L‑Aħwa Ġermaniżi Grimm kienu edukaturi magħrufin l‑aktar għal ġabra ta’ ħrejjef folkloristiċi li ppubblikaw. Xogħolhom ħalla influwenza importanti fil‑letteratura, fil‑kultura u saħansitra fil‑mod kif illum il‑ġurnata nirrakkontaw il‑ħrejjef. L‑Aħwa Grimm ma kinux biss kittieba, imma kienu wkoll magħrufin għax‑xogħol akkademiku tagħhom fil‑lingwistika u fil‑filoloġija (l‑istorja u l‑iżvilupp tal‑lingwi).
Jacob Ludwig Karl Grimm twieled fl‑4 ta’ Jannar, 1785, u ħuh iż‑żgħir twieled fl‑24 ta’ Frar, 1786, fil‑Hanau, fil‑Ġermanja. Kienu t-tnejn l‑akbar minn sitt aħwa. Wara l‑mewt ta’ missierhom, il‑familja batiet ħafna, iżda l‑aħwa għenu lil xulxin, sakemm imbagħad marru jistudjaw fl‑Università ta’ Marburg. Kien hawn li bdew jinteressawhom il‑lingwa, l‑istorja u l‑folkor tal‑Ġermanja.
Fil‑bidu tad‑dsatax‑il seklu, bdew jiġbru l‑ħrejjef tradizzjonali Ġermaniżi. Kienu jemmnu li dawn il‑ħrejjef kellhom valur kulturali kbir u kien importanti li jinġabru. Għalhekk bdew jivvjaġġaw madwar il‑pajjiż sabiex jiġbru dawn l‑istejjer mingħand ħbieb u raħħala; stejjer li kienu jgħaddew minn ġenerazzjoni għal oħra, iżda qatt ma kienu nkitbu. Uħud minn dawn l‑istejjer popolari jinkludu Cinderella, Bajda Silġ, Hansel u Gretel, Rapunzel, Rumpelstiltskin u l‑Prinċep Żrinġ.
Fl‑1812, ippubblikaw l‑ewwel volum ta’ Hrejjef u Stejjer tal‑Familja (Kinder – und Hausmärchen), u t‑tieni volum ħarġuh fl‑1815. Fil‑bidu, dawn il‑ħrejjef kienu miktubin għall‑kbar, u kien hemm fihom temi koroh u vjolenti, iżda fl‑edizzjoni ta’ wara rranġawhom biex ikunu aktar addattati għat‑tfal. Biż‑żmien, tant kisbu popolarità li saru klassiċi tal‑letteratura mondjali.
Wilhelm Grimm miet fl‑1859, u Jacob miet fl‑1863. Għalkemm mietu iktar minn mija u ħamsin sena ilu, ix‑xogħol tagħhom għadu magħruf u importanti sal-lum. Il‑ħrejjef tagħhom għadhom ħajjin f’kotba, films u adattamenti madwar id‑dinja kollha. Huma baqgħu magħrufin mhux biss għall‑ħrejjef li ġabru, imma talli rnexxielhom jikkonservaw il‑patrimonju Ġermaniż u kif bl‑imħabba tagħhom għal‑lingwa u t‑tradizzjoni, urew kemm dawn l‑istejjer huma importanti f’kull post u kull żmien.
Qari tal-provi: Lydia Pellicano
© Norman C. Borg