża’ li lil Styles jista’ jaħrablu. Dak il‑kelb għal qalbi; ma rridx nitilfu.”

“Jiena jogħġbuni l‑klieb. Nista’ narah?” talab Smith.

“Mela le? Imma mhux illejla; għandi appuntament. Illaħwa, diġà qiegħed tard. Skużani!”

B’dan il‑kliem, Bellingham ħareġ. Smith semgħu jinżel f’kamartu u jsakkar il‑bieb minn ġewwa. Dik l‑għaxija ma reġax semgħu joħroġ minn kamartu. Ma mar għall‑ebda appuntament.

Smith issa kien żgur li Bellingham gideb mill‑anqas darbtejn. Kien ċert li l‑passi li kien sema’ fit‑taraġ ma kinux il‑passi ta’ kelb. Mela ta’ min setgħu kienu?

***** ***** stat_3 ***** *****

4: L‑Ewwel attakk

Nesa kollox u azzetta biex ikompli l‑istudji tiegħu, iżda malajr kellu jerġa’ jieqaf. Din id‑darba kien Hastie, student ħabib tiegħu, li ġie jarah.

“X’aħbarijiet?”

“Xejn speċjali.” Hastie beda jitkellem dwar il‑cricket, ir‑regatti u l‑atletika, qabel ma ftakar f’xi ħaġ’ oħra.

“Bilħaqq, Smith, smajt bil‑biċċa ta’ Norton?”

“Le.”

“Xi ħadd qabeż fuqu, ftit ’il bogħod mill‑kulleġġ.”

“Min...”

“Naħseb aħjar saqsejt ‘xiex’. Norton ma jafx x’kienet. U spiċċa b’għonqu migruf kollu.”

“Mela x’seta’ kien?”

“Ma nafx. Norton jgħid li jgħaddi minn dak il‑post kull filgħaxija. Hemm siġra kbira fil‑ġnien ta’ Rainy u l‑friegħi tagħha jgħattu dik il‑parti tat‑triq. Qed jgħid li xi ħaġa qabżet mill‑friegħi għal fuqu, u ħatfitu minn għonqu. B’xorti tajba xi ħaddieħor kien miexi f’dak l‑inħawi, u l‑ħaġa tgerrxet u telqet tiġri. Imma fid‑dlam Norton ma setax jara sew x’kienet.”

“Mhux xi ħalliel, x’aktarx?” qal Smith.

“Jista’ jkun. Naħseb li l‑biċċa se togħġob lil sieħbek Bellingham, għax hu u Norton ma jaħmlux lil xulxin. Ix‑xitwa li għaddiet kellhom xi jgħidu bl‑ikrah. Bellingham mhux wieħed li jinsa malajr lil min għandu d‑dejn miegħu.”

Malli Hastie telaq, Smith ma setax ikompli jikkonċentra fuq xogħlu. Bejn l‑istramberiji li ġrew matul il‑ġurnata u l‑istorja ta’ Norton, moħħu kien distratt wisq jaħseb dwar l‑istudju.

“F’għajn Bellingham!” qabad jgħajjat hekk kif għalaq il‑ktieb li kellu f’idu. “Ħassarli l‑istudji. Raġuni tajba biex nibda niskartah minn issa ’l quddiem.”

Fl‑għaxart ijiem li għaddew Smith kompla jistudja ħafna. Kull darba li Bellingham kien iħabbatlu l‑bieb, Smith kien jibqa’ sieket taparsi ma kienx hemm.

Madankollu, darba waranofsinhar, kien nieżel it‑taraġ tal‑garigor meta ħesrem il‑bieb ta’ Bellingham infetaħ b’sabta. Lee ħareġ mill‑kamra, b’wiċċ aħmar bir‑rabja. Bellingham ħareġ warajh, kollu eċċitat.

“Se jiddispjaċik ta’ dan, Lee!” għajjat.

“Forsi, imma l‑għerusija nsieha! Eve tagħmel dak li ngħidilha. Nippreferi naraha mejta milli miżżewġa lilek. Ma rridux narawk aktar.”

“Wegħidt li ma tgħid xejn.”

“Tibżax, il‑wegħda nżommha. Ħalqi jibqa’ magħluq.”

