Hansel u Gretel
Jacob u Wilhelm Grimm
(Germaniżi, 1785-1863; 1786-1859)
Madwar 2,190 kelma

Ġeneri
Ħrejjef

Adattament ta’ Norman C. Borg
©Norman C. Borg

Darba kien hemm raġel li kien jgħix ma’ martu u ż‑żewġt itfal tiegħu viċin foresta kbira. Din kienet it‑tieni mara tiegħu, u t‑tfal kienu tal‑ewwel mara. Xogħol ir‑raġel kien li jmur fil‑foresta u jaqta’ s‑siġar għall‑injam, biex isaħħan id‑djar u għat‑tisjir fil‑kċejjen. Ibnu kien jismu Hansel, u bintu kien jisimha Gretel. Fi żmien ta’ ġid fil‑pajjiż, kien ikollhom biżżejjed biex jieklu, iżda fi żmien il‑għaks, ir‑raġel bilkemm kien jista’ jaqla’ flus biżżejjed biex jitma’ lill‑familja. U bħalissa kien żmien il‑għaks.

Dan kien jinkwieta ħafna lir‑raġel . Lejl minnhom, beda jitqalleb fis‑sodda, jhewden fuq il‑qagħda tagħhom. “X’se jsir minna?” beda jgħid lil martu. “Kif nistgħu nitimgħu liż‑żgħar jekk lanqas biss għandna biżżejjed biex nieklu aħna?”

“Taf x’nagħmlu,” qabżet il‑mara. “Għada filgħodu nieħdu lit‑tfal fil‑foresta u nagħtuhom biċċa ħobż. Meta jkunu aljenati, niġu d‑dar u nitilquhom warajna. Ma jkunux jistgħu jsibu triqithom lura, u hekk neħilsu minnhom.”

“Ma tarax! M’iniex se nħalli lil uliedi waħidhom fil‑foresta,” qabeż ir‑raġel fil‑pront, “Ma nistax inħallihom hemm biex jagħmlu għalihom l‑annimali.”

“Allura trid li mmutu bil‑ġuħ kollha kemm aħna?” kompliet il‑mara. “Mela, għax ma tibdiex tibni t‑twiebet minn issa.”

Baqgħet tiffittah u treddinlu f’rasu, sakemm fl‑aħħar ir‑raġel kellu jċedi. Madankollu, kien qalbu maqsuma minħabba dak li l‑mara kienet se ġġiegħlu jagħmel.

Issa ġara li t‑tfal, minħabba l‑ġuħ li kellhom, ukoll ma setgħux jorqdu, u semgħu dak kollu li missierhom u martu qalu bejniethom.

Gretel nfexxet tolfoq. “Spiċċat għalina,” qalet lil ħuha.

“Iskot, Gretel,” weġibha Hansel. “Tibkix. Insib mezz jien kif insalvaw.”

Meta l‑kbar fl‑aħħar għajnhom marret bihom, Hansel qam mis‑sodda, libes il‑ġakketta, fetaħ il‑bieb u ħareġ inkiss inkiss barra mid‑dar. Dak il‑lejl ta’ qamar kwinta, hu seta’ jara sew it‑trejqa biswit id‑dar, kollha miksija biż‑żrar bajdani u jleqq fid‑dawl tal‑qamar. Hansel tbaxxa u ġabar kemm felaħ żrar sakemm mela l‑bwiet kollha tal‑ġakketta. Wara dan, reġa’ daħal id‑dar.

“La tinkwetax, għażiża oħt,” qal lil Gretel hekk kif reġa’ daħal fis‑sodda. “Alla mhux se jitlaqna.”

***

L‑għada filgħodu, bilkemm kienet għadha bdiet tielgħa x‑xemx, meta l‑mara marret u qajmet lit‑tfal. “Qumu minn hemm, ja għażżenin!” qaltilhom. “Sejrin fil‑foresta biex niġbru z‑zkuk.”

