Alessandro Manzoni
(1785-1873)
Sors: wikipedia.org/GIMP
Ġeneri
Avventura
Rumanzi klassiċi
Storja
Alessandro Manzoni kien kittieb u poeta ċelebri Taljan li ta sehem kbir fl-iżvilupp tal-lingwa u l-letteratura Taljana tad-dsatax-il seklu. Twieled f’Milano, nhar is-7 ta’ Marzu, 1785 minn familja nobbli u importanti. Għaldaqstant tfulitu qattagħha mdawwar b’artisti u nies ta’ skola.
Manzoni beda jinteressa ruħu ħafna fil-letteratura sa minn tfulitu. Beda jikteb ta’ età żgħira, u kien jesperimenta b’ħafna ġeneri. Kiteb anki poeżiji u artikli. Madankollu sar popolari mal-pajjiż kollu bir-rumanz tiegħu L-Għarajjes (I Promessi Sposi), li ħareġ fl-1827, u li poġġieh qalb l-aqwa kittieba tal-Italja. Ir-rumanz huwa meqjus bħala wieħed mill-aqwa xogħlijiet letterarji tal-lingwa Taljana.
Barra mix-xogħlijiet letterarji tiegħu, Manzoni kien magħruf għall-attivitajiet politiċi u soċjali tiegħu. Għamel ħafna xogħol biex itejjeb is-soċjetà fil-pajjiż, u kien favur l-unità tal-Italja, li sa dak iż-żmien kienet għadha magħmula minn stati żgħar maħkumin jew iggvernati minn pajjiżi oħra. Il-kitbiet tiegħu kollha kienu juru l-imħabba tiegħu lejn il-valuri umani u lejn il-qawwa tal-kitba biex twassal għal bidla soċjali u ttejjeb il-qagħda tal-bniedem.
Matul ħajtu Manzoni kien metikoluż f’kitbietu, u kien jirrevedihom ta’ spiss. Irreveda L-Għarajjes ħafna drabi, kull darba bil-għan li jirrifletti l-ideat tiegħu li kienu jitbiddlu jew jipperfezzjonaw maż-żmien. Kien iddedikat ħafna lejn is-sengħa tiegħu, tant li kitbietu huma meqjusin tal-aqwa kwalità lingwistika.
Manzoni miet f’Milano nhar it-22 ta’ Mejju, 1873. Ħalli warajh patrimonju letterarju liema bħalu. Ix-xogħlijiet tiegħu għadhom apprezzati u studjati sal-lum, speċjalment għall-ħila tiegħu kif iżewweġ ġrajjiet storiċi mat-tiġrib tal-karattri mistħajla, il-ħeġġa tiegħu favur il-ġustizzja soċjali u s-sehem tiegħu fl-iżvilupp tal-lingwa Taljana.
© Norman C. Borg