Smith ma kompliex jisma’, u baqa’ nieżel it‑taraġ bil‑ġirja biex ma jindaħalx. Kien jidher ċar li kienet xi ħaġa serja, biex Lee kkonvinċa lil oħtu ma tarax lil Bellingham aktar. Min jaf x’kien qajjem dik it‑tilwima? U x’kienet dik il‑ħaġa li Lee wiegħed li jżomm mistura?

Dlonk wasal ħdejn ix‑xmara u qatta’ l‑kumplament tal‑ġurnata jara r‑regatta. Hastie kien qaddief liema bħalu, u fil‑fatt rebaħ ħafna mit‑tlielaq. Hekk kif Smith qatagħha li jmur lura f’kamartu, ħass lil xi ħadd imisslu spalltu. Kien Lee.

“Irrid inkellmek dwar xi ħaġa importanti, Smith,” qallu. “Illum ħriġt mill‑kamra tiegħi fil‑kulleġġ. Minn għada se nkun qed noqgħod f’dik id‑dwejra li hemm faċċata, fuq in‑naħa l‑oħra tax‑xmara. Li kont minnek nagħmel l‑istess u ma nibqax ngħix fejn Bellingham.”

“Għaliex?”

“Ma nistax ngħidlek għax żammejt wegħda li nibqa’ sieket. Biss mhux ta’ min wieħed jibqa’ viċin ta’ Bellingham. Dak perikoluż.”

“Jaqaw?”

“Kif għidtlek, ma nistax nitkellem. Ilbieraħ kellna tilwima kerha. Naħseb li ndunajt int u nieżel it‑taraġ.”

“Stajt nobsor li kien hemm xi inkwiet.”

“Minn dakinhar li ħassu ħażin, bdejt naħseb ħażin dwar Bellingham. Illum qalli xi affarijiet li qed ibeżżgħuni. Inzerta tajjeb li sirt naf bihom qabel ma Eve iżżewġitu!”

“Jiddispjaċini, Lee, imma sakemm ma ttinix raġuni serja m’għandi l‑ebda intenzjoni nitlaq minn post fejn ninsab komdu. Jien ma nibża’ la minn Bellingham u lanqas minn kwalunkwe persuna oħra.”

“Agħmel int. Jien avżajtek.”

Wara dan, telqu t‑tnejn għal rashom, u Smith irħielha lejn il‑kamra tiegħu fil‑kulleġġ.

***** ***** stat_3 ***** *****

5: Fil‑Garigor

Lejn xi t‑tmienja ta’ filgħaxija Smith qatagħha jmur passiġġata. Kif kien se joħroġ mill‑kamra lemaħ fuq il‑mejda ktieb li kien issellef mingħand Bellingham. Staħa li kien għadu ma reġax tahulu lura. Ġabru u niżel isfel bih. Ħabbat mal‑bieb tal‑kamra ta’ Bellingham, imma ma kienx hemm tweġiba. Osserva li madankollu l‑bieb ma kienx imsakkar. Tajjeb, seta’ jħallilu l‑ktieb hemm mingħajr ma jiltaqa’ miegħu. Daħal fil‑kamra u poġġa l‑ktieb fuq il‑mejda.

Id‑dawl tal‑lampa kien baxx, iżda Smith xorta waħda seta’ jara sew l‑affarijiet kollha li kien hemm fil‑kamra. Ma kien jidher xejn ġdid: il‑figurini tal‑allat b’irjushom ta’ annimali, il‑kukkudrill imdendel mas‑saqaf, il‑parċmini u l‑weraq tal‑ħxejjex imxerrdin fuq il‑mejda. It‑tebut tal‑mummja kien għadu hemm ukoll, mistrieħ mal‑ħajt.

Imma l‑mummja ma kinitx hemm.

Smith beda jħoss li kien ħaseb ħażin dwar Bellingham, għax, wara kollox, kieku kellu xi ħaġa x’jaħbi, ma kienx se jħalli l‑bieb tal‑kamra mhux imsakkar biex jidħol kull proxxmu li jinqala’.

Malli reġa’ ħareġ fil‑garigor kien dlam ċappa. Baqa’ jżomm mal‑poġġaman hekk kif beda nieżel tarġa tarġa bil‑qajla. F’daqqa waħda ħass bħallikieku xi ħaġa għaddiet minn maġenbu. Sema’ ħoss baxx, u xamm xi ħaġa fl‑arja. Stħajjel li xi ħaġa messitu bi sbrixx, għal ħin tant qasir li ma kienx ċert minnha.