Malli qamu mis‑sodda u libsu, tathom biċċa ħobż kull wieħed.

“Hemm,” qaltilhom, “għandkom x’tieklu għal nofsinhar. Imma tiklux qabel. Dak kulma se nagħtikom.”

Gretel żammet l‑ikel fil‑fardal tagħha, billi Hansel kellu l‑bwiet mimlija biż‑żrar. Wara dan, il‑familja kollha bdiet miexja tul it‑trejqa li kienet tagħti għall‑foresta.

Xi minn daqqiet, Hansel kien jieqaf, u jħares lura lejn id‑dar.

Missieru osservah jagħmel dan aktar minn darba. “Hansel, għaliex qiegħed wieqaf hemm tħares lura?” staqsieh fl‑aħħar. “Ibqa’ miexi magħna, ma tmurx tintilef.”

“Qed inħares lejn il‑pejxu l‑abjad tagħna,” wieġeb Hansel. “Qiegħed hemm fuq is‑saqaf tad‑dar, iħares lejna, qisu biex isellmilna.”

“Ja ħmar!” qabżet il‑mara. “Dak mhux il‑qattus. Dak id‑dawl tax‑xemx qed jiddi fuq iċ‑ċumnija.”

Imma Hansel ma kienx qed iħares lejn il‑qattus. Kull darba li kien qed jieqaf u jħares lura, kien qiegħed jitfa’ mal‑art waħda miż‑żrar li kellu fil‑but.

Meta waslu fil‑qalba tal‑foresta, il‑missier dar lejn uliedu. “Issa, tfal, iġbru ftit qasab ħalli nagħmlu ħuġġieġa biex ma tiffriżawx.”

Hansel u Gretel ġabru xi ftit friegħi nixfin u kebbsu n‑nar.

Malli n‑nar beda jsaħħanhom sew, il‑mara qalet, “Oqogħdu maġenb in‑nar, tfal, u strieħu ftit. Jien u missierkom sejrin iktar ’il ġewwa fil‑foresta biex naqtgħu s‑siġar. Malli nlestu, niġu lura għalikom.”

Hansel u Gretel baqgħu bilqiegħda ħdejn in‑nar, u malli wasal nofsinhar, kielu l‑biċċa ħobż. Minn fejn kienu, setgħu jisimgħu dak li ħasbu kien il‑ħoss ta’ missierhom qed jagħti bil‑mannara fuq siġra. Iżda fil‑verità, ma kienx il‑ħoss tal‑mannara. Missierhom kien dendel biċċa zokk ma’ siġra, biex ir‑riħ iħabbtu magħha. Il‑ħsejjes baqgħu sejrin, sakemm fl‑aħħar it‑tfal bdiet tmur għajnhom bihom u raqdu.

Meta stenbħu, kien laħaq dalam, u Gretel bdiet tibki bil‑biża’.

“Kif se noħorġu mill‑foresta u mmorru lura d‑dar?” staqsiet lil ħuha.

Iżda Hansel baqa’ kalm u pprova jikkalmaha. “Stenna ftit ieħor,” qalilha, “sakemm jitla’ l‑qamar. U mbagħad inkunu nistgħu nsibu triqitna lura.”

Hu hekk kien. Meta l‑qamar kien fil‑għoli, Hansel żamm lil oħtu ż‑żgħira minn idha u beda jimxi maż‑żrar li kien tefa’ tul it‑triq. Seta’ jarahom sew, għax kienu qed ileqqu fid‑dawl tal‑qamar, daqslikieku kienu muniti tal‑fidda. Baqgħu mixjin il‑lejl kollu, sakemm fl‑aħħar waslu d‑dar ta’ missierhom ma’ sbieħ il‑jum.

Ħabbtu mal‑bieb u fetħet il‑mara. “Tfal imqarbin!” bdiet tgħajjat. “Għalfejn domtu reqdin daqshekk? Ħsibt li qatt ma kontu se tiġu lura!”

