Melville twieled bl-1819, u telaq l-iskola meta kellu ħmistax-il sena. Beda jaħdem l-ewwel bħala segretarju u aktar tard bħala għalliem, imma meta kien għadu teenager beda jaħdem fuq vapur merkantili. Għalkemm mar lura l-Amerka, il-kilba għall-avventura fuq il-baħar baqgħet miegħu, u f’qasir żmien reġa’ beda jbaħħar.
Fl-1841 beda jaħdem fuq il-kaċċatur tal-balieni Acushnet. Wara tmintax-il xahar mar jaħdem fuq mirkeb ieħor biex ikollu opportunità jżur pajjiżi differenti. Qatta’ bosta xhur fil-gżejjer tal-Marquesas, fl-Oċean Paċifiku, fejn jgħid li n-nies tal-post kienu kannibali.
Wara dan żar postijiet oħra, fosthom Taħiti u l-gżejjer tal-Ħawaj, u fl-aħħar spiċċa fil-port ta’ Boston. F’dan iż-żmien Melville beda jazzetta u beda jikteb ir-rumanzi. Ir-rumanz Typee huwa bbażat fuq l-avventuri tiegħu fil-gżejjer tal-Marquesas, waqt li Omoo huwa bbażat fuq l-esperjenzi tiegħu f’Taħiti. Permezz ta’ dawn ir-rumanzi sar magħruf bħala r-raġel li kien ħarab mill-kannibali.
Fl-1847 Melville iżżewweġ u mar jgħix mal-familja tiegħu f’razzett f’Pittsfield, fil-Massachusetts.
Moby Dick ġie ppubblikat fl-1851. Melville ibbażah fuq l-esperjenzi tiegħu fuq l-Acushnet, fuq l-istudji li għamel dwar l-industrija tal-kaċċa tal-balieni, kif ukoll fuq l-istorja vera ta’ attakk ta’ baliena fuq il-bastiment Essex fl-1820.
Il-popolarità ta’ Melville bħala kittieb bdiet tmajna aktar tard f’ħajtu. Meta miet fl-1891, ir-rumanzi tiegħu kienu kważi minsijin għal kollox.
Madankollu reġa’ kiber l-interess fir-rumanzi tiegħu mill-1920 ’il quddiem. Illum il-ġurnata huwa meqjus bħala wieħed mill-akbar kittieba Amerikani, u r-rumanz Moby Dick bħala wieħed mill-aqwa rumanzi tal-letteratura Amerikana.
© Norman C. Borg