Waqaf fid‑dlam, u baqa’ jissemma’. Seta’ jisma’ t‑tħaxwix tas‑siġar barra, bir‑riħ, iżda xejn aktar.

“Styles, dak int?” għajjat.

Ma kienx hemm tweġiba. Kompla nieżel it‑taraġ.

Baqa’ jitħasseb dwar il‑biċċa meta wasal isfel u qasam il‑bitħa tal‑kulleġġ. F’dak il‑waqt lemaħ lil xi ħadd jiġri lejh min‑naħa l‑oħra.

“Smith?”

“Hastie! X’minnek?”

“F’gieħ Alla, Smith, ejja malajr! Lil Lee ġabruh minn ġox‑xmara nofsu mejjet. It‑tabib mhux hawn, u warajh inti l‑aktar ikkwalifikat biex tgħinu. Ħalli niġi miegħek. Harrington qed idur bih.”

“Għandek brandy miegħek?”

“Le.”

“Mela ħalli mmur f’kamarti nġib ftit jien.”

Smith reġa’ tela’ t‑taraġ malajr. Minn kamartu ħataf il‑flixkun brandy li kellu, u dlonk niżel lura. Iżda f’dak il‑waqt intebaħ b’xi ħaġa li waqqfitu zoptu.

Kien jaf li ftit minuti qabel kien għalaq il‑bieb tal‑kamra ta’ Bellingham. Issa, kien miftuħ beraħ. Meta kien ħareġ mill‑kamra qabel, it‑tebut tal‑mummja kien vojt. Issa ma kienx. Seta’ jara l‑mummja ġo fih, stenduta bħal mejta, b’rasha mdawra lejn il‑bieb. Għal mument, ħass li kien hemm nitfa ta’ enerġija f’dik il‑ħarsa makabra, bħallikieku dawk l‑għajnejn kienu qegħdin josservawh.

Leħen Hastie minn isfel ġabu f’tiegħu.

“Għaġġel, Smith,” beda jgħajjat. “Se jkollna niġru.”

B’saqajhom ma’ daharhom, ġrew fid‑dlam sakemm waslu d‑dwejra ta’ Lee.

Lee kien stendut fuq is‑sufan, imxarrab għasra, miksi ħaxix u tajn, u bi ftit ragħwa bajda ma’ xofftejh. Sieħbu Harrington kien qed jogħroklu driegħu biex isaħħanhomlu.

Smith ħares sew lejn għajnejh. “Iva, għadu ħaj. Ħastie, aqbadlu driegħ wieħed u agħmel bħali. M’għandux idum ma jiġi f’tiegħu.”

Baqgħu sejrin hekk għal xi għaxar minuti, waqt li ppruvaw jagħfsulu sidru. Fl‑aħħar ġisem Lee nħakem b’tertira qawwija. Xofftejh bdew jirtogħdu hekk kif berraq għajnejh. L‑istudenti nfexxew f’għajta ta’ ferħ.

“Qum minn hemm, xbin!” qallu Harrington. “Tajtna qtajja’ biżżejjed illum!”

“Agħtih ftit brandy, l‑ewwel,” kompla Hastie, “ħalli jkun jista’ jgħidilna xi ġralu.”

***** ***** stat_3 ***** *****

6: It‑Tieni attakk

“Konna t‑tnejn hawn ġew qed nistudjaw,” beda Harrington, “meta qatagħha li joħroġ għal passiġġata. Ftit wara smajt għajta minn barra u xi ħaġa tqila taqa’ fix‑xmara. Meta ħriġt sibtu f’wiċċ l‑ilma rasu ’l isfel. B’xorti tajba rnexxieli noħorġu mill‑ilma malajr. Billi bħalissa t‑tabib mhux fl‑inħawi kelli noħroġ niġri biex nara nsibx xi għajnuna. Ħabat tajjeb li nzertajt lilek, Hastie, għax kieku ma kontx naf x’naqbad nagħmel.”

Lee qam bilqiegħda fuq is‑sufan. “X’ġara?” lissen bil‑mod. “Iva, issa qed niftakar. L‑ilma.” Ħarsa mwerwra tfaċċat f’għajnejh.

“Kif waqajt fix‑xmara?”

“Ma waqajtx.”