Missierhom kien tassew kuntent meta rahom, għax f’qalbu qatt ma kien xtaq li ħallihom warajh fil‑foresta.

***

Ftit żmien wara, reġa’ kien hemm l‑għaks fil‑pajjiż, u billejl it‑tfal reġgħu semgħu lill‑mara tgħid lil missierhom: “L‑ikel reġa’ qed jonqos sew. Għad baqgħalna nofs ħobża biss, u xejn aktar wara dik. Hemm bżonn li t‑tfal jitilqu. Indaħħluhom aktar ’il ġewwa fil‑foresta, ħalli did‑darba żgur ma jsibux triqithom lura. Jekk ma nagħmlux hekk, m’hemmx tama għalina.”

Il‑missier reġa’ beda jinkwieta. “Aħjar naqsmu l‑aħħar ftit gidmiet tal‑ħobż mat‑tfal,” lissen.

Iżda l‑mara ma riditx tisma’. Baqgħet tiffittah u treddinlu f’rasu.

Ladarba taċċetta, ikun diffiċli wisq biex tmur lura minn kliemek, u billi kien ċedielha l‑ewwel darba, reġa’ ċeda issa wkoll. U mill‑ġdid, it‑tfal semgħu kollox.

Hansel qatagħha li jagħmel l‑istess bħad‑darba ta’ qabel. Malli kien ċert li l‑ġenituri kienu reqdin, qam mis‑sodda u mar lejn il‑bieb ta’ barra. Imma din id‑darba l‑mara kienet sakkret il‑bieb, u Hansel ma setax joħroġ. Madankollu, Hansel ma qatax qalbu, u beda jsikket lil oħtu.

“Toqgħodx tibki, Gretel. Issa orqod. Alla żgur li jgħinna.”

Kmieni filgħodu, il‑mara qajmet lit‑tfal. Tathom biċċtejn ħobż li kienu iżgħar minn dawk tal‑ewwel darba. Hansel deffes il‑biċċa tiegħu fil‑but. Fi triqithom lejn il‑foresta, beda jfarrak il‑ħobż, jieqaf fit‑triq minn mument għal ieħor, u jixħet il‑frak warajh.

Bħad‑darba ta’ qabel, missieru osservah jieqaf.

“Hansel, għaliex qiegħed wieqaf hemm tħares?” staqsieh fl‑aħħar. “Ibqa’ miexi magħna, ma tmurx tintilef.”

“Qed inħares lejn il‑ħamiema l‑bajda tiegħi fuq iċ‑ċumnija tad‑dar,” wieġeb Hansel. “Qed tħares lejna, qisu biex isellmilna.”

“Ja ħmar!” qabżet il‑mara. “Dik mhux il‑ħamiema. Dak id‑dawl tax‑xemx qed jiddi fuq iċ‑ċumnija!”

Waħda wara l‑oħra, Hansel xeħet il‑frak tal‑ħobż kollu li kellu fil‑but.”

Il‑mara mexxiethom aktar ’il ġewwa fil‑foresta. It‑tfal qatt f’ħajjithom ma kienu daħlu daqshekk ’il ġewwa. Meta waqfu, reġgħu kebbsu ħuġġieġa biex jitgeddsu ħdejha.

Il‑mara qaltilhom, “Oqogħdu maġenb in‑nar, tfal, u strieħu ftit. Jien u missierkom sejrin iktar ’il ġewwa fil‑foresta biex naqtgħu s‑siġar. Hekk kif inlestu niġu lura għalikom.”

Malli daqq nofsinhar u wasal ħin l‑ikel, Gretel qasmet il‑biċċa ħobż tagħha ma’ Hansel, billi t‑tifel kien ferrex il‑biċċa tiegħu fit‑triq, farka wara farka. Wara, raqdu raqda twila. Baqgħu hemm sakemm niżlet ix‑xemx, imma ħadd ma ġie għalihom.

Meta qamu mir‑raqda, Hansel beda jżiegħel b’oħtu ż‑żgħira biex ma tinkwetax u ma tibkix.