“Harrington sabek fl‑ilma.”

Għaddew ftit sekondi hekk kif Lee ħares ċass fil‑vojt, ħosbien. “Xi ħadd tefani. Xi ħadd ġie minn warajja waqt li kont wieqaf ħdejn ix‑xmara, għollieni mill‑qadd u tefani fl‑ilma. Ma smajt xejn u ma rajt xejn, imma naħseb naf x’kien.”

“Anki jien,” qabeż Smith.

Lee ħares lejh, mistagħġeb. “Mela taf,” qallu. “Ħeqq, tiftakar li avżajtek.”

“Tassew, u naħseb li issa se nagħmel kif għidtli.”

“X’ix‑xjafek qed tgħidu?” qabeż Hastie mifxul. “Naħseb aħjar inħallu lil Lee jmur jistrieħ fis‑sodda minflok noqogħdu niċċaċċraw. Tistgħu toqogħdu tparlaw meta jkun aħjar.”

Fi treqithom lura lejn il‑kulleġġ, Smith ma tiniffisx hekk kif beda jaħseb dwar il‑ġrajjiet ta’ dak il‑jum: l‑ewwel il‑mummja ma kinitx f’postha; il‑ħaġa li ħass għaddejja maġenbu fil‑garigor imdallam; wara reġgħet tfaċċat il‑mummja; u l‑attakk fuq Lee, li kien jixbah ħafna lil dak fuq Norton. U t‑tnejn li kienu kellhom xi jgħidu ma’ Bellingham.

Ma qal xejn dwar dan lil Hastie. Kien ċert li dak kien jgħidlu li kien ra ħażin u li l‑mummja kienet hemm il‑ħin kollu. Kien jgħid li Lee kien waqa’ fix‑xmara għax kien aljenat. Kien jgħid li dak li ħass Smith fil‑garigor kien sempliċement żiffa riħ ħafifa. U li kieku kien f’post Hastie, Smith deherlu li hu wkoll kien jaħseb l‑istess ħaġa.

Madankollu issa kien ċert li Bellingham kien raġel ħażin li kellu l‑qalb ta’ qattiel. U li biex jilħaq l‑iskop tiegħu kien qiegħed juża arma li ħadd qabel ma kien għamel użu minnha.

Hekk kif waslu biex jinfirdu, Hastie kien biered fi kliemu. “Bilkemm kellimtni aħna u ġejjin. Il‑lejl it‑tajjeb!”

Smith daħal u tela’ t‑taraġ għal kamartu. Malli wasal fl‑ewwel sular infetaħ il‑bieb ta’ Bellingham.

“Il‑lejla t‑tajba,” lissen bil‑pulit. “Trid tidħol?”

“Le,” wieġeb Smith fil‑pront, kemxejn irrabjat.

“Għadek sejjer bl‑istudji? Ridt insaqsik dwar Lee. Smajt li kellu x’inċident.” Wiċċu kien jidher serju, iżda Smith ħass li Bellingham tkellem b’ton ta’ żufjett.

“Iva,” wieġeb bil‑ħatfa, “imma żgur se jiddispjaċik tkun taf li mhuwiex fil‑periklu. Il‑pjan tiegħek ma ħadimx. Issa naf kollox dwarek!”

Bellingham resaq lura u bexxaq il‑bieb. “X’qed tgħid? Jien ma kelli x’naqsam xejn.”

“Qed ngħid li inti u dik l‑ixkora għadam warajk ippjanajtu kollox bir‑reqqa. Ara x’se ngħidlek, Bellingham. Jekk xi ħadd li għandu x’jaqsam miegħek jispiċċa mejjet, naħlef li tpatti għaliha! U jekk ma jdendlukx żgur ma jkunx nuqqas min‑naħa tiegħi!”

“Int qed tiġġennen,” qabeż Bellingham bil‑kalma. Kif qal hekk, sabbat il‑bieb f’wiċċ Smith. Smith tela’ f’kamartu b’burdata ħażina għall‑aħħar.

Biex jikkalma ruħu qabad jaqra xi ftit. Fl‑aħħar neża, daħal fis‑sodda, tefa l‑lampa u għajnu marret bih.