“Issa nistennew sakemm jitla’ l‑qamar, u nimxu wara l‑frak tal‑ħobż li armejt warajja aħna u ġejjin hawn. B’hekk juruna t‑triq lura d‑dar.”

Il‑qamar tela’ u dawwal l‑art kollha madwarhom. Iżda l‑frak tal‑ħobż ma setgħux isibuhom. Hansel intebaħ li l‑eluf ta’ għasafar fil‑foresta kienu kiluhom kollha.

“Tibżax,” lissen Hansel. “Xorta se nsibu triqitna.”

Iżda ma kellux ikun.

Baqgħu mixjin il‑lejl kollu, u l‑ġurnata ta’ wara u l‑lejl ta’ wara dik, iżda ma rnexxilhomx joħorġu mill‑foresta. Kulma setgħu jsibu x’jieklu kienu ftit tut li sabu mal‑art, u għalhekk kienu għadhom bil‑ġuħ. Issa tant kienu għajjew jimxu, li saqajhom lanqas setgħu jifilħuhom bilwieqfa, u għalhekk inxteħtu taħt siġra, u għajnhom fis marret bihom.

***

Issa kien it‑tielet jum minn mindu kienu telqu dar missierhom. Reġgħu bdew mixjin, imma mingħajr ma kienu jafu, kienu qed jidħlu aktar fil‑fond ġewwa l‑foresta. Żgur li kienu se jmutu jekk ma jsibux xi għajnuna.

Madwar nofsinhar, lemħu għasfur abjad karti wieqaf fuq zokk ta’ siġra. Tant beda jgħanni ħelu li waqfu jitgħaxxqu bih. F’ħin minnhom, l‑għasfur tar minn fuq is‑siġra, u qatgħuha li jkomplu mixjin warajh. Fl‑aħħar, l‑għasfur waqaf fuq il‑bejt ta’ għorfa żgħira.

Bil‑qajla, Hansel u Gretel resqu lejn l‑għorfa, u ma setgħux jemmnu dak li kienu qed jaraw. Il‑ħitan tal‑għorfa kienu magħmulin minn ħobż, u s‑saqaf kien kollu kejkijiet. It‑twieqi kienu magħmulin miz‑zokkor.

“Din se nagħmlu festa biha!” qal Hansel bi tbissima. “Gretel, jien se nieħu biċċa saqaf. Inti tista’ tiekol biċċa tieqa. Dik żgur li se tintiegħem ħelwa.”

Hansel tawwal idu u kisser biċċa mis‑saqaf ħalli jippruvah. Gretel resqet lejn waħda mit‑twieqi u bdiet tgerrimha.

F’daqqa waħda, dwiet vuċi ħelwa minn ġewwa d‑dar:“Gerrem gerrem, qarmeċ qarmeċ... Min qed jiekol mid‑dar tiegħi?”

U dlonk it‑tfal wieġbu: “Ir‑riħ, ir‑riħ! Ir‑riħ li ġej mis‑smewwiet!” U komplew jieklu bla waqfien.

Hansel ra li s‑saqaf kien tajjeb ħafna, u qata’ biċċa ikbar.Gretel qalgħet biċċa mdaqqsa mit‑tieqa, intefgħet bilqiegħda u kompliet tigdem u tomgħod.

Ħesrem, infetaħ bieb il‑għorfa, u ħarġet xiħa għakka bil‑qajla. Kellha wiċċ ikrah u kollu mkemmex, u kienet qed iżżomm bastun biex tistrieħ miegħu. Bil‑ħasda li ħakmithom, Hansel u Gretel telqu kollox minn idejhom, u għollewhom ’il fuq.

Ix‑xiħa xejret rasha. “O, uliedi! X’ġabkom hawn? Idħlu għandi, la tibżgħux.”