***** ***** stat_3 ***** *****

7: Fid‑Dlam tal‑lejl

Wara xi siegħa, stenbaħ. Stħajjel li sema xi ħoss. Qam bilqiegħda fis‑sodda. Seta’ jisma’ t‑tektik tal‑arloġġ fuq il‑komodina. Kelb xi mkien ’il bogħod kien qiegħed jinbaħ. Sema’ karozzin għaddej fit‑triq.

Imma sema’ xi ħaġ’ oħra fid‑dlam. Nifs twil u baxx. Xi ħadd kien fil‑kamra miegħu! Kien miexi mal‑ħajt lejn is‑sodda.

Smith iffriża fil‑post. Ħass saqajh kesħin silġ. Ġismu qam xewk xewk u beda jħoss għaraq kiesaħ nieżel ma’ ġbinu.

Kien f’dak il‑waqt li ra par għajnejn jiddu fid‑dlam, iħarsu ċassi lejh. Issa kien hemm silenzju perfett, u Smith intebaħ li fil‑kamra kien qiegħed waħdu ma’ ħlejqa minn ċiviltà mejta.

Rasha kienet qrib sew tiegħu. Seta’ jħares dritt lejn għajnejha. Sema’ s‑swaba’ tagħha jigirfu s‑sodda hekk kif bdiet tersaq lejn wiċċu. Nifisha kien jinten u beda jqalliblu l‑istonku. Hekk kif għajnejh qagħdu għad‑dalma tal‑kamra, seta’ jara dell iswed qrib is‑sodda, lest biex jaqbeż fuqu.

F’dak il‑waqt Smith intebaħ li ħajtu kienet se tiddependi fuq dawk is‑sekondi li jmiss. Imma s‑swaba’ kienu ibsin, il‑muskoli f’ġismu ffriżati u bla saħħa. Rabba l‑kuraġġ u għajjat għajta qawwija.

Minnufih sema’ ħoss kbira, u l‑bieb ta’ kamartu ngħalaq b’tisbita li riegħdet il‑bini kollu.

B’idejh jirtogħdu, Smith xegħel il‑lampa.

Milli jidher, l‑għajta tiegħu kienet instemgħet anki mis‑sular tas‑sefturi, għax Styles tela’ jiġri l‑garigor u daħal fil‑kamra bla nifs.

“Rajt lil xi ħadd nieżel it‑taraġ, Styles?” staqsa Smith b’leħen dgħajjef.

“Le, sinjur! Smajtek tgħajjat, rajt il‑lampa mixgħula, u ġejt niġri nara x’inqala’.”

“Mela smajt xi ħsejjes fit‑taraġ?”

“Le, sinjur.”

“Xi ħadd daħal f’kamarti u pprova jattakkani.”

“Ħalli mmur niċċekkja lis‑Sur Bellingham.”

Styles ħareġ u niżel isfel. Smith seta’ jisimgħu iħabbat mal‑bieb ta’ Bellingham. Wara ftit ħin, Styles reġa’ tfaċċa.

“Qed nisma’ xi ħsejjes minn ġewwa, imma naħseb li s‑Sur Bellingham għadu rieqed. Li kont minnek, sinjur, nerġa’ nipprova norqod. Naħseb li kellek xi ħolma kerha.”

Malli telaq Styles, Smith aċċerta ruħu li l‑bieb kien imsakkar sew. Iżda ma reġax mar jorqod. Minflok, qagħad bilqiegħda fil‑pultruna, iħares ċass lejn it‑tieqa u jistenna sakemm jisbaħ.

L‑għada filgħodu, Bellingham ma deher imkien. Madankollu Harrison ġie biex jgħidlu li Lee issa kien jinsab aħjar u kien ġie f’tiegħu kważi għal kollox. Matul il‑ġurnata kollha, Smith infexx jistudja l‑kotba tiegħu. Malli qorbot l‑għaxija, ħass li kellu bżonn joħroġ jimxi fil‑beraħ u jmur iżur lill‑ħabib tiegħu Dr Peterson qalb l‑għelieqi, u jeħles mill‑atmosfera tedjanti tal‑kulleġġ.

Smith ħassu raġel ieħor hekk kif xamm l‑arja friska tal‑kampanja. Il‑kulleġġ kien f’xifer il‑belt, u malajr wasal fl‑isqaq fejn kien hemm id‑dar ta’ Peterson. Il‑ħaxix u l‑weraq tas‑siġar kienu lewn il‑fidda bid‑dawl tal‑qamar. Kien hemm skiet perfett, u ma kien jidher ħadd fl‑isqaq.

Wasal fejn ix‑xatba fil‑bidu tal‑passaġġ li kien jagħti għad‑dar ta’ Peterson. Seta’ jara d‑dwal mit‑twieqi tad‑dar jirriflettu fuq il‑weraq tas‑siġar tul il‑passaġġ. Hekk kif Smith poġġa idu fuq il‑ganġetta tax‑xatba, fettillu jħares lura minn fejn ġie.

Xi ħadd kien miexi lejh bil‑ġirja.

Kien min kien, kien mixi taħt id‑dellijiet tas‑siġar, iżda hekk kif beda joqrob, Smith seta’ jara għonq irqiq u par għajnejn jiddu li kien se jibqa’ joħlom ikrah bihom għomru kollu.

B’għajta ta’ wieħed imwerwer, fetaħ ix‑xatba, għalaqha warajh u ġera b’kemm kellu saħħa tul il‑passaġġ lejn id‑dar. Warajh sema’ x‑xatba terġa’ tinfetaħ, u passi mgħaġġla ħfief li bdew joqorbu aktar u aktar. Ta daqqa t’għajn bil‑ħatfa warajh, u lemaħ il‑ħlejqa b’idejha miftuħin kważi riesqa fuqu b’għajta maħnuqa.

Smith inxteħet fuq il‑bieb, fetħu, għalqu warajh, sakkru u ntefa’ mal‑art, jitriegħed u bla nifs.

***** ***** stat_3 ***** *****

8: L‑Istorja ta’ Smith

“X’ix‑xjafek ġara, Smith?” qal Dr Peterson mistagħġeb, hekk kif ħareġ mill‑istudju tiegħu malli sema l‑bieb jinstabat.

“Grokk brandy qabel xejn, nitolbok,” lissen Smith bla nifs.

Dr Peterson fis poġġielu grokk brandy quddiemu, u li Smith niżżel f’belgħa waħda. “Kollox sew? X’inqala’? Tidher qisek rajt fantażma.”

“Nista’ norqod hawn, Peterson? Ma rridx nerġa’ noħroġ hemm barra f’dad‑dlam!”

“Iva, dażgur. Ħa morru fl‑istudju u għidli x’ġara.”

Smith beda jirrakkonta l‑fatti kollha kif ġraw wara xulxin, mill‑mument meta Lee kien sejjaħlu biex jgħin lil Bellingham sa l‑aħħar attakk fuq ħajtu dakinhar.

Wara li Smith spiċċa l‑istorja, Dr Peterson baqa’ sieket għal ftit sekondi, jonfoħ il‑pipa, ħosbien. Fl‑aħħar lissen, “Qatt ma smajt b’ħaġa bħal din f’għomri. Qatt! Jekk dan li qed tgħidli huwa minnu, nixtieq inkun naf id‑dettalji kollha, u x’taħseb int dwarhom.”

“Naħseb,” wieġeb Smith, “li fl‑istudji tiegħu dwar il‑kulturi antiki tal‑Lvant, Bellingham irnexxielu jsib kif iġib mumji – jew għall‑inqas din il‑mummja waħda – lura mill‑mewt, imqar jekk għal ftit żmien. Wara dan ġietu l‑idea li jibda jużaha għall‑iskopijiet tiegħu.”

“Qed tirreferi għall‑attakki fuqek, fuq Norton u fuq Lee?”

“Iva. Dawk in‑nies kollha li b’xi mod jew ieħor kellu xi jgħid magħhom. Hija biss kumbinazzjoni li m’għandux tliet omiċidji fuq il‑kuxjenza tiegħu.”

“Ejja, ħabib, naħseb li qed toħodha bis‑serjetà wisq, il‑biċċa. Naħseb li moħħok huwa għajjien minħabba l‑istudji tiegħek. Dal‑lejl ġejt hawn bi ħsibijiet kontra Bellingham. Xi vagabond attakkak fit‑triq, rak tiġri u ġera aktar warajk biex jisirqek. Kollha immaġinazzjoni.”

“Le, le! Mhux qed ngħid ereżijiet!”

“Nammetti li għandek xi ftit raġun tissuspetta f’Bellingham, imma m’għandek l‑ebda provi konkreti. Jekk tmur għand il‑pulizija u tgħidilhom dak li għidt lili, jibdew jidħqu bik.”