Qabdithom minn idejhom, u daħħlithom fl‑għorfa. Poġġiethom bilqiegħda madwar il‑mejda u tathom ikla kif imiss: ħalib u kejk tat‑tuffieħ biz‑zokkor u l‑ġellewż. F’qasir żmien ippreparatilhom ukoll żewġ sodod żgħar, u malli t‑tfal imteddew fuqhom, ħassewhom qishom qegħdin il‑ġenna.

Imma għandkom tkunu tafu li din ix‑xwejħa kienet qarrieqa. Kienet saħħara, dejjem lesta biex tonsob lit‑tfal. L‑għorfa kienet bnietha bil‑ħobż u l‑ħelu apposta biex tiġbidhom lejha u taqbadhom. Malli t‑tfal kienu jidħlu fl‑għorfa, kienu jaqgħu taħt is‑seħer tagħha, u mbagħad kienet toqtolhom, issajjarhom, u tagħmel festa minnhom. Is‑sħaħar għandhom għajnejhom ħomor u ma jistgħux jaraw sew. Madankollu, għandhom sens ta’ xamm liema bħalu, u kull meta xi ħadd kien joqrob lejn l‑għorfa, kienet ixxommu minnufih. Meta rat lil Hansel u lil Gretel resqin lejn darha, bdiet tidħaq u togħrok idejha.

“Dawk għalija! M’hemmx ċans li jaħarbuli!” lissnet minn taħt l‑ilsien.

***

L‑għada filgħodu, qamet qabel it‑tfal, u meta ħarset lejhom ‑ mimdudin fis‑sodod tagħhom, reqdin fil‑paċi u ħaddejhom kollha roża‑ rat li kienu se jkunu bukkun tajjeb.

Fis ħatfet lil Hansel u kaxkritu ’l barra fil‑bitħa. Hemmhekk, sakkritu ġewwa gaġġa. It‑tifel beda jgħajjat u jriegħed il‑gaġġa kemm jiflaħ, imma x‑xiħa ma tatx kasu. Wara, marret tqajjem lil Gretel.

“Qum minn hemm, ja għażżiena!” qaltilha bil‑herra. “Mur ġib ftit ilma u sajjar xi ħaġa tajba lil ħuk. Għalaqtu fil‑gaġġa fil‑bitħa biex insemmnu. Meta jismen biżżejjed, biħsiebni nieklu.”

Gretel infexxet tibki, imma kien kollu għalxejn. Kellha bilfors tagħmel dak li ordnatilha s‑saħħara l‑ħażina.

Minn dakinhar, l‑aħjar ikel kien merfugħ għal Hansel. Gretel kellha tikkuntenta b’dak li kien jibqa’. Kull filgħodu, is‑saħħara kienet toħroġ fil‑bitħa u tersaq lejn il‑gaġġa.

“Oħroġli sebgħek ’l hawn ħalli nara smintx,” kienet tgħid lil Hansel.

Imma Hansel kien iħaddem rasu. Fil‑gaġġa kien sab għadma rqiqa, u kull meta s‑saħħara kienet tordnalu joħroġ sebgħu, kien jgħaddilha l‑għadma minflok. Billi ma kinitx tara sew, ix‑xiħa kienet taħseb li kien is‑saba’ ta’ Hansel, u kull darba kienet tistagħġeb kif it‑tifel qatt ma kien qiegħed jismen sew.

Għaddew erba’ ġimgħat, u Hansel kien għadu ma ħxinx biżżejjed. Imm’issa, ix‑xiħa kienet qed titlef il‑paċenzja, u ma kellhiex aptit tistenna iktar.

“Gretel,” għajtet lit‑tifla. “Mur ġib l‑ilma. Smin jew mhux, għada se noqtol lil Hansel u nieklu.”

L‑imsejkna Gretel kienet imbikkma sakemm ġarret l‑ilma.

“Ħanin Alla, għinna!” bdiet tolfoq. “Aħjar kiluna l‑annimali tal‑foresta minflok! Għall‑inqas konna mmutu flimkien!”

“Aqtagħha!” għajtet is‑saħħara b’leħen żorr. “Dan kollu paroli fil‑vojt.”

L‑għada filgħodu, Gretel kellha toħroġ fil‑bitħa biex tpoġġi l‑kitla fuq in‑nar.

“L‑ewwel nagħmlu l‑ħobż,” qalet ix‑xiħa. “Il‑forn diġà sħun u l‑għaġina ħmejtha.” Imbuttat lit‑tifla lejn il‑forn, minn fejn kienu diġà qed jidhru fjammi tan‑nar. “Idħol ġewwa l‑forn, u ara hux sħun biżżejjed biex inpoġġu l‑ħobż.”

Kienet biħsiebha tagħlaq il‑bieba wara Gretel ħalli tixwiha u tiekol lilha wkoll. Iżda Gretel fehmet x’riedet tagħmel ix‑xiħa, u sabet skuża biex ma tidħolx. “Ma nistax... Ma nafx kif nidħol,” lissnet.

“Ja ħmara!” bdiet tgerger is‑saħħara. “Il‑fetħa hija kbira biżżejjed. Ara, ħa. Anki jien nista’ nidħol.”

Kif qalet hekk, is‑saħħara daħħlet rasha fil‑forn. Gretel sabet ix‑xoqqa f’moxtha, u bi skoss kbir, imbuttat lix‑xiħa ġewwa l‑forn. Fil‑pront, għalqet il‑bieba u sakkritha bil‑firroll.

Fil‑forn, is‑saħħara bdiet twerżaq u twaħwaħ. Imma Gretel ħarġet tiġri mill‑għorfa, u x‑xiħa nxtwiet għalkollox.

Gretel minnufih marret tiġri fil‑bitħa ħdejn Hansel.

“Hansel!” għajtet kollha ferħana. “Ħlisna minnha! Is‑saħħara mejta!”

Fetħet il‑bieba tal‑gaġġa, u Hansel ħareġ fis jgħannaq lil oħtu.

Kemm kienu ferħanin issa li ma kienx hemm aktar periklu. Id f’id, reġgħu daħlu fl‑għorfa tas‑saħħara. Bdew iduru madwarhom, u f’kull rokna setgħu jaraw li kien hemm sniedaq ta’ kull daqs. Bdew jiftħuhom, u sabu li kienu kollha miżgħuda perli u djamanti.

“Dawn aħjar miż‑żrar!” lissen Hansel mistagħġeb. Minnufih, beda jixħet kemm felaħ fil‑but.

“Ħa nieħu xi ftit jien ukoll,” kompliet Gretel, hekk kif dlonk għamlet bħal ħuha u mliet il‑fardal tagħha.

***

Telqu mill‑għorfa u bdew mixjin fil‑foresta. Imma din id‑darba, l‑annimali tal‑foresta bdew juruhom minn fejn jgħaddu kull darba li bdew iħossuhom mitlufin, sakemm fl‑aħħar waslu f’parti tal‑foresta li kienu jafu sew.

Malli għarfu fejn kienu qegħdin, bdew jiġru bil‑ħerqa kollha, sakemm waslu f’darhom u f’ħoġor missierhom.

Missierhom kien fis‑seba’ sema. Qatt ma kien ħassu daqshekk kuntent minn meta tilef lil uliedu. Issa kien waħdu, għaliex sadanittant, martu kienet mietet.

“Kemm jien kuntent li qed narakom qawwijin u sħaħ!” qalilhom, jibki bil‑ferħ.

Gretel fetħet il‑fardal tagħha, u tefgħet fuq il‑mejda l‑ġojjelli kollha li kienet ġabret. Hansel beda jbattal il‑bwiet tiegħu, u missierhom berraq għajnejh u baqa’ jħares b’ħalqu miftuħ, mistagħġeb għall‑aħħar.

Issa kienu sinjuruni, u l‑missier u ż‑żewġt ulied baqgħu jgħixu ferħanin u kuntenti.

TMIEM

***** ***** stat_3 ***** *****