“Naf,” kompla Smith. “Għalhekk qtajtha li nieħu ħsieb il‑biċċa jien stess. Hemm bżonn nipproteġi lili nnifsi.”

“X’beħsiebek tagħmel?”

“L‑ewwel se nikteb dak kollu li se nagħmel, u nixtieqek tiffirmah int bħala xhud, bid‑data ta’ llum. Id‑data hija importanti ħafna.”

“Għaliex?”

“Għax jistgħu jarrestawni għal dak li beħsiebni nagħmel, u inti tkun tista’ turi dan id‑dokument bħala xhieda favuri.”

***** ***** stat_3 ***** *****

9: Smith jiffaċċja lil Bellingham

L‑għada filgħodu Smith mexa bil‑qajla lura lejn Oxford. Ftit wara d‑disgħa daħal għand Cliffords, il‑ħanut f’High Street, u xtara pistola u kaxxa skrataċ. Poġġa sitta minnhom fil‑pistola, u poġġieha bil‑mod fil‑but ta’ ġewwa tal‑ġlekk. Wara dan, mar dritt għand Hastie.

“Hastie, nixtieqek tagħmel dak li se ngħidlek mingħajr mistoqsijiet.”

“Kollox sew.”

“Ġib miegħek bastun oħxon u l‑ikbar sikkina li għandek.”

“X’ġara, beħsiebek tmur għall‑gwerra, dalgħodu?”

Mingħajr ma wieġeb, Smith deffes is‑sikkina fil‑but tal‑kowt u ħa lil Hastie miegħu lejn il‑kmamar tal‑istudenti fil‑kulleġġ.

Waqfu ħdejn il‑bieb ta’ barra.

“Naħseb li din il‑biċċa nista’ nagħmilha waħdi, Hastie,” lissen Smith. “Jien waħdi għandi xi ngħid ma’ Bellingham, inti m’għandekx x’taqsam. Imma jekk tismagħni ngħajjat, itla’ iġri fuq.”

“Kollox sew, nistenna hawn.”

“Nista’ ndum xi ftit. Tiċċaqlaqx minn hawn sakemm niġi lura.”

Smith tela’ t‑taraġ bil‑qajla, imbotta l‑bieb ta’ Bellingham ’il ġewwa u daħal. Bellingham kien bilqiegħda wara l‑iskrivanija tiegħu, jikteb.

Bil‑kalma kollha, Smith resaq lejn il‑fuklar, xegħel sulfarina u kebbes in‑nar. Bellingham baqa’ jħares lejh, irrabjat u mistagħġeb fl‑istess ħin.

“Qisu tiegħek, Smith! Tagħtix kasi!” lissen bi tmejjil.

Smith ma tniffisx. Qagħad bilqiegħda u poġġa l‑arloġġ fuq il‑mejda. Ħareġ il‑pistola u tella’ nofs il‑grillu. Wara dan, tefa s‑sikkina fuq l‑iskrivanija quddiem Bellingham. “Issa, aqbad dik is‑sikkina u ibda qatta’ dik il‑mummja.”

“Eh, dak kollox,” wieġeb Bellingham b’ton ta’ disprezz.

“Iva, dak kollox,” wieġeb Smith. “Skont il‑liġi ma nistax immissek. Imma għandi l‑liġi tiegħi personali. Għandek minuta. Jekk sa dak il‑ħin ma tibdiex tqattagħha, nisparalek.”

Wiċċ Bellingham bjad. “Kif, toqtolni?”

“Iva.”

“U għalfejn?”

“Biex inwaqqaf il‑ħżunija tiegħek.”

“X’jiġifieri? X’għamiltlek?”

“Taf sew x’għamilt.”

“Smith, qed tiġġennen! Għalfejn għandi neqred dak li hu tiegħi? Dik il‑mummja hija prezzjuża għalija.”

“Qattagħha biċċiet u aħraqha.”

“Le!”

Smith għolla l‑pistola lejn Bellingham. Għaddew is‑sekondi. Ħarstu baqgħet serja u bierda.

“Kollox sew! Kollox sew!” għajjat Bellingham. Ħataf is‑sikkina, u beda jfajjarha fuq il‑mummja. Il‑ħlejqa bdiet titkisser ma’ kull daqqa li qalgħet. Daħna ta’ trab safrani bdiet timla l‑kamra. F’daqqa waħda, l‑ispina tal‑mummja nqasmet b’ħoss qawwi, u l‑mummja waqgħet frak mal‑art.

“Issa, fin‑nar!” lissen Smith. Bil‑qajla, Bellingham qabad il‑biċċiet u tefagħhom fil‑ħuġġieġa. F’qasir żmien, il‑kamra kienet miżgħuda bi dħaħen daqs il‑magna ta’ ferrovija. Issa t‑tnejn kienu miksijin bl‑għaraq, imma Bellingham kompla sejjer, waqt li Smith baqa’ wieqaf, josservah, bil‑pistola ppuntata lejh.

Issa l‑kamra kienet mimlija bir‑riħa ta’ għadam u xagħar maħruq, u bilkemm setgħu jieħdu nifs.

Wara xi kwarta, Bellingham dar lejn Smith, b’għajnejh jarmu ħarsa ta’ mibegħda u biża’ fl‑istess ħin. “Sodisfatt, issa?” qal bir‑rabja.

“Le. Irrid neħles għal kollox minn kull ħaġa li għandek. Waddab dawk il‑weraq u l‑pjanti fin‑nar. Jista’ jkun li għandhom x’jaqsmu mal‑mummja.”

Bellingham kellu jagħmel kif qallu Smith. “Issa x’aktar?”

“Il‑parċmina bil‑kitba fuqha. Dik li kellek meta ħassek ħażin. Naħseb li qiegħda f’dak il‑kexxun imsakkar.”

“Le, le! Dik le!” għajjat Bellingham. “Nitolbok, taħraqlix dik. Ma tafx x’inti tagħmel!”

“Iftaħ dak il‑kexxun!”

“Nitolbok, Smith. Ngħidlek x’hemm fiha. Nittraduċiha għalik. Naqsamha miegħek. Jew għall‑inqas ħallini nagħmel kopja tagħha qabel ma naħraqha!”

Smith qam minn bilqiegħda, dawwar iċ‑ċavetta fil‑kexxun, fetħu, u ħataf il‑parċmina. Xeħitha fin‑nar.

B’għajta ddisprata, Bellingham ittanta jdeffes idu fin‑nar, iżda Smith fil‑pront ħatfu minn għonq il‑qmis u ġibdu lura, u fl‑istess ħin b’siequ għafas il‑parċmina fin‑nar sakemm din bdiet taqbad sew.

“Issa, Sur Bellingham,” lissen Smith, “naħseb li waqqaft il‑logħob tiegħek. Li kont minnek nitlaq dan il‑kulleġġ darba għal dejjem, inkella jekk jiġini suspett li qed terġa’ tagħmel dawn il‑ħmerijiet nerġa’ niġi nfittxek. Issa se mmur lura f’kamarti.”

Smith ħareġ u għalaq il‑bieb warajh. Bellingham baqa hemm ġew waħdu, jiċċassa mbikkem lejn in‑nar fil‑fuklar.

Ma kien baqa’ xejn mis‑Suġġett Nru. 249 għajr muntanja żgħira ta’ rmied.

TMIEM

***** ***** stat_3 ***** *****

Noti

Eġittologu: Xjenzjat li jistudja l‑istorja u l‑kultura tal‑Eġittu tal‑Qedem. [Lura]

L‑Eġittu l‑Għoli: Ix‑xjenzjati jaqsmu l‑pajjiż tal‑Eġittu tal‑Qedem fi tnejn – l‑Eġittu l‑Għoli (fit‑Tramuntana) u l‑Eġittu l‑Baxx (fin‑Nofsinhar). [Lura]

Għerienaq: Plural ta’ għarnuq, għasfur b’saqajn twal u munqar twil, komuni ħafna fl‑Eġittu. [Lura]

Kassja: Tip ta’ xitla. [Lura]

Mirra: Prodott minn siġra li jintuża għall‑fwieħa u l‑inċens. [Lura]

Pied: Kejl Ingliż, daqs 30.48 ċentimetru. [Lura]

Pulzier: Kejl Ingliż, daqs 2.54 ċentimetru. Pied fih tnax‑il pulzier. [Lura]

Rkant: Bejgħ ta’ oġġetti rari jew prezzjużi lil min joffri l‑aktar flus għalihom. [Lura]

***** ***** stat_3 ***